EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014XX0208(04)

Sommarju Eżekuttiv tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula miżuri li jikkonċernaw is-suq uniku Ewropew għall-komunikazzjonijiet elettroniċi u biex jinkiseb Kontinent Konness, u li jemenda d-Direttivi 2002/20/KE, 2002/21/KE u 2002/22/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1211/2009 u (UE) Nru 531/2012

OJ C 38, 8.2.2014, p. 12–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
OJ C 38, 8.2.2014, p. 8–9 (HR)

8.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 38/12


Sommarju Eżekuttiv tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula miżuri li jikkonċernaw is-suq uniku Ewropew għall-komunikazzjonijiet elettroniċi u biex jinkiseb Kontinent Konness, u li jemenda d-Direttivi 2002/20/KE, 2002/21/KE u 2002/22/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1211/2009 u (UE) Nru 531/2012

(It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni jinsab fi EN, FR u DE fil-websajt tal-KEPD http://www.kepd.europa.eu)

(2014/C 38/06)

1.   Daħla

1.1.   Konsultazzjoni tal-KEPD

1.

Fil-11 ta’ Settembru 2013, il-Kummissjoni adottat Proposta għal Regolament li jistabbilixxi miżuri li jikkonċernaw is-suq uniku Ewropew għall-kommunikazzjonijiet elettroniċi u biex jinkiseb Kontinent Konness, u li jemenda d-Direttivi 2002/20/KE, 2002/21/KE u 2002/22/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1211/2009 u (UE) Nru 531/2012 (minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-proposta”) (1). Talba għal konsultazzjoni ntbagħtet mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, u l-KEPD irċevieha fit-23 ta’ Settembru 2013.

2.

Il-KEPD kellu opportunità jagħti l-parir tiegħu qabel ma l-proposta kienet adottata, li huwa jilqa’. Din l-Opinjoni tibni fuq il-kummenti mogħtija fil-kuntest ta’ dik il-konsultazzjoni informali.

1.2.   Il-kuntest u l-objettivi tal-proposta

3.

Il-proposta hija adottata fl-isfond tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (2), li għandha bħala l-objettiv kumplessiv tagħha t-tisħiħ tat-tkabbir ekonomiku u t-titjib soċjali li joħorġu mill-ekonomija diġitali Ewropea. L-objettiv tal-proposta, għalhekk, huwa li jinkiseb suq uniku għall-komunikazzjonijiet elettroniċi fl-UE billi jkunu armonizzati diversi aspetti legali u tekniċi relatati mal-għoti ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi lill-pubbliku.

4.

Il-proposta, l-ewwel, tiffaċilita l-għoti ta’ servizzi minn fruntiera għal oħra ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi billi dawk li jagħtuhom ikunu jistgħu joffru servizzi fl-Unjoni kollha msejsa fuq awtorizzazzjoni unika tal-UE u b’hekk bl-inqas xkiel amministrattiv. Tarmonizza wkoll il-kondizzjonijiet tal-assenjazzjoni tal-ispettru tar-radju għal servizzi WiFi, kif ukoll il-karattristiċi ta’ prodotti li jippermettu aċċess virtwali għal netwerks fissi.

5.

Mbagħad il-proposta tarmonizza d-drittijiet ta’ dawk li jużaw is-servizzi l-aħħar, fosthom dawk is-servizzi relatati mal-Internet miftuħ. Tarmonizza wkoll il-pubblikazzjoni minn dawk li jipprovdu informazzjoni dwar servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li huma joffru, u li informazzjoni bħal din tiddaħħal f’kuntratti, kif ukoll il-modalitajiet għal bdil ta’ operatur u għall-ħlasijiet li jkunu japplikaw għal servizzi ta’ roaming.

6.

Din l-Opinjoni tiffoka fuq dawk l-aspetti tal-proposta li x’aktarx ikollhom l-effett l-aktar sinifikanti fuq id-drittijiet għall-privatezza u l-ħarsien ta’ data personali kif stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll fuq il-kunfidenzjalità ta’ komunikazzjonijiet.

2.   Konklużjonijiet

43.

