Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014AE3690

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Rapport dwar il-politika tal-kompetizzjoni għall-2013” (COM(2014) 249 final)

OJ C 12, 15.1.2015, p. 54–59 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 12/54


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Rapport dwar il-politika tal-kompetizzjoni għall-2013”

(COM(2014) 249 final)

(2015/C 012/08)

Relatur:

is-Sur Barros Vale

Nhar l-1 ta' Ottubru 2014, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni għall-2013

COM(2014) 249 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-23 ta' Settembru 2014.

Matul il-502 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta' Ottubru 2014 (seduta tal-15 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'127 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Kif jagħmel kull sena, il-KESE qed jivvaluta r-rapport tal-Kummissjoni dwar il-politika tal-kompetizzjoni, li hija politika fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Fil-fehma tiegħu, il-kontenut tar-rapport huwa pożittiv u, b'mod ġenerali, japprovah u jesprimi t-tħassib tiegħu fid-dawl tal-kuntest attwali.

1.2

Kompetizzjoni ħielsa u ġusta li tħares l-interessi tal-aġenti ekonomiċi, il-konsumaturi u l-interess ġenerali jistħoqqilha li jsiru l-isforzi kollha possibbli dwarha. Il-kontribut tal-Kummissjoni huwa essenzjali u hu b'sodisfazzjoni li l-KESE jinnota l-isforzi li saru biex jiġi żgurat ir-rispett tar-regoli interni u dawk fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali.

1.3

Fil-qafas ta' din il-ħidma kontinwa, huwa kruċjali l-kontribut tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni; dawn għandu jkollhom ir-riżorsi umani u materjali meħtieġa biex ikunu jistgħu jaġixxu b'mod effettiv u proattiv pjuttost milli b'mod reattiv kif spiss jiġri. Enfasi akbar fuq il-ħidma ta' prevenzjoni tista' tevita sitwazzjonijiet illegali differenti li jagħmlu ħsara lis-suq, li jolqtu wkoll lill-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u lill-konsumaturi.

1.4

Il-KESE madankollu huwa tal-fehma li l-adozzjoni tal-Proposta għal Direttiva dwar l-azzjonijiet għad-danni tal-antitrust hija tal-akbar interess, u li t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tagħha għandhom jissoktaw bil-perseveranza fl-Istati Membri, iżda jiddispjaċih li ma kenitx akkumpanjata minn strument legali bl-istess saħħa vinkolanti f'dak li jirrigwarda qafas legali orizzontali għar-rimedju kollettiv f'każ ta' ksur tad-drittijiet u l-interessi kollettivi.

1.5

Minbarra r-regolamentazzjoni, għandha tiġi prevista u titħeġġeġ l-awtoregolazzjoni, l-iżjed permezz tat-twaqqif ta' ftehimiet bejn l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, in-negozjanti u l-konsumaturi; l-eżempji tajbin diġà eżistenti f'dan il-qasam fl-Ewropa jistgħu u għandhom jiġu segwiti.

1.6

Fid-dawl tal-fatt li t-Trattat ma jippermettix li l-politiki fiskali jkunu standardizzati, il-politika tal-kompetizzjoni għandha tillimita kemm jista' jkun possibbli d-distorsjonijiet marbutin mat-tassazzjoni fi ħdan l-Ewropa.

1.7

Is-suq tal-enerġija għandu jkomplu jirċievi attenzjoni speċjali, peress li s-suq uniku għad irid jiġi stabbilit f'dan il-qasam. It-tisħiħ tan-netwerk Ewropew, li jagħmel possibbli l-kummerċ transkonfinali, u l-investiment fl-enerġija rinnovabbli, li minbarra l-benefiċċji ovvji li jġib miegħu mil-lat ambjentali, jippermetti wkoll l-aċċess għan-netwerks ta' produtturi oħrajn, għandhom ikunu l-għanijiet li għandhom jintlaħqu bil-għan li titħeġġeġ kompetizzjoni ġenwina fis-settur li tiżgura tnaqqis fit-tariffi għall-intrapriżi u l-familji.

