Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015XC1020(01)

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

OJ C 347, 20.10.2015, p. 12–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 347/12


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2015/C 347/08)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (2)

“MIEL DE LIÉBANA”

Nru tal-KE: ES-PDO-0005-01196 – 10.2.2014

IĠP ( ) DOP ( X )

1.   Isem

“Miel de Liébana”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Spanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.4. Prodotti oħrajn li joriġinaw mill-annimali (bajd, għasel, diversi prodotti mill-ħalib għajr butir, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

“Miel de Liébana” huwa prodott tal-ikel magħmul min-naħal tal-għasel fir-reġjun ta’ Liébana min-nektar tal-fjuri jew mit-tnixxijiet mill-partijiet ħajjin tal-pjanti li jikbru fl-ekosistemi ta’ Liébana, li n-naħal jaħsdu, jittrasformaw, jikkombinaw ma’ sustanzi speċifiċi li huma jipproduċu, jiddepożitaw, inixxfu, jaħżnu u jħallu jsir fix-xehdiet tal-kaxex.

Varjetajiet u tipi:

Il-varjetajiet ta’ għasel li huma prodotti fiż-żona u li jistgħu jkunu koperti mid-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta “Miel de Liébana” huma:

—   l-għasel mill-qtar tal-għasel tas-siġar: magħmul minn qtar tal-għasel tal-ballut u tal-ilċi, u min-nektar tal-Erica spp. (l-erika), tar-Rubus sp. (it-tut) u perċentwali varjabbli ta’ trab tad-dakra li jinsab fil-flora ta’ Liébana; u

—   l-għasel minn fjuri waħdanin tal-erika: magħmul min-nektar tal-ispeċijiet li ġejjin: Erica cinerea, Erica vagans, Erica tetralix, Erica cirialis u Calluna vulgaris (tipi ta’ erika żgħar (“ling heather”)).

Karatteristiċi speċifiċi komuni tal-għasel tad-DOP “Miel de Liébana”:

Karatteristiċi fiżiċi u kimiċi:

Maturità:

 

Kontenut ta’ sukrożju

massimu ta’ 5 % (5 g/100 g)

Umdità

massimu ta’ 18,6 %

Grad ta’ freskezza (stabbilit wara l-produzzjoni):

 

Idrossimetilfurfural (HMF)

< 20 mg/kg

Attività ta’ dijastażi

25–55 fuq l-iskala Schade

Deterjorament:

 

Aċidità libera

inqas minn 50 meq/kg

Purità:

 

Solidi insolubbli fl-ilma

massimu ta’ 0,1 g/100 g

Materja barranija

bla residwi, mgħoddija minn għarbiel b’toqob ta’ < 0,2 mm

Karatteristiċi tat-trab tad-dakra:

Il-medda tat-trab tad-dakra tal-għasel tad-DOP “Miel de Liébana” għandha tirrifletti dik tal-veġetazzjoni taż-żona, li prinċipalment tikkonsisti mill-familji li ġejjin: Leguminosae, Ericaceae, Rosaceae, Fagaceae, Plantaginaceae, Asteraceae u Boraginaceae, li l-ispeċijiet tagħhom huma mniżżlin fit-tabella mogħtija fil-punt 5.1.

Fi kwalunkwe każ, it-trabijiet tad-dakra tal-Eucalyptus sp. (l-ewkaliptu), tal-Helianthus annuus (il-ġirasol), tal-Olea europaea (iż-żebbuġ), taċ-Cistus ladanifer (tip ta’ ċister (“brown-eyed rockrose”)), tat-Thymus sp. (is-sagħtar), tal-Lavandula stoechas (il-lavanda kkompletata) u tar-Rosmarinus officinalis (il-klin) flimkien ma jistgħux jaqbżu l-5 % tal-medda kollha tat-trab tad-dakra.