Il-KEPD ifakkar li r-rispett għad-drittijiet għall-privatezza u għall-protezzjoni ta’ data personali u għall-kunfidenzjalità ta’ komunikazzjonijiet huwa kruċjali biex tissawwar il-fiduċja tal-konsumaturi u biex dawn jafdaw fis-suq uniku Ewropew għall-komunikazzjonijiet elettroniċi. Dwar dan il-KEPD jagħti r-rakkomandazzjonijiet ewlenin li ġejjin:

Miżuri ta’ kontroll tat-traffiku jikkostitwixxu restrizzjoni għal newtralità netta, li l-proposta tistabbilixxi bħala l-prinċipju ewlieni li japplika għall-użu tal-Internet fl-UE, u joħolqu interferenza għad-drittijiet ta’ min jużah l-aħħar għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet, il-privatezza u l-protezzjoni ta’ data personali. Minħabba dan, miżuri bħal dawn għandhom ikunu soġġetti għal rekwiżiti ta’ trasparenza stretta, ħtieġa u proporzjonalità. B’mod partikolari:

L-użu tal-kontroll tat-traffiku għall-finijiet ta’ implimentazzjoni ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva jew għall-prevenzjoni u biex ikunu evitati reati gravi jista’ jġib miegħu monitoraġġ ta’ skala wiesgħa, preventiv u sistematiku ta’ kontenut ta’ komunikazzjonijiet li jkun kontra l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, kif ukoll tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2002/58/KE u tad-Direttiva 95/46/KE. Referenza għal dawn il-motivi għandha titneħħa mill-Artikolu 23(5)(a) tal-proposta;

L-Artikolu 23(5) tal-proposta għandu jagħti informazzjoni ċara dwar tekniki ta’ spezzjoni ta’ komunikazzjonijiet li jkunu permessi fil-kuntest ta’ miżuri ta’ kontroll tat-traffiku;

L-Artikolu 23(5) għandu jipprovdi espliċitament li, meta jkun suffiċjenti biex jinkiseb wieħed mill-għanijiet stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni, miżuri ta’ kontroll tat-traffiku għandhom jinvolvu tekniki ta’ spezzjoni ta’ komunikazzjonijiet imsejsa biss fuq l-analiżi ta’ IP-headers, kuntrarju għal dawk li jinvolvu Spezzjoni Deep Packet;

L-Artikoli 25(1) u 26 tal-proposta għandhom jesiġu l-għoti ta’ informazzjoni dwar miżuri ta’ kontroll tat-traffiku, stabbiliti għall-finijiet kollha stipulati fl-Artikolu 23(5). B’mod partikolari, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jesiġu li dawk li jagħtu informazzjoni jindikaw it-tekniki ta’ spezzjoni ta’ komunikazzjonijiet li jkunu l-bażi ta’ miżuri ta’ kontroll tat-traffiku bħal dawn, kif ukoll ifissru l-effett ta’ tekniki bħal dawn fuq id-drittijiet għall-privatezza u l-protezzjoni ta’ data ta’ min jużahom l-aħħar;

L-Artikolu 24(1), li jistabbilixxi s-setgħat ta’ awtoritajiet regolatorji nazzjonali biex, inter alia, jagħmlu superviżjoni tal-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ kontroll tat-traffiku, għandhom jinkludu l-possibbiltà għal dawn tal-aħħar li jikkooperaw ma’ awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-data. Bl-istess mod l-Artikolu 25(1) għandu jipprovdi l-possibbiltà għal awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-data li jiksbu għal spezzjoni informazzjoni dwar miżuri ta’ kontroll tat-traffiku qabel il-pubblikazzjoni tagħha;

Ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2002/58/KE u l-Artikolu 27(4) tal-proposta għandha tkun iċċarata;

Iż-żewġ Artikoli 17(1)(f) u 19(4)(e) tal-proposta għandhom ikunu emendati biex jinkludu r-rekwiżit għall-prodott ta’ aċċess tal-broadband virtwali Ewropea u għall-prodott ta’ konnettività ASQ Ewropea, rispettivament, biex ikunu konformi mal-prinċipju tal-protezzjoni tad-data bi skop.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Novembru 2013.

Peter HUSTINX

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


(1)  COM(2013) 627 finali.

(2)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “Aġenda Diġitali għall-Ewropa” COM(2010) 245 finali/2, 26 ta’ Awwissu 2010.


Top