1.8

L-aċċess ħieles tal-konsumaturi għas-swieq kollha huwa essenzjali. L-għan tal-istrateġija diġitali kkontribwixxa ħafna billi ppermetta aċċess universali għall-broadband. L-aċċess għas-suq diġitali, fejn ta' spiss il-prezzijiet ikunu inferjuri għal dawk fis-swieq tradizzjonali, jagħmel ċerti beni disponibbli għall-konsumaturi li mingħajru ma kienx ikun possibbli.

1.9

Il-kooperazzjoni internazzjonali kienet fil-qalba ta' bosta sforzi, li r-riżultati tagħhom jistħoqqilhom kull tifħir. Madankollu, ma nistgħux ninsew ix-xogħol li għad jonqos isir. Minbarra l-ħidma bilaterali, ikun utli li jitkomplew il-ħidma konġunta tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO). L-Ewropa għadha qed tiffaċċja kompetizzjoni inġusta, kemm fi ħdan il-fruntieri tagħha kif ukoll lil hinn minnhom, min-naħa tal-intrapriżi, pubbliċi u privati, li joriġinaw minn pajjiżi fejn l-għoti ta' għajnuna illegali mill-Istat huwa prattika komuni (b'mod partikolari fil-qasam tal-enerġija), fejn ir-regolamentazzjoni ambjentali hija iżjed permissiva u fejn ma jiġux applikati l-istess regoli fil-qasam tal-liġi tax-xogħol (ta' spiss bi ħsara għar-regoli l-iżjed bażiċi tad-drittijiet tal-bniedem).

2.   Il-kontenut tar-rapport tal-2013

2.1

Fl-2013 kien hemm xi sinjali ta' rkupru ekonomiku fl-Ewropa. Iż-żieda fil-fiduċja u t-tkabbir tal-kompetittività għadhom fil-qalba tal-politiki Ewropew li għandhom l-għan li jippromovu tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, l-għan ċentrali tal-Istrateġija Ewropa 2020.

2.2

Ir-rapport isemmi konklużjoni tal-istudju li l-Parlament Ewopew silet fl-2013 dwar il-politika tal-kompetizzjoni, li turi tajjeb l-importanza ta' din il-politika biex jintlaħaq tali għan “(...) [i]l-politika tal-kompetizzjoni, li tintensifika l-kompetizzjoni, ser tistimula t-tkabbir”.

2.3

Ir-rapport huwa mqassam fi 8 partijiet: Il-promozzjoni tal-kompettività permezz tal-ġlieda kontra l-kartelli; L-iżgurar ta’ infurzar ta’ antitrust effettiv u l-kontroll tal-fużjonijiet fl-interess tan-negozji u l-konsumaturi; L-immodernizzar tal-għajnuna mill-Istat biex ir-riżorsi pubbliċi jiġu indirizzati lejn l-objettivi ta’ tisħiħ tal-kompetittività; It-trawwim ta’ settur finanzjarju ġust u stabbli biex tiġi appoġġjata l-ekonomija reali; L-enerġija: is-settur li fih hija meħtieġa “aktar l-Ewropa”; L-infurzar tal-kompetizzjoni fl-ekonomija diġitali sabiex tissaħħaħ l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa; Kooperazzjoni internazzjonali fil-politika ta’ kooperazzjoni biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-globalizzazzjoni; u Djalogu dwar il-kompetizzjoni mal-istituzzjonijiet l-oħra.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Indubbjament, l-SMEs huma l-pilastru tal-irkupru ekonomiku fl-Ewropa. Minħabba d-daqs tagħhom, huma wkoll l-iżjed vulnerabbli għal prattiki li jinvolvu l-abbuż ta' pożizzjoni dominanti li, f'bosta każijiet, ifisser li huma kkundannati li jisparixxu. Il-kwistjoni tal-abbuż ta' pożizzjoni dominanti għandha tingħata attenzjoni partikolari fil-politika tal-kompetizzjoni, b'mod partikolari fil-każijiet fejn dan l-abbuż jitwettaq minn gruppi kbar tal-bejgħ bl-imnut li, bil-mod il-mod, spiċċaw biex qerdu l-fornituri u n-negozji ż-żgħar, liema aġir, fl-aħħar mill-aħħar, jolqot lill-interessi tal-konsumatur. Il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon kbir id-direttiva dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni għall-ksur tal-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE u huwa tal-fehma li hija importanti ħafna, iżda l-prevenzjoni ta' dan il-ksur hija ta' importanza akbar u jistħoqqilha analiżi iżjed fil-fond b'mod li l-azzjonijiet preventivi jkunu iżjed effettivi.

