Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014AE1559

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fir-rigward tal-iskema għall-għajnuna għall-provvista ta’ frott u ħaxix, banana u ħalib fl-istabbilimenti edukattivi” — COM(2014) 32 final – 2014/0014 (COD)

OJ C 451, 16.12.2014, p. 142–144 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 451/142


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fir-rigward tal-iskema għall-għajnuna għall-provvista ta’ frott u ħaxix, banana u ħalib fl-istabbilimenti edukattivi”

COM(2014) 32 final – 2014/0014 (COD)

(2014/C 451/23)

Relatur:

is-Sur KIENLE

Nhar is-6 ta' Frar 2014 u nhar id-19 ta' Frar 2014, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 43 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fir-rigward tal-iskema għall-għajnuna għall-provvista ta’ frott u ħaxix, banana u ħalib fl-istabbilimenti edukattivi

COM(2014) 32 final – 2014/0014 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar id-19 ta' Ġunju 2014.

Matul il-500 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta' Lulju 2014 (seduta tad-9 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'mod unanimu b'185 vot favur u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jappoġġja l-ħolqien ta' qafas legali u finanzjarju għall-iskemi ta' frott u ħalib fl-iskejjel tal-UE, li sa issa kienu mmexxija u finanzjati separatament.

1.2

Il-KESE jilqa' b'mod partikolari l-fatt li tpoġġiet iktar enfasi fuq appoġġ pedagoġiku għall-iskema. Jekk jiġi realizzat il-potenzjal sħiħ tagħha, ikun jista' jingħata kontribut sinifikanti fil-ġlieda kontra l-obeżista fost it-tfal u l-ħela tal-ikel.

1.3

Il-KESE jistenna armonizzazzjoni sostanzjali fil-livell tal-amministrazzjoni u l-organizzazzjoni; l-Istati Membri għandhom jingħataw biżżejjed spazju għall-prijoritajiet u ċ-ċirkustanzi speċifiċi tagħhom.

1.4

Il-KESE jirrakkommanda li tingħata preferenza ċara lill-prodotti sostenibbli Ewropej li huma kemm jista' jkun friski, staġjonali u reġjonali/lokali.

2.   Introduzzjoni

2.1

Fil-passat ġew stabbiliti separatament skemi Ewropej differenti fl-iskejjel. Filwaqt li l-għan oriġinali tagħhom kien li jippromovu l-bejgħ, illum il-ġurnata l-enfasi hija fuq dietà tajba għat-tfal. L-iskema tal-ħalib fl-iskejjel ġiet introdotta fl-1977 bħala parti mill-Organizzazzjoni tas-Suq Komuni għall-ħalib. S'issa ħadu sehem fiha kull sena madwar 20 miljun tifel u tifla. L-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel oriġinat bħala impenn politiku fil-kuntest tar-riforma tal-2007 tal-Organizzazzjoni tas-Suq Komuni għall-frott u l-ħaxix u minnha bbenefikaw 8,6 biljun tifel u tifla. Minkejja li għandhom objettivi u gruppi fil-mira simili, l-iskemi kienu soġġetti għal kundizzjonijiet legali u finanzjarji differenti u tfasslu u ġew implimentati b'mod differenti. L-użu tal-iskemi jvarja b'mod konsiderevoli fl-Istati Membri u l-ebda waħdha minnhom ma laħqet il-potenzjal sħiħ tagħha.

2.2

B'rispons għall-kritika ċara tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri u wara valutazzjoni dettaljata taż-żewġ skemi u l-konsultazzjoni pubblika, il-Kummissjoni Ewropea issa qed tipproponi qafas legali u finanzjarju komuni għall-provvista tal-frott, il-ħaxix u l-ħalib għat-tfal tal-iskola. Dan għandu jindirizza d-difetti u n-nuqqasijiet attwali. Fuq kollox ser jiġi enfasizzat iktar l-aspett pedagoġiku tal-iskema.

2.3

L-iskema l-ġdida ser tiġi finanzjata mill-baġit miżjud tal-politika agrikola komuni 2020 allokat għall-iskemi għall-iskejjel jiġifieri baġit annwali ta' EUR 230 miljun (EUR 150 miljun għall-iskema tal-frott għall-iskejjel u EUR 80 miljun għall-iskema tal-ħalib għall-iskejjel).

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jappoġġja ferm skemi sussidjati mill-UE għall-provvista tal-prodotti agrikoli għat-tfal u l-adolexxenti fl-iskejjel. Huwa jfakkar li kien oppona bis-sħiħ il-pjan tal-Kummissjoni fl-1999 li tirtira l-kontribut tal-UE fl-iskema tal-ħalib għall-iskejjel.

3.2

Il-KESE jenfasizza kemm hija importanti dietà bilanċjata għat-tfal u t-tfal tal-iskola. Il-faqar li żdied b'riżultat tal-kriżi finanzjarja u ekonomika huwa fattur ta' riskju sinifikanti f'termini tad-dietà tat-tfal u l-adolexxenti. Numru allarmanti ta' tfal imorru l-iskola kuljum mingħajr fatra. Kemm iż-żieda fl-obesità kif ukoll il-ħela tal-ikel huma sfidi soċjali serji.

