Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014AE2826

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Qafas ta' Hyogo għal Azzjoni wara l-2015: l-immaniġġar ta' riskji biex tinkiseb reżiljenza” — COM(2014) 216 final

OJ C 451, 16.12.2014, p. 152–156 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 451/152


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Qafas ta' Hyogo għal Azzjoni wara l-2015: l-immaniġġar ta' riskji biex tinkiseb reżiljenza”

COM(2014) 216 final

(2014/C 451/25)

Relatur:

is-Sur Iuliano

Nhar it-8 ta' April 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea – Il-Qafas ta' Hyogo għal Azzjoni wara l-2015: l-Immaniġġar ta' riskji biex tinkiseb reżiljenza

COM(2014) 216 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-12 ta' Ġunju 2014.

Matul il-500 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta' Lulju 2014 (seduta tal-10 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'103 voti favur, vot wieħed (1) kontra u astensjoni waħda (1).

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jqis li huwa rilevanti ħafna u neċessarju li l-UE jkollha pożizzjoni fir-rigward tat-tnaqqis tar-riskji ta' diżastru qabel ir-reviżjoni tal-Qafas ta' Hyogo għal Azzjoni fl-2015. Il-paralleli ma' inizjattivi oħra wara l-2015 fir-rigward tal-iżvilupp u tat-tibdil fil-klima jagħmlu din il-pożizzjoni iktar rilevanti.

1.2

Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni dwar ir-riskji u d-diżastri fil-pajjiżi tagħhom b'mod l-aktar diżaggregat possibbli, b'tali mod li jkunu jistgħu jikkontribwixxu għal valutazzjoni aktar profonda u preċiża tas-sitwazzjoni f'dan il-qasam.

1.3

Il-KESE huwa konvint li għandha tingħata aktar attenzjoni lill-fatturi sottostanti tar-riskju u l-kawżi profondi tad-diżastri. Fost dawn il-fatturi sottostanti hemm l-iżvilupp urban mhux ippjanat, il-vulnerabbiltà tal-ħajjiet fl-ambitu rurali u l-ekosistemi li sejrin lura.

1.4

Parti kbira mit-telf tan-nies u t-telfiet ekonomiċi relatati mad-diżastri hija konsegwenza ta' diżastri żgħar inqas frekwenti. Il-KESE jqis li l-Qafas ta' Hyogo għal Azzjoni wara l-2015 għandu jagħti aktar importanza għal dan ir-“riskju estensiv” filwaqt li barra minn hekk għandha tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-komunitajiet milqutin minn dawn id-diżastri.

1.5

Il-KESE jqis li għandhom jiġu analizzati aktar fil-fond l-impatti ekonomiċi u soċjali tad-diżastri u għandha tingħata aktar attenzjoni lil aspetti bħall-infrastruttura tal-produzzjoni.

1.6

Il-KESE jqis li l-Qafas ta' Hyogo għal Azzjoni wara l-2015 għandu jiżviluppa aktar dan l-approċċ ta' diversi perikli billi jinkorpora wkoll diżastri antropoġeniċi ħafna aktar milli ġew inkorporati s'issa.

1.7

Il-ġestjoni ta' riskji tad-diżastri għandha tkun ibbażata fuq l-approċċ imsejjes fuq id-drittijiet, waqt li tiffoka fuq il-bżonnijiet u d-drittijiet tal-gruppi u tal-persuni l-aktar vulnerabbli u tiġi enfasizzata u integrata d-dimensjoni tal-ġeneru.

1.8

Il-KESE jappoġġja li jiġu promossi approċċi ta' ġestjoni lokali tar-riskju billi jitħallew jipparteċipaw l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali u l-komunitajiet normalment esklużi. Il-ġestjoni lokali tar-riskju għandha tkun inkorporata b'mod iżjed determinat.

1.9

Ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-tnaqqis tar-riskji ta' diżastru għandu jiġi wkoll rikonoxxut kemm fil-livell lokali kif ukoll f'dak internazzjonali.

1.10

Is-settur tan-negozji u dak privat għandhom jaqdu rwol rilevanti, u jinkorporaw it-tnaqqis tar-riskji ta' diżastru fiċ-ċiklu produttiv kollu u jikkontribwixxu l-kapaċità tagħhom għall-innovazzjoni.

