Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE5988

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fondi tas-Suq Monetarju COM(2013) 615 final – 2013/0306 (COD)

OJ C 170, 5.6.2014, p. 50–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 170/50


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fondi tas-Suq Monetarju

COM(2013) 615 final – 2013/0306 (COD)

2014/C 170/08

Relatur: is-Sur IOZIA

Nhar it-12 ta’ Settembru 2013 u nhar id-19 ta' Settembru 2013, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 114 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fondi tas-Suq Monetarju

COM(2013) 615 final – 2013/0306 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-13 ta' Novembru 2013.

Matul l-494 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta' Diċembru 2013 (seduta tal-10 ta' Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’149 vot favur, 2 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ l-fatt li sa fl-aħħar il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-proposta mistennija u imħabbra diversi drabi għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-fondi tas-suq monetarju.

1.2

Is-suq tal-ibbankjar parallel huwa importanti ferm, u l-istimi tal-Bord għall-Istabbilità Finanzjarja (FSB) jindikaw iċ-ċifra ta’ EUR 51 000 biljun globalment; jew 25-30 % tas-sistema finanzjarja kollha kemm hi. Fl-Ewropa, il-biċċa l-kbira tal-Fondi tas-Suq Monetarju (MMFs) hija koperta mid-Direttiva 2009/65/KE (Impriżi ta’ Investiment Kollettiv f’Titoli Trasferibbli – UCITS), madwar 80 % tal-volumi u 60 % tal-fondi. Il-bqija tal-MMFs, minn Lulju 2013 lil hawn joperaw skont ir-regoli tad-Direttiva 2011/61/UE dwar maniġers ta' fondi ta' investiment alternattivi.

1.3

Il-ħtieġa li jiġu regolati l-attivitajiet tas-sistema bankarja hekk imsejħa “parallela”, tirriżulta minn żewġ raġunijiet ewlenin: il-possibbiltà li s-sistema bankarja parallela tintuża bħala mezz biex tiġi evitata r-regolazzjoni, partikolarment ir-rekwiżiti kapitali, jew biex jitwettqu attivitajiet li jistgħu jiġu ttrattati taħt is-sistema regolatorja tradizzjonali, u b'hekk tiżdied il-probabbiltà ta’ xi avveniment sistemiku. Ir-raġuni l-oħra prinċipali toħroġ mill-fatt li l-attivitajiet finanzjarji tal-ibbankjar parallel jużaw effetti ta' lieva importanti biex jesponu s-settur finanzjarju, bħal fil-każ tal-banek tradizzjonali, għal paniku u avveniment sistemiku.

1.4

Il-KESE jaqbel mal-għażla tal-Kummissjoni li jintuża regolament, u mhux direttiva, biex jiġi regolat is-settur. Minħabba l-karatteristiċi tal-MMFs li joperaw fuq livell dinji, minkejja li dawn huma bbażati essenjalment fi tliet pajjiżi, jiġifieri fi Franza, fl-Irlanda u fil-Lussemburgu, huwa kruċjali li tiddaħħal regolamentazzjoni omoġenja u applikabbli minnufih. Din l-għażla tindirizza bis-sħiħ il-prinċipji tal-proporzjonalità u tas-sussidjarjetà.

1.5

Fuq struzzjonijiet tal-FSB, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO) ipproduċiet l-ewwel sett ta’ rakkomandazzjonijiet f’Ottubru 2012 biex tipprovdi gwida għar-regolaturi sabiex jintervjenu fis-suq tal-MMFs. F’Novembru 2012 imiss lill-FSB biex jipproponi dokument sabiex jindirizza r-regolazzjoni, bil-għan li titnaqqas is-sensittività tal-MMFs għat-tnaqqis fl-investimenti mill-investituri, u fl-20 ta' Novembru 2012 imiss lill-PE biex iressaq l-osservazzjonijiet tiegħu dwar dan. Fl-aħħar nett, il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) f’Diċembru 2012 (1) ħareġ ir-rakkomandazzjoni tiegħu.

