Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014AE0637

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni – Programm għall-Arja Nadifa għall-Ewropa” – — COM(2013) 918 final, dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tnaqqis ta’ emissjonijiet nazzjonali ta’ ċerti sustanzi li jniġġsu fl-arja u li temenda d-Direttiva 2003/35/KE” – — COM(2013) 920 final – 2013/0443 (COD), dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta' ċertu tniġġis fl-arja minn impjanti medji tal-kombustjoni” – — COM(2013) 919 final – 2013/0442 (COD), dwar “Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar li tiġi aċċettata l-Emenda lill-Protokoll tal-1999 tal-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja Fuq Distanza Twila sabiex titnaqqas l-aċidifikazzjoni, l-ewtrofikazzjoni u l-ożonu troposferiku” — COM(2013) 917 final

OJ C 451, 16.12.2014, p. 134–141 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 451/134


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni – Programm għall-Arja Nadifa għall-Ewropa” –

COM(2013) 918 final,

dwar

“Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tnaqqis ta’ emissjonijiet nazzjonali ta’ ċerti sustanzi li jniġġsu fl-arja u li temenda d-Direttiva 2003/35/KE” –

COM(2013) 920 final – 2013/0443 (COD),

dwar

“Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta' ċertu tniġġis fl-arja minn impjanti medji tal-kombustjoni” –

COM(2013) 919 final – 2013/0442 (COD),

dwar

“Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar li tiġi aċċettata l-Emenda lill-Protokoll tal-1999 tal-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja Fuq Distanza Twila sabiex titnaqqas l-aċidifikazzjoni, l-ewtrofikazzjoni u l-ożonu troposferiku”

COM(2013) 917 final

(2014/C 451/22)

Relatur:

iS-SUR PEZZINI

Nhar it-13 ta' Jannar 2014, il-15 ta’ Jannar 2014 u t-18 ta' Diċembru 2013, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea, rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 192 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Programm għall-Arja Nadifa għall-Ewropa

COM(2013) 918 final,

dwar

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tnaqqis ta’ emissjonijiet nazzjonali ta’ ċerti sustanzi li jniġġsu fl-arja u li temenda d-Direttiva 2003/35/KE

COM(2013) 920 final, 2013/0443(COD)

dwar

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta' ċertu tniġġis fl-arja minn impjanti medji tal-kombustjoni

COM(2013) 919 final, 2013/0442(COD)

dwar

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar li tiġi aċċettata l-Emenda lill-Protokoll tal-1999 tal-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja Fuq Distanza Twila sabiex titnaqqas l-aċidifikazzjoni, l-ewtrofikazzjoni u l-ożonu troposferiku

COM(2013) 917 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-22 ta’ Mejju 2014.

Matul l-500 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta’ Lulju 2014 (seduta tal-10 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’82 vot favur, 1 voti kontra u bla astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jenfasizza b'qawwa l-ħtieġa li jiġi assigurat ambjent san u bl-aħjar kwalità possibbli ta' arja nadifa, bħala kundizzjoni fundamentali għall-benesseri għall-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol taċ-ċittadini kollha Ewropej, u jiddeplora l-fatt li dan l-element essenzjali għall-Ewropa m'għandux post aktar prominenti fl-aġenda politika Ewropea u nazzjonali bil-piż li jistħoqqlu.

1.2

Il-KESE jitlob lill-Parlament il-ġdid, lill-Kummissjoni l-ġdida u lill-Kunsill li fil-ġejjieni l-istituzzjonijiet Ewropej jagħtu l-ogħla prijorità politika lil ambjent atmosferiku san u nadif, bil-parteċipazzjoni sħiħa tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili organizzata.

1.3

Il-Kumitat iqis li t-tniġġis tal-arja jirrappreżenta wieħed mill-aktar perikli gravi għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent, b'konsegwenzi negattivi gravi f'termini ta' problemi respiratorji, imwiet prematuri, l-ewtrofizzazzjoni u d-degrad tal-ekosistemi filwaqt li jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi Programm ġdid għall-Arja Nadifa u biex tnaqqas il-possibbiltà ta' telf tal-aspettattiva tal-ħajja fl-UE b'8.5 xhur fl-2005 u 4.1 fl-2030 bi gwadann ta' 180 miljun sena ta' ħajja u 2 00  000 km2 restitwiti lill-bijodiversità.