3.2

Il-KESE huwa tal-fehma li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandhom jadottaw attitudni iżjed proattiva pjuttost milli reattiva bħalma jsir fil-biċċa l-kbira tal-każijiet fejn huma jintervjenu biss wara lmenti mressqa mill-operaturi jew il-konsumaturi. Is-superviżjoni ta' ċerti negozjati, li għandhom pjuttost jissejħu impożizzjonijiet, tista' tgħin biex jitwaqqfu ċerti abbużi ta' pożizzjoni dominanti. Jekk nixtiequ li jsir progress, huwa fundamentali li jkun hemm titjib sostanzjali fl-iskambju tal-informazzjoni fil-katina tal- produzzjoni.

3.3

Anke s-setturi li l-attività tagħhom hija influwenzata ħafna mill-prezzijiet tal-materja prima għandhom jingħataw attenzjoni partikolari min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, peress li jiġri ta' spiss li ż-żieda fil-prezz tal-materja prima (jew anke sempliċement it-theddida li l-prezz jogħla) mill-ewwel taffettwa l-prezz finali filwaqt li t-tnaqqis fil-prezz ma jkollux l-effett oppost.

3.4

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li l-politika tal-kompetizzjoni tindirizza l-problemi tas-settur tal-akkwist pubbliku li, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, għadu pjuttost settur magħluq. Fil-fatt, dan għadu suq frammentat b'aċċess biss għal minoranza minkejja l-ħidma li għaddejja fuq l-akkwist elettroniku “minn tarf sa tarf” (straight-through e-procurement). Il-kompetizzjoni fqira tagħmel ħsara lill-interess pubbliku, u n-nuqqas ta' alternattivi ma jagħti l-ebda flessibbiltà lill-entitajiet pubbliċi. Għalhekk, l-għażla dejjem taqa' fuq l-istess operaturi, u dan iwassal għal relazzjonijiet stretti wisq bejn l-intrapriżi u s-setgħat pubbliċi.

3.5

Ma rridux ninsew lanqas li l-intrapriżi li joperaw fil-gżejjer u reġjuni ultraperiferiċi huma partikolarment vulnerabbli għall-kompetizzjoni, peress li l-ispejjeż tat-trasport biex ikollhom aċċess għal swieq oħra jxekklu l-kompetizzjoni tajba tagħhom ma' operaturi oħrajn. F'dawn il-każijiet, jistgħu jippruvaw jinstabu mekkaniżmi li jiffaċilitaw l-aċċess tal-intrapriżi għas-swieq ċentrali billi tiġi promossa kompetizzjoni tajba bejn kulħadd fi ħdan l-UE.

3.6

Hija ta' importanza fundamentali wkoll il-kompetizzjoni li jiffaċċjaw l-intrapriżi Ewropej – kemm fi ħdan il-fruntieri tagħhom kif ukoll fi swieq oħra – min-naħa ta' intrapriżi oħra, pubbliċi u privati, li joriġinaw minn pajjiżi terzi fejn ikunu protetti minn għajnuna illegali mill-Istat li tagħtihom vantaġġ kompetittiv; regolamentazzjoni ambjentali li tiffavorixxihom; u liġi tax-xogħol permissiva li ta' spiss tmur kontra d-drittijiet fundamentali tal-bniedem u d-drittijiet taċ-ċittadini u tal-konsumaturi. It-tkomplija tal-ħidma fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali, fil-qafas tad-WTO u l-ILO u lil hinn minnhom, għandha tibqa' prijorità tad-diplomazija fil-ġlieda kontra l-inugwaljanza, billi tiġi indirizzata l-problema tal-kompetizzjoni u billi jsir iżjed fil-qasam tad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem.