Karatteristiċi addizzjonali tat-tipi speċifiċi ta’ għasel:

Karatteristiċi fiżiċi u kimiċi:

 

Konduttività elettrika (f’mS/cm)

Kulur (f’mm fuq l-iskala Pfund)

Irmied (fi g/100 g)

Fruttożju + Glukożju (fi g/100 g)

L-għasel mill-qtar tal-għasel tas-siġar

0,970–1,430

≥ 102

0,65–0,75

60–66

L-għasel mill-erika

0,845–1,280

90–119

0,65–0,70

≥ 67

Karatteristiċi tat-trab tad-dakra:

 

Trab tad-dakra speċifiku (f’%)

L-għasel mill-qtar tal-għasel tas-siġar

Il-qtar tal-għasel tas-siġar tal-ballut u tal-ilċi jippredomina, flimkien mat-trabijiet tad-dakra tar-Rubus spp. u tal-Erica spp., u ma’ trabijiet tad-dakra oħrajn mill-flora karatteristika ta’ Liébana.

L-għasel mill-erika

Dan irid ikun fih minimu ta’ 45 % ta’ trab tad-dakra tal-erika (Erica spp.), flimkien ma’ perċentwali varjabbli ta’ trabijiet tad-dakra oħrajn mill-flora karatteristika ta’ Liébana.

Karatteristiċi organolettiċi:

 

Stat fiżiku

Kulur

Aroma

Togħma

L-għasel mill-qtar tal-għasel tas-siġar

Konsistenza fluwida, b’tendenza baxxa ħafna ta’ kristallizzazzjoni.

Isfar skur ħafna, kultant kważi iswed, b’tonalitajiet suwed u kannella, u l-għasel ikun ileqq u jirrifletti.

Riħa ta’ njam li ma tkunx intensa u persistenti ħafna.

L-għasel ikollu riħa mhix qawwija ta’ xgħir.

L-għasel ikollu togħma distinta mielħa li tikkumpensa għall-ħlewwa tipika tal-għasel kollu.

L-għasel mill-erika

Konsistenza magħquda ta’ għaġna. Tendenza medja ta’ kristallizzazzjoni (granulazzjoni fina).

Kulur li jvarja minn isfar għal isfar skur ħafna b’tonalitajiet kannella ħamranin.

Jekk l-għasel jiksaħ ħafna meta jinħażen fix-xitwa, jista’ jibdel il-kulur u jsir isfar ċar.

Riħa qawwija ta’ fjuri b’intensità u persistenza medja.

L-għasel ikollu togħma kemxejn qarsa u persistenti, u jkun mielaħ ħafna.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss)

3.5.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

L-istadji kollha tal-produzzjoni u tal-estrazzjoni tal-għasel ta’ Liébana jridu jsiru fiż-żona ddefinita.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.

Biex tkun iggarantita l-kwalità u żgurata l-ispezzjoni, il-proċessi kollha li jifformaw parti mill-metodu ta’ produzzjoni tal-għasel ta’ Liébana jridu jsiru f’ċentri li jinsabu fiż-żona ġeografika ddefinita, għax jekk dawn l-operazzjonijiet jitwettqu xi mkien ieħor il-prodott ikollu jiġi ttrasportat lejn faċilitajiet 'il barra miż-żona u l-kwalità tiegħu tista’ tonqos minħabba t-temperatura, l-umdità u l-assorbiment ta’ sustanzi jew irwejjaħ barranin waqt it-trasport. Dan inaqqas ukoll ir-riskju li l-prodott jitħallat ma’ għasel ieħor li mhuwiex kopert minn din id-DOP.

L-ippakkjar irid isir f’ċentri tal-ippakkjar li jinsabu fiż-żona tal-produzzjoni għar-raġunijiet mogħtija hawn fuq.

Il-prodott irid jiġi ppakkjat f’kontenituri tal-ħġieġ trasparenti u bla kulur li jingħalqu ermetikament biex ma jintilfux l-aromi naturali tiegħu u biex fihom ma jidħlux irwejjaħ, umdità, eċċ. u dawn il-kontenituri jridu jkunu ssiġillati biex wieħed ikun ċert li ma jkunux infetħu.