1.3.1

Il-Kumitat huwa konvint li, biex tiġi inċentivata tranżizzjoni lejn ekonomija aktar sostenibbli fl-Ewropa, hemm bżonn li jiġi stabbilit għan għall-2030, bi prospettiva aktar sikura, fuq perjodu medju taż-żmien, li hija meħtieġa għall-intrapriżi u l-investituri.

1.4

Fil-fehma tal-KESE, hemm bżonn li tiġi aċċellerata l-applikazzjoni tal-limiti tal-Euro 6 għall-emissjonijiet tal-NOx għall-muturi tad-diesel ħfief, imkejla fuq il-bażi ta' “emissjonijiet reali fis-sewqan” l-istess bħall-modi biex jiġu sostitwiti l-magni two-stroke, peress li l-Kumitat huwa xettiku li l-applikazzjoni ta' dawn il-miżuri jistgħu jiksbu r-riżultati mixtieqa mill-2020.

1.5

Il-KESE jaqbel mal-għan finali tal-Kummissjoni – propost kemm fil-Programm għall-Arja Nadifa kif ukoll fil-Qafas għall-enerġija u l-klima 2020-2030 – li jiġi stabbilit limitu għall-emissjonijiet għas-sena 2030 ta' 70 % tat-tnaqqis fid-divarju – gap closure – bejn il-leġislazzjoni rilevanti u t-tnaqqis massimu fattibbli ta' emissjonijiet (MTFR)

1.6

Il-KESE jqis li l-isforz biex jintlaħaq dan ir-riżultat – li jrid jiġi applikat u implimentat mill-partijiet kollha kkonċernati – jeħtieġ azzjoni deċiża li tinkludi:

l-inklużjoni tal-obbligi tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fl-2020 u l-merkurju fl-2020, 2025, u l-2030;

limiti aktar stretti għall-emissjonijiet mill-impjanti medji tal-kombustjoni;

rifjut ta' derogi opzjonali mid-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, f'każ ta' periklu konkret ta' impatt fuq is-saħħa;

miżuri speċifiċi għat-tnaqqis tal-ammonja u l-metan fis-settur tal-agrikoltura;

azzjoni aktar deċiża dwar l-emissjonijiet tat-trasport, fosthom is-sistemi ta' kejl “fis-sitwazzjonijiet reali” u l-applikazzjoni fl-2014 ta' testijiet għal dan il-għan fil-mument tal-introduzzjoni tal-istandard Euro 6;

implimentazzjoni deċiża sal-2016 tal-istandards tal-I.M.O. dwar l-NOx u l-SO2għall-bastimenti, kif ġie deċiż fl-2008, taż-żoni kollha marittimi madwar l-Ewropa, bħala żoni ta' kontroll tal-emissjonijiet;

miżuri għal standards b'saħħithom fil-qasam tal-materja partikolata – PM, fit-tagħmir domestiku l-ġdid;

id-disinjar u l-iżvilupp ta' inġenji u magni ekokompatibbli;

l-użu taċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja tal-prodotti (LCA);

pjanar għaż-żmien medju u twil flok is-sovvrappożizzjoni ta' miżuri ta' azzjoni;

appoġġ għall-edukazzjoni u t-taħriġ tal-konsumaturi, il-ħaddiema u ż-żgħażagħ fil-konservazzjoni u l-iżvilupp ta' dinja produttiva, rikreattiva u li toffri abitat san.

promozzjoni tar-riċerka u l-investiment f'termini tal-applikazzjonijiet innovattivi tas-suq (BAT), tkabbir sostenibbli u impjiegi sani u dejjiema;

dimensjoni internazzjonali tal-azzjonijiet ta' sostenibbiltà ambjentali;

garanzija ta' koerenza bejn din l-istrateġija l-ġdida u politiki u għanijiet oħra tal-UE.

1.7

Il-KESE jaqbel għal kollox dwar il-ħtieġa li fil-liġi tal-UE jidħlu l-modifiki li ntlaħaq qbil dwarhom mal-Protokoll tal-Konvenzjoni tal-1979 dwar l-inkwinament tal-arja transkonfinali fuq distanza kbira.

1.8

Anke jekk m'hemmx dubju dwar l-għanijiet kwalitattivi fit-tul tal-proposta ta' Direttiva l-ġdida NERC, il-KESE jiddispjaċih li l-għanijiet għall-2025, m'humiex obbligatorji b'mod li tiġi assigurata l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom.

