Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014AE3189

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Era ġdida għall-avjazzjoni – Il-ftuħ tas-suq tal-avjazzjoni għall-użu ċivili ta' sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod b'mod sigur u sostenibbli” (COM(2014) 207 final)

OJ C 12, 15.1.2015, p. 87–92 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 12/87


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Era ġdida għall-avjazzjoni – Il-ftuħ tas-suq tal-avjazzjoni għall-użu ċivili ta' sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod b'mod sigur u sostenibbli”

(COM(2014) 207 final)

(2015/C 012/14)

Relatur:

is-Sur Simons

Nhar il-15 ta' Mejju 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Era ġdida għall-avjazzjoni – Il-ftuħ tas-suq tal-avjazzjoni għall-użu ċivili ta' sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod b'mod sigur u sostenibbli

COM(2014) 207 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-1 ta' Ottubru 2014.

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali kkontribwiet għal din il-ħidma b'Opinjoni komplementari (relatur: is-Sur Simons, korelatur: is-Sur Philippe), li ġiet adottata nhar is-16 ta' Settembru 2014.

Matul il-502 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta' Ottubru 2014 (seduta tal-15 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'168 vot favur u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

L-Ewropa tinsab f'pożizzjoni eċċezzjonalment tajba biex tgawdi mill-vantaġġi tal-industrija li qed tiżviluppa tas-sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod (RPAS – Remotely Piloted Aerial Systems), li tippromovi l-impjieg u tikkonferma r-rwol tal-Ewropa bħala ċentru ta' għarfien dwar it-teknoloġija u l-iżvilupp. Il-fondi Ewropej attwali għall-SMEs jistgħu jixprunaw iktar l-iżvilupp tal-industrija tal-RPAS.

1.2

It-termini RPAS u UAV (Unmanned Aerial Vehicle) huma konformi mar-regoli tal-ICAO (l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili). L-ICAO ma tużax it-terminu “drone”; iżda din hija kelma stabbilita fil-lingwa mitkellma. Sabiex tiġi evitata l-konfużjoni legali, anke b'rabta mar-responsabbiltà u l-assigurazzjoni, huwa rrakkomandat li fil-kuntest Ewropew kemm jista' jkun tintuża t-terminoloġija tal-ICAO.

1.3

Huwa rikonoxxut b'mod ġenerali li hemm bżonn integrazzjoni sħiħa tal-RPAS fil-forom eżistenti tal-avjazzjoni, inkluż ir-rikonoxximenti u l-identifikazzjoni ta' kull inġenju tal-ajru. F'dan il-kuntest, b'mod partikolari fl-Ewropa, dan ser jintlaqat mill-interess dejjem ikbar tal-applikazzjonijiet kummerċjali tal-RPAS ta' daqs iżgħar (<150 kg).

1.4

L-użu kummerċjali, b'mod partikolari tal-RPAS iżgħar, ser jeħtieġ bidliet addizzjonali (pereżempju responsabbiltà iktar limitata għall-partijiet terzi, l-introduzzjoni ta' kategoriji ta' piż iktar baxx ta' RPAS inqas minn 500 kg, l-adattar tal-livelli ta' riskju marbutin mal-karatteristiċi tat-titjiriet ta' RPAS żgħar ħafna eċċ.).

1.5

Waħda mill-prerekwiżiti fundamentali għall-użu tal-RPAS iż-żgħar huwa li jkun hemm regoli armonizzati għall-operaturi tal-RPAS, b'rabta mas-sigurtà u t-taħriġ, flimkien ma' regoli u dispożizzjonijiet adatti għall-privatezza, il-protezzjoni tad-data, ir-responsabbiltà u l-assigurazzjoni. Għalhekk hemm bżonn standards ġodda jew iktar stretti li japplikaw kemm għall-użu privat kif ukoll dak kummerċjali, pereżempju l-identifikazzjoni tal-RPAS iżgħar, il-protezzjoni kontra l-hacking u t-teħid tal-kontroll minn partijiet terzi. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni tadotta rwol proattiv hawnhekk.

