Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014XC0208(02)

Pubblikazzjoni skont id-Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu – Sommarju tad-deċiżjoni dwar miżuri straordinarji imposti fuq Nova Ljubljanska banka d.d. fit- 18 ta’ Diċembru 2013

OJ C 38, 8.2.2014, p. 25–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
OJ C 38, 8.2.2014, p. 21–22 (HR)

8.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 38/25


Pubblikazzjoni skont id-Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu

SOMMARJU TAD-DEĊIŻJONI DWAR MIŻURI STRAORDINARJI IMPOSTI FUQ NOVA LJUBLJANSKA BANKA D.D. FIT-18 TA’ DIĊEMBRU 2013

(2014/C 38/09)

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 31 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 43 tal-Att dwar il-Bank tas-Slovenja (Uradni List RS (UL RS; Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja) Nri 72/06 (il-verżjoni uffiċjali kkonsolidata) u 59/11) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 217 b'rabta mal-Artikolu 253 tal-Att Bankarju (UL RS Nri 99/10 (il-verżjoni uffiċjali kkonsolidata), 52/11 (korrezzjoni), 9/11 (ZPlaSS-B), 35/11, 59/11, 85/11, 48/12, 105/12, 56/13, 63/13-ZS-K u 96/13; minn hawn 'il quddiem “ZBan-1”), il-Bank tas-Slovenja b'dan jimponi fuq Nova Ljubljanska banka d. d., Trg republike 2, 1520 Ljubljana, Slovenia deċiżjoni dwar miżuri straordinarji, u deċiżjoni biex jiġu deprezzati l-obbligazzjonijiet kwalifikati kollha tal-bank u biex jiżdied il-kapital azzjonarju tiegħu permezz tal-pagament ta' kontribuzzjonijiet ġodda bil-għan li fil-bank jiġu stabbiliti mill-ġdid il-kundizzjonijiet biex jinkisbu l-proporzjonijiet meħtieġa.

Il-Bank tas-Slovenja ddeċieda li l-bank qed jopera f’ambjent ta’ riskju miżjud li jista’ jirriżulta fir-revokar tal-awtorizzazzjoni biex jipprovdi servizzi bankarji, u dan minħabba li, abbażi ta' valutazzjoni tal-pożizzjoni finanzjarja tal-bank fit-30 ta’ Settembru 2013, imħejjija taħt is-suppożizzjoni ta’ negozju avvjat, li inkludiet indebolimenti meħtieġa addizzjonalment li ġew identifikati f'analiżi indipendenti tal-portafoll ta’ kreditu, il-bank ma jissodisfax ir-rekwiżiti fir-rigward tal-provvista ta’ kapital minimu.

Skont il-miżura straordinarja li jiġu deprezzati l-obbligazzjonijiet kwalifikati, il-Bank tas-Slovenja ddeċieda li jiddeprezza l-obbligazzjonijiet kwalifikati kollha tal-bank fit-18 ta’ Diċembru 2013. Dawn jinkludu l-kapital azzjonarju tal-bank u l-obbligazzjonijiet lejn il-kredituri minn pretensjonijiet subordinati li jkunu jistgħu jitħallsu lura biss wara li jsir ir-rimborż tal-pretensjonijiet ordinarji kollha kontra l-bank f’każ li dan tal-aħħar ifalli.

L-obbligazzjonijiet kwalifikati tal-bank deprezzati abbażi tad-deċiżjoni dwar miżuri straordinarji jinkludu:

(a)

il-kapital azzjonarju tal-bank, li jammonta għal EUR 184 079 267,12 u huwa maqsum fi 22 056 378 azzjoni ordinarja reġistrata bla valur nominali liberament trasferibbli, denominati NLB li jkollhom l-ISIN SI0021103526, u maħruġa fir-reġistru ċentrali tat-titoli skritturali u mmaniġġjati minn Centralna klirinško depotna družba d.d., Ljubljana (il-Korporazzjoni Ċentrali għall-Ikklerjar tat-Titoli; minn hawn 'il quddiem “il-KDD”), u jirrappreżentaw obbligazzjoni kwalifikata tal-ewwel grad;

(b)

l-obbligazzjonijiet minn strumenti finanzjarji maħruġa mill-bank li jirrappreżentaw obbligazzjoni kwalifikata tat-tielet grad:

Ċedoli Krexxenti ibridi ta’ Grad Tnejn Subordinati b'Rata Varjabbli Perpetwa denominati NOVALI FLOAT 49, li jkollhom l-ISIN NLB XS0208414515, maħruġa fis-17 ta' Diċembru 2004 u mmaniġġjati bħala titoli skritturali fuq kontijiet tas-sistema ta’ kklerjar, amministrati minn Euroclear Bank SA/NV, il-Lussemburgu u Clearstream Banking SA, il-Lussemburgu;

bonds subordinati denominati NLB 26, li jkollhom l-ISIN SI0022103111, maħruġa fl-14 ta’ Lulju 2010 u mmaniġġjati fir-reġistru ċentrali tat-titoli skritturali, amministrati minn KDD; huma bdew irendu l-imgħax fl-24 ta’ Mejju 2010;

selfa ibrida subordinata b'rata varjabbli perpetwa mħallsa abbażi tal-ftehim konkluż fid-19 ta’ Ġunju 2007 mas-sellief Merrill Lynch International Bank Limited, il-fergħa ta’ Londra; u

self subordinat li l-bank irċieva abbażi tal-ftehim konkluż fil-31 ta’ Mejju 2006 mal-fergħa ta' Dublin tal-KBC Bank NV.