1.9

Il-Kumitat jenfasizza l-ħtieġa li fil-miżuri ta' politika reġjonali tiġi inkluża s-salvagwardja ta' ambjent tal-arja san u nadif, fil-konvinzjoni li t-tmexxija tal-kwalità tal-arja tista' taħdem biss jekk tiġi appoġġjata minn politiki tal-UE tat-tnaqqis tal-emissjonijiet, minħabba fil-livell għoli ta' tniġġis akkumulat u l-kundizzjonijiet speċifiċi meteoroloġiċi reġjonali.

1.10

Hemm bżonn ta' impenn kostanti tal-gvernijiet nazzjonali, u l-awtoritajiet lokali għall-ippjanar ta' miżuri konkreti mmirrati li jnaqqsu l-emissjonijiet li jagħmlu l-ħsara, permezz tal-iżvilupp ta' pjan iddettaljat għall-kwalità tal-arja – Pjani Reġjonali ta' Miżuri għall-kwalità tal-Arja – b'attenzjoni kbira għal setturi varji: produzzjoni, agrikoltura, settur terzjarju, dak privat, u l-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija. Il-Kummissjoni għandha tibgħat messaġġ ċar dwar l-applikazzjoni effettiva tagħhom, b'azzjonijiet f'waqthom u deċiżi, kontra l-Istati Membri li ma jikkonformawx. Madankollu, il-KESE jirrikonoxxi li bosta Stati Membri diġà ħadu passi fid-direzzjoni t-tajba.

1.11

Għandhom jiġu organizzati miżuri għall-involviment ta' Organizzazzjonijiet professjonali, is-soċjetà ċivili organizzata, l-NGOs, it-tielet settur, iċ-ċentri ta' taħriġ fil-livelli kollha, u ċ-ċentri tar-riċerka, biex jintlaħaq l-għan ta' arja li tkun dejjem aktar nadifa, indispensabbli għall-benesseri taċ-ċittadini u l-ekosistema.

1.12

Il-KESE itenni l-konvinzjonijiet tiegħu dwar il-ħtieġa ta' rilanċ tal-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija Ewropea li jipprijoritizza l-kwalità tal-ħajja, ix-xogħol u s-saħħa taċ-ċittadini tagħha, iħares l-ambjent, b'rabta mill-qrib mal-prijoritajiet politiċi l-oħra kollha tal-Ewropa 2020 u li jidħol għal kollox fi strateġija globali ta' tranżizzjoni lejn bilanċ planetarju, ibbażat fuq tkabbir ekonomiku kwalitattiv, jikkontribwixxi biex jinqerdu l-faqar, l-inġustizzja soċjali, filwaqt li jikkunserva r-riżorsi naturali għall-ġenerazzjonijiet futuri.

2.   Introduzzjoni

2.1

It-tniġġis tal-arja huwa periklu serju għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent: problemi tan-nifs, imwiet qabel iż-żmien, ewtrofikazzjoni u degrad tal-ekosistemi minħabba d-depożiti tan-nitroġenu u sustanżi aċidi huma biss xi wħud mill-effetti ta' din il-problema, li fl-istess waqt hija kemm lokali kif ukoll transkonfinali.

2.2

F'dawn l-aħħar deċenni, il-politiki adottati mill-UE u l-komunità internazzjonali diġà kisbu suċċess, billi naqqsu xi problemi marbutin mat-tniġġis tal-arja, bħal fil-każ tad-diossidu tal-kubrit, li minnu toriġina x-xita aċiduża li naqset bi 80 %.

2.3

Minkejja dan il-progress, l-UE għadha 'l bogħod mill-għan tagħha fit-tul li ttejjeb il-kwalità tal-arja b'mod li twarrab ir-riskju ta' ħsara gravi għas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, il-partiċelli fini u l-ożonu fil-livell tal-art għadhom joħloqu problemi serji, li skont l-istimi tal-Kummissjoni (1), jammuntaw għall-4 06  000 mewt fis-sena.

2.4

Il-materja partikolata fina u l-ożonu, b'mod partikolari għadhom joħolqu perikli gravi għas-saħħa: il-limiti tas-sigurtà għal dawn is-sustanzi spiss jinqabżu.

2.5

Il-Kummissjoni tistma li t-totalità tar-riperkussjonijiet fuq is-saħħa b'riżultat tal-inkwinament tal-arja tlaħħaq minn EUR 330 sa EUR 940 biljun fis-sena, filwaqt li l-għanijiet proposti għall-2030 jipproduċu benefiċċji ta' EUR 44 sa EUR 140 biljun.