L-għasel ippakkjat irid ikun oħxon jew kristallizzat.

Il-bejgħ bl-ingrossa huwa pprojbit.

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Minbarra l-informazzjoni obbligatorja speċifikata fir-regolamenti dwar it-tikkettar u l-preżentazzjoni tal-oġġetti tal-ikel, dawn li ġejjin għandhom jintwerew b’mod prominenti fuq it-tikketta:

isem id-Denominazzjoni tal-Oriġini: “Miel de Liébana”;

il-kliem “Denominación Geográfica Protegida” jew l-ittri “DOP” u l-logo tal-Unjoni Ewropea korrispondenti;

it-tip ta’ għasel: “Miel de Mielada” jew “Monofloral de Brezo” (skont il-karatteristiċi tat-trab tad-dakra speċifikati fid-deskrizzjoni tal-prodott);

il-logo tad-Denominazzjoni tal-Oriġini nnifisha, mogħti hawn taħt; u

in-numru ta’ kontroll bl-isem tal-korp tal-ispezzjoni jew tikketta sekondarja.

Image

KULURI

:

 

ISFAR

:

PANTONE 130C

KANNELLA

:

PANTONE 4695C

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ta’ produzzjoni tad-DOP “Miel de Liébana” tinkludi l-muniċipalitajiet kollha tar-reġjun ta’ Liébana fil-Komunità Awtonoma ta’ Cantabria.

Dawn il-muniċipalitajiet huma:

Cabezón de Liébana, Camaleño, Cillorigo de Liébana, Pesaguero, Potes, Tresviso u Vega de Liébana.

Huma jkopru erja totali ta’ 570 km2.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

5.1.1.   Fatturi naturali

Ir-reġjun ta’ Liébana jinsab fil-qalba tal-muntanji ta’ Cantabria. Dan ir-reġjun huwa ddefinit b’mod naturali mill-morfoloġija u l-fiżjonomija tiegħu, u huwa mdawwar b’uħud mill-ogħla qċaċet ta’ Cantabria, li jifformaw fruntiera naturali. Dawn jestendu lejn iċ-ċentru, fejn jifformaw erba’ widien fondi u dojoq bi ġnub weqfin ħafna, li jiltaqgħu ma’ xulxin f’Potes, li huwa ċ-ċentru ġeografiku u amministrattiv tar-reġjun.

Dan ir-reġjun għandu forma tonda, u huwa kaldera kbira mdawra b’ħitan enormi tal-franka, imdawrin mill-medda ta’ muntanji msejħa “Picos de Europa”. L-iktar altitudni baxxa tar-reġjun tinsab fiċ-ċentru, u hija ta’ madwar 300 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar, iżda din tiżdied għal 2 600 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar fil-periferija.

Mil-lat ġeoloġiku, f’dan ir-reġjun jippredomina l-ġebel karboniferu. Il-ġebel tal-franka mill-ġebel karboniferu t’isfel, li ntlaqat minn proċessi karstiċi, jifforma l- medda ta’ muntanji Ċentrali u tal-Lvant tal-“Picos de Europa” u l-parti tat-Tramuntana tar-reġjun. Il-lavanja li tittiekel faċilment u l-ġebel imrammel fil-qiegħ tal-widien huma mill-ġebel karboniferu ta’ fuq.

Minħabba l-kumplessità orografika tiegħu, ir-reġjun ta’ Liébana għandu l-mikroklima distinta tagħha, li jagħmlu territorju Mediterranju f’reġjun influwenzat mill-klima tal-Atlantiku.

F’Liébana, it-temperatura medja tvarja minn massimu ta’ 21 °C sa minimu ta’ 8 °C; u ħafna drabi ta’ sikwit ikun hemm il-ġlata għal tliet jew erba’ xhur fis-sena.

F’dan ir-reġjun tagħmel ħafna xita, b’medja annwali ta’ 2 000 litru għal kull metru kwadru fuq il-qċaċet iżda ta’ 700 litru biss fiċ-ċentru tal-wied, fejn jistgħu jgħaddu tliet xhur mingħajr ma tagħmel xita.