4.   Il-promozzjoni tal-kompetittività permezz tal-ġlieda kontra l-kartelli u l-prattiki tal-antitrust

4.1

Il-ġlieda kontra l-kartelli hija ta' importanza partikolari fil-politika tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant, nilqgħu b'sodisfazzjon l-isforzi kollha li qed tagħmel dan l-aħħar il-Kummissjoni Ewropea biex tiġġieled din il-prattika li taffettwa l-ekonomija kollha. L-azzjonijiet tas-swieq finanzjarji, u b'mod partikolari s-suq tal-materja prima u dik intermedja, fejn il-varjazzjoni fil-prezzijiet tinfluwenza mhux biss is-suq intern iżda wkoll il-kapaċità tal-Ewropa għall-kompetizzjoni fil-livell dinji, huma essenzjali għat-tkabbir, f'perjodu fejn huwa indispensabbli li jinħakmu swieq ġodda. Għandha tiġi enfasizzata wkoll l-applikazzjoni tal-multi imposti fuq intrapriżi li pparteċipaw fi tliet kartelli fis-settur tal-kejbils, tal-prodotti finanzjarji derivati u tal-gambli, kif ukoll id-dikjarazzjoni ta' oġġezzjoni lil għadd ta’ fornituri ta’ ċipep tal-ismart-cards.

4.2

Il-KESE appoġġja l-ħidma li twettqet fil-qasam tal-leġislazzjoni tal-antitrust, li fil-fehma tiegħu hija essenzjali għall-politika tal-kompetizzjoni. Issa jixtieq ikompli jappoġġja l-Kummissjoni li kkontribwixxiet biex tiskoraġġixxi l-frammentazzjoni artifiċjali tas-suq intern, u jilqa' b'sodisfazzjon tmiem il-proċedura fil-qasam tal-antitrust li tikkonċerna l-proċess tal-istandardizzazzjoni tal-ħlas li jsir fuq l-internet. Jilqa' b'sodisfazzjon ukoll l-oġġezzjonijiet li saru lill-banek li kkoordinaw l-imġiba tagħhom biex iwaqqfu lill-boroż milli jkollhom aċċess għas-suq tas-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu (CDS – credit default swaps) u, l-iżjed importanti, jilqa' b'sodisfazzjon ukoll tmiem l-investigazzjoni tal-każijiet antitrust relatati mar-rati ta’ referenza ta’ Libor, Euribor u Tibor, li jżid is-sigurtà tas-suq.

4.3

Fl-2013, ġiet adottata Proposta għal Direttiva dwar l-azzjonijiet għad-danni tal-antitrust. Il-KESE kien favur dan id-dokument, li jiġġieled id-disparitajiet bejn il-liġijiet nazzjonali u t-trattament differenti tal-vittmi u t-trasgressuri, u jipprevedi protezzjoni ġuridika lill-konsumaturi, kwistjoni li hija preokkupazzjoni kostanti fl-Opinjonijiet tal-Kumitat.

