Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014AE1791

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri strutturali li jtejbu r-reżiljenza ta' istituzzjonijiet ta' kreditu tal-UE” — COM(2014) 43 final – 2014/0020 (COD)

OJ C 451, 16.12.2014, p. 45–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 451/45


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri strutturali li jtejbu r-reżiljenza ta' istituzzjonijiet ta' kreditu tal-UE”

COM(2014) 43 final – 2014/0020 (COD)

(2014/C 451/07)

Relatur:

is-Sur IOZIA

Nhar il-25 ta’ Frar 2014 u nhar is-27 ta’ Marzu 2014, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri strutturali li jtejbu r-reżiljenza ta' istituzzjonijiet ta' kreditu tal-UE

COM(2014) 43 final – 2014/0020 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-23 ta' Ġunju 2014.

Matul il-500 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta' Lulju 2014 (seduta tad-9 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’97 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappoġġja bil-qawwi r-riforma strutturali tas-sistema bankarja, għax iqis li r-riforma hija dik ewlenija fost il-ħafna miżuri leġislattivi li tħejjew b'segwitu għall-kriżi finanzjarja. Il-KESE jenfasizza l-fatt li permezz ta' din ir-riforma, għall-ewwel darba se tiġi regolata s-sistema bankarja mill-għeruq tagħha u l-unjoni bankarja se tiġi kkompletata. Barra minn hekk tista' tagħti kontribut importanti biex terġa' tidħol il-fiduċja fost in-negozji u l-pubbliku, u fl-interessi ta' finanzjament adatt għall-ekonomija, biex tissaħħaħ is-sistema bankarja Ewropea u jitnaqqas ir-riskju ta' kontaġju.

1.2

Il-KESE huwa konvint dwar il-ħtieġa ta' dan ir-Regolament li se jerġa' jiddefinixxi mill-ġdid il-ġestjoni tal-kumplessità ta' servizzi bankarji u finanzjarji. Għall-Kumitat jidher ċar li r-Regolament propost mhux se jkun biżżejjed biex tiġi evitata kriżi oħra. Tinħtieġ bidla kbira fil-kultura finanzjarja u tħaddin tal-prinipji etiċi fl-attivitajiet ta' kuljum tas-settur finanzjarju. Il-partijiet interessati kollha għandhom jiġu involuti fit-tfassil ta' sistema finanzjarja u ekonomika ġdida sabiex jinħoloq settur finanzjarju sostenibbli u reżiljenti u biex jinstab bilanċ bejn l-interessi ta' dawk kollha konċernati bl-aħjar mod possibbli. Għal dan il-għan il-KESE huwa favur u jinkoraġġixxi li jsir ftehim kbir għar-rilanċ tal-ekonomika u biex terġa' tinkiseb il-fiduċja fl-Istituzzjonijiet finanzjarji, u jitlob lill-Kummissjoni biex tippromwovi Patt Soċjali Ewropew għal Finanzji Sostenibbli. Il-ħaddiema, l-amministrazzjoni, l-investituri, il-familji, l-SMEs, l-industriji u l-konsumaturi kummerċjali għandhom isibu qbil stabbli u ġust sabiex tinħoloq industrija tas-servizzi finanzjarji mfassla biex tiżviluppa l-ġid, tappoġġja l-ekonomija reali, it-tkabbir u l-impjiegi tajba, u biex tirrispetta l-ambjent u tevita konsegwenzi soċjali negattivi u mhux mixtieqa.

1.3

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa li tiġi żgurata konsistenza fil-kriterji ta' valutazzjoni użati mill-awtoritajiet nazzjonali u jirrakkomanda li r-regolamentazzjoni tiġi applikata b'mod uniformi fil-livell Ewropew u possibilment bi qbil mal-awtoritajiet nazzjonali tal-pajjiżi terzi.