2.6

Fil-fehma tal-Kummissjoni, fl-2010, it-tniġġis tal-arja tal-UE barra milli kkawża mijjiet ta' eluf ta' mwiet bikrija, espona kważi żewġ terzi tal-artijiet għal tniġġis li jagħmel il-ħsara. U dan minħabba l-emissjonijiet.

2.7

Taħt il-profil tas-saħħa taċ-ċittadini Ewropej, l-ispejjeż għall-kura fl-isptarijiet huma stmati 'l fuq minn EUR 4 biljun u 100 miljun ġurnata tax-xogħol mitlufa fis-sena.

2.8

Fil-livell internazzjonali, f'Diċembru 2012, l-Istati Uniti ddeċidew li jirrevedu l-istandards annwali għall-kwalità tal-arja u jistabilixxu l-limitu ta' 12-il mikrogramma ta' trab fin għal kull metru kubu, jiġifieri taħt il-livell attwali fl-UE ta' 25 mikrogramma għal kull metru kubu, filwaqt li fiċ-Ċina, il-gvern iddeċieda li jinvesti EUR 160 biljun fil-kontroll tal-kwalità tal-arja fiż-żona ta' Pekin biss għall-ħames snin li ġejjin. Jiġifieri l-UE mhix qed tlaħħaq mar-ritmu tal-azzjonijiet li qed jittieħdu fil-livell internazzjonali.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE japprova l-għanijiet ġenerali ta' titjib sinifikanti fil-kwalità tal-arja bit-tranżizzjoni għal ekonomija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju, għall-ħarsien kemm tas-saħħa kif ukoll tal-ambjent, kif ġie indikat mill-Kummissjoni fl-istrateġija dwar it-tniġġis tal-arja tal-2005 u rivedut fil-programm tal-Kummissjoni “Arja nadifa għall-Ewropa”.

3.2

Mill-bidu, l-għanijiet tat-tnaqqis tal-emissjonijiet għal kull Stat Membru ġew allokati fuq il-bażi ta' kriterji tal-effikaċja tal-ispejjeż minħabba fil-kundizzjonijiet ambjentali differenti. It-tnaqqis tal-emissjonijiet mitlubin ivarjaw skont il-pajjiż, skont il-prinċipju: “differenzjazzjoni u mhux rata ugwali”.

3.2.1

Fid-dawl tal-ħsara li t-tniġġis tal-arja jikkawża lis-saħħa u l-kwalità tal-ħajja, kif ukoll lill-ekosistemi, il-Kumitat huwa mħasseb li l-kwalità tal-arja m'għadx għandha l-piż meħtieġ fi ħdan l-aġenda politika Ewropea u nazzjonali u jqis importanti, li biex tinċentiva t-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar sostenibbli fl-Ewropa, tiġi ffisata mira għall-2030, bi prospettiva għal perjodu ta' żmien medju u twil, meħtieġa għall-intrapriżi u l-investituri.

3.3

Fir-reviżjoni tal-istrateġija dwar it-tniġġis tal-arja hemm l-għan li jintemmu l-vjolazzjonijiet attwali tal-istandard ta' kwalità eżistenti, biex jinkiseb ir-rispett sħiħ mill-2020 l-aktar tard, biex jonqsu l-emissjonijiet tal-NOx tal-muturi tad-diesel ħfief bl-applikazzjoni tal-Euro 6 mkejjel skont “l-emissjonijiet reali fis-sewqan”. Il-KESE huwa xettiku li dan il-kejl jista' jikseb l-effeti mixtieqa mill-2020, peress li l-obbligu ser ikun effettiv biss mill-2017 u r-rinnovament tal-flotta eżistenti tirrikjedi aktar żmien fir-rigward tal-mira tal-2020.

3.4

Barra minn hekk din l-istrateġija tibbaża fuq il-kontribut tal-miżuri li jitwettqu fil-livell lokali u reġjonali, bil-limiti kollha intrinsiċi għal dan il-kejl: s'issa l-effikaċja tal-miżuri fil-livell reġjonali ġiet limitata, speċjalment minħabba fil-livell għoli tal-inkwinament akkumulat u l-kundizzjonijiet meteoroloġiċi reġjonali partikolari. Il-KESE huwa konvint li l-ġestjoni tal-kwalità tal-arja f'dawn il-livelli tista' taħdem biss jekk tiġi appoġġjata minn politiki tal-UE ta' tnaqqis tal-emissjonijiet mis-sors.