3.3

Il-KESE jispera li, minkejja li l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri hija volontarja, din l-iskema l-ġdida għall-iskejjel tiġi implimentata u realizzata b'mod sħiħ fl-Istati Membri kollha. Il-KESE kunfidenti li dan ser iżid l-ammont ta' frott, ħaxix u ħalib fid-dieti tat-tfal.

3.4

Il-KESE jilqa' b'mod partikolari l-enfasi miżjuda fuq l-appoġġ pedagoġiku mill-UE. Dan konformi mar-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-KESE. L-Istat, kif ukoll l-iskejjel, il-ġenituri, in-negozji agrikoli tal-ikel, is-soċjetà ċivili u l-mezzi ta' komunikazzjoni għandhom iqisuh id-dmir ċiviku tagħhom, u li fih jista' jikkontribwixxi kulħadd, li jgħinu lit-tfal tal-iskola jintegraw drawwiet ta' dietà tajba u fehim tal-katina tal-provvista agrikola u tal-ikel.

3.5

L-għalliema għandhom importanza kruċjali sabiex din l-iskema tirnexxi u qed jiżdiedu dawk fosthom li huma kuntenti bi skemi bħal dawn u huma interessati u impenjati fihom. Motivazzjoni patikolari għalihom tista' tkun l-appoġġ addizzjonali għall-iskemi permezz ta' kontribuzzjonijiet nazzjonali jew sponsors u gruppi tas-soċjetà ċivili. Il-gruppi tas-soċjetà ċivili huma utli b'mod partikolari fejn jidħlu kwistjonijiet soċjali kontroversjali. Il-KESE jappoġġja għalhekk dawn il-proġetti pilota tal-Kummissjoni għal gruppi soċjali żvantaġġati u vulnerabbli.

3.6

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ ukoll il-proposta għal iktar opportunitajiet li jżidu l-informazzjoni dwar is-settur agrikolu u tal-ikel lokali inkluż il-prodotti, ix-xogħol u l-benefiċċji soċjali pereżempju permezz tal-ħolqein ta' ġonna fl-iskejjel, żjajjar tal-iskejjel, attivitajiet ta' tidwiq tal-ikel fl-irziezet u f'workshops jew testijiet tan-nutrizzjoni. Il-KESE jqis l-appoċċ li jsegwu xi Stati Membri fejn il-bdiewa jwasslu l-ħalib direttament fl-iskejjel u b'hekk huma f'kuntatt kontinwu mat-tfal bħala mudell eżemplari.

3.7

Huwa jilqa' wkoll spazju għal diskussjonijiet dwar prodotti agrikoli bħaż- żejt taż-żebbuġa jew l-għasel, kif ukoll kwistjonijiet marbuta ma' agrikoltura organika. L-istess jgħodd għal kwistjonijiet marbuta mal-ambjent jew il-ħela tal-ikel. Il-KESE jirrakkomanda li l-miżuri ta' appoġġ jiġu evalwati fi stadju bikri ħafna.

3.8

Skema tal-UE għall-iskejjel tista' tkun ta' suċċesss jekk tiġbor fiha l-karatteristiċi nazzjonali u reġjonali, iċ-ċentri tal-kura tat-tfal u l-iskejjel, l-istennijiet tat-tfal u tal-ġenituri. Il-konsultazzjonijiet għamluha ċara li burokrazija amminsitrattiva jew organizzattiva eċċessiva huma fastidju komuni jew saħansitra raġuni għalfejn skola tiddeċieda li ma tkomplix tipparteċipa fi skema partikolari. Għalhekk importanti għall-KESE li l-arranġamenti prattiċi għall-iskema l-ġdida jinkludu sinerġiji ċari. L-iskejjel, l-intrapriżi u l-awtoritajiet involuti għanhom jiffaċċjaw inqas burokrazija amministrattiva u organizzattiva.

3.9

Il-KESE jemmen li d-dispożizzjoni għal fondi żejda għall-loġistika u t-tagħmir bħal biex jinżamm kiesaħ l-ikel frisk, hija tajba u importanti.

3.10

Il-KESE jaqbel li l-provvista tal-frott u l-ħaxix, inluż il-banana u l-ħalib tiġi sussidjata bħala parti mill-iskema għall-iskejjel. Il-KESE huwa kritiku fir-rigward tal-limitazzjoni tal-iskema għall-ħalib tax-xorb biss u jemmen li għandha tinkludi prodotti oħra tal-ħalib b'kunsiderazzjonijiet ta' dietà u oħrajn pedagoġiċi. Il-KESE jispera ferm li tingħata prijorità lill-prodotti Ewropej friski u sostenibbli tal-ikel. Sa fejn huwa possibbli, il-prodotti u l-attivitajiet fl-iskema għandu jkollhom bażi staġjonali u reġjonali jew jaqgħu taħt it-tikketti tal-UE ta' denominazzjoni protetta ta' oriġini (DPO) jew indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP).

Brussell, 9 ta' Lulju 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


Top