1.11

Minkejja li l-Qafas ta' Hyogo għal Azzjoni wara l-2015 il-ġdid għandu jibqa' volontarju, għandu jenfasizza r-responsabbiltà u t-trasparenza permezz ta' għadd ta' indikaturi aċċettati internazzjonalment. Dawn l-indikaturi għandhom imorru lil hinn mill-aspett tekniku u jinkludu l-aspetti soċjali.

1.12

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-mekkaniżmi ta' analiżi bejn il-pari stabbiliti minn diversi Stati Membri iżda jemmen li għandhom jiġu żviluppati fuq perjodu ta' żmien medju f'sistemi aktar esiġenti f'dak li jirrigwarda r-responsabbiltà.

1.13

Fir-rigward tal-finanzjament, il-KESE jemmen li għandha tiġi stabbilita indikazzjoni tal-persentaġġi minimi rakkomandabbli ta' finanzjament għall-miżuri tat-tnaqqis tar-riskji ta' diżastru fil-politika tal-iżvilupp u umanitarja tal-UE.

2.   Kuntest

2.1

M'hemmx dubju li l-adozzjoni tal-Qafas ta' Hyogo għal Azzjoni (Hyogo Framework for Action – HFA) “Nibnu r-reżiljenza ta’ nazzjonijiet u komunitajiet għal diżastri” fl-2005 kienet importanti ħafna bħala approċċ għat-tnaqqis tar-riskji ta' diżastru. Il-fatt li dan ġie adottat minn 168 pajjiż juri bidla fil-perċezzjoni tal-komunità internazzjonali fil-konfront ta' ċirkustanzi dejjem aktar ta' tħassib.

2.2

Wara l-adozzjoni tal-HFA, l-UE integrat aspetti ta' tnaqqis tar-riskji ta’ diżastru u ta' ġestjoni ta' riskji f'ħafna politiki tal-UE kemm fil-pjan intern kif ukoll fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja u minkejja b'mod inugwali, il-progress kien sinifikanti.

2.3

Ir-reviżjoni tal-HFA fl-2015 hija wkoll opportunità għall-UE sabiex tirrevedi l-politiki tagħha f'dan il-qasam u tadattahom għas-sitwazzjoni internazzjonali ġdida u fl-istess ħin tikkontribwixxi għad-dibattitu internazzjonali dwar ir-riskji ta' diżastru u kif għandha tiġi indirizzata aħjar din is-sitwazzjoni.

2.4

Il-KESE jilqa' b'interess il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar “Il-Qafas ta' Hyogo għal Azzjoni wara l-2015: l-Immaniġġar ta' riskji biex tinkiseb reżiljenza”; iqis li huwa partikolarment rilevanti għaż-żmien attwali u jixtieq jikkontribwixxi għal dan id-dibattitu billi jippreżenta l-proposti tas-setturi tas-soċjetà ċivili li jirrappreżenta.

2.5

Mill-adozzjoni tal-HFA fl-2005 'l hawn, it-tendenzi globali relatati mar-riskju ta' diżastri kkonfermaw żieda allarmanti fir-riskju u obbligaw lill-Istati, lill-organizzazzjonijiet internazzjonali, lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lis-soċjetà inġenerali sabiex jerġgħu jiddefinixxu l-pożizzjonijiet tagħhom relatati mat-tnaqqis tar-riskji ta' diżastru.

2.6

Id-data kollha disponibbli attwalment turi li d-diżastri qegħdin jaggravaw, speċjlament dawk marbutin mal-perikli idrometeoroloġiċi kkawżati mit-tibdil fil-klima. Iżda hemm oħrajn ukoll kkawżati minn proċessi aċċellerati tal-urbanizzazzjoni, ġestjoni tat-territorju mhux adegwata, użu inadegwat tal-art u tar-riżorsi naturali kif ukoll żieda fl-espożizzjoni għal dawn il-perikli.

