EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016TN0437

Kawża T-437/16: Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Awwissu 2016 – L-Italja vs Il-Kummissjoni

OJ C 371, 10.10.2016, p. 20–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 371/20


Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Awwissu 2016 – L-Italja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-437/16)

(2016/C 371/22)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentanti: G. Palmieri, aġent, P. Gentili, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla l-Avviż ta’ kompetizzjoni miftuħa EPSO/AD/322/16 għall-istabbiliment ta’ lista ta’ riżerva ta’ 86 kandidat sabiex jimtlew il-postijiet vakanti bħala amministraturi (AD5 u AD7) fil-qasam tal-awditjar, ippubblikat fil-Volum C 171 A tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta’ Mejju 2016;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni ta’ ksur tal-Artikoli 263, 264 u 266 TFUE.

Il-Kummissjoni ma ħaditx kont tal-awtorità tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-566/10 P, li tistabbilixxi li huwa illegali li l-avviżi tal-kompetizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jiġu redatti biss bl-Inlgliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż li huma l-lingwi li jistgħu jintgħażlu mill-kandidati bħala t-tieni lingwa tagħhom.

2.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 342 TFUE u tal-Artikoli 1 u 6 tar-Regolament Nru 1/58 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 3).

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li billi tillimita n-numru ta’ ligwi li jistgħu jkunu eliġibbli bħala t-tieni lingwa tal-kandidati fil-kompetizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni prattikament stabbiliet regola ġdida li tirrigwarda l-lingwi tal-istituzzjonijiet, u b’dan invadiet il-kompetenza esklużiva li għandu l-Kunsill f’dan il-qasam.

3.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 12 KE (issa l-Artikolu 18 TFUE), tal-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-Artikolu 6(3) TUE, tal-Artikolu 1(2) u (3) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-Artikoli 1 u 6 tar-Regolament Nru 1/58, u tal-Artikolu 1d(1) u (6), tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 27, u tal-Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li r-restrizzjoni lingwistika imposta mill-Kummissjoni hija diskriminatorja peress li d-dispożizzjonijiet legiżlattivi ċċitati iktar ’il fuq jipprojbixxu korp milli jimopni fuq ċittadini tal-Unjoni Ewropea jew uffiċjali tal-istituzzjonijiet, restrizzjonijiet lingwistiċi li ma jkunux previst b’mod ġenerali u oġġettiv fir-regoli tal-proċedura tal-istituzzjonijiet li jsir riferiment għalihom fl-Artikolu 6 tarRegolament Nru 1/58 u li ma jkunux għadhom adottati; dawn jipprojbixxu wkoll korp milli jintroduċi tali limitazzjonijiet sakemm dawn ma jkunux iġġustifikati minn interess tas-servizz li jkun speċifikament immotivat.

4.

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 6(3) TUE safejn dan jistabbilixxi l-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi bħala dritt fundamentali derivanti mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-aspettattivi taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea marbuta mal-possibbiltà tal-għażla ta’ kwalunkwe lingwa tal-Unjoni Ewropea bħala t-tieni lingwa tagħhom, kif kien dejjem il-każ sal-2007 u kif kien ġie kkonfermat b’mod awtorevoli mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-566/10 P.

5.

Il-ħames motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni ta’ użu ħażin ta’ poter u ksur tar-regoli sostantivi li jikkonċernaw in-natura u l-għan tal-avviżi tal-kompetizzjonijiet.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li, billi llimitat għal tlieta, b’mod preventiv u ġenerali, in-numru ta’ lingwi eliġibbli għall-użu bħala t-tieni lingwa, il-Kummissjoni effettivament tat prijorità lill-evalwazzjoni tal-abbiltajiet lingwistiċi — evalwazzjoni li għandha ssir matul il-kompetizzjoni nnifisha — fuq l-istadju ta’ avviż u ta’ eliġibbiltà. B’hekk il-fattur deċiżiv ma hijiex il-konoxxenza professjonali tal-kandidat iżda l-konoxxenza tal-lingwi tiegħu.

6.

Is-sitt motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 18 u tal-Artikolu 24(4) TFUE, tal-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/58, u l-Artikolu 1d(1) u (6) tar-Regolamenti tal-Persunal.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li, billi pprovdiet li l-applikazzjonijiet u l-komunikazzjonijiet mibgħuta mill-EPSO dwar l-iżviluppi fil-kompetizzjoni għandhom obbligatorjament jinkitbu bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż, il-Kummissjoni kisret id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jinteraġixxu mal-istituzzjonijiet bil-lingwa tagħhom, u ħolqot diskriminazzjoni ulterjuri kontra dawk iċ-ċittadini li ma jkollhomx konoxxenza profonda ta’ dawk it-tliet lingwi.

7.

Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni ta’ ksur tal-Artikoli 1 u 6 tar-Regolament Nru 1/58, l-Artikolu 1d(1) u (6) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Artikolu 1(1)(f) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE (nuqqas ta’ motivazzjoni), ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, u żnaturmentu tal-fatti.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni użat ir-rekwiżit li l-kandidati għandhom ikunu kapaċi jikkomunikaw fi ħdan l-istituzzjonijiet sabiex bih tiġġustifika r-restrizzjoni tat-“tliet lingwi”. Dan ir-raġunament jiżnatura l-fatti peress li dawk it-tliet lingwi ma humiex lingwi użati spiss għall-finijiet ta’ komunikazzjoni bejn il-gruppi lingwistiċi differenti fi ħdan l-istituzzjonijiet; hija wkoll restrizzjoni sproporzjonata tad-dritt fundamentali li ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni lingwistika.


Top