Skont id-deċiżjoni dwar il-miżuri straordinarji, il-kapital azzjonarju tal-bank tnaqqas għal żero (0) minħabba d-deprezzament tal-obbligazzjonijiet kwalifikati. Minħabba t-tnaqqis fil-kapital azzjonarju, 22 056 378 mill-azzjonijiet tal-bank, denominati NLB u li kellhom l-ISIN SI0021103526, maħruġa fir-reġistru ċentrali tat-titoli skritturali mmaniġġjati minn KDD, ġew ikkanċellati fit-18 ta’ Diċembru 2013 permezz tad-deċiżjoni dwar il-miżuri straordinarji.

B'segwitu għad-deprezzament tal-obbligazzjonijiet kwalifikati, il-kapital azzjonarju tal-bank ġie miżjud permezz ta' kontribuzzjonijiet ġodda mħallsa fit-18 ta’ Diċembru 2013, abbażi tad-deċiżjoni dwar il-miżuri straordinarji.

Abbażi tad-deċiżjoni dwar il-miżuri straordinarji, ir-Repubblika tas-Slovenja investiet f'20 000 000 azzjoni tal-bank li kienu għadhom kemm inħarġu li jammontaw għal total ta’ EUR 1 551 000 000. B'segwitu għaż-żieda, il-kapital azzjonarju tal-bank jammonta għal EUR 200 000 000 u huwa maqsum f’20 000 000 azzjoni bla valur nominali. L-azzjonijiet il-ġodda se jinħarġu f’forma skritturali; huma liberament trasferibbli u se jiddaħħlu fir-reġistru tal-KDD.

B'segwitu għaż-żieda, il-kapital azzjonarju tal-bank jissodisfa mill-ġdid ir-rekwiżiti tal-Bank tas-Slovenja fir-rigward tal-proporzjonijiet tal-adegwatezza kapitali.

Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 253 ta’ ZBan-1, il-miżuri straordinarji huma meqjusa bħala miżuri ta’ riorganizzazzjoni, kif stabbilit fid-Direttiva 2001/24/KE.

Skont l-Artikolu 350a ta’ ZBan-1, l-azzjonisti, il-kredituri u persuni oħra li d-drittijiet tagħhom huma affettwati mid-deċiżjoni tal-Bank tas-Slovenja dwar il-miżura straordinarja, jistgħu jitolbu lill-Bank tas-Slovenja biex jagħtihom rimborż għad-danni, bil-kundizzjoni li jagħtu prova li d-danni li jkunu seħħew b'konsegwenza tal-effetti tal-miżura straordinarja jkunu akbar mid-danni li setgħu ġġarrbu kieku ma ġietx imposta l-miżura straordinarja. Tista’ tinġieb azzjoni kontra l-Bank tas-Slovenja fil-qorti kompetenti f’Ljubljana (pereż. il-Qorti Lokali jew il-Qorti Distrettwali f’Ljubljana).

Il-bank jista’ jressaq appell kontra d-deċiżjoni dwar il-miżuri straordinarji fil-Qorti Amministrattiva tar-Repubblika tas-Slovenja fi żmien 15-il jum mill-għoti tad-deċiżjoni lill-membri kollha tal-bord ta’ tmexxija. L-azzjonisti tal-bank li l-interessi ta’ parteċipazzjoni totali tagħhom jammontaw għal mill-inqas wieħed minn kull għaxra tal-kapital azzjonarju tal-bank, sabiex jeżerċitaw id-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja kontra d-deċiżjoni tal-Bank tas-Slovenja dwar l-istralċ tal-bank jew il-miżura straordinarja, jistgħu jitolbu li l-bord ta' tmexxija tal-bank, jew l-amministrazzjoni speċjali jekk tkun inħatret waħda, isejjaħ laqgħa ġenerali tal-azzjonisti tal-bank, bi proposta li l-laqgħa ġenerali tillibera lill-persuni awtorizzati li jirrappreżentaw lill-bank, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 347 ta’ ZBan-1, u taħtar persuni oħra biex jirrappreżentaw lill-bank fil-proċeduri ta’ protezzjoni ġudizzjarja kontra d-deċiżjoni tal-Bank tas-Slovenja.

Ljubljana, l-20 ta’ Diċembru 2013.

Boštjan JAZBEC

Gvernatur


Top