1.4

Il-KESE għandu dubji dwar id-deċiżjoni li tiġi permessa l-koeżistenza ta' regolamenti nazzjonali differenti u, fl-istess ħin, oħrajn Ewropej. Il-KESE huwa tal-fehma li dan il-qafas kif inhu mfassal, jista' ma jiżgurax l-applikazzjoni uniformi tar-regoli l-ġodda. Jifhem li din id-deroga kienet intenzjonata biss għal-leġislazzjoni fis-seħħ fiż-żmien tal-proposta għal Regolament, sabiex tiġi żgurata ekwivalenza sħiħa mar-Regolament inkwistjoni.

1.5

Il-KESE jemmen li r-Regolament propost mill-Kummissjoni huwa rispons validu u effiċjenti maħsub biex jifred l-attivitajiet bankarji kummerċjali minn dawk ta' investiment. Fil-fatt, is-soluzzjoni magħżula, meta mqabbla ma' alternattivi li ntagħżlu f'diversi pajjiżi, hija bbażata fuq proċess ta' djalogu u ta' valutazzjoni li ma jmurx kontra l-mudell bankarju universali, għax jippreservah u jippermetti li tittieħed azzjoni biss fuq riskji eċċessivi assoċjati ma' dan il-mudell.

1.6

Il-KESE jisħaq li l-impatt tal-leġislazzjoni proposta fuq l-impjiegi ma tqisx biżżejjed. Mijiet ta' eluf ta' impjiegi jistgħu jintilfu minħabba r-Regolament dwar is-servizzi finanzjarji u mhuwiex aċċettabbli li ma ġiet ippjanata ebda miżura biex jitnaqqas l-impatt soċjali sostanzjali dirett jew indirett. Dan ir-Regolament jista' jikkawża impatt dirett limitat, iżda l-effetti li jista' jkollu fuq l-assi tal-kumpaniji se jħallu impatt fuq is-sistema finanzjarja kollha. Mill-banda l-oħra tajjeb wieħed jagħraf li r-riskju baxx tal-banek se jkun ta' benefiċċju għall-ekonomija reali b'mod ġenerali, u bla dubju b'effetti pożittivi fuq l-impjieg b'mod ġenerali.

1.7

Hemm tħassib serju li l-ispejjeż jistgħu jiġu mgħoddija lill-ħaddiema. Għalkemm il-Kummissjoni qieset dan l-aspett fil-valutazzjoni tal-impatt tagħha, jidher li fir-riforma ftit iddedikat spazju għal din il-kwistjoni. Minkejja li huwa minnu li l-attivitajiet kkonċernati mir-riforma jirrikjedu l-inqas numru ta' ħaddiema, l-effetti indiretti tar-riforma se jġibu politiki ta' tnaqqis tal-ispejjeż li jistgħu jwasslu għal aktar tnaqqis ta' impjiegi, kif tħabbar minn istituzzjonijet bankarji importanti.

1.8

Il-partijiet interessati huma ħafna (lobbies finanzjarji, Stati Membri kbar, konsumaturi u investituri, familji, intrapriżi kbar u żgħar, assoċjazzjonijiet...) u l-interessi tagħhom ivarjaw ħafna. It-tagħlima li tasal mill-passat, fiż-żmien meta kienu japplikaw ir-regoli tas-sistema finanzjarja, issa għandha tkun ċara: huwa l-interess pubbliku li għandu jieħu preċedenza. Il-Kumitat għalhekk jirrakkomanda li tinbidel ir-rotta u li għandna nħarsu lejn l-interess komuni bħala ċ-ċentru ta' preċedenza, b'mod li tibbilanċja l-interessi tal-partijiet interessati kollha, għaliex huwa konvint li dan huwa l-uniku mod li bih ir-riforma tista' tiffunzjona b'mod effettiv.

1.9

Il-KESE jinsab konvint li sabiex tiġi żgurata sistema finanzjarja sostenibbli, neħtieġu “finanzi li jafu jistennew” li ma jfittxux qligħ fuq perjodu ta' żmien qasir akkost ta' kollox u li jagħtu prijorità lill-effiċjenza u l-istabilità fuq żmien twil. Dan ir-Regolament jipproponi bidla fil-mudell tan-negozju.

1.10

Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni akbar lill-investituri u l-ħaddiema, li sal-lum ftit jitqiesu mir-riforma. Fit-tul, is-sostenibbiltà tas-sistema hija garantita bl-introduzzjoni ta' fiduċja ġdida li toħloq ambjent iktar sikur, kemm għall-investituri kif ukoll għall-ħaddiema, li huma partijiet attivi fil-proċess ta' ġestjoni tar-riskju.

