Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TN0709

Kawża T-709/14: Rikors ippreżentat fit- 3 ta’ Ottubru 2014 – Tri-Ocean Trading vs Il-Kunsill

OJ C 448, 15.12.2014, p. 32–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 448/32


Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Ottubru 2014 – Tri-Ocean Trading vs Il-Kunsill

(Kawża T-709/14)

(2014/C 448/41)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Tri-Ocean Trading (George Town, il-Gżejjer Kajman) (rappreżentanti: P. Saini, QC, B. Kennelly, Barrister, u N. Sheikh, Solicitor)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/488/PESK, tat-22 ta’ Lulju 2014, li timplementa d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 793/2014 tat-22 ta’ Lulju 2014 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja sa fejn japplikaw għar-rikorrenti; u

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq li l-Kunsill naqas li jissodisfa l-kriterju sabiex tiġi inkluża fil-lista, jiġifieri li l-persuna kkonċernata kienet “responsabbli mir-repressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja”, jew persuna li “tibbenefika minn jew li tappoġġa r-reġim” jew persuna assoċjata ma’ tali persuna. Il-Kunsill naqas milli jistabbilixxi li l-motivi mejqusa kontra l-entità kkonċernata kienu fondati.

It-tieni motiv, ibbażat fuq li l-Kunsill kiser id-dritt tar-rikorrenti għad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Ir-rikorrenti, fl-ebda stadju, ma pproduċa “provi serju u kredibbli” jew “provi konkret u kredibbli” favur argumenti li jiġġustifikaw miżuri restrittivi kontriha, kif rikjest mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

It-tielet motiv, ibbażat fuq li l-Kunsill naqas milli jagħti li-rikorrenti motivi suffiċjenti għall-inklużjoni tagħha fil-lista.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq li l-Kunsill kiser b’mod gravi d-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti għall-proprjetà u għar-reputazzjoni. Il-miżuri restrittivi kienu imposti mingħajr salvagwardji xierqa li jippermettu lir-rikorrenti li tispjega l-każ tagħha b’mod effettiv quddiem il-Kunsill. Il-Kunsill ma weriex li l-indħil ferm sinjifikattiv mad-drittijiet tal-proprjetà huwa ġġustifikat u pproporzjonat. L-indħil lir-rikorrenti imur lilhinn minn impatt finanzjarju, u rriżulta wkoll fi ħsara lir-reputazzjoni tagħha.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Kuntrarjament għall-uniku motiv raġuni għall-inklużjoni tagħha, ma hemm l-ebda informazzjoni jew provi disponibbli li r-rikorrenti fil-fatt pprovdiet “appoġġ għar-reġim Sirjan” u b’hekk ibbenefikaw minn dan ir-reġim.


Top