EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CN0094

Kawża C-94/15 P: Appell ippreżentat fl-24 ta’ Frar 2015 minn Tudapetrol Mineralölerzeugnisse Nils Hansen KG mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fit-12 ta’ Diċembru 2014 fil-Kawża T-550/08, Tudapetrol Mineralölerzeugnisse Nils Hansen KG vs Il-Kummissjoni Ewropea

OJ C 127, 20.4.2015, p. 14–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 127/14


Appell ippreżentat fl-24 ta’ Frar 2015 minn Tudapetrol Mineralölerzeugnisse Nils Hansen KG mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fit-12 ta’ Diċembru 2014 fil-Kawża T-550/08, Tudapetrol Mineralölerzeugnisse Nils Hansen KG vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-94/15 P)

(2015/C 127/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Tudapetrol Mineralölerzeugnisse Nils Hansen KG (rappreżentanti: Dr. U. Itzen u J. Ziebarth LLM, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza kollha kemm hi tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) mogħtija fit-12 ta’ Diċembru 2014 fil-Kawża T-550/08 sa fejn tikkonċerna l-appellanti;

sussidjarjament, tnaqqas b’mod adegwat il-multa ta’ EUR 12-il miljun imposta fuq l-appellanti skont l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata tal-1 ta’ Ottubru 2008;

b’mod iktar sussidjarju, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni ġdida;

tikkundanna lill-appellata tbati l-ispejjeż tal-kawża.

Aggravji u argumenti prinċipali

Dan l-appell ġie ppreżentat kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) mogħtija fit-12 ta’ Diċembru 2014, Tudapetrol Mineralölerzeugnisse Nils Hansen KG vs Il-Kummissjoni, li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors li permezz tiegħu l-appellanti talbitha tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 5476 finali, tal-1 ta’ Ottubru 2008, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, Każ COMP/39181 – Xema’ tax-xemgħa, sa fejn tikkonċernaha u, b’mod sussidjarju, tnaqqas il-multa imposta fuqha.

L-appellanti tibbaża l-appell tagħha fuq l-aggravji li ġejjin:

L-ewwel aggravju huwa dedott minn ksur tal-Artikoli 101 u 296 TFUE u minn ksur ta’ garanziji proċedurali essenzjali kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża tagħha sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonstatat ir-responsabbiltà tal-appellanti bi ksur tal-prinċipji ta’ imputazzjoni tal-kunċett ta’ impriża taħt id-dritt tal-kompetizzjoni. Din il-kontradizzjoni tinsab fil-fatt li l-Qorti Ġenerali qieset bħala impriżi distinti, fir-rigward tad-dritt tal-akkordji, l-appellanti, minn naħa, u l-kumpannija H&R KG, li kienet ġiet imposta multa distinta, kif ukoll lis-sussidjarja tagħha, min-naħa l-oħra, meta ġiet biex timponi l-multa. Fl-istess waqt, il-Qorti Ġenerali, bħalma kienet għamlet il-Kummissjoni qabilha, ittrattat dawn l-impriżi bħala entità unika, “H&R/Tudapetrol”, meta hija imputat l-aġir ta’ waħda u tal-oħra, u tikkonstata l-allegat ksur. Dawn l-istess kumpanniji ma jistgħux, madankollu, ikunu kisru dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni bħala impriża unika u fl-istess waqt jitqiesu bħala żewġ kumpanniji għall-iskopijiet tal-impożizzjoni ta’ multa. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kkonfermat b’mod żbaljat, għal ċerti perijodi, sanzjoni doppja għall-istess aġir b’riferiment għall-istess impriża li kieku allegatament jikkostitwixxu l-istess entità.

It-tieni aggravju huwa dedott minn ksur tal-Artikolu 296 TFUE sa fejn is-sentenza ma ġietx debitament immotivata. Dan huwa, l-ewwel nett, minħabba l-fatt li s-sentenza appellata ma kinitx tinkludi motivazzjoni suffiċjentemnt individwalizzata fir-rigward tal-akkużi magħmula kontra l-appellanti. L-aġir imputati lill-appellanti ma jirriżultaw b’mod ċar la mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni u lanqas ma huma speċifikati fis-sentenza peress li l-Qorti Ġenerali aċċettat il-motivi kontradittorji li fuqhom il-Kummissjoni bbażat il-ksur li kienet wettqet l-entità komuni “H&R/Tudapetrol”, li hija ma kkwalifikatx iktar ’il quddiem. It-tieni parti tat-tieni aggravju hija dedotta mill-fatt li l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx kompletament fuq l-ilmenti individwali li hija kienet ifformulat fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-fatti. Hija eżaminathom biss parzjalment u s-sentenza tagħha tirrigwarda biss parti minnhom. Il-motivi li hija esponiet kontra dawn l-ilmenti li hija analizzat huma kuntrarji għad-dritt peress li hija żnaturat il-fatti li ġiet informata bihom.

It-tielet aggravju huwa dedott minn ksur tad-drittijiet tad-difiża li kellu effett fuq is-soluzzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali. Bħalma kienet għamlet il-Kummissjoni qabilha, il-Qorti Ġenerali ma individwalizzatx suffiċjentement, b’mod partikolari, in-nuqqasijiet ikkonstatati, iżda sempliċement targumenta b’mod ġenerali billi tagħmel riferiment għad-denominazzjoni komuni u impreċiża “H&R/Tudapetrol”. In-nuqqas ta’ preċiżjoni tagħha jimpedixxi lill-appellanti milli tkun tista’ tiddetermina liema huma l-ilmenti li sarulha b’mod individwali u fuq il-bażi ta’ liema prova. Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ in dubio pro reo u b’mod inammissibbli kkomplikat id-difiża tal-appellanti.


Top