Ir-reġjun ta’ Liébana għandu valur naturali għoli, li huwa ppreservat tajjeb ħafna u li ftit inbidel mill-attivitajiet tal-bniedem. Is-siġar ikopru 41 % tat-territorju u barra minn hekk issa hemm seba’ żoni protetti li jkopru aktar minn 32 % tat-territorju. Tnejn minn dawn, li huma l-Park Nazzjonali tal-“Picos de Europa” u ż-Żona Protetta tal- “Oso Pardo”, huma protetti fil-livell nazzjonali u ħamsa minnhom huma protetti fil-livell Ewropew. Minn dawn il-ħamsa, tnejn huma siti ta’ importanza Komunitarja (Río Deva u Liébana) u tlieta huma żoni ta’ protezzjoni speċjali (Sierra de Peña Sagra, Desfiladero de la Hermida u Liébana).

Dawn il-fatturi kollha flimkien iwasslu biex f’din iż-żona jkun hemm varjetà straordinarja ta’ pjanti, u biex fiha tipi ta’ foresti u flora li jiffjorixxu fi klimi Atlantiċi jikkoeżistu ma’ speċijiet tipikament Mediterranji.

Testijiet tat-trab tad-dakra fuq l-għasel identifikaw 40 tip ta’ trab tad-dakra. Dawk fosthom li huma l-aktar importanti ddaħħlu f’lista tal-pjanti prinċipali ta’ Liébana li jagħtu l-għasel, li fiha jingħataw l-ismijiet tal-familji u tal-ispeċijiet tal-pjanti u indikazzjonijiet dwar l-importanza apikulturali u dwar il-fenoloġija tagħhom:

FLORA LI TAGĦTI L-GĦASEL

(Familja, isem xjentifiku u isem komuni)

IMPORTANZA APIKULTURALI

FENOLOĠIJA

(Perjodu tal-fjoritura)

ERICACEAE

Erica sp. (erika)

N

Minn Mejju sa Ottubru

Calluna vulgaris (tipi ta’ erika żgħar (“ling heather”))

N

Minn Lulju sa Settembru

ROSACEAE

Rubus ulmifolius (tut tat-tip “elmleaf”)

NT

Minn Ġunju as Awwissu

Prunus spinosa L. (pruna selvaġġa)

NT

Minn April sa Mejju

Crataegus monogyna (żagħrun komuni)

NT

Minn April sa Mejju

LEGUMINOSAE

Trifolium sp. (xnien)

N

Minn April sa Lulju

Cytisus cantabricus (“escoba”)

NT

Minn April sa Awwissu

Genista florida u G. obtusiramea (“piorno”, “escobón”)

NT

Minn Mejju sa Awwissu

Medicago sp.

NT

Minn Marzu sa Settembru

FAGACEAE

Quercus pyrenaica (ballut tal-Pirinej)

TQ

Minn Mejju sa Settembru

Quercus petraea (ballut sessili)

TQ

Minn Mejju sa Settembru

Quercus ilex rotundifolia (ilċi)

TQ

Minn Mejju sa Settembru

Quercus suber (ballut tas-sufra)

TQ

Minn Mejju sa Settembru

Castanea sativa Miller (qastan ta’ Spanja)

NTQ

Minn Mejju sa Settembru

BORAGINACEAE

Echium vulgare (ilsien il-fart)

NT

Minn Marzu sa Mejju

ASTERACEAE

Centaurea spp.

N

Minn Mejju sa Lulju

PLANTAGINACEAE

Plantago sp. (biżbula)

T

Minn Mejju sa Settembru

(N = nektar; T = trab tad-dakra; Q = qtar tal-għasel tas-siġar)

L-ispeċijiet li jagħtu l-għasel li jinsabu fiż-żona jagħmlu l-fjuri fi żminijiet differenti, allura minn Marzu sa Novembru n-naħal ikollhom varjetà enormi ta’ pjanti minn fejn jagħżlu.