3.5

Fil-fehma tal-Kumitat, il-Kummissjoni xorta waħda trid tqis għadd ta' fatturi li għandhom l-istess importanza u rilevanza:

valutazzjoni tal-ispejjeż/effikaċja tal-miżuri proposti;

kompetittività u innovazzjoni sostenibbli;

dimensjoni internazzjonali tas-sostenibbiltà ambjentali;

tnaqqis fil-burokrazija u tħaffif tal-proċessi;

koerenza u koordinament bejn il-politiki varji tal-UE implikati;

appoġġ lill-UE u nazzjonali għall-edukazzjoni u l-formazzjoni fil-qasam;

fokalizzazzjoni tal-isforzi tal-UE u dawk nazzjonali ta' riċerka u innovazzjoni (R&I) għall-applikazzjoni ta' teknoloġiji tas-suq aħjar;

applikazzjoni deċiża tal-istandards il-ġodda tal-kwalità fis-setturi kollha interessati.

3.5.1

Il-Kumitat jappoġġja l-fatt li l-prijorità politika trid tiġi appoġġjata fil-livell Ewropew u mill-Istati Membri individwali, fit-temi tar-riċerka u l-innovazzjoni, u f'dawk tal-formazzjoni u tal-edukazzjoni li jridu jiġu finalizzati għar-rilanċ tat-tkabbir u l-impjieg sostenibbli u għal industrijalizzazzjoni mill-ġdid u kwalitattivament aħjar tal-ekonomija Ewropea, speċjalment għall-intrapriżi ż-żgħar u dawk medji u għall-intrapriżi li jkunu qed jinbtu, mingħajr ma niksru l-limiti attwali Ewropej għall-baġit.

3.6

Barra minn hekk, skont il-KESE għandu jkun hemm garanzija ta' koerenza bejn l-istrateġija riveduta u politiki oħra tal-Unjoni. B'hekk, pereżempju, jista' jiġi osservat li, minkejja li l-ħruq tal-injam domestiku jirriżulta f'emissjonijiet ta' partiċelli PM 2,5, dan jiġi mħeġġeġ bħala użu ta' sors alternattiv ta' enerġija, filwaqt li dan jeħtieġ klassifikazzjoni tal-emissjonijiet tat-tagħmiru l-valutazzjoni tar-renidment tagħhom.

3.7

Fi kwalunkwe każ, fil-fehma tal-KESE għandhom jitqiesu għadd ta' fatturi li għandhom l-istess importanza u rilevanza fil-Ftehim Internazzjonali dwar il-Klima sal-2015.

3.8

Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu promossi s-sħubijiet pubbliċi privati fil-livell Ewropew, bħal dak imniedi b'impriża konġunta għall-Inizjattiva Sema Nadif 2 2014-2020, bil-għan li tnaqqas l-emissjonijiet tat-trasport bl-ajru u tikkontribwixxi għall-attività ta' riċerka tar-regolament KE 71/2008 u l-Programm Qafas Orizzont 2020.

4.   Kummenti speċifiċi (I)

4.1   Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja fuq Distanza Twila

4.1.1

Il-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja fuq Distanza Twila, konkluża taħt l-awspiċi tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa (UNECE), hija l-qafas legali internazzjonali prinċipali għall-kooperazzjoni u għall-miżuri biex jitrażżan u gradwalment jitnaqqas it-tniġġis tal-arja permezz tat-tmien protokolli tiegħu fosthom il-Protokoll tal-1999.

4.1.2

Il-KESE jaqbel li l-modifiki għall-Protokoll għandhom jiġu trasposti fil-liġi tal-UE.

4.2   Il-proposta ta' Direttiva riveduta dwar il-limiti nazzjonali tal-emissjonijiet NERC

4.2.1

Il-proposta għal Direttiva tistabbilixxi impenji nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet (NERCs) għall-2020, l-2025 u l-2030, għal kull Stat Membru f'perċentwali ta' tnaqqis tal-emissjonijiet annwali tad-diossidu tal-kubrit (SO2), l-ossidi tan-nitroġenu (NOX), l-ammonijaka (NH3), il-komposti organiċi volatili (VOC) mhux metaniċi, il-materja partikolata fina (PM 2,5) u l-metan (CH4), meta mqabbla mal-emissjonijiet totali ta' kull wieħed minn dawn l-inkwinanti minn kull Stat Membru fl-2005.