4.4

Għalkemm il-KESE jaqbel mal-istandardizzazzjoni, xorta waħda għandu xi riżervi minħabba li t-test jista' jidher favur wisq l-intrapriżi trasgressuri li jibbenefikaw minn programmi ta' klemenza, minkejja li jirrikonoxxi l-valur siewi ta' dan l-istrument biex jikxef kartelli sigrieti. Irrakkomanda wkoll li l-Proposta għal Direttiva u r-rakkomandazzjoni dwar ir-rimedju kollettiv ikunu allinjati iżjed mill-qrib u, f'dan ir-rigward, ilmenta dwar il-fatt li “tneħħiet it-tnedija ta' azzjoni kollettiva li kellha tkun il-mekkaniżmu effettiv għall-konsumaturi, u minflok inħolqot rakkomandazzjoni li tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jkollhom mekkaniżmi ta' rimedju kollettiv li mhuwiex vinkolanti.” (1)

4.5

Il-KESE jaqbel mat-tkomplija tal-ħidma ta' koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u n-netwerk Ewropew tal-kompetizzjoni. Jixtieq ukoll li l-iskambju tal-informazzjoni importanti bejn l-entitajiet differenti jaqdi rwol iżjed deċiżiv. Madankollu, jixtieq jesprimi t-tħassib tiegħu rigward id-diffikultà li jiffaċċjaw xi wħud minn dawn l-awtoritajiet biex jeżerċitaw setgħa regolatorja effettiva f'ċerti setturi, fejn għad hemm imġiba ta' kollużjoni u/jew abbuż f'kuntest ta' impunità totali.

4.6

Il-politika tal-kompetizzjoni għandha tipprevedi kooperazzjoni mad-direttorati ġenerali l-oħra b'mod li tiġġieled b'mod effettiv il-prattiki miftiehma u l-abbużi ta' pożizzjoni dominanti li ma jirrispettawx l-istandards soċjali, ambjentali u ta' sigurtà tal-prodotti u jwaqqfu operaturi ġodda milli jidħlu fis-suq, u b'hekk ikunu fi żvantaġġ ċar.

5.   L-immodernizzar tal-għajnuna mill-Istat

5.1

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-proċess tal-immodernizzar tal-għajnuna mill-Istat, li jikkoordinaha mal-inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020. Huwa essenzjali li l-għajnuna mill-Istat tintuża kif imiss: għajnuna mill-Istat li tappoġġja l-politika ta' koeżjoni u li tkun orjentata lejn is-setturi li jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-Ewropa. Jeħtieġ li r-riżorsi pubbliċi, li huma rari, jintużaw b'konformità mal-għanijiet stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020, biex ikunu possibbli l-konverġenza tar-reġjuni żvantaġġati, investiment fis-setturi prijoritarji, il-promozzjoni tal-ekonomija u l-impjieg u l-iffaċilitar tal-finanzjament tal-SMEs.

5.2

Madankollu, l-immodernizzar tal-għajnuna mill-Istat ma għandux iħalli barra l-għajnuna fil-qasam tas-servizzi pubbliċi, li jissodisfaw il-ħtiġijiet soċjali (bħas-saħħa, l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-aċċess għas-suq tax-xogħol u r-riintegrazzjoni tal-persuni fid-dinja tax-xogħol, faċilitajiet ta' kura għat-tfal u l-persuni mdaħħlin fl-età u l-appoġġ lill-gruppi vulnerabbli bil-għan li jerġgħu jiġu integrati fis-soċjetà) li ma jistgħux jiġu injorati. Qabel dan, għandhom jiġu kkunsidrati l-ispeċifiċitajiet tas-setturi li jipprovdu servizz lill-abitanti: minkejja li huwa importanti li r-riżorsi – li kulma jmur qed ikunu dejjem iżjed skarsi – jiġu allokati b'mod effettiv, il-kwalità tas-servizz għandha tieħu preċedenza.

5.3

F'kuntest ta' mobbiltà sostanzjali, għandha tiġi studjata l-ipoteżi tal-libertà tal-għażla tal-fornituri tas-servizzi tas-saħħa, billi jiġu kkunsidrati possibbiltajiet li, mingħajr ma jixħtu dubju fuq il-kwalità tas-servizz u d-difiża tal-iżjed persuni żvantaġġati, jistgħu jevitaw li l-utenti jkunu soġġetti għal setgħa diskrezzjonali, kemm mill-Istati kif ukoll mill-kumpaniji tal-assigurazzjoni. Din il-kwistjoni hija tant importanti li jistħoqqilha tiġi indirizzata f'Opinjoni fuq inizjattiva proprja biex tiġi analizzata fil-fond.