2.7

Evidentement, l-impatt tad-diżastri jvarja minn reġjun u pajjiż għal ieħor u t-telf tal-ħajjiet umani u t-telf ekonomiku jiddependu mil-livell ta' żvilupp. Iżda l-ebda pajjiż jew reġjun fid-dinja mhu ħieles minn dawn ir-riskji u d-data tal-aħħar għexieren ta' snin turi impatt għoli tad-diżastri kemm fil-pajjiżi żviluppati kif ukoll fl-Unjoni Ewropea.

2.8

Peress li l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli ser jiġu riveduti fl-2015 u kien hemm xi progress fid-diskussjonijiet dwar it-tibdil fil-klima, iridu jsiru sforzi sabiex tiġi żgurata konsistenza akbar fid-diversi pożizzjonijiet dwar dawn il-kwistjonijiet li għalihom jixtieq jikkontribwixxi l-KESE.

3.   Viżjonijiet ġodda dwar il-kuntest u t-tipi tad-diżastri

3.1

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u, b'mod partikolari, l-Annessi tagħha (1), jipprovdu analiżi eżawrjenti tal-perikli u tar-riskji fil-livell globali, u b'mod speċjali fil-kuntest tal-UE. Huma preċiżi ħafna wkoll fid-deskrizzjoni tal-politiki Ewropej li inkludew elementi tat-tnaqqis tar-riskji ta' diżastru. Il-KESE jaqbel ħafna mal-isforz tal-Kummissjoni li tuża data affidabbli u teknikament b'saħħitha sabiex tippreżenta viżjoni globali tad-diżastri fl-UE u l-politiki sabiex tindirizzahom.

3.2

Madankollu, b'rabta mal-ħarsa komprensiva lejn id-diżastri fl-UE, il-KESE jiddispjaċih li din tinkorpora biss data diretta minn 16-il Stat Membru u n-Norveġja. Il-KESE jħeġġeġ lill-bqija tal-Istati Membri li għadhom ma pprovdewx data diżaggregata sabiex jikkontribwixxu kemm jista' jkun malajr għal dan l-isforz sabiex tiġi żviluppata l-iżjed valutazzjoni ċara u preċiża possibbli fir-rigward tal-perikli u d-diżastri fi ħdan l-UE.

3.3

Fil-livell globali, l-istudji mwettqa mill-Istrateġija Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Programm ta' Tnaqqis tad-Diżastri (UNISDR) juru li d-“diżastri ż-żgħar” huma aktar frekwenti, jikkawżaw aktar imwiet u telf ekonomiku u jħallu aktar impatt fil-ħajja ta' kuljum ta' miljuni ta' persuni u komunitajiet fid-dinja kollha mid-diżastri l-kbar b'impatt kbir fuq il-mezzi tax-xandir. Il-KESE jqis li l-HFA wara l-2015 għandu jagħti aktar importanza lir-“riskju estensiv” (2) li jinħoloq f'dan it-tip ta' avvenimenti b'kuntrast mar-“riskju intensiv” li kien predominanti fil-passat. L-attenzjoni għal dawn it-tipi ta' diżastri li huma aktar ta' spiss anke jekk fuq skala żgħira għandha twitti t-triq sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-komunitajiet milquta. Il-KESE jqis li għandha tingħata aktar attenzjoni lill-impatt lokali ta' dawn it-tipi ta' diżastri.

3.4

Minkejja l-għadd kbir ta' studji dwar l-impatt ekonomiku tad-diżastri, rari jiġu analizzati l-ispejjeż f'termini ta' impjieg, kundizzjonijiet tax-xogħol u xogħol deċenti, l-impatt fuq min iħaddem, in-nisġa tal-produzzjoni, eċċ. Il-KESE jqis li dawn l-aspetti għandhom jiġu analizzati aktar fil-fond u għandha tingħata aktar attenzjoni lil aspetti bħall-infrastruttura tal-produzzjoni (3)

