Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016TN0468

Kawża T-468/16: Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Awwissu 2016 – Verein Deutsche Sprache vs Il-Kummissjoni

OJ C 371, 10.10.2016, p. 26–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 371/26


Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Awwissu 2016 – Verein Deutsche Sprache vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-468/16)

(2016/C 371/29)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Verein Deutsche Sprache eV (Dortmund, il-Ġermanja) (rappreżentant: W. Ehrhardt, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni meħuda mis-segretarju ġenerali f’isem il-Kummissjoni skont l-Artikolu 4 tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-10 ta’ Ġunju 2016;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 10(3) u 11(2) TFUE u tal-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”) – Assenza ta’ djalogu miftuħ u trasparenti

Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tinjora l-intenzjoni tar-rikorrenti, evidenti fit-talba ta’ aċċess għal dokumenti, li tikseb għarfien ġenerali tal-proċess li wassal għad-deċiżjoni li tiġi ttrasformata s-sala tal-istampa tal-bini Berlaymont tal-Kummissjoni bi tnaqqis għal-lingwa Ingliża u dik Franċiża. Ġew prodotti ftit dokumenti biss li jirrigwardaw prinċipalment formalitajiet, iżda li ma jipprovdux informazzjoni dwar l-awturi u l-motivi tad-deċiżjoni.

Il-Kummissjoni ma tittrattax fid-dettall, fid-deċiżjoni kkontestata, is-sorsi dokumentali ċċitati mir-rikorrenti, il-Kummissjoni żżomm għaliha l-motivi għar-rifjut ta’ aċċess u b’dan il-mod tikser l-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 10(3) TUE u dispożizzjonijiet legali oħra tal-Unjoni Ewropea li tieħu deċiżjonijiet b’mod mill-iktar miftuħ u mill-iktar qrib possibbli taċ-ċittadini u li tispjega r-raġunijiet għalihom.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha li jirriżulta mill-Artikolu 11(2)TUE, li tmexxi djalogu miftuħ u trasparenti mal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi, għaliex injorat it-tħassib tar-rikorrenti, ma qegħditx dokumenti għad-dispożizzjoni tagħha u pprovdiet informazzjoni mhux suffiċjenti rigward il-motivi għaż-żamma tagħha ta’ dokumenti.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE, u tal-Artikolu 42 tal-Karta kif ukoll tal-Artikolu 2(1) u (3) u tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (1) – Rifjut parzjali ta’ aċċess għal dokumenti

Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ partijiet sostanzjali tat-talba għal aċċess tikser il-prinċipju ta’ trasparenza tal-Unjoni Ewropea.

Ir-rikorrenti ssostni, barra minn hekk, li l-Kummissjoni żbaljat meta ddeċidiet fid-deċiżjoni tagħha li dokument speċifiku seta’ jkun magħmul inaċċessibbli għal raġunijiet ta’ protezzjoni tad-data mingħajr ma tidentifika b’mod iktar speċifiku dan id-dokument, mingħajr ma tiddeskrivi l-kontenut tiegħu u mingħajr ma timmotiva suffiċjentement din id-deċiżjoni.


(1)  Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).


Top