5.4

IL-KESE diġà esprima fehmtu favur l-immodernizzar tal-politika tal-UE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Huwa jappoġġja b'mod partikolari l-linji gwida l-ġodda dwar l-għajnuna fil-qasam tal-iskemi tal-UE għan-negozjar tal-emissjonijiet tas-CO2, li jwaqqfu lill-industriji milli jirrilokaw fil-pajjiżi fejn il-leġislazzjoni hija inqas stretta. Madankollu, jiddispjaċih li r-rakkomandazzjoni li l-limitu de minimis tal-għajnuna jiżdied għal EUR 5 00  000 minflok EUR 2 00  000 sal-lum għadha ma ntlaqgħetx, kif ġara fil-każ tas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (SIEĠ) (2).

6.   Il-kompetizzjoni fil-livell settorjali

6.1   Kundizzjonijiet ġusti u stabbiltà fis-settur finanzjarju

6.1.1

Id-diffikultajiet li qed jiffaċċja s-settur finanzjarju u l-konsegwenzi tagħhom għall-finanzjament tal-ekonomija reali u l-fiduċja fis-swieq finanzjarji huma magħrufin sewwa. Saru għadd ta' sforzi biex tintradd lura l-fiduċja u tiżdied it-trasparenza, billi tnaqqsu r-riskji sistemiċi. L-għajnuna temporanja mill-Istat lis-settur finanzjarju ħelsuh milli jikkollassa, imma jidher li kull darba li jkun hemm sinjali ta' rkupru, jixirfu skandli ġodda li jheddu l-bilanċ fraġli ħafna li nkiseb s'issa. Għaldaqstant, huwa fl-interess ta' kulħadd li s-settur jibqa' kkontrollat mill-qrib b'mod li tiġi evitata mġiba irresponsabbli min-naħa tal-istituzzjonijiet finanzjarji, kinux soġġetti jew le għal salvataġġ finanzjarju.

6.1.2

Minkejja l-fraġilità tas-settur, għandhom jissoktaw il-proċeduri investigattivi tal-prattiki illegali attwali, anke jekk ma jidhirx li qed ikollhom wisq effett fuq il-ġganti finanzjarji li jippersistu fl-imġiba tagħhom li tagħmel ħsara lis-suq.

6.1.3

Tajjeb nenfasizzaw il-Proposta għal Regolament dwar it-tariffi tal-interkambju għat-tranżazzjonijiet ta’ pagament ibbażati fuq kard, li ilha mitluba żmien twil, u li ser tintroduċi mill-ġdid kundizzjonijiet ġusti fit-territorju Ewropew billi jiġu armonizzati l-ispejjeż imġarrba meta jsir ħlas bil-kards.

6.2   Is-settur tal-enerġija

6.2.1

Is-suq intern tal-enerġija baqagħlu biex jiġi kkompletat. Il-prezz tal-enerġija għadu għoli, u għadu qed jagħfas b'mod konsiderevoli fuq il-baġits tal-intrapriżi u tal-unitajiet domestiċi. Il-liberalizzazzjoni tas-suq ma rnexxilhiex issaħħaħ il-kompetizzjoni u t-trasparenza, u l-Ewropa għadha qed tkompli ssofri l-iżvantaġġi ta' prezz tal-enerġija għoli meta mqabbel ma' dak tal-kompetitturi tagħha fil-livell dinji. Il-provvista tal-enerġija transkonfinali jistħoqqilha wkoll attenzjoni speċjali jekk nixtiequ niżguraw suq intern liberu.