3.5

Barra minn hekk, id-data disponibbli turi li ħafna diżastri huma riżultat ta' ammont ta' perikli u mhux minħabba fattur każwali wieħed. Dan jikkonferma l-bżonn ta' analiżi ta' diversi perikli waqt li jitqies approċċ aktar olistiku tad-diżastri u l-kumplessità tagħhom. Il-kunċett ta' “emerġenza kumplessa” li ntuża u li jintuża fl-ambitu umanitarju jista' jservi sabiex jiġu evitati stampi sempliċistiċi tal-kawżi tad-diżastri li jistgħu jwasslu, xi daqqiet, għal risposti sempliċistiċi wkoll. Minkejja li l-approċċi dominanti wara li ġie adottat l-HFA enfasizzaw perikli “naturali” jew “antropiċi mhux intenzjonati”, l-evidenza turi li fatturi bħall-vjolenza fil-kuntesti urbani marġinali, in-nuqqas ta' governanza, it-tipi differenti ta' kunflitti, fost fatturi oħra antropoġeniċi, jaggravaw id-diżastri u għandhom jiġu kkunsidrati. Il-KESE jqis li l-HFA wara l-2015 għandu jindirizza elementi marbutin mal-kunflitt u l-vjolenza b'mod aktar komprensiv. Għandha tiġi indirizzata wkoll b'aktar deċiżjoni l-kwistjoni tad-diżastri relatati mat-teknoloġija jew dawk imsejħa “diżastri trippli” (terrimot, tsunami, nukleari), bħal dak li ġara f'Fukushima.

3.6

Il-KESE huwa konvint ukoll li għandha tingħata aktar attenzjoni lill-fatturi sottostanti tar-riskju u l-kawżi profondi tad-diżastri. L-analiżijiet u r-reviżjonijiet kollha tal-HFA jindikaw li l-prijorità għal azzjoni sabiex jitnaqqsu l-fatturi sottostanti tar-riskju kienet il-qasam fejn l-inqas sar progress (4).

4.   Ġestjoni tar-riskju ta' diżastri ċċentrata fuq id-drittijiet tal-persuni u speċjalment tal-gruppi l-aktar vulnerabbli fil-livell lokali

4.1

Minkejja l-progress li sar wara li ġie adottat l-HFA, l-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet ma ġiex inkluż biżżejjed fil-ġestjoni ta' riskji ta' diżastri. Dan jinkludi każijiet fejn ir-referenzi għall-vulnerabbiltà u d-drittijiet divrenzjali ta' ċerti gruppi kkontribwixxew biex dawn jiġu aktar vulnerabbli, billi l-kapaċitajiet tagħhom jonqsu milli jiġu rikonoxxuti. Dan ġara, pereżempju, minħabba viżjoni sempliċistika tad-dimensjoni tal-ġeneru. Il-KESE jemmen li l-approċċ imsejjes fuq il-persuni, id-drittijiet tagħhom, l-ugwaljanza, id-dritt għall-protezzjoni kif ukoll id-dritt għall-iżvilupp sostenibbli inkluża s-sotenibbiltà ambjentali għandu jidher ħafna aktar bħala prinċipji tal-HFA għall-2015. L-inklużjoni tal-aspetti relatati mal-ġeneru, l-approċċ imsejjes fuq id-drittijiet u l-gruppi vulnerabbli għandha tagħmel parti mis-sett ta' indikaturi użati għall-monitoraġġ tal-HFA għall-2015 u tal-mekkaniżmi ta' responsabbiltà stabbiliti. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dedikati għall-promozzjoni u d-difiża tad-drittijiet u b'mod speċjali dawk iddedikati għad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi u dawk li jirrappreżentaw lill-gruppi vulnerabbli għandhom jitlaqqgħu aktar ta' spiss u jiġu involuti fil-forums ta' diskussjoni dwar it-tnaqqis tar-riskji ta' diżastru.

4.2

L-esperjenza turi li kienu l-inizjattivi lokali jew b'approċċ lokali li huma l-aktar u l-aħjar li jilħqu l-gruppi vulnerabbli. Il-KESE jappoġġja li jiġu promossi approċċi ta' ġestjoni lokali tar-riskju billi jitħallew jipparteċipaw l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali u l-komunitajiet normalment esklużi. Dan jimplika bidla lejn sistemi ta' ġestjoni lokali tar-riskju li jippermettu li jiġu kkonkretizzati l-miżuri u l-mekkaniżmi istituzzjonali neċessarji. L-inizjattivi nazzjonali u dawk appoġġjati mill-korpi internazzjonali għandhom jappoġġjaw il-finanzjament tal-attivitajiet tal-ġestjoni lokali tar-riskju.