1.11

Il-KESE iqis li l-flessibbiltà fl-applikazzjoni tar-regolamenti huwa prinċipju validu u adatt. Il-“bijodiversità” (1) ta' negozji bankarji tiżgura l-istabbiltà u l-effettività tas-sistema. Madankollu, il-Kumitat jenfasizza li dan m'għandux jitħallat mal-arbitrarjetà tar-regoli.

1.12

Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni sabiex fil-Valutazzjoni tal-Impatt tagħha tinkludi valutazzjoni dettaljata dwar l-interazzjoni tal-proposti ewlenin fir-Regolament attwali ma' inizjattivi li twettqu riċentament bħalma huma CRDIV, BRRD, SRM, eċċ., kif ukoll valutazzjoni tar-riskji ta' migrazzjoni lejn ibbankjar parallel.

1.13

Il-Kumitat jirrakkomanda kooperazzjoni u koordinament intensivi fl-attivitajiet ta' sorveljanza bejn l-Awtorità Bankarja Ewropea u l-awtoritajiet nazzjonali, li jifhmu sew is-swieq u li se jaqdu rwol kruċjali fil-ġestjoni tal-finanzi Ewropej riformati il-ġodda.

2.   Il-proposta għal Regolament

2.1

Skont il-Kummissjoni, il-proposta tirrapreżenta parti importanti mir-reazzjoni tal-Unjoni biex tindirizza l-problema ta' banek li huma “kbar wisq biex ifallu” Hija intenzjonata biex ma tħallix li fis-sistema bankarja tal-UE jkun hemm oqsma ta' riskju mhux monitorjati jew ġestiti. Din se twaqqaf l-espansjoni ta' attivitajiet ta' natura purament spekulattiva.

2.2

Il-proposta għal Regolament għandha l-għan li tipprevjeni r-riskju sistemiku, l-istress finanzjarju jew il-falliment ta' entitajiet kbar, kumplessi u interkonnessi fis-sistema finanzjarja, b'mod partikulari l-istituzzjonijiet ta' kreditu, u li jintlaħqu dawn l-objettivi:

(a)

li jitnaqqas it-teħid ta' riskju eċċessiv fi ħdan l-istituzzjoni ta' kreditu;

(b)

li jitneħħew il-kunflitti ta’ interess materjali bejn il-partijiet differenti tal-istituzzjoni ta’ kreditu;

(c)

li tiġi evitata l-allokazzjoni ħażina ta’ riżorsi u li jitħeġġeġ is-self għall-ekonomija reali;

(d)

li jikkontribwixxi għall-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni mhux imxekkla għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha fi ħdan is-suq intern;

(e)

li titnaqqas l-interkonnettività fi ħdan is-settur finanzjarju li twassal għal riskju sistemiku;

(f)

li jiġu ffaċilitati l-immaniġġjar, il-monitoraġġ u s-superviżjoni tal-istituzzjoni ta' kreditu;

(g)

li tiffaċilita r-riżoluzzjoni u l-irkupru tal-grupp b’mod ordnat.

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar:

(h)

il-projbizzjoni ta’ negozjar proprjetarju;

(i)

is-separazzjoni ta’ ċerti attivitajiet ta' negozjar.

2.3

Għandhom jibqgħu jitħallew tipi oħrajn ta' servizzi/prodotti finanzjarji addizzjonali (titolizzazzjoni, bonds korporattivi, derivattivi, eċċ).

3.   Kunsiderazzjonijiet preliminari

3.1

Il-Kummissjoni tistma li l-kriżi finanzjarja swiet lill-gvernijiet tal-UE madwar EUR 1,6 triljun (13 % tal-PDG tal-UE) f'għajnuniet mill-Istat għas-salvataġġ finanzjarju lis-settur finanzjarju.