1.6

Fl-Istati Uniti, il-Kummissjoni għat-Titoli u l-Kambju (Securities and Exchange Commission – SEC) ħarġet l-istandard 2-a7 li ilu jirregola dan il-qasam mill-2010, u fid-19 ta' Novembru 2012 (2) il-Kunsill għas-Sorveljanza tal-Istabbiltà Finanzjarja (Financial Stability Oversight Council – FSOC), l-awtorità responsabbli għar-regolazzjoni fl-Istati Uniti, nediet reviżjoni tal-leġislazzjoni fis-seħħ u ressqet proposti li jixbhu ħafna lil dawk li ppreżentat il-Kummissjoni Ewropea: obbligu ta' implimentazzjoni ta' bafer ta' kapital, trasferiment obbligatorju minn MMF għal valur nett ta' assi varjabbli u obbligi ta' investiment fuq perjodu qasir ta' żmien, u komunikazzjoni aktar spissa lis-suq dwar il-kompożizzjoni tal-portafoll ta' investimenti. Fid-dawl tal-integrazzjoni qawwija tas-swieq il-KESE jirrakkomanda li jintużaw regolamenti omoġenji u effikaċi bħal dawk tal-awtoritajiet fl-Istati Uniti.

1.7

Il-KESE jaqbel mad-dikjarazzjoni li hemm fid-dokument tal-BERS. Il-MMFs ma kkawżawx il-kriżi finanzjarja tal-2007-2008, iżda bl-attività tagħhom matul it-taqlib finanzjarju rriżulta li setgħu jestendu jew saħansitra jkabbru xi kriżi. L-esperjenza tal-2007-2008 wriet kif l-MMFs huma esposti għal abbandun mill-investituri u jistgħu jiġu bżonn ta' appoġġ mill-kumpaniji li jikkontribwixxu, b’mod partikolari sabiex il-valur nett tal-assi tagħhom jinżamm kostanti”.

1.8

Il-Kumitat itenni li “minkejja li m’hemmx dubju dwar il-bżonn tal-likwidità tas-sistema finanzjarja – li sa minn qabel il-kriżi ddependiet ħafna fuq is-sistema tal-ibbankjar parallel – l-esperjenza mill-kriżi tgħallem li fil-proċess regolatorju għandha tingħata prijorità lill-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, għax din hija essenzjali”. Effettivament, “m’għandu jkun hemm l-ebda attività ‘parallela’, u għalhekk is-sistema tal-ibbankjar parallel għandha tkun soġġetta għall-istess rekwiżiti regolatorji u prudenzjali bħall-bqija tas-sistema finanzjarja”. “Ir-regoli l-ġodda għandhom jimmiraw ukoll biex joffru protezzjoni għolja lill-konsumaturi Ewropej”.

1.9

Il-Kumitat diġà għal xi żmien, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-FSB, kien talab għal adozzjoni rapida tar-Regolament (3). Huwa fundamentali li l-Parlament u l-Kunsill jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa kemm jista’ jkun malajr biex titnieda l-eżami tar-Regolament ikkonċernat, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-emendi proposti mill-KESE. Ir-riskju reali huwa li r-regoli jittardjaw b'ħafna xhur, minħabba l-iskadenzi istituzzjonali tal-Parlament u tal-Kummissjoni.

1.10

Il-KESE jqis li r-rakkomandazzjoni maħruġa mil-FSB u l-BERS (4) dwar ir-riskju tal-ishma tas-CNAV (Constant Net Asset Value), li għandhom jinbidlu f'NAV varjabbli, hija aħjar u aktar adatta għall-għan. Meta jitqies il-fatt li r-riskju massimu li rriżulta kien jaqbeż is-6 %, il-bafer ta’ kapital ta’ 3 % jidher li mhuwiex biżżejjed biex jindirizza t-talbiet ta' likwidità f'perjodu meta l-atturi kollha jkunu qed jistennew taqlib serju fis-suq u jirtiraw l-investimenti tagħhom.