4.2.2

F'dawn l-aħħar 20 sena, fl-UE ġie reġistrat progress konsiderevoli fl-ambitu tal-kwalità tal-arja u tal-emissjonijiet antropoġeniċi fl-arja, bis-saħħa ta' politiki u strateġiji dwar it-tniġġis tal-arja adottati mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha bil-għan fit-tul li jinkiseb livell tal-kwalità tal-arja li ma jkollux effetti negattivi jew perikli kbar fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, kif ġie stabbilit fis-VII Programm ta' Azzjoni għall-Ambjent (2).

4.2.3

Dan jidher ċar anke jekk kien hemm tnaqqis ċar fir-ritmu ta' dawn il-progressi, fl-ambitu tal-kwalità tal-arja u l-għanijiet li qed jiġu proposti bħalissa huma filfatt inqas ambizzjużi mil-livelli li l-Istati Membri jiksbu bl-applikazzjoni sħiħa tal-obbligi previsti mir-regoli attwali tal-UE.

4.2.4

Jekk l-għanijiet kwalitattivi fuq terminu twil proposti huma prattikament indiskussi, il-Kumitat huwa dispjaċut li l-għanijiet għall-2025 mhumiex vinkolanti, minħabba fir-rikonoxximent tad-diffikultà li jiġu rispettati l-istandards attwali b'mod prattiku.

4.2.5

Fil-fehma tal-KESE, hemm bżonn ta' pjattaformi msaħħa, biex jinħoloq djalogu speċifiku u interattiv, ħalli jiġu kunsidrati d-dispożizzjonijiet li hemm fil-proposta ta' Direttiva.

4.3   Proposta ta' Direttiva dwar l-emissjonijiet minn impjanti b'kombustjoni medja

4.3.1

Fil-fehma tal-KESE, l-estensjoni tal-kontroll tal-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu l-arja minn impjanti b'kombustjoni li għandha qawwa ta' sħana nominali bejn 1 u 50MW, li jintużaw f'għadd wiesgħa ta' applikazzjonijiet trid titwettaq bi proċeduri simplifikati u li m'humiex ta' piż, ħalli l-iżvilupp ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju kif ukoll l-infrastrutturi ta' daqs żgħir mifruxa fuq it-territorju jiġu appoġġjati u promossi.

5.   Kummenti speċifiċi (II)

5.1

L-emissjonijiet li jniġġsu l-arja jista' jkollhom diversi sorsi u jinġarru distanzi twal.

5.2

Biex il-Programm “Arja Nadifa għall-Ewropa” jitwettaq b'mod sħiħ, hemm bżonn li r-reġjuni, wara l-konsultazzjonijiet mal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata, jgħaddu biex jabbozzaw u japprovaw il-Pjani ta' Azzjoni għall-Kwalità tal-Arja (Pjani ta' Azzjoni), li fihom jridu jitqiesu fuq kollox:

it-trasport fit-toroq, marittimu u tal-ajru u l-mobbiltà;

il-produzzjoni u l-konsum tal-enerġija;

is-sistema tal-produzzjoni;

is-settur terzjarju;

l-attivitajiet agrikoli, it-trobbija tal-bhejjem u s-settur tal-foresti;

is-settur privat;

5.3

Il-Pakkett “Arja Nadifa” mniedi mill-Kummissjoni jdur lura għall-politiki li ġew żviluppati s'issa u jsaħħaħhom, biex ikompli bil-ġlieda kontra t-tniġġis tal-arja, u dan imur kontra t-tendenza tal-aġenda politika.

5.3.1

Fil-fehma tal-KESE hemm bżonn li l-livelli reġjonali u lokali jipparteċipaw mal-livell nazzjonali, f'dan il-proċess, flimkien mal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata.

5.4   Proposti għall-pjani tat-traspożizzjoni tal-Pakkett Arja Pulita fil-lokal

5.4.1

It-traspożizzjoni tal-Pakkett Arja Pulita fil-lokal trid tidentifika s-sinerġiji meħtieġa mal-pjani differenti:

skart, l-irkupru tal-enerġija, it-tnaqqis tal-produzzjoni per capita, l-irkupru tal-materjali;

trasport u mobbiltà, l-iżvilupp tat-trasport pubbliku, il-mogħdijiet għar-roti, il-promozzjoni tal-mobbiltà b'emissjonijiet baxxi tas-CO2, l-integrazzjoni tal-mezzi tat-trasport, in-navigazzjoni marittima u tal-ajru;