Il-mod kif in-naħal jużaw din il-flora li tagħti l-għasel jagħti karatteristiċi uniċi u distintivi lill-għasel ta’ Liébana.

B’għarfien dwar il-medda tat-trab tad-dakra tal-għasel ta’ Liébana, il-flora speċifika taż-żona li tagħti l-għasel u l-fatt li l-għasel fih ammonti minimi ta’ trab tad-dakra mill-uċuħ tar-raba’ u ta’ trab tad-dakra ieħor li s-soltu jkunu jinsabu fl-għasel prodott fil-Peniżola Iberika, il-prodott jista’ jingħaraf faċilment.

5.1.2.   Fatturi umani

Dawk li jrabbu n-naħal f’Liébana qegħdin ikomplu tradizzjoni li tmur lura sekli sħaħ. Fil-bidu, in-naħal beda jitrabba minħabba l-bżonn li jiġi prodott ix-xama’, li kien prodott bażiku ta’ valur f’ekonomija b’sussistenza rurali. Il-ktieb imsejjaħ “Cartulario de Santo Toribio de Liébana” fih testi li jixhdu li x-xama’ kienet tintuża bħala ħlas għall-art mibjugħa fid-933.

L-ewwel referenza għall-għasel ta’ Liébana bħala tali tinstab fir-reġistri tad-dieċmi msejħin “libros de tazmías” tal-aħħar tas-seklu sittax, li jistabbilixxu d-dieċmi li kellhom jintalbu mill-Knisja, li kienu jinkludu l-għasel.

Minbarra dawn ir-referenzi storiċi nsibu wkoll referenzi kulinarji għall-għasel (pereżempju f’deżerti bħall-“merdoso”, li ssir darba fis-sena wara li jinqatel il-ħanżir, il-“frisuelos” [l-isfineġ] bl-għasel u l-“orujo” [il-brandi mir-residwi jew l-ilbieba] bl-għasel), li kollha jikkonfermaw din it-tradizzjoni.

Il-prattiki tat-trobbija tan-naħal li dawk li jrabbu n-naħal wirtu minn dawk li ġew qabilhom huma:

l-użu ta’ kaxex tal-injam;

il-kaxex jiġu mċaqalqa minn żoni li jinsabu fil-baxx għal żoni f’altitudni ogħla (transumanza) sabiex jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tal-flora li tagħti l-għasel tar-reġjun;

in-naħal ma jintemgħux b’mod artifiċjali waqt li jkunu qegħdin jagħmlu l-għasel;

in-naħal jitneħħew bil-metodu tradizzjonali tat-tfarfir;

l-għasel jiġi estratt permezz taċ-ċentrifugazzjoni fil-kesħa jew tad-dikantazzjoni tax-xehdiet, iżda fl-ebda każ ma jiġi estratt bl-użu tal-pressjoni;

għadhom jintużaw l-imniefaħ tad-duħħan u prodotti naturali u tradizzjonali magħmulin mill-pjanti – minn taħlit ta’ ħuxlief prodott fir-reġjun u ta’ weraq tal-ballut (Quercus spp.) u tar-rand (Laurus nobilis) – bħala fjuwil biex jipproduċu duħħan kiesaħ u aromatiku li ma jbiddilx il-karatteristiċi tal-għasel;

it-temperatura tal-għasel ma togħliex għal iktar minn 40 °C f’kull stadju tal-proċess tal-produzzjoni u l-għasel ma jistax jiġi ppasturizzat;

il-biċċa l-kbira tal-frieħ tan-naħal jiġu prodotti fir-reġjun u huma adattati għaż-żona.

Dal-ħin, f’dan ir-reġjun hemm 32 persuna professjonali li trabbi n-naħal li bejniethom għandhom 1 568 kaxxa tan-naħal u ħames faċilitajiet tal-estrazzjoni u tal-ippakkjar tal-għasel. X’uħud minn dawk li jrabbu n-naħal huma membri ta’ assoċjazzjoni li twaqqfet biex tippromwovi l-għasel ta’ Liébana, u darba fis-sena tiġi organizzata fiera tal-għasel f’Vega de Liébana msejħa “Feria Apícola de Vega de Liébana”.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott

Il-karattru distintiv tal-għasel ta’ Liébana jidher l-iktar fil-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi, tat-trab tad-dakra u organolettiċi tiegħu.