2.   Il-proposta għal regolament: il-punti ewlenin

2.1

Il-proposta għal regolament tal-Kummissjoni hija segwitu għall-Green Paper tas-sena li għaddiet dwar is-sistema bankarja parallela (ara IP/12/253 u MEMO/12/191). Din tagħti sommarju tal-ħidma mwettqa s’issa u tipprovdi pjan direzzjonali għal azzjoni regolatorja sussegwenti li tista' tittieħed f’dan il-qasam importanti.

2.2

L-avvenimenti li ġraw matul il-kriżi finanzjarja xeħtu dawl fuq diversi aspetti tal-MMFs li għamluhom vulnerabbli f'każ ta' diffikultajiet fis-suq finanzjarju u li jistgħu jittrasmettu jew ikabbru ir-riskji permezz tas-swieq.

2.3

Il-linji gwida adottati mill-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli (CESR – Committee of European Securities Regulators) biex jintroduċu minimu ta' bażi komuni, ġew applikati wara sena minn tnax-il Stat Membru biss, u dan juri li għadhom jippersistu diversi regolamenti nazzjonali. Dan jitlob azzjoni bikrija u deċiża.

2.4

L-MMFs ma jkunux jistgħu joperaw b'derivattivi, barra miċ-ċirkwiti normali li jipproteġuhom mir-riskju tal-kambju u mill-interessi.

2.5

L-MMFs għandhom inaqqsu wkoll ir-riskju tal-kontraparti permezz ta' diversifikazzjoni tal-investimenti: ma jkunx permessibbli li wieħed iżomm aktar minn 20 % għal kuntratt ta' riakkwist mal-istess kontraparti.

2.6

Il-maniġers ma għandhomx jitolbu opinjoni mingħand l-aġenziji speċjalizzati esterni; però għandhom jesiġu lill-MMFs biex iwettqu testijiet tal-istress fuq bażi perjodika biex jivverifikaw il-kapaċità tagħhom ta' reżiljenza.

2.7

Il-Proposta għal regolament timmira biex iżżid sew it-trasparenza, permezz ta’:

ġbir ta’ data dettaljata;

leġislazzjoni dwar l-istrumenti finanzjarji u r-riskji assoċjati mat-tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli;

id-definizzjoni ta’ qafas li jmexxi l-interazzjonijiet mal-banek.

2.8

Il-Proposta għal regolament tipproponi wkoll trażżin tal-fondi tas-suq monetarju, u titlob kundizzjonijiet ta' likwidità aktar stretti. Fil-fehma tal-Kummissjoni, dan jiggarantixxi li f’każ ta’ rtirar tal-kapital mill-investituri l-fondi jkunu f'pożizzjoni li jagħmlu ħlas lura mingħajr riperkussjonijiet għas-sistema.

2.9

B’mod partikolari, il-fondi se jkunu meħtieġa jżommu fil-portafoll mill-inqas 10 % ta’ investimenti f’assi li jimmaturaw f'jum u 20 % ieħor għal investimenti li jimmaturaw f'ġimgħa, filwaqt li ma jistax ikollhom esponiment li jaqbeż il-5 % fil-valur fil-konfront ta’ emittent uniku. Għandu jiġi wkoll garantit bafer ta' kapitali ta’ 3 % għal fondi CNAV.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

L-ibbankjar parallel jaqdi rwol importanti fil-finanzjament tal-ekonomija reali. Is-sistema bankarja parallela kkontribwixxiet għall-finanzjarizzazzjoni tal-ekonomija u l-bużżieqa immobbiljari li fl-2007 laqtet diversi pajjiżi żviluppati u wasslet 'l-ekonomiji tagħhom fix-xifer; għalhekk huwa meħtieġ li s-sistema bankarja parallela tingħata r-responsabbiltà prinċipali, għalkemm mhux esklużiva, għar-reċessjonijiet li laqtu lill-Istati Uniti u lil bosta Stati Membri tal-UE. “Is-sistema finanzjarja kollha kemm hi teħtieġ li tkun għas-servizz tal-ekonomija reali”. (5) L-SMEs b'mod partikolari qed jaffaċċjaw problemi serji f'dak li jirrigwarda t-tnaqqis li qed isir fil-krediti. Is-sistema bankarja ma tidhirx li hija f'kundizzjoni li taqdi l-funzjoni ewlenija tagħha ta' sostenn tal-ekonomija reali.