4.3

Waqt li jirrikonoxxi li huma u għandhom ikunu l-Istati li jieħdu l-impenn għall-HFA u l-applikazzjoni tiegħu, u li s-suċċess jew il-falliment tal-HFA għall-2015 ser jiddependi mir-rieda politika tal-Istati, il-KESE jixtieq jenfasizza l-bżonn li l-entitajiet muniċipali kollha, il-kunsilli, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-NGOs, l-istituzzjonijiet akkademiċi, is-setturi tan-negozju u l-organizzazzjonijiet tat-trejdjunjins jiġu involuti fit-tfassil tal-pjani tal-ġestjoni ta' riskji ta' diżastri jew strumenti simili. Id-distakk attwali bejn il-qasam lokali u livelli amministrattivi superjuri oħra jillimita l-kapaċità li l-popolazzjoni direttament milquta minn periklu jieħdu azzjoni immedjata. Dan huwa partikolarment rilevanti fil-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, bi strutturi istituzzjonali dgħajfa.

4.4

In-negozji u s-settur privat għandu rwol fundamentali x'jaqdi fit-tnaqqis tar-riskji ta' diżastru mhux biss permezz tas-sħubijiet pubbliċi privati jew ir-responsabbiltà soċjali korporattiva iżda wkoll permezz tal-kontribut tal-innovazzjoni, l-esperjenza u l-inklużjoni tal-kunċetti relatati mar-reżiljenza, il-mitigazzjoni u l-adattament fil-proċess produttiv kollu. Il-Komunikazzjoni tirreferi għall-assigurazzjoni, iżda dan għandu jkun flimkien ma' referenzi aktar ċari għall-bżonn imperattiv li jitnaqqas ir-riskju sabiex ikun jista' jiġi ġġenerat żvilupp produttiv.

4.5

Il-KESE jemmen li, skont il-partikolaritajiet ta' kull każ, il-parteċipazzjoni tal-entitajiet tas-soċjetà ċivili fil-ġestjoni tar-riskji ta' diżastru fil-livell globali u fil-ġestjoni lokali tar-riskju għandha tiġi estiża kemm għall-politiki interni tal-UE kif ukoll għal dawk esterni.

4.6

Il-KESE jixtieq jenfasizza r-rwol tal-edukazzjoni, kemm dik formali kif ukoll dik mhux formali, bħala mod effettiv ħafna sabiex jiżdied l-għarfien u biex iċ-ċittadini jaġixxu b'mod aktar effettiv għad-diżastri. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċvili jistgħu jaqdu rwol importanti f'dan il-qasam, li jeċċedi l-ambitu tal-edukazzjoni formali.

5.   Lejn qafas ta' responsabbiltà u trasparenza madwar l-għanijiet u l-indikaturi tal-progress tal-HFA għall-2015

5.1

B'mod ġenerali, il-KESE jaqbel mal-“prinċipji għall-qafas ġdid” tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tar-responsabbiltà u l-indikaturi. Is-sistema attwali ta' monitoraġġ tal-HFA hija fqira wisq u ma servitx biex il-progress jiġi vvalutat b'mod serju. Fil-fatt, ħafna Stati Membri tal-UE ma ressqux id-data tagħhom fil-ħin u b'mod preċiż u m'għandhomx bażijiet ta' data b'saħħithom u affidabbli għal dan is-suġġett. Minħabba s-sensittività pubblika u politika tad-diżastri, hemm bżonn li fil-qasam tat-tnaqqis tar-riskji ta' diżastru jiġu stabbiliti mekkaniżmi kredibbli ta' trasparenza u responsabbiltà.

5.2

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattivi ta' reviżjoni bejn il-pari implimentati minn xi Stati Membri u jemmen li l-użu ġeneralizzat tagħhom għandu jkun it-triq 'il quddiem. Il-KESE jemmen li l-UE għandha tkun aktar ambizzjuża fuq perjodu ta' żmien medju u twil sabiex ittejjeb il-ġbir tad-data tal-Istati Membri b'tali mod li tkun paragunabbli u aċċessibbli, mhux biss għall-istituzzjonijiet governattivi iżda wkoll għas-soċjetà ċivili, il-mezzi tax-xandir, id-dinja akkademika, il-qasam tax-xjenza u gruppi interessati oħra.