1.6

Huwa jappoġġja bis-sħiħ l-għan ta' din il-Komunikazzjoni (1), b'mod partikolari li tanalizza kif tista' tinħoloq klima eċċellenti għall-investiment fl-Unjoni Ewropea għall-attivitajiet tal-RPAS, kemm dawk industrijali kif ukoll operattivi. Huwa jenfasizza wkoll l-effetti pożittivi li jirriżultaw fuq l-impjieg dirett u indirett u ż-żieda assoċjata fil-produttività b'mod ġenerali.

1.7

Għall-futur jeħtieġ li l-Ewropa tikkoordina l-iżviluppi ċivili u militari f'dan il-qasam u, fejn possibbli, tisfrutta s-sinerġiji.

1.8

Jeħtieġ ukoll li tingħata stampa kemm jista' jkun preċiża tat-traffiku bl-ajru tal-RPAS, b'rabta mal-inġenji kollha tal-ajru li huma diġà attivi. Għaldaqstant biex dan iseħħ għandhom jiġu allokati l-għodod adatti.

2.   Introduzzjoni

2.1

L-RPAS ilhom is-snin jintużaw b'mod ġenerali, kemm għal finijiet militari kif ukoll ċivili. Id-dibattitu importanti dwar l-applikazzjonijiet kummerċjali u l-integrazzjoni tagħhom fi kwistjonijiet oħra tal-avjazzjoni ċivili u l-kwistjonijiet tas-sigurtà relatati bħal-leġislazzjoni, iċ-ċertifikazzjoni u t-taħriġ flimkien mal-privatezza, ir-responsabbiltà u l-assigurazzjoni beda bis-serjetà ftit ilu. L-użu tagħhom jista' jwassal għal rivoluzzjoni soċjali li f'xi aspetti huma kumparabbli mal-impatt tal-internet, li għalkemm beda fid-dinja militari, ġie adattat u demokratizzat filwaqt li wettaq rivoluzzjoni f'bosta professjonijiet u ħoloq professjonijiet ġodda.

2.2

L-użu tal-RPAS, l-iktar dak f'applikazzjonijiet ċivili, kiber b'mod esponenzjali, kemm fin-numru kif ukoll fid-daqs u l-piż u l-ħafna applikazzjonijiet li l-għadd tagħhom għadu qed jikber. F'dan il-mument diġà ġew identifikati ħames swieq ewlenin: ir-rikreazzjoni, l-informazzjoni u l-midja, il-monitoraġġ u l-ispezzjoni (l-elettriku, il-pipelines, l-impjanti industrijali), ix-xjenzi tad-dinja (l-agrikoltura, l-ambjent) u s-sigurtà pubblika (tiftix u salvataġġ, it-tniġġis, il-pulizija, il-kontroll tal-folol eċċ.).

2.3

Id-disponibbiltà ta' RPAS inqas għoljin, flessibbli ħafna u inqas intrusivi ser tassumi biss parti mir-rwol tal-inġenji ppilotati u b'mod partikolari l-ħelikopters. Iżda l-biċċa l-kbira tal-użu tal-RPAS ser jiġi ġenerat mill-ħafna użijiet ġodda ta' għodod tal-ajru ferm versatili u ekonomiċi. Dan ser jiġġenera applikazzjonijiet ġodda bl-effetti diretti u indiretti assoċjati fuq ix-xogħol u l-ekonomija b'mod ġenerali, bħaż-żieda fil-produttività.

2.4

Għalhekk, il-kwistjoni m'għadhiex jekk, iżda kif u meta l-RPAS ser jiġu integrati fil-forom eżistenti tal-avjazzjoni. F'dan il-kuntest, b'mod partikolari fl-Ewropa, dan ser jintlaqat mill-interess dejjem ikbar tal-applikazzjonijiet kummerċjali tal-RPAS ta' daqs iżgħar (<150 kg).

2.5

Għalhekk għandha tingħata attenzjoni fi żmien propizju lil dawn l-elementi fl-approċċ tal-integrazzjoni tal-RPAS, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak tal-ICAO. Il-kwistjonijiet tas-sigurtà u l-privatezza, flimkien mar-regolazzjoni rilevanti armonizzata ser jaqdu rwol kruċjali fl-aċċettazzjoni mill-pubbliku tal-RPAS fl-Ewropa u lil hinn minnha.