3.2

L-MMFs ilaqqgħu flimkien id-domanda u l-provvista ta’ assi likwidi għal perjodu qasir.

3.3

Kif osservat ukoll mill-FSB u minn istituzzjonijiet importanti oħrajn fosthom l-IOSCO u l-BERS, minkejja l-għarfien dwar l-importanza sistemika tal-MMFs dawn ma ngħatawx livell adegwat ta’ regolamentazzjoni. Il-KESE jaqbel ma’ din l-osservazzjoni.

3.4

Fuq in-naħa opposta, il-Federazzjoni Bankarja Ewropea (FBE) tqajjem xi punti ta' tħassib dwar l-impatt tal-proposti rigward il-fondi monetarji, meqjusa bħala restrittivi u diffiċli biex jiġu implimentati għall-fondi, u li r-riżorsi għal dawn tal-aħħar “jistgħu jintużaw mill-banek sabiex jappoġġjaw is-self lill-ekonomija reali”.

3.5

Sadanittant, il-G20 għaddej ukoll bil-ħidma dwar is-suġġett. Il-fokus huwa fuq l-attivitajiet (u mhux mill-entitajiet) tas-settur. Il-kummenti varji li tressqu mill-pajjiżi tal-G20 juru x-xewqa li s-settur ikun regolat permezz ta’ approċċ nonvinkolanti biex jiġu evitati skossi eċċessivi għall-flussi finanzjarji dinjija, meta jitqies ir-rwol importanti li s-sistema bankarja parallela taqdi għall-provvista ta' likwidità lis-settur bankarju.

3.6

F’termini ta’ istituzzjonijiet u l-attivitajiet involuti, l-estimi tal-2011 iċċirkolati mill-FSB jindikaw li d-daqs tas-sistema bankarja parallela huwa ta' madwar EUR 51 triljun globalment, ugwali għal 25-30 % tas-sistema finanzjarja totali jew in-nofs tal-attivitajiet bankarji (iż-żona tal-euro kważi EUR 17-il triljun, ir-Renju Unit kważi EUR 7 triljun, l-Istati Uniti EUR 17,5 triljun (6)).

3.7

Fost l-intermedjarji varji involuti f’din is-sistema, l-MMFs għandhom rilevanza sistemika u huma sors importanti ta’ finanzjament fuq perjodu ta' żmien qasir għal istituzzjonijiet finanzjarji, negozji u gvernijiet. Għal din ir-raġuni, il-funzjonament tal-MMFs huwa fil-qalba tal-ħidma regolatorja internazzjonali li qed tiġi diskussa.

3.8

Fl-Ewropa, l-MMFs iżommu madwar 22 % tat-titoli tad-dejn b’terminu qasir maħruġa minn gvernijiet jew mis-settur korporattiv u 38 % tad-dejn għal żmien qasir maħruġa mis-settur bankarju, li jammontaw għal madwar EUR 1 triljun.

3.9

Fl-UE, f’termini ta’ distribuzzjoni ġeografika globali, l-MMFs huma bbażati prinċipalment fi Franza, l-Irlanda u l-Lussemburgu u jintużaw prinċipalment minn kumpaniji fil-Ġermanja u fir-Renju Unit, f'dak li jirrigwarda l-fondi CNAV.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Is-settur tal-MMFs huwa marbut mill-qrib mal-banek li spiss jimmaniġjaw il-fondi nnifishom u saħansitra jirrikorru għall-fondi biex jiffinanzjaw lilhom stess. Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-maġġoranza tal-MMFs huma appoġġjati mill-banek: disgħa minn kull għaxra tal-akbar maniġers tal-MMFs huma fil-fatt iffinanzjati mill-banek kummerċjali. Din l-istima tagħti prova tal-livell għoli ta’ interkonnessjoni li teżisti mhux biss bejn iż-żewġ setturi in kwistjoni, iżda wkoll tar-rabta bejn l-MMFs, il-finanzjament tan-negozji u l-gvernijiet.