5.3

Fi kwalunkwe każ, l-HFA għall-2015 għandu jistabbilixxi sistema ta' indikaturi komuni li jippermettu li jitkejlu l-progress u l-konformità miksuba kemm mill-pajjiżi kif ukoll minn operaturi oħra. Mingħajr ma jingħataw aktar dettalji hawnhekk, il-KESE jikkondividi l-isforzi li saru mill-entitajiet tas-soċjetà ċivili fir-rigward tal-indikaturi u jinsab konvint li dawn għandhom ikopru aktar minn sempliċement l-aspetti tekniċi jew teknokratiċi u jinvolvu elementi soċjali, ta' reżiljenza, ta' parteċipazzjoni, eċċ (5).

5.4

It-trasparenza u r-responsabbiltà għandhom iħeġġu wkoll id-djalogu bejn id-diversi atturi involuti dwar it-tnaqqis tar-riskji ta’ diżastru: il-korpi uffiċjali, l-istituzzjonijiet politiċi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, is-settur privat u tan-negozju, il-korpi akkademiċi, eċċ.

6.   Koerenza bejn l-aġenda għall-iżvilupp, it-tibdil fil-klima u t-tnaqqis tar-riskji ta’ diżastru

6.1

F'dinja tant interkonnessa u interdipendenti bħal dik li ngħixu fiha, huwa paradossali li huwa daqshekk diffiċli li jintrabtu l-“aġendi” internazzjonali relatati ma' suġġetti li, abbażi tad-definizzjoni tagħhom, huma relatati ħafna. L-UE għandha tibbenefika mill-fatt li, fl-2015, ser jikkoinċidu inizjattivi differenti relatati mat-tibdil fil-klima, l-iżvilupp u t-tnaqqis tar-riskji ta’ diżastru, u tippromovi din l-istess koerenza fil-livell internazzjonali. Dan it-tisħiħ tal-koerenza għandu diversi implikazzjonijiet għall-kunċetti, l-istituzzjonijiet u l-prijoritajiet li għandhom jiġu indirizzati mill-esperjenza tal-komunitajiet milquta u waqt li jiġi kkunsidrat li l-iżvilupp, it-tibdil fil-klima u d-diżastri m'għandhomx jibqgħu jiġu indirizzati b'mod separat. Il-KESE jappoġġja l-isforzi internazzjonali sabiex jiġu definiti kriterji u indikaturi komuni relatati mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli u l-HFA għall-2015.

6.2

Minħabba l-importanza tat-tibdil fil-klima fiż-żieda tal-frekwenza u s-severità tal-perikli (b'mod speċjali dawk idrometeoroloġiċi), kif ukoll l-għanijiet komuni bejn it-tnaqqis tar-riskji ta' diżastru u l-adattament għat-tibdil fil-klima, għandha tiżdied b'mod sinifikanti l-koordinazzjoni bejn l-istrutturi li jippromovu l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni f'kull wieħed minn dawn l-oqsma.

6.3

L-HFA futur għall-2015 għandu jesprimi b'mod aktar ċar ir-rabtiet bejn id-diżastri u l-iżvilupp li jistgħu jkunu diversi u kumplessi ħafna. L-iżvilupp imfassal tajjeb jista' jnaqqas ir-riskju iżda bħalma jiġri ħafna drabi, jista' wkoll iżidu. Bl-istess mod, ir-rabtiet bejn it-tibdil fil-klima u d-diżastri huma kumplessi u interdipendenti. Il-KESE jaqbel li l-kunċetti u l-approċċi bħal dak tar-reżiljenza jistgħu jkunu utli meta jiġu indirizzati dawn il-komplementarjetajiet.