3.2

Il-konċentrazzjoni fis-settur bankarju hija partikolarment għolja: 14-il grupp bankarju Ewropew huma fil-lista ta' istituzzjonijiet finanzjarji ta' importanza sistemika f'livell globali (SIFIs), u 15-il grupp bankarju Ewropew għandhom 43 % tal-volum tas-suq u jirrappreżentaw 150 % tal-PDG tal-UE-27, b'65 % tal-assi f'idejn l-ewwel tletin grupp!

3.3

Il-kriżi finanzjarja, li bdiet fl-Istati Uniti u bħal tsunami laqtet is-sistema Ewropea, kellha diversi kawżi iżda dawk prinċipali jista' jitqies li huma: it-teħid ta' riskju eċċessiv, l-ingranaġġ finanzjarju eċċessiv, ir-rekwiżiti kapitali u ta' likwidità inadegwati, l-arkitettura kumplessa tas-sistema bankarja b'mod ġenerali.

3.3.1

F'Ottubru 2012, il-grupp Liikanen iddikjara li huwa neċessarju li ċerti attivitajiet finanzjarji li huma partikolarment riskjużi jiġu separati legalment mill-banek li jieħdu depożiti fi ħdan il-grupp bankarju. L-attivitajiet li għandhom jiġu separati jkunu jinkludu negozjar ta' titoli u derivattivi għan-nom proprju, u ċerti attivitajiet oħrajn marbutin mill-qrib mas-swieq tat-titoli u d-derivattivi (2).

3.4

Permezz ta' dan ir-Regolament il-Kummissjoni għandha l-għan li tnaqqas il-marġni tar-riskju fis-sistema bankarja u tikkontrolla l-operazzjonijiet kollha li għandhom potenzjal spekulattiv. Flimkien ma' dan għandu jitqies ir-Regolament dwar tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli (3), li għandu l-għan li jnaqqas l-marġini ta' opaċità fis-“sistema bankarja parallela”. Għandu jitfakkar li, fl-aħħar tal-2012, dawn kienu jimmaniġġjaw EUR 53 triljun globalment, jiġifieri daqs nofs l-assi totali fis-sistema bankarja internazzjonali, primarjament fl-Ewropa, b'madwar EUR 23 triljun, u b'EUR 19-il triljun fl-Istati Uniti. Dawn huma ċifri impressjonanti jekk jitqabblu mal-PDG kollu tal-UE 28, li ma qabiżx EUR 13,071 triljun fl-2013 (Eurostat).

3.5

Fir-riżoluzzjoni McCarthy tal-Parlament Ewropew (4) jidhru xi prinċipji fundamentali u fost oħrajn huwa indikat li: “l-prinċipju ewlieni tar-riforma bankarja għandu jkun li tiġi pprovduta sistema bankarja sigura, stabbli u effiċjenti li taqdi l-ħtiġijiet tal-ekonomija reali, il-klijenti u l-konsumaturi; (...) ir-riforma strutturali għandha tistimola tkabbir ekonomiku billi tappoġġa l-għoti ta' kreditu lill-ekonomija, b'mod partikolari lill-SMEs u n-negozji l-ġodda (start-ups), tipprovdi reżiljenza akbar kontra l-possibbiltajiet ta' kriżi finanzjarji, terġa' ġġib l-fiduċja fil-banek fl-aspetti kollha, u tneħħi r-riskji għall-finanzi pubbliċi; (...) is-sistema bankarja, sabiex tkun effettiva, għandha twassal għal bidla fil-kultura bankarja sabiex tnaqqas il-kumplessità, issaħħaħ il-kompetizzjoni, tillimita interrelazzjonijiet bejn l-attivitajiet kummerċjali u riskjużi, ittejjeb il-governanza korporattiva, toħloq sistema responsabbli ta' rimunerazzjoni, opportunità effettiva biex timplimenta b'mod effettiv il-mekkaniżmi ta' rkupru u riżoluzzjoni tal-kriżi tal-banek minbarra li ssaħħaħ il-kapital tal-banek u l-provvediment tal-kreditu lill-ekonomija reali.”

Is-sorveljanza l-ġdida tas-swieq internazzjonali ħarġet aktar b'saħħitha, aktar profonda, u speċjalment b'aktar setgħat minn qabel, b'inqas diskrezzjoni u aktar garanziji għas-suq u l-utenti aħħarin.