4.2

Għan-negozji, l-MMFs huma mod alternattiv sabiex jinvestu flushom għal żmien qasir. Fil-fatt, permezz ta’ dawn l-istrumenti l-kumpaniji jistgħu jużaw ir-riżervi tagħhom bi qligħ ikbar milli kieku ddepożitawhom il-bank. Il-KESE, filwaqt li jirrikonoxxi l-validità potenzjali ta’ dan l-investiment ta' flus, iwissi dwar il-periklu. Fil-fatt, b’kuntrast mal-banek, jekk xi ħaġa tmur ħażin, il-fondi ma jkollhomx aċċess għal kwalunkwe appoġġ mill-banek ċentrali.

4.3

Fl-isfera tal-MMFs ma hemmx sistemi ta’ garanzija għad-depożiti. L-intermedjarji fis-sistema bankarja parallela (hedge funds, MMFs jew strumenti ta’ investiment strutturat) jipprovdu kreditu.

4.4

Skont il-mekkaniżmu attwali ta' finanzjament, MMF jista’ jsellef il-flus kollha miġbura minn individwi jew impriżi. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li jekk wieħed jew tnejn minn dawk li jkunu talbu self ta' flus ma jkunx kapaċi jħallsu lura d-dejn, l-MMF jista’ jfalli, għaliex jekk fl-istess waqt xi wħud mid-depożitaturi/investituri jitolbu flushom lura, il-fond ma jkunx jista’ jħallashom lura. Jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni permezz ta' regoli prudenzjali, b'dan il-mekkaniżmu, tista' tinħoloq kriżi ġdida.

4.5

Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet u meta jitqies, kif diġà ġie nnotat, li l-atturi ewlenin li jiffinanzjaw/jisponsorjaw l-MMFs huma l-banek stess, il-KESE jsostni bil-qawwa li l-industrija tal-MMFs għandha tkun soġġetta għall-istess regoli u kontrolli bħal dawk diġà fis-seħħ għas-sistema bankarja.

4.6

l-KESE huwa tal-fehma li l-previżjoni tal-Kummissjoni li dan ir-riskju jista' jiġi indirizzat billi jiġi impost bafer ta' likwidità ta’ 3 % mhijiex biżżejjed biex tlaħħaq mar-riskji li jirriżultaw mis-CNAV MMF, meta jitqies li kien hemm każijiet fejn ir-riskji qabżu is-6 %.

4.7

L-inadegwatezza tal-previżjonijiet tal-Kummissjoni tidher ukoll meta jitqabblu mar-rakkomandazzjonijiet tal-FSB jew tal-BERS. Kemm l-FSB kif ukoll il-BERS b'approċċ prudenzjali ta’ salvagwardja tas-sistema, issuġġerew lill-Kummissjoni biex tadotta mekkaniżmu għall-valutazzjoni tal-fondi bbażata fuq l-NAV varjabbli, b'mod li l-valur tal-Fond jiġi adattat abbażi tal-varjazzonijiet fil-prezz. Minflok, ir-regolament żamm il-mekkaniżmu ta’ CNAV kif previst oriġinarjament, u hemm biss iż-żieda ta' bafer ta' likwidità biex jilqa' kontra l-possibbiltà ta’ varjazzjonijiet negattivi fil-valuri. Il-KESE jemmen li r-rakkomandazzjonijiet taż-żewġ regolaturi tas-suq jirrispettaw aktar il-prinċipju ta' salvagwardja tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, kif muri fit-tabella mehmuża.

Fond tas-Suq Monetarju (MMF) b'valur nett tal-assi kostanti (CNAV – Constant Net Asset Value) (Art. 25)

Proposta tal-Kummissjoni (4 ta’ Settembru 2013)

Rakkomandazzjonijiet tal-BERS

Rakkomandazzjonijiet tal-Financial Stability Board (FSB)

Artikolu 30:

Kull CNAV MMF jistabbilixxi u jżomm bafer tan-NAV li għandu dejjem jammonta għal mill-inqas 3 % tal-valur totali tal-assi tas-CNAV MMF.