2.6

Il-Komunikazzjoni (2) tal-Kummissjoni tagħti stampa preċiża u sħiħa tal-problemi eżistenti kif ukoll tas-sitwazzjoni attwali b'mod partikolari tal-użu tal-RPAS iżgħar fl-Ewropa u anke l-inizjattivi regolatorji li ħadet il-Kummissjoni.

3.   Kontenut tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

3.1

Huwa stmat li sal-2050 fl-avjazzjoni ċivili ser ikun hemm ħafna tipi differenti ta' inġenji disponibbli f'bosta kategoriji. Uħud minnhom ser ikollhom ekwipaġġ abbord u oħrajn le. Għalhekk huwa importanti li jiġi stabbilit suq Ewropew għall-RPAS, magħrufa wkoll bħala “drones”. Id-drones jagħmlu parti minn kategorija usa' ta' sistemi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAS) li jistgħu jiġu pprogrammati biex itiru b'mod indipendenti. Għall-kuntrarju, l-RPAS jittajru minn bdot mill-bogħod.

3.2

Din it-teknoloġija għaddiet minn żvilupp rapidu, u issa tista' tintuża anke mhux f'kuntest militari. Għalhekk l-RPAS għandhom ikunu jistgħu jtiru fi spazju tal-ajru mhux segregat biex jagħmlu parti mill-avjazzjoni ċivili normali. S'issa, din it-teknoloġija intużat pereżempju għall-fotografija jew il-monitoraġġ ta' infrastruttura iżda fil-ġejjieni tista' tintuża wkoll għat-trasport tal-merkanzija jew tal-persuni.

3.3

Fil-Komunikazzjoni l-pożizzjoni tal-Kummissjoni ġiet iċċarata fir-rigward tal-mod kif l-RPAS jistgħu jiddaħħlu fil-qafas ta' politika fil-livell Ewropew u kif is-suq stess jista' jiġi żviluppat b'tali mod li l-interess ġenerali jibqa' protett. Ir-regolamenti u r-riċerka u l-iżvilupp ser ikomplu jibnu fuq inizjattivi ta' għadd ta' atturi, fosthom:

l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA);

l-awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni ċivili;

l-Organizzazzjoni Ewropea għal Tagħmir tal-Avjazzjoni Ċivili (EUROCAE);

il-Eurocontrol;

l-Awtoritajiet Konġunti għat-Tfassil tar-Regoli dwar Sistemi mingħajr Ekwipaġġ (JARUS – Joint Authorities for Rulemaking on Unmanned Systems).

3.4

Is-sigurtà hija waħda mill-prijoritajiet tal-politika Ewropea dwar l-avjazzjoni. Il-leġislazzjoni attwali qed ixxekkel l-iżvilupp tas-suq Ewropew, peress li l-awtorizzazzjonijiet nazzjonali mhumiex eliġibbli għar-rikonoxximent reċiproku mill-Istati Membri, u b'hekk fl-Ewropa kollha. Il-qafas regolatorju għandu jqis il-firxa wiesgħa tal-inġenji tal-ajru u għandu jiffoka l-ewwel nett fuq it-teknoloġiji stabbiliti. Regoli iktar dettaljati jistgħu jiġu introdotti b'mod gradwali, u fl-aħħar mill-aħħar, dan għandu jwassal għall-awtorizzazzjoni ta' operazzjonijiet RPAS iktar kumplessi.

3.5

Uħud mit-teknoloġiji meħtieġa għal-integrazzjoni sigura tal-RPAS għadhom mhumiex disponibbli. Għalhekk, l-isforzi tar-riċerka u l-iżvilupp tad-diversi entitajiet għandhom jiffokaw fuq li jkomplu jiżviluppaw dawn it-teknoloġiji. Dawn jinkludu l-iktar it-teknoloġiji ta' command and control (kmand u kontroll), detect and avoid (identifikazzjoni u evitar), is-sigurtà kontra diversi tipi ta' attakki, proċeduri ta' emerġenza trasparenti u armonizzati, kapaċitajiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet biex jiġu żgurati titjiriet prevedibbli, u l-fatturi umani.