ġestjoni tal-art u dik urbanistika, il-konsum tal-art, l-iżvilupp ta' mudelli ġodda ta' abitazzjoni, ir-rikonverżjoni tal-bini;

agrikoltura u trobbija tal-annimali, l-enerġija mill-injam (sorsi lokali), il-bijomassa u l-bijogass, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-ammonijaka, il-bjar tas-CO2;

industrija, l-iżvilupp teknoloġiku b'impatt baxx fuq l-ambjent, l-innovazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-kwalità (ISO 14  000 u Emas), l-attenzjoni għad-disinjar ekokompatibbli, it-tikketti tal-kwalità ambjentali tal-prodotti, is-sistemi tal-amministrazzjoni tal-enerġija u l-konformità mar-regolamenti dwar il-konsum tal-muturi elettriċi;

5.4.2

Din it-traspożizzjoni fil-livell lokali imbagħad għandha tqis il-miżuri l-aktar urġenti, li huma marbutin mar-realtajiet ekonomiċi u produttivi lokali u jiżviluppaw regoli għall-ħruq tal-bijomassa flimkien ma' obbligi u inċentivi għat-tiġdid tal-flotta tal-karozzi.

5.5

Il-miżuri li jillimitaw l-emissjonijiet tal-SO2 (diossidu tal-kubrit) huma meħtieġa l-aktar fir-reġjuni fejn hemm livelli għoljin ta' kombustjoni industrijali u fejn hemm impjanti li jipproduċu l-enerġija u jipproċessaw il-karburanti.

5.6   Miżuri fl-agrikoltura

5.6.1

Fl-UE kollha, speċjalment fir-reġjuni agrikoli, hemm bżonn li jiddaħħlu miżuri li jnaqqsu l-NH3 (ammonijaka), l-N2O(ossidu nitruż), is-CH4 (metan) u l-VOC (komposti organiċi volatili) fuq l-eżempju ta' dawk li diġà jeżistu f'diversi Stati Membri. L-użu tal-fertilizzanti tan-nitroġenu u d-demel likwidu huma s-sorsi ewlenin (98 %) tal-emissjonijiet tal-NH3 li meta jirreaġixxi mal-SO2 u l-NO2 jifforma l-melħ tal-ammonju li huwa l-komponent ewlieni tal-materja partikolata.

5.6.2

Huma importanti ħafna: ir-rispett sħiħ tad-Direttiva tan-Nitrati (Direttiva 91/676/KEE); l-obbligu ta' għatu fuq il-bjar li jaħżnu d-demel, il-ħolqien ta' sistemi ta' riċiklaġġ, permezz tad-diġestjoni anaerobika, għall-produzzjoni tad-diġestat, b'karatteristiċi li jistgħu jitqabblu mal-fertilizzanti artifiċjali, ġestjoni tajba tad-demel u tat-tixrid tad-demel likwidu li joħroġ minnu li huwa ħażin għas-saħħa. Madanakollu, il-miżuri għandhom iqisu l-bilanċ bejn l-interessi ekonomiċi, soċjali u ambjentali. It-tnaqqis tal-emmissjonijiet fl-agrikoltura huwa kumpless ħafna, għaldaqstant hemm bżonn iktar finanzjamenti għar-riċerka u l-iżvilupp

5.6.3

Hemm bżonn li jiġu użati mezzi agrikoli b'emmissjonijiet baxxi tal-materja partikolata.

5.6.4

Il-KESE jenfasizza li fis-settur diġà hemm għadd ta' dispożizzjonijiet li għad iridu jiġu implimentati għalkollox u jtenni l-konvinzjoni tiegħu li l-Kummissjoni tilfet l-opportunità li tistabbilixxi qafas regolatorju konsokidat li jiddixxipplina l-emissjonijiet li jiġu mill-agrikoltura. It-trobbija tal-baqar għada barra mill-ambitu tal-applikazzjoni f'din il-komunikazzjoni. Madanikollu hemm regoli oħra li jirrigwardaw l-ispeċi tal-baqar li huma l-akbar kontribwent għall-emissjonijiet tal-ammonijaka.

5.7   Miżuri fiċ-ċentri Urbani

5.7.1

Fil-konglomerazzjonijiet Urbani u ż-żoni b'ħafna traffiku trid tingħata attenzjoni partikolari lill-emissjonijiet tal-PM 2,5; PM 10 (materja partikolata fina b'dijametru iżgħar minn 10 mikrometri) i-CO u s-CO2 (monossidu u diossidu tal-karbonju) u t-tnaqqis tal-NOX. Il-filtri kontra l-materja partikolata fil-magni diesel u filtri sperimentali anke għall-magni bil-petrol kapaċi jilħqu grad ta' effiċjenza ogħla minn 90 % (filtri b'ċiklu magħluq) fit-tnaqqis tal-emissjonijiet.