L-MMF jintalab jadotta NAV varjabbli u jintalab juża b'mod ġenerali l-valutazzjoni abbażi tal-valur ġust (rakkomandazzjoni A, punt 2, pag. 3)

L-MMFs li joffru valur nett tal-assi stabbli jew kostanti għandhom jintalbu jaqilbu għal valur nett tal-assi varjabbli fejn dan ikun possibbli (rakkomandazzjoni punt 2.2., p. 3)

Artikolu 31:

Il-bafer tan-NAV jintuża biss f’każ ta’ sottoskrizzjonijiet u tifdijiet maħsuba biex jippareġġaw id-differenza bejn in-NAV kostanti għal kull unità jew sehem u n-NAV għal kull unità jew sehem.

Il-metodu tal-kost amortizzat għandu jintuża biss f'ċirkustanzi limitati.

(rakkomandazzjoni A, punt 2, p. 3)

 

Tabella ta' tqabbil (7)

Il-KESE jqajjem punt dwar il-fatt li, meta mqabbla mal-prodotti offruti, il-prodotti diġà f'ċirkolazzjoni fis-sistema bankarja tradizzjonali u li għalhekk huma diġà regolati, spiċċaw ukoll f’din is-sistema bankarja parallela, sabiex jevitaw il-kontrolli aktar stretti li hemm fis-superviżjoni bankarja.

4.8

Il-KESE jinsab mħasseb li s-sistema bankarja parallela terġa' tqajjem mill-ġdid dawn ir-riskji biex taħrab is-superviżjoni. Il-Kumitat jemmen li huwa importanti li nimxu mal-prinċipju ta’ “l-istess attivitajiet = l-istess regoli”.

4.9

Il-KESE jtenni l-prinċipju li diġà jeżisti u tħaddem fil-prattika, jiġifieri livell adattt ta' trasparenza u ta’ sorveljanza jiżgura li s-sistema finanzjarja tkun topera għas-servizz tal-ekonomija, u konsegwentament ikun hemm benefiċċji f’termini ta’ fiduċja, effiċjenza u effikaċja.

Barra dan, il-Proposta għal regolament issegwi l-klassifikazzjonijiet esterni dwar il-fondi tas-suq monetarju. Din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tevita li jinħoloq paniku fis-swieq f'każ ta' xi deklassifikazzjoni li jista' jkun hemm. Minkejja li din id-dispożizzjoni tmur kontra l-prinċipju tat-trasparenza u l-effiċjenza u tista’ tagħmel ħsara għas-simetrija tal-informazzjoni, il-KESE jikkunsidra li fis-suq tal-fondi tas-suq monetarju jipparteċipaw professjonisti, u li l-aġenziji tal-ikklassifikar jistgħu jikkawżaw paniku fost l-investituri sempliċiment billi jibdlu fehmiethom. Miżuri ta’ klassifikazzjoni interna, tisħiħ tal-proċeduri u l-faċilitajiet għall-ġestjoni tar-riskju, u monitoraġġ aktar strett u rigoruż jistgħu jikkontrollaw b’mod effettiv il-kwalità tal-assi ta' riferiment l-kollateral tal-fondi.

Brussell, 10 ta' Diċembru 2013

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 146, 25.5.2013, p. 1.

(2)  Federal Register, Vol. 77, No. 223, 19 ta' Novembru 2012, Notices 69455.

(3)  ĠU C 146, 25.5.2013, p. 39.

(4)  Rakkomandazzjoni A – ĠU C 146, 25.5.2013, p. 1.

(5)  ĠU C 11, 15.1.2013, p. 42.

(6)  Bħala paragun, huwa stmat li s-sistema bankarja kollha fiż-żona tal-euro b'kollox tkopri attivitajiet li jammontaw għal EUR 27 triljun.

(7)  Dettalji provvduti mill-MEP Sven Giegold.


Top