3.6

Naturalment huwa importanti wkoll li jkun hemm garanziji għas-sigurtà tal-informazzjoni li tintbagħat kemm mill-RPAS kif ukoll dik li tiġi trażmessa lilhom. Anke l-informazzjoni li d-diversi operaturi jaqsmu bejniethom biex jiżguraw it-tħaddim tajjeb tas-sistema għandha tkun tista' tiġi trasferita b'mod sigur.

3.7

L-attivitajiet tal-RPAS m'għandhomx iwasslu għal ksur tad-drittijiet fundamentali bħad-dritt għall-privatezza. Jekk l-informazzjoni trid tinġabar, għandhom jiġu rispettati r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data, kif stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE fil-qasam tal-protezzjoni tad-data jew id-Deċiżjoni Qafas 2008/977. Il-ftuħ tas-suq tal-RPAS għalhekk għandu jinkludi wkoll evalwazzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat li jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali.

3.8

Peress li dejjem jista' jkun hemm aċċident, għandha tingħata attenzjoni lill-arranġamenti tal-assigurazzjoni u l-kumpens. Il-Kummissjoni ser tinvestiga jekk hemmx bżonn li r-regoli attwali jiġu emendati. Hija ser tappoġġja s-suq emerġenti tal-RPAS u tistimula l-kompetittività tal-intrapriżi li huma attivi f'dan is-settur, fosthom ħafna SMEs u start-ups.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Għad li l-RPAS militari u ċivili tal-RPAS ilhom jintużaw żmien twil u s-settur kiber sew tul dawn l-aħħar snin, kien biss dan l-aħħar li beda d-dibattitu dwar ir-regoli u l-monitoraġġ internazzjonali u nazzjonali.

4.2

In-nomenklatura attwali għall-inġenji tal-ajru ċivili jew militari mingħajr ekwipaġġ tvarja: drone, inġenju tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAV), sistema tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAS), sistema ta' inġenju tal-ajru ppilotat mill-bogħod (RPAS) jew inġenju tal-ajru ppilotat mill-bogħod (RPA). Dawn id-deskrizzjonijiet mhux dejjem jagħtu stampa ċara tal-karatteristiċi speċifiċi tad-diversi apparati u sistemi. Il-kelma “drone” għandha oriġini fil-qasam militari iżda kultant tintuża wkoll f'applikazzjonijiet ċivili.

4.3

It-termini RPAS u RPA huma bbażati fuq ir-regolamenti tal-ICAO (l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili) bil-għan li jkun hemm rabta mar-regolamenti eżistenti dwar l-inġenji tal-ajru b'ekwipaġġ. Il-manwal tal-RPAS tal-ICAO jirreferi għall-RPA bħala tip speċifiku ta' inġenju tal-ajru mingħajr ekwipaġġ. Kull tip ta' inġenju tal-ajru mingħajr ekwipaġġ huwa regolat mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta' Chicago (3). L-ICAO ma tużax it-terminu “drone”. Sabiex ma jkunx hemm konfużjoni, anke b'rabta mar-responsabbiltà u l-assigurazzjoni, huwa rrakkomandat li fil-kuntest Ewropew kemm jista' jkun tintuża t-terminoloġija tal-ICAO.

4.4

Bħalma sar fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, f'dan ir-rapport it-terminu UAV ser jintuża għal inġenju tal-ajru mingħajr ekwipaġġ li jaħdem b'mod awtonomu. RPAS huwa inġenju ppilotat minn parti terza mill-bogħod. Sadattant, fil-lingwa mitkellma “drones” saret kelma stabbilita. Madankollu sabiex tiġi evitata l-konfużjoni legali fil-leġislazzjoni tkun iktar loġika li tintuża t-terminoloġija formali.