4.   Il-punti ewlenin tas-smigħ

4.1

Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-Kummissjoni qed issegwi fid-direzzjoni t-tajba, iżda jaħseb li jkun utli li jippreżenta xi fehmiet li ħarġu mid-diskussjoni ma' partijiet interessati differenti li forsi ma saritx biżżejjed riflessjoni dwarhom. Il-KESE għaldaqstant jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar xi punti ewlenin mill-interventi tal-partijiet interessati differenti. Għalkemm ma jirrappreżentawx il-fehmiet tal-KESE b'mod sħiħ, xorta jistħoqqilhom li jiġu notati b'mod preċiż.

4.2

B'mod ġenerali, ir-riforma proposta ntlaqgħet tajjeb. Il-projbizzjoni ta' kummerċ proprjetarju u s-separazzjoni tal-attivitajiet tradizzjonali mill-kummerċ huma meqjusa mill-maġġoranza bħala strumenti adattati biex tiġi limitata l-ispekulazzjoni fuq prodotti finanzjarji u biex jixprunaw l-attivitajiet tas-self bankarju, is-sors ewlieni ta' finanzjament għall-SMEs u li f'dawn l-aħħar snin naqas ħafna minħabba politiki dwar l-ispekulazzjoni fuq il-kummerċ.

4.3

Huwa importanti li fl-applikazzjoni tar-riforma titqies id-diversità kbira tal-mudelli tan-negozju sabiex jiġi żgurat li l-banek lokali jkunu jistgħu jkomplu jservu l-ekonomiji lokali.

4.4

Enfasi partikolari għandha tingħata lill-mudell tan-negozju ta' banek popolari u kooperattivi. Ir-riforma titqies li ftit hija adattata jew adattabbli għan-netwerk speċifiku tagħhom. B'mod partikolari, it-tħassib li ntwera huwa li r-riforma tista' ddgħajjef l-mod kif jaħdmu u l-kapaċità tagħhom li jkunu ta' kuljum fuq il-post biex jappoġġjaw l-ekonomija reali. Huwa għalhekk irrakkomandat li jiġu ppreservati l-ispeċifiċità u d-diversità tan-negozju tal-banek.

4.5

Ir-riforma, flimkien ma' għadd ta' miżuri oħrajn stabbiliti mill-Kummissjoni f'dawn l-aħħar snin, se ttejjeb it-trasparenza ta' tranżazzjonijiet individwali u tas-sistema bankarja inġenerali, iżda se żżid ukoll l-ispejjeż globali f'diversi livelli. F'dan ir-rigward, id-dibattitu enfasizza biċ-ċar il-ħtieġa għal valutazzjoni tal-impatt ġenerali dwar ir-riformi regolatorji finanzjarji, minkejja l-għarfien dwar il-kumplessità tal-valutazzjoni.

4.6

Hemm il-biża' li, kif spiss ikun il-każ, dawn l-ispejjeż jingħaddu lill-konsumatur finali tas-servizzi finanzjarji. Tqajmet ukoll il-mistoqsija dwar jekk l-effetti pożittivi previsti bħala riżultat tal-miżuri l-ġodda, pereżempju f'termini ta' stabbilità tas-sistema bankarja, ikunux iżgħar minn dawk negattivi.

4.7

B'referenza speċifika għas-sistema ta' protezzjoni tal-iżvelaturi, il-Kumitat u l-imsieħba soċjali li semmew din il-kwistjoni faħħru lill-Kummissjoni dwar is-sistema ta' regoli previsti. Tressqu talbiet biex tingħata definizzjoni aħjar tat-terminu “protezzjoni xierqa” (Art. 30) u biex tiġi ċċarata l-estensjoni tar-regoli proposti għall-ħaddiema kollha, sabiex jitħeġġu u jiġu motivati jirraportaw kull ksur.

4.8

Fir-rigward tas-sanzjonijiet previsti (Art. 28 u 29), huwa rakkomandat li r-responsabilità għal kwalunkwe ksur tiġi stabbilita primarjament fuq livell istituzzjonali, dak ta' governanza, u mhux ta' persuna speċifika.