6.2.2

Jeħtieġ li nibbenefikaw mill-kunsens attwali dwar il-bżonn ta' politika komuni tal-enerġija, ta' investiment fl-infrastruttura, ta' żieda fl-effiċjenza fl-enerġija u l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli bil-għan li jiġi xprunat l-iżvilupp tas-settur tal-enerġija. Fil-fatt, l-enerġija rinnovabbli ma tistax tikkompeti taħt l-istess kundizzjonijiet tal-enerġija fossili u dik nukleari li għadhom jiġu sussidjati direttament mill-baġits pubbliċi u indirettament mill-fatt li l-ispejjeż ambjentali u l-impatt tal-użu tagħhom fuq is-saħħa mhumiex internalizzati. L-enerġija rinnovabbli għadha fi stat ta' żvilupp relattivament embrijoniku u, għalhekk, jeħtieġ li tiġi appoġġjata iżjed biex tista' tkun kompetittiva fi ħdan suq ġust.

6.2.3

Barra minn hekk, ma għandhiex titqies biss bħala sors ġdid ta' enerġija. L-iżvilupp tagħha fil-fatt iwitti t-triq għal possibbiltajiet ġodda għat-twaqqif ta' mudell deċentralizzat ta' produzzjoni tal-enerġija li fi ħdanu ċ-ċittadini u l-konsumaturi jkunu jistgħu jkunu kemm produtturi kif ukoll konsumaturi. Ikun tajjeb li dan il-mudell ġdid jiġi appoġġjat bit-twaqqif ta' qafas regolatorju adatt li jiggarantixxi lill-produtturi ż-żgħar tal-elettriku aċċess faċli għan-netwerk (3).

6.2.4

Il-konnessjonijiet Ewropej fil-qasam tal-enerġija huma fundamentali mill-perspettiva tal-politika tal-kompetizzjoni. Il-fraġilità tal-Ewropa f'dak li jirrigwarda l-enerġija qed tinħass wara l-kunflitt reċenti fl-Ukraina, li jista' jipperikola l-forniment tal-gass lill-Ewropa Ċentrali. Il-kollegament tas-sistemi eżistenti tal-enerġija fil-Peniżola Iberika mal-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali mhux biss iqarreb is-suq Iberiku lejn il-bqija tal-Ewropa, iżda jevita wkoll il-problemi minħabba interruzzjonijiet tal-provvista mir-Russja.

6.2.5

Ir-riforma tal-politika Ewropea tal-enerġija hija essenzjali, iżjed u iżjed issa li ninsabu fil-fażi tat-tħejjija tal-ftehimiet kummerċjali mal-Istati Uniti tal-Amerika, fejn l-ispejjeż tal-enerġija huma ferm inqas, li jpoġġi lill-intrapriżi Ewropej fi żvantaġġ sa mill-bidu nett.

6.3   L-ekonomija diġitali

6.3.1

Dan huwa settur partikolarment vulnerabbli għall-prattiki illegali tal-kompetizzjoni, peress li jista' jiġri li l-intrapriżi ta' teknoloġija avvanzata, li huma involuti fi proċess ta' innovazzjoni kontinwa u rapida, ma jkunux jistgħu jistennew iż-żmien li normalment jgħaddi sakemm jittieħdu d-deċiżjonijiet, u għalhekk jistgħu jisfaw fix-xejn.

6.3.2

Il-KESE jtenni l-appoġġ tiegħu għal-linji gwida fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat dwar in-netwerk tal-broadband, peress li jaqdu l-għanijiet tal-Aġenda Diġitali.