4.5

Il-pjan direzzjonali (4) Ewropew għall-RPAS jiddeskrivi l-iżvilupp u l-integrazzjoni tal-RPAS ċivili fl-ispazju tal-ajru komuni fi żmien ħmistax-il sena. Il-pjan direzzjonali, b'mod speċifiku, jiddeskrivi tliet pilastri: (1) ir-riċerka u l-iżvilupp; (2) ir-regolamenti dwar is-sigurtà u l-istandardizzazzjoni teknika kif ukoll miżuri addizzjonali dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data; u (3) l-assigurazzjoni u r-responsabbiltà. Il-proposti dwar l-introduzzjoni tal-ajru uniku Ewropew bl-RPAS ċivili huma mmirati lejn l-2016 u s-snin ta' wara.

4.6

Fl-istess ħin l-ICAO bdiet bl-introduzzjoni tar-regoli tant mistennija għall-integrazzjoni tal-inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAV). Fl-2011, il-Grupp ta' Studju tal-ICAO dwar l-UAS ħareġ ċirkulari (328) dwar l-UAS (sistemi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ) u ppropona emendi għall-Annessi 2, 7 u 13 tal-Konvenzjoni ta' Chicago dwar l-użu tal-RPAS fl-avjazzjoni ċivili internazzjonali. Fl-2014 huwa mistenni li jinħareġ manwal ġdid tal-RPAS, li ser jittratta suġġetti bħall-kundizzjonijiet għall-ħruġ taċ-ċertifikati tal-ajrunavigabbiltà, l-approvazzjoni operattiva tal-RPAS, iċ-ċertifikazzjoni tal-operaturi u l-kundizzjonijiet ġodda marbuta mal-ajrunavigabbiltà, il-manutenzjoni u l-operat.

4.7

L-ICAO beħsiebha li bejn l-2016 u l-2018 tintroduċi standards u prattiki rakkomandati (SARPs – standards and recommended practices) u proċeduri għan-navigazzjoni fl-ajru (PANs – procedures for air navigation) għall-RPAS li jikkonċernaw l-inġenji tal-ajru, l-utenti, l-għoti ta' liċenzji, is-“sense-and-avoid”, il-komunikazzjonijiet u r-regolamenti dwar il-kontroll tat-traffiku fl-ajru. Kif indika l-Grupp ta' Studju dwar l-UAS, sal-2018 l-ICAO ser tkun ippubblikat ir-regolamenti kollha dwar l-RPAS.

4.8

Id-dibattiti dwar ir-regolamenti qed isiru kemm fl-ICAO kif ukoll fil-livell Ewropew; f'dan ir-rigward, id-dibattiti fi ħdan il-JARUS – grupp ta' esperti internazzjonali li jlaqqgħu fi ħdanhom awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni ċivili u korpi reġjonali fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni – jaqdu rwol importanti. Is-sigurtà u l-miżuri kontra l-użu li jista' jiġi penalizzat ta' sistemi kemm kbar kif ukoll iżgħar għalhekk għandhom jingħataw attenzjoni partikolari.

4.9

Meta jkunu qed jiġu ttrattati kwistjonijiet relatati mal-RPAS, tkun ħaġa tajba li tingħata attenzjoni kemm lill-aspetti ġenerali tal-inġenji l-kbar tal-ajru ppilotati mill-bogħod kif ukoll lill-varjant tagħhom li qed jinfirex bl-iżjed ritmu mgħaġġel fl-Ewropa: sistemi tal-RPAS iżgħar. Apparti l-funzjonijiet iktar pubbliċi tal-infurzar tal-liġi, il-ġlieda kontra d-diżastri u l-intraċċar (tracking), l-użu kummerċjali ta' sistemi żgħar (ħafna) għall-osservazzjoni, il-fotografija, il-monitoraġġ u l-kontroll fil-livell nazzjonali kiber b'mod spettakolari. Għalhekk huwa importanti li jiġi stabbilit suq Ewropew għal dan l-użu tal-RPAS.