4.9

Fir-rigward tas-sistema ta' rimunerazzjoni, huwa rakkomandat li tiddaħħal referenza espliċita għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 69 tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital (CRD) IV.

5.   Kummenti tal-KESE

5.1

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-miżuri inklużi fil-proposta tal-Kummissjoni u jaqbel mal-għażla li jintuża Regolament bħala strument legali, li huwa adatt għall-finijiet ta' armonizzazzjoni tas-suq uniku, sabiex jiġi evitat arbitraġġ regolatorju u terġa' tiddaħħal sistema bankarja ġdida għas-servizz taċ-ċittadini u l-komunità, effiċjenti u produttiva, li tagħti appoġġ għall-ekonomija reali, u għall-familji, għall-iżvilupp ibbilanċjat u sostenibbli tas-soċjetà, b'viżjoni fit-tul li tgħaqqad flimkien l-innovazzjoni u s-sigurtà.

5.2

Il-KESE appoġġa bil-qawwa r-riformi suċċessivi li issa bdew jagħtu l-ewwel frott tagħhom. Dan ir-Regolament jittratta waħda mill-aktar kwistjonijiet kumplessi u sensittivi fis-sistema kollha: ir-reżiljenza u l-qafas legali ta' kumpaniji finanzjarji, li xi wħud minnhom għandhom volum ta' attività li jaqbeż il-PDG ta' ħafna Stati Membri. Il-volumi totali tal-attività tal-akbar għaxar banek Ewropej jaqbeż il-PDG tal-UE-28 (5) (aktar minn EUR 15  000 biljun).

5.3

Il-proposta għal Regolament għandha l-għan li tneħħi mill-qofol tagħha problema diffiċli li toriġina mid-daqs, l-interkonnessjoni u l-kumplessità ta' ċerti istituzzjonijiet, hekk imsejħa “sistemiċi” li jistgħu jwasslu għal kriżi sistemika. “Too big to fail”, jew “kbar wisq biex ifallu” issa saret il-mantra li taħbi azzjonijiet li mhux biss jiksru l-aktar prinċipji etiċi fundamentali iżda jinkludu frodi u ksur tal-liġi, bħalma sfortunatment qed ikomplu juru każijiet ta' skandli finanzjarji riċenti u oħrajn aktar riċenti. Dawn it-tipi ta' azzjonijiet jiġu sottovalutati u msejħa “periklu morali”, jew riskju etiku!

5.4

Il-Kummissarju Barnier ħabbar it-tnedija tal-proposta b'dawn il-kliem: “L-għan tagħna huwa li tiġi evitata l-preżenza ta' banek li huma kbar wisq biex ifallu, jiswew wisq biex jiġu salvati, huma wisq kumplessi biex jiġu ristrutturati”.

5.5

Il-KESE jemmen li l-miżuri proposti huma pass fid-direzzjoni t-tajba, jiġifieri jnaqqsu r-riskju li dawk li jħallsu t-taxxa se jkollhom jerġgħu jieħdu aktar passi biex isalvaw il-banek li jkunu f'diffikultà. Fid-dawl tas-salvataġġi finanzjarji ripetuti l-KESE kien wissa kontra l-effetti diżastrużi li dawn seta' jkollhom fuq id-dejn sovran u konsegwentement l-effetti detrimentali ta' reċessjoni li dehret inevitabbli. Sfortunatament, il-previżjonijiet irriżultaw veri, saħansitra iktar gravi milli mistennija, minħabba żbalji impressjonanti dwar l-effetti ta' numru dejjem jikber ta' politiki ta' aġġustament baġitarju kkawżati mir-rekwiżiti nazzjonali jew minħabba politika tal-Unjoni għal tul ta' żmien qasir jew żbaljata, li ma fehmitx li kienu meħtieġa azzjoni flessibbli u miżuri kompensatorji kontra r-riċessjoni.