5.7.2

Fil-bini tal-iskejjel u uffiċini, li jinsabu fuq toroq b'ħafna traffiku, huwa importanti ħafna li jsiru xogħolijiet ta' iżolament tal-ħitan vertikali opaki u trasparenti li jillimitaw it-tniġġis mill-VOC u l-materja partikolata fina (PM10 u PM 2,5) (3).

5.8   Miżuri fit-trasport fil-livelli differenti – lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE:

5.8.1

Fil-vetturi kummerċjali u dawk għat-trasport tal-persuni, għandhom jiġu previsti s-sostituzzjoni tal-vetturi Euro 3 b'dawk Euro 5 u 6 billi tiġi limitata ċ-ċirkolazzjoni u permezz tal-inċentivi. Bl-istess mod għandhom jiġu sostitwiti il-magni b'żewġ taħrikiet (two stroke) (muturi, mopeds, lupi u magni tal-ħsad), Euro 1. Sadattant hemm bżonn li, fid-diversi livelli lokali, reġjonali u nazzjonali:

5.8.1.1

Kemm jista' jkun malajr, fil-livell Komunitarju u nazzjonali, jiġu adottati mingħajr ma wieħed jistenna l-iskadenza tal-2017 – metodi adatti ta' kejl tal-emissjonijiet tal-NOx minn karozzi ħfief bid-diesel, fid-dawl tal-effetti negattivi kbar li għandhom fuq il-kwalità tal-arja urbana.

5.8.1.2

Fil-livell nazzjonali u reġjonali, tiġi appoġġjata d-diffużjoni tal-metan u tal-LPG (Gass likwifikat miż-żejt) idroġenu, Gass Naturali Likwidu, Etanol u bijokarburanti oħra avvanzati. Jitħaffef l-iżvilupp tal-mobbiltà elettrika u l-infrastruttura tal-iċċarġjar elettriku. Għandu jkun possibbli li l-klassi tal-emissjonijiet tal-vetturi tiġi identifikata permezz ta' dispożittiv elettroniku li jkollhom installat.

5.8.1.3

Id-distribuzzjoni tal-gass metan għandha tissaħħaħ permezz ta' appoġġ finanzjarju – fil-livell tal-UE u dak nazzjonali u lokali – lill-intrapriżi u l-kunsilli lokali li joħolqu netwerks ġodda jew isaħħu dawk li jeżistu.

5.8.1.4

L-investiment fit-trasport pubbliku lokali, permezz ta' proġetti pluriennali tal-UE, kofinanzjati fil-livell lokali u nazjonali, għandu jiġi finanzjat. Il-karozzi tal-linja għandhom ikunu:

ekoloġiċi u jaħdmu b'karburanti alternattivi;

jużaw propulsjoni ibrida bimodali;

elettriċi (kompletament elettriċi b'batterija li tinġarr) u li jkunu mgħammra b'sistemi taċ-ċarġjar jew ma' plakka jew b'sistema ta' induzzjoni (Faraday).

5.8.1.5

Għandhom jiġu sfruttati l-potenzjalitajiet interattivi bejn l-istrutturi fissi, it-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-modalitajiet tat-trasport. B'mod partikolari, għandu jiġi appoġġjat l-użu ta' materjali li fihom sustanzi fotokatalitiċi b'nanopigmenti tad-diossidu tat-titajnu (TiO2) li hekk kif jaqsmu l-molekoli b'sustanzi li jniġġsu jagħmluhom inokwi għas-saħħa (toroq, barrieri għat-traffiku, xogħolijiet ta' kisi jew xogħolijiet oħra ta' kostruzzjoni). F'dan ir-rigward huma ta' interess it-toroq li jwasslu għall-awtostradi b'kisja brevettata i.active COAT-Italcementi, li jnaddfu l-arja u huma retrorifletturi b'luminożità qawwija.

Brussell, 10 ta' Lulju 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  COM(2013) 918 final.

(2)  COM(2012) 710 final.

(3)  Ara l-Istandard EN 15242:2007Ventilation for buildings – Calculation methods for the determination of air flow rates in buildings including infiltration.


Top