4.10

Il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali bħall-privatezza tal-immaġnijiet u d-data għall-użu ta' inġenji tal-ajru ppilotati u l-ħelikopters diġà ġiet indirizzata; fil-każ li jikkonċernana, iż-żieda fl-iskala minħabba l-użu ta' RPAS iżgħar hija importanti b'mod partikolari biex jissaħħu u jiġu applikati r-regoli dwar il-protezzjoni ta' data personali u kummerċjali u l-privatezza u r-rispett tad-drittijiet fundamentali. Regoli adegwati jibqgħu kruċjali. Fl-introduzzjoni gradwali u l-proċess ta' tagħlim relatat, ir-regoli temporanji u l-“kodiċi tal-kondotta” jew il-“karta dwar il-privatezza” għall-kumpaniji huma elementi ċentrali.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1   Appoġġ għas-suq Ewropew

5.1.1

Il-Kumitat bi pjaċir jinnota li anke l-Kummissjoni qed tqis l-interessi kummerċjali tal-operaturi tal-RPAS iż-żgħar. L-Ewropa tinsab f'pożizzjoni eċċezzjonalment tajba biex tgawdi mill-vantaġġi ta' industrija tal-RPAS li qed tiżviluppa. Settur tal-RPAS li jkun b'saħħtu jħeġġeġ l-impjieg u jikkonferma r-rwol tal-Ewropa bħala ċentru tal-għarfien għat-teknoloġija u l-iżvilupp.

5.1.2

Il-frammentazzjoni tas-settur u ċ-ċans kbir ta' konsolidazzjoni huma biss l-intrapriżi li huma l-iktar innovattivi u dawk fl-iktar pożizzjoni finanzjarja b'saħħitha u/jew li huma appoġġjati minn kumpaniji kbar li joħorġu rebbieħa. Għalhekk huwa importanti li dawn l-intrapriżi jingħataw il-mezzi, il-viżibbiltà u l-istabbiltà regolatorja li jeħtieġu biex jiffaċċjaw l-isfidi u jisfruttaw l-opportunitajiet ta' żvilupp ta' dan is-settur. L-ewwel nett fuq il-lista ta' mezzi meħtieġa għandu jkun hemm il-kapaċitajiet għall-innovazzjoni u r-riċerka u l-iżvilupp li jkunu appoġġjati permezz tal-aċċess għall-finanzi. Għal dawn l-intrapriżi, huwa importanti wkoll li jsir iktar faċli l-użu ta' strumenti legali u regolatorji. Jista' jkun utli li jiġi previst l-għoti reċiproku ta' servizzi bejn diversi atturi.

5.1.3

Sabiex jiġu sfruttati l-opportunitajiet tas-suq intern Ewropew, ir-regolaturi għandhom jindirizzaw l-isfida tal-implimentazzjoni ta' qafas ġuridiku ċar, iżda fl-istess ħin flessibbli, li jwitti t-triq għall-investiment f'teknoloġiji u applikazzjonijiet ġodda tal-RPAS bħall-printers 3-D u l-internet industrijali. F'dan il-kuntest, il-fondi Ewropej attwali għall-SMEs jistgħu jkomplu jixprunaw l-iżviluppi fl-industrija tal-RPAS. Bl-istess mod, il-programm eżistenti tal-Impriża Konġunta SESAR joffri pjattaforma eċċellenti għal iżjed fondi għar-riċerka u l-iżvilupp biex l-RPAS ikomplu jiġu integrati. Il-Programmi SESAR 2020 u Orizzont 2020 għandhom jirriflettu dan b'mod suffiċjenti.

5.1.4

Minn naħa waħda, il-fabbrikanti li attwalment qed jipproduċu kwantitajiet żgħar iridu jibdew jipproduċu kwantitajiet ikbar. Dan ifisser li jridu jibdlu l-mezzi tal-produzzjoni tagħhom. Dan it-tibdil m'għandux isir askapitu tal-kwalità għolja tal-prodotti tagħhom u għandu jsir id f'id mal-iżvilupp addizzjonali tal-approċċ kummerċjali tagħhom. Iżda, għal tipi oħra, l-innovazzjoni u l-produzzjoni personalizzata jservu ta' xprun għall-ħolqien u t-tkabbir tal-intrapriżi, b'mod partikolari l-SMEs.