5.5.1

Huwa biss issa li nistgħu nistmaw il-ħsara li rriżultat minn din il-politika u għandna nirrikonoxxu li kien biss bis-saħħa tal-ġestjoni brillanti taż-żona tal-euro mill-Bank Ċentrali Ewropew li ġew evitati konsegwenzi agħar u ġie salvat l-euro, u fl-aħħar mill-aħħar l-Unjoni. Li kieku ngħata widen għall-pariri tal-KESE, forsi ħafna ħsara setgħet tiġi evitata.

5.6

Għalhekk, għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni assenjat rwol deċiżiv lill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA). L-EBA se tiġi kkonsultata f'każ li jkun meħtieġ li ċerti deċiżjonijiet previsti f'din il-proposta jiġu adottati. Barra dan, se tingħata l-mandat li tħejji abbozzi ta' standards tekniċi u implimentattivi regolatorji, u għandha taġġorna lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament billi tibgħat rapporti. F'numru ta' okkażjonijiet il-KESE saħaq li, minkejja li m'hemmx dubju dwar il-kompetenzi li għandha, il-Kummissjoni ma kinitx qed talloka biżżejjed kompiti u riżorsi lil din l-awtorità importanti.

5.7

Fl-1999, l-Istati Uniti adottat liġi li tirrevoka l-Att Glass-Steagall, u b'mod partikolari s-separazzjoni ta' attivitajiet bankarji kummerċjali u minn dawk ta' investiment. Sfortunatament, l-Unjoni segwiet ukoll l-għażla diżastruża tal-amministrazzjoni Amerikana. Il-KESE jinnota li d-dispożizzjonijiet attwali fil-fatt jerġgħu jintroduċu s-separazzjoni bejn iż-żewġ oqsma ta' attività u saħansitra jmorru lil hinn għax, ħlief għal ftit eċċezzjonijiet, jipprojbixxu li l-istituzzjonijiet ta' kreditu jaċċettaw depożiti li jirriżultaw prinċipalment minn attivitajiet ta' investiment jew ta' assi kurrenti.

5.7.1

Huwa kruċjali li l-UE taħdem mill-qrib ma' pajjiżi terzi, speċjalment l-Istati Uniti, sabiex tagħmel progress lejn approċċ sostanzjali komuni għar-regolamentazzjoni. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex issaħħaħ il-kooperazzjoni interna.

5.8

Ir-Regolament propost iħalli lok għal ħafna diskrezzjoni tal-awtoritajiet kompetenti. Huwa kruċjali li dawn jaġixxu, u jibbażaw il-valutazzjonijiet tagħhom abbażi ta' kriterji ċari, armonizzati u prevedibbli li jiddefinixxu meta bank ma jkunx jista' jibqa' jimmaniġġja l-livelli għolja ta' attivitajiet ta' assi kurrenti tiegħu stess. Mingħajr qafas ta' referenza komuni r-riskju ta' interpretazzjoni suġġettiva jitsa' jwassal għall-effett oppost ta' dak li hu mistenni skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 114 tat-TFUE.

5.9

Il-KESE japprezza l-għażla finali tal-Kummissjoni favur separazzjoni ta' attivitajiet ta' negozjar tas-suq u dawk għan-nom proprju b'mod ex-post minflok ex-ante: u għaldaqstant l-istandards tekniċi fdati lill-EBA huma kruċjali. Fid-dawl tal-applikazzjoni tar-regoli dwar ir-riżoluzzjoni u, b'mod partikolari t-twaqqif tal-awtorità tar-riżoluzzjoni, approvata mill-Kunsill tal-ECOFIN f'Diċembru tal-2013, il-KESE jirrakkomanda li jitnedew arranġamenti immedjati għall-koordinazzjoni u l-identifikazzjoni tar-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej, sabiex jiġi evitat ir-riskju ta' duplikazzjoni tad-deċiżjonijiet, jew saħansitra agħar minn hekk, interpretazzjonijiet u valutazzjonijiet konfliġġenti mill-awtoritajiet rilevanti. Ladarba tkun twaqqfet, l-awtorità tar-riżoluzzjoni unika għandha tipparteċipa flimkien mal-EBA biex jitfassal il-mekkaniżmu u jiġu definiti l-istandards tekniċi.