Huwa għasel frisk (HMF ≤ 20 mg/kg ta’ għasel, b’attività ta’ dijastażi ta’ bejn 25 u 55 fuq l-iskala Schade).

Huwa għasel intatt li ma jkunx għadda minn trattament intens tas-sħana. Ma għandux jissaħħan b’mod li t-temperatura tiegħu taqbeż l-40 °C. Dan jiżgura li l-għasel iżomm il-karattru li ngħatalu min-naħal taż-żona u mill-flora tagħha.

Il-karatteristiċi distintivi fiżiċi, kimiċi, organolettiċi u tat-trab tad-dakra tiegħu ġejjin mill-flora karatteristika taż-żona, fejn insibu, b’mod mhux tas-soltu, tipi ta’ foresti u ta’ flora li jiffjorixxu fi klimi Atlantiċi jikkoeżistu ma’ speċijiet tipikament Mediterranji u alpini.

Studju tal-meded differenti tat-trab tad-dakra ta’ dan l-għasel, użati bħala indikaturi, ippermetta li jiġu ddefiniti l-ispeċijiet tal-pjanti ta’ importanza apikulturali li minnhom huma ġejjin (imniżżlin fit-tabella mogħtija fil-punt 5.1.1), li għall-għasel min-nektar tal-erika jinkludu ħafna tipi ta’ Ericaceae speċifiċi u għall-għasel mill-qtar tal-għasel tas-siġar jinkludu ħafna speċijiet tal-ġeneru Quercus, li jifformaw parti mill-flora li tagħti l-għasel ta’ Liébana, li n-nektar u l-qtar tal-għasel tas-siġar tagħhom meta jiġu ttrasformati min-naħal jiddistingwu 'l dan l-għasel mill-għasel prodott xi mkien ieħor. Dan jikkostitwixxi evidenza diretta tar-rabta bejn dan l-għasel u ż-żona ġeografika definita fejn huwa prodott.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għal DOP) jew il-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi tal-prodott (għal IĠP)

Il-mikroklima tat-tip Mediterranja li tipprevali fir-reġjun ta’ Liébana, li jinsab qrib il-kosta ta’ Cantabria iżda li huwa mdawwar b’muntanji għoljin li jiżolawh minn reġjuni oħrajn u mill-Baħar ta’ Cantabria, tagħti lil dan ir-reġjun il-karattru distintiv tiegħu, li jiffavorixxi l-proliferazzjoni ta’ flora li tagħti l-għasel għanja ħafna, li tiddetermina l-karatteristiċi distintivi tal-għasel prodott fih.

L-għasel ta’ Liébana, kif identifikat mid-dejta tat-trab tad-dakra u mir-riżultati tat-testijiet fiżiċi, kimiċi u sensorjali, huwa prodott distintiv u uniku li huwa direttament marbut mal-flora li tinsab fl-ekosistemi ta’ Liébana (li huwa kklassifikat bħala Sit ta’ Importanza Komunitarja minħabba l-ħafna ħabitats tiegħu li għandhom jiġu kkonservati, kif imniżżel fl-Anness I tad-Direttiva 92/43/KEE).

Hemm tradizzjoni twila ta’ produzzjoni tal-għasel imsejjaħ “Miel de Liébana” li għadha għaddejja llum il-ġurnata u li toħroġ mill-ġestjoni tal-kaxex tan-naħal u mill-proċess tal-produzzjoni attwali. Minħabba f’hekk, u minħabba l-kwalitajiet speċifiċi tiegħu, l-għasel huwa apprezzat ferm u ilu jinbiegħ fis-suq b’dan l-isem għal aktar minn tletin sena.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni

(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (3))

http://www.alimentosdecantabria.com/


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(3)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.


Top