6.4

Fl-istess waqt, il-KESE jixtieq juri l-bżonn li jiġu indirizzati r-rabtiet bejn it-tnaqqis tar-riskji ta' diżastru tradizzjonali u l-aġenda dwar is-sigurtà. S'issa l-approċċ dominanti tal-HFA kien, kif intqal, relatat mad-“diżastri naturali”, iżda perikli u sitwazzjonijiet oħra marbuta mal-vjolenza, il-kunflitt jew it-tilwim dwar ir-riżorsi jindikaw il-bżonn li tinbeda din il-konverġenza. Il-kunċett ta' sigurtà umana jindirizza din is-sitwazzjoni u għandu jiġi studjat kemm dan hu utli f'dan is-settur.

7.   Il-finanzjament tat-tnaqqis tar-riskji ta' diżastru u l-impenn tal-UE

7.1

In-nuqqas ta' “kultura ta' prevenzjoni” wassal biex kemm fil-politika interna tal-UE kif ukoll f'dik esterna, it-tnaqqis tar-riskji ta' diżastru u l-prevenzjoni tar-riskji, il-mitigazzjoni jew il-preparazzjoni għad-diżastri ma kinux prijorità. Kif tesprimi tajjeb il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, xi programmi kienu pijunieri (DIPECHO (6)) iżda l-persentaġġ ta' fondi destinati għal dawn il-kompiti kien dgħajjef. Il-KESE jemmen li għandha tiġi stabbilita indikazzjoni tal-perċentwali minimi rakkomandabbli ta' finanzjament għall-miżuri tat-tnaqqis tar-riskji ta' diżastru fil-politika tal-iżvilupp u umanitarja tal-UE b'konformità mal-prattiki ta' donaturi oħra (7). Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi ta' monitoraġġ finanzjarju għall-miżuri tat-tnaqqis tar-riskji ta' diżastru li jistgħu jiġu inklużi fil-politiki dwar l-iżvilupp u l-azzjoni umanitarja.

Brussell, 10 ta' Lulju 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: “Overview on natural and man-made disasters risks in the EU” SWD(2014) 134 final. “EU policies contributing to disaster risk management” SWD(2014) 133 final.

(2)  L-istudji tal-UNISDR juru li 90 % tat-telf minħabba diżastri globali huwa dovut għal dawn id-diżastri “estensivi”. (Global Assessment Report. GAR. UNISDR, 2013).

(3)  Dan l-aħħar, dan is-suġġett ġie analizzat iżjed fil-fond. “The Labour Market Impacts of Natural and Environmental Disasters”. ADAPT Italia u l-Japan Institute for Labour Policy and Training. http://moodle.adaptland.it/mod/page/view.php?id=9533

(4)  L-HFA jinkludi ħames prijoritajiet għal azzjoni: (1) l-iżgurar li t-tnaqqis ta’ riskju ta’ diżastru jkun prijorità nazzjonali u lokali b’bażi istituzzjonali soda għall-implimentazzjoni; (2) l-identifikazzjoni, il-valutazzjoni u l-monitoraġġ ta’ riskji ta’ diżastri u t-tisħiħ tat-twissija bikrija; (3) l-użu tal-għarfien, l-innovazzjoni u l-edukazzjoni sabiex tinbena kultura ta’ sikurezza u reżiljenza fil-livelli kollha; (4) it-tnaqqis tal-fatturi sottostanti tar-riskji; (5) it-tisħiħ tal-istat ta’ tħejjija fil-każ ta’ diżastri għal reazzjoni effettiva fil-livelli kollha.

(5)  Joint Civil Society Position on Post 2015 Framework for Disaster Risk Reduction. Id-dokument huwa bbażat fuq il-linji gwida stabbiliti f'“Elements for Consideration in the Post-2015 Framework for Disaster Risk Reduction” (UNISDR Diċembru 2013).

(6)  DIPECHO (Disaster Preparedness ECHO – il-programm ECHO għat-tħejjija f’każ ta’ diżastri) huwa programm li jindirizza t-tnaqqis tar-riskji ta' diżastru li ġie mniedi fl-1996 mid-DĠ ECHO tal-Kummissjoni Ewropea.

(7)  Dan ir-rapport jagħti sommarju tar-reviżjoni tal-possibbiltajiet ta' finanzjament tat-tnaqqis tar-riskji ta' diżastru u l-esperjenzi: http://www.odi.org.uk/sites/odi.org.uk/files/odi-assets/publications-opinion-files/8574.pdf


Top