6.3.3

Is-suq uniku tat-telekomunikazzjoni għadu ma ġiex ikkompletat. Minkejja li t-tariffi naqsu, xorta waħda għadhom għoljin, għad-detriment tal-intrapriżi u l-unitajiet domestiċi. It-tnaqqis gradwali tat-tariffi tar-roaming sakemm jitneħħew għalkollox lejn tmiem l-2015 huwa pass ta' min ifaħħru; issa, l-enfasi għandha tkun fuq it-tnaqqis reali tat-tariffi l-oħra u li l-broadband ta' kwalità għolja jsir disponibbli għal kulħadd. Il-KESE jtenni l-konvinzjoni tiegħu li t-twaqqif ta' regolatur uniku fl-Unjoni Ewropea jista' jikkontribwixxi biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

6.3.4

Jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lid-disponibbiltà universali tal-broadband peress li l-unitajiet domestiċi bi dħul baxx għad ma għandhomx aċċess. Din il-lakuna tbiegħed bosta ċittadini mis-suq diġitali, peress li ma jkunux jistgħu jaċċessaw swieq fejn ta' spiss jiġu applikati prezzijiet iżjed vantaġġużi.

6.3.5

Il-KESE jappoġġja l-ħidma dwar il-brevetti essenzjali standard (SEPs – standard essential patents), li qed jgħin fil-ġlieda kontra l-abbuż tal-pożizzjoni dominanti.

7.   Kooperazzjoni internazzjonali

7.1

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-bidu tan-negozjati mal-Istati Uniti dwar ftehim fil-qafas ta' Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment, kif ukoll mal-Ġappun għal ftehim ta' kummerċ ħieles. Jilqa' wkoll b'sodisfazzjon l-istabbiliment ta' djalogu f'livell għoli mar-rappreżentanti ta' wħud mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fil-pajjiżi terzi. Huwa importanti wkoll l-iffirmar tal-ftehim ta' kooperazzjoni mal-Isvizzera li jagħmel possibbli l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, li jista' jiffaċilita ċerti proċeduri attwali u futuri ta' investigazzjoni.

7.2

Il-kompetizzjoni inġusta min-naħa ta' pajjiżi terzi fejn l-iżjed regoli, prinċipji u drittijiet soċjali u ambjentali bażiċi ma jiġux rispettati tipperikola l-kummerċ barrani ġust. Jeħtieġ li l-kooperazzjoni internazzjonali tiġi żviluppata fl-ogħla livell u fil-qafas tad-WTO u l-ILO sabiex jiġu żgurati mhux biss id-drittijiet fundamentali tal-bniedem iżda wkoll prattiki ta' kompetizzjoni ġusta.

7.3

Il-globalizzazzjoni hija ħaġa ċerta u l-esportazzjonijiet huma essenzjali għat-tkabbir Ewropew. Huwa importanti li jiġu armonizzati l-prattiki sabiex l-UE tkun tista' tikkompeti taħt kundizzjonijiet indaqs fis-swieq fejn l-għajnuna mill-Istat għadha tingħata illegalment u fejn il-liġi tax-xogħol hija ineffettiva.

8.   Djalogu interistituzzjonali

8.1

Minkejja l-fatt li l-Kummissjoni għandha kompetenza sħiħa rigward il-politika tal-kompetizzjoni, id-DĠ Kompetizzjoni u l-Kummissarju inkarigat minn dan id-direttorat qed jissoktaw bid-djalogu mill-qrib tagħhom mal-Parlament Ewropew. Il-KESE u l-KtR ukoll ġew infurmati dwar il-ħidma tad-DĠ Kompetizzjoni permezz tal-attendenza ta' ċerti funzjonarji fil-laqgħat tas-sezzjonijiet u tal-gruppi ta' studju.

8.2

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon it-tkomplja tal-kooperazzjoni tiegħu mal-Kummissjoni, iżda josserva li din tista' tittejjeb, billi jissaħħu r-rabtiet bejn l-istituzzjonijiet u permezz ta' ħidma ta' akkumpanjament fuq bażi iżjed permanenti, li fiha jkun involut fit-tħejjija tar-rapport finali grupp imwaqqaf mill-KESE, li jagħmilha possibbli li l-Kumitat jirreaġġixxi iżjed malajr għall-ħidma tal-Kummissjoni.

Brussell, 15 ta' Ottubru 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 67 6.3.2014, p. 83

(2)  ĠU C 67, 6.3.2014, p. 74

(3)  ĠU C 226, 16.7.2014, p. 1


Top