5.1.5

Il-bidliet mistennija fl-użu ċivili tad-drones ser iwasslu għal żviluppi importanti. Sabiex jiġi evitat li jintilfu l-impjiegi u biex jiġi appoġġjat il-ħolqien ta' professjonijiet ġodda, irridu nantiċipaw x'se jfissru dawn l-iżviluppi għall-impjieg. L-imsieħba soċjali kollha jridu jiġu involuti mill-bidu nett. Hawnhekk għandha ssir ir-riċerka u studji esploratorji, inklużi l-possibbiltajiet għal soluzzjonijiet sostenibbli u ambjentali u anke l-ġlieda kontra t-tniġġis elettroniku. L-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom jantiċipaw dawn il-bidliet b'mod effiċjenti.

5.1.6

L-interessi kummerċjali tal-industrija tal-RPAS ma għandhomx ħlief jibbenefikaw minn approċċ proattiv tal-Unjoni Ewropea fin-negozjati tal-ITU dwar l-allokazzjonijiet tal-frekwenzi biex tiġi evitata l-kompetizzjoni inġusta min-naħa ta' partijiet terzi. Din il-kwistjoni hija ta' importanza kbira fid-dawl tan-negozjati attwali dwar il-kummerċ ħieles mal-Istati Uniti.

5.2   Responsabbilità u Assigurazzjoni

5.2.1

Waħda mill-kundizzjonijiet fundamentali għall-użu tal-RPAS hija li jkun hemm regolamenti – eżistenti jew ġodda – adegwati li jistabbilixxu r-responsabbiltajiet u r-responsabbiltà ċivili tal-operaturi u l-utenti tal-RPAS. Hemm kunsens ġenerali li r-responsabbiltà tal-partijiet terzi għandha tkun ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet li japplikaw għall-inġenji tal-ajru b'ekwipaġġ.

5.2.2

It-taħriġ tal-ekwipaġġ: skont il-kundizzjonijiet tal-użu ċivili tal-RPAS, jistgħu jinħolqu riskji – kultant kbar – kemm għall-utenti kif ukoll għall-vittmi eventwali, u jista' jkun hemm ħsara sostanzjali. Sabiex ikun hemm l-aħjar kundizzjonijiet possibbli għall-użu jeħtieġ li, flimkien mal-awtoritajiet regolatorji u l-organizzazzjonijiet professjonali tal-RPAS ċivili jew organizzazzjonijiet simili, jiġi stabbilit qafas regolatorju għat-taħriġ tal-bdoti u l-operaturi li joperaw inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod u għal-għoti tal-liċenzji. B'hekk titnaqqas l-inċertezza dwar l-aspetti tal-assigurazzjoni u r-responsabbiltà ċivili.

5.2.3

Tkun ħaġa loġika li minħabba l-livell għoli ta' awtomatizzazzjoni, l-operatur ta' RPAS partikolari jkun responsabbli direttament. Is-sistema attwali ta' responsabbiltà għall-kumpaniji tal-ajru u l-operaturi tal-inġenji tal-ajru hija koperta, fost oħrajn, fir-Regolament (KE) Nru 785/2004. Dan ir-Regolament bħalissa ma jqisx l-aspetti marbutin mar-responsabbiltà u l-assigurazzjoni tal-RPAS.

5.2.4

L-użu kummerċjali, b'mod partikolari tal-RPAS iżgħar, ser jeħtieġ bidliet addizzjonali (pereżempju responsabbiltà iktar limitata għall-partijiet terzi, l-introduzzjoni ta' kategoriji ta' piż iktar baxx ta' RPAS inqas minn 500 kg, l-adattar tal-livelli ta' riskju marbutin mal-karatteristiċi tat-titjiriet ta' RPAS żgħar ħafna eċċ.).

5.2.5

Għad li teżisti assigurazzjoni għall-RPAS, peress li l-biċċa l-kbira tal-missjonijiet tal-RPAS bħalissa jsiru minn inġenji tal-ajru tal-Istat, id-domanda hija baxxa. Il-kalkolu tal-primjums ħafna drabi jkun ibbażat fuq titjiriet b'ekwipaġġ (piż inizjali). Din is-sistema trid tiġi adattata wkoll għall-RPAS iżgħar.