5.10

Il-KESE ma jaqbilx mal-kritika li saret lill-Kummissjoni rigward l-importanza relattiva ta' attivitajiet li jistgħu jkunu suġġetti għal separazzjoni. F'xi istituzzjonijiet ta' kreditu, is-sehem tagħhom kien sostanzjali immens u n-nuqqas ta' regoli speċifiċi wassal biex jiġu esposti għal riskju għoli ħafna li seta' wassal għal kriżi sistemika ħafna agħar minn dik li seħħet, b'effetti diżastrużi fuq is-sistema ta' pagamenti ta' saldu u l-ekonomija b'mod ġenerali. Kienu biss l-injezzjonijiet ġodda minn flus iċ-ċittafini u l-kapaċità ta' rispons mill-BĊE li għenu biex jiġi evitat diżastru.

5.11

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon u jappoġġa lill-Kummissjoni għall-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet espliċiti dwar il-protezzjoni ta' professjonisti fis-settur finanzjarju li huma esposti għal konsegwenzi severi f'każ ta' żvelar ta' interess pubbliku dwar irregolaritajiet, li wara jgħaddu minn ritaljazzjoni jew saħansitra tkeċċija mill-impjieg. Il-monitoraġġ intern, magħruf bħala 'whistleblowing', għandu jitħeġġeġ u jingħata appoġġ. Il-konformità mar-regoli hija ta' spiss injorata, evitata jew saħansitra miksura, u dan jesponi lill-istituzzjonijiet bankarji u lill-persunal tagħhom għal riskji inkalkolabbli. L-iskoperta riċenti ta' prattiki li jmorru kontra l-istandards u r-regoli kollha, xi kultant minn impriżi magħrufin sew jew stmati ħafna, kienet possibbli biss minħabba l-kooperazzjoni attiva tal-persuni impjegati magħhom!

5.11.1

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa sistema ta' monitoraġġ speċifiku tal-obbligi tal-Istati Membri li jadottaw leġislazzjoni għal protezzjoni adatta u biex tippreżenta rapport fi żmien sentejn mill-applikazzjoni tar-Regolament.

5.12

Il-KESE huwa konxju ħafna tal-kwistjonijiet rigward ir-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi, b'mod partikolari dwar ir-reċiproċità u dwar il-konformità mar-regoli mill-partijiet kollha li joperaw fl-UE. Huwa jqis li l-approċċ tal-Kummissjoni huwa bilanċjat u jaqbel mal-proposta tagħha f'dan ir-rigward. Il-KESE jirrakkomanda li titkompla u tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Istati Uniti, b'mod partikolari fil-qasam tar-regolamentazzjoni finanzjarja, sabiex jiġu żviluppati sistemi kemm jista' jkun omeġenji, li jadottaw approċċ uniformi għall-istess problemi.

5.13

Barra minn hekk, il-KESE jilqa' wkoll il-fatt li r-regolamenti tal-Kummissjoni bdew iwieġbu b'mod adatt għal waħda mill-kwistjonijiet li l-Kumitat enfasizza ta' spiss fil-passat, f'dan il-każ rigward is-sanzjonijiet amministrattivi, peress li s-sanzjonijiet kriminali huma barra mill-mandat tal-Kummissjoni. Il-proposti tal-Kummissjoni jidhru raġonevoli, proporzjonati u dissważivi.

5.14

Il-KESE wera, f'diversi okkażjonijiet, ir-riżervi tiegħu dwar l-użu ta' atti ddelegati. Għalkemm il-Kumitat jagħraf l-importanza ta' aġġustament tal-leġislazzjoni matul is-snin, il-KESE jinnota li s-sistema ta' atti ddelegati tintroduċi inċertezzi mhux mixtieqa f'dan il-qasam.

Brussell, 9 ta' Lulju 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 100, 30.04.2009, p. 84.

(2)  http://ec.europa.eu/internal_market/bank/docs/high-level_expert_group/report_en.pdf

(3)  COM(2014) 40 final.

(4)  http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//NONSGML+COMPARL+PE-506.244+01+DOC+PDF+V0//EN&language=MT (2013/2021(INI).

(5)  http://www.relbanks.com/top-european-banks/assets


Top