5.3   Privatezza

5.3.1

L-użu kummerċjali tal-RPAS iżgħar (<150 kg), li jagħmilha possibbli li jinġabru ħafna informazzjoni u materjal fotografiku, għandu jiġi akkumpanjat mill-bidu nett minn garanziji ċari għall-protezzjoni tal-ħajja privata. Fost il-miżuri rakkomandati f'dan ir-rigward nistgħu nsemmu, fost oħrajn, il-possibbiltà li l-istampi jitgħattew jew li l-kameras jintfew jew jinxtegħlu u l-protezzjoni tal-immaġnijiet u informazzjoni oħra. Hemm bżonn ċar ta' standards ġodda jew iktar stretti li japplikaw kemm għall-użu privat kif ukoll dak kummerċjali li pereżempju jagħmlu possibbli wkoll l-identifikazzjoni tal-RPAS ta' daqs iżgħar, il-protezzjoni kontra l-hacking u t-teħid tal-kontroll minn partijiet terzi.

5.3.2

Bħalissa l-analiżi tal-proposti għall-emendi tal-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali tinsab fi stadju avvanzat. Fost affarijiet oħra, dawn il-proposti jiċċaraw ir-responsabbiltajiet u l-obbligi tal-manifatturi u l-utenti tal-RPAS. B'mod partikolari, fir-rigward tal-kwistjoni ta' jekk dawn l-istandards għandhomx jiġu introdotti u applikati fil-livell Ewropew jew nazzjonali, it-tentattivi għal approċċ attiv tal-Kummissjoni huma ġustifikati.

5.4   Kooperazzjoni ċivili/militari

5.4.1

L-użu ċivili u militari tal-ispazju tal-ajru b'inġenji tal-ajru kemm b'ekwipaġġ kif ukoll mingħajru u l-istandards tas-sigurtà relatati ser iwasslu għal piż ikbar fuq is-servizzi tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru. Għalhekk aħna nappoġġjaw l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tieħu inizjattivi f'dan il-qasam, u aħna favur kooperazzjoni bejn l-attivitajiet ċivili u militari fejn l-applikazzjonijiet u l-innovazzjonijiet kummerċjali jistgħu jiġu testjati, billi nisfruttaw is-sinerġiji fejn possibbli. Barra minn hekk għandhom jitqiesu wkoll il-prijoritajiet regolatorji u r-relazzjoni bejn il-leġislazzjoni Ewropea u dik internazzjonali.

Brussell, 15 ta' Ottubru 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Era ġdida għall-avjazzjoni – Il-ftuħ tas-suq tal-avjazzjoni għall-użu ċivili ta' sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod b'mod sigur u sostenibbli; COM(2014) 207 final tat-8 ta' April 2014.

(2)  Ibid.

(3)  Article 8 Unmanned aerial vehicles: [Artikolu 8 – inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ:]

No aircraft capable of being flown without a pilot shall be flown without a pilot over the territory of a contracting State without special authorization by that State and in accordance with the terms of such authorization. [L-ebda inġenju tal-ajru li jista' jtir mingħajr ekwipaġġ ma jista' jtir mingħajr bdot fuq żona ta' Stat firmatarju tal-Konvenzjoni mingħajr ma jkollu awtorizzazzjoni speċjali minn dak l-Istat u b'konformità mal-kundizzjonijiet relatati mat-tali awtorizzazzjoni.] Each contracting State undertakes to insure [sic] that the flight of such aircraft without a pilot in regions open to civil aircraft shall be so controlled as to obviate danger to civil aircraft. [Kull Stat firmatarju tal-Konvenzjoni huwa marbut li jiżgura li t-titjira ta' inġenju tal-ajru bħal dan mingħajr ekwipaġġ f'żoni miftuħa għall-inġenji tal-ajru ċivili tiġi kontrollata b'mod li jiġi evitat kwalunkwe periklu għall-inġenji tal-ajru ċivili.] (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  Roadmap for the integration of civil Remotely-Piloted Aircraft Systems into the European Aviation System – Final report from the European RPAS Steering Group – Ġunju 2013 (mhux disponibbli bil-Malti).


Top