EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013XC1212(01)

Notifika ta’ bidu ta’ proċediment antisussidji fir-rigward tal-importazzjoni ta’ ċerti prodotti tal-fibra tal-ħġieġ tal-filament li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

OJ C 362, 12.12.2013, p. 66–75 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
OJ C 362, 12.12.2013, p. 8–17 (HR)

12.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/66


Notifika ta’ bidu ta’ proċediment antisussidji fir-rigward tal-importazzjoni ta’ ċerti prodotti tal-fibra tal-ħġieġ tal-filament li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

(2013/C 362/05)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet ilment skont l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta’ Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li l-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti tal-fibra tal-ħġieġ tal-filament, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, qed ikunu ssussidjati u għalhekk qegħdin jikkawżaw ħsara materjali lill-industrija tal-Unjoni.

1.   Ilment

L-ilment ġie ppreżentat fit-28 ta' Ottubru 2013 mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Produtturi tal-Fibra tal-Ħġieġ (“APFE”) (“l-ilmentatur”) f'isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25% tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' ċerti prodotti tal-fibra tal-ħġieġ tal-filament.

2.   Il-prodott investigat

Il-prodott soġġett għal din l-investigazzjoni huwa swiegli tal-fibra tal-ħġieġ imqatta', ta' tul ta' mhux aktar minn 50 mm; fibri mibruma tal-ħġieġ minbarra fibri mibruma tal-ħġieġ li huma mdakkra u miksija u li għandhom telf ta’ tkebbis ta’ iktar minn 3 % (kif stabbilit mill-Istandard ISO 1887); u twapet magħmula minn filamenti tal-fibra tal-ħġieġ minbarra twapet tas-suf tal-ħġieġ (“il-prodott investigat”).

3.   L-allegazzjoni ta' sussidju

Il-prodott li allegatament qed ikun sussidjat huwa l-prodott li qed jiġi investigat, li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat”), u li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi(jiet) NM ex 7019 11 00, ex 7019 12 00 u 7019 31 10. Dawn il-kodiċijiet NM qed jingħataw biss għall-informazzjoni.

L-evidenza prima facie pprovduta mill-ilmentatur turi li l-produtturi tal-prodott ikkonċernat mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina gawdew minn għadd ta’ sussidji mogħtija mill-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

Is-sussidji jikkonsistu, fost l-oħrajn, f'self preferenzjali lill-industrija tal-fibra tal-ħġieġ (eż. self tal-polza b’rati baxxi mogħti minn Banek Kummerċjali Statali u mill-Banek tal-Politika tal-Gvern, programmi ta’ sussidju ta’ kreditu ta’ esportazzjoni, garanziji ta’ esportazzjoni u programmi tal-assigurazzjoni preferenzjali, vantaġġi finanzjarji bl-għoti ta' aċċess lill-kumpaniji azzjonarji offshore, ħlasijiet lura ta’ self mill-Gvern), programmi ta’ għotjiet mogħtija kemm fil-livell ċentrali kif ukoll subċentrali tal-gvern (eż. is-sussidji “Famous Brands” u “China World Top Brands”, il-Fondi għall-Espansjoni 'l barra tal-Industriji fil-Provinċja ta’ Guangdong)., Il-forniment ta' oġġetti u servizzi tal-Gvern bi ħlas mhux adegwat, programmi ta’ eżenzjoni u tnaqqis mit-taxxa diretta (eż. eżenzjonijiet jew tnaqqis mit-taxxa tad-dħul taħt il-programm Tnejn b’Xejn/Tlieta bin-Nofs, tnaqqis mit-taxxa tad-dħul għal Intrapriżi b’Investiment Barrani (“FIEs”) bbażati fuq il-lokalità ġeografika, eżenzjonijiet mit-taxxa tad-dħul lokali u tnaqqis għal “FIEs produttivi”, tnaqqis tat-taxxa tad-dħul għall-FIEs li jixtru tagħmir magħmul fiċ-Ċina, taxxa mpaċija għar-R&Ż fil-FIEs, tat-taxxa tad-dħul korporattiva preferenzjali għal FIEs rikonoxxuti bħala Industriji ta’ Teknoloġija Għolja u Ġdida, tnaqqis fit-taxxa għal Intrapriżi ta’ Teknoloġija Għolja u Ġdida involuti fi proġetti deżinjati, politika tat-taxxa tad-dħul preferenzjali għall-intrapriżi fil-programmi ta' taxxa tar-Reġjun tal-Grigal, il-Provinċja ta’ Guangdong) u t-taxxa indiretta, programmi ta’ tariffi fuq l-importazzjoni (eż. eżenzjonijiet mill-VAT għall-użu ta' tagħmir importat, tnaqqis mill-VAT għall-FIEs fuq ix-xiri ta’ tagħmir magħmul iċ-Ċina, eżenzjonijiet mill-VAT u t-tariffi għal xiri ta’ assi fissi taħt il-Programm għall-Iżvilupp tal-Kummerċ Barrani), rati mnaqqsa tat-taxxa korporattiva u eżenzjoni mid-dividendi bejn l-intrapriżi residenti kkwalifikati. Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tinvestiga sussidji oħra li jistgħu jiġu żvelati matul l-investigazzjoni.

L-evidenza prima facie pprovduta mill-ilmentatur turi li l-iskemi ta' hawn fuq huma sussidji billi jinvolvu kontribuzzjoni finanzjarja mill-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina jew minn gvernijiet reġjonali oħra (inklużi entitajiet pubbliċi) u jikkonferixxu benefiċċju lil min jirċevihom. Huwa allegat li dawn huma kontinġenti fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni u/jew fuq l-użu ta’ prodotti domestiċi fuq dawk importati u/jew huma limitati għal ċerti setturi u/jew għal ċerti tipi ta’ intrapriżi u/jew postijiet, u għalhekk huma speċifiċi u kumpensatorji.

4.   L-allegazzjoni tal-ħsara u l-kawżalità

L-ilmentatur ipprovda evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat żdiedu b'mod ġenerali f'termini assoluti u żdiedu f'termini ta' sehem mis-suq.

L-evidenza prima facie li pprovda l-ilmentatur turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott li qed jiġi investigat kellhom, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq il-livell tal-prezzijiet mitluba u fuq is-sehem fis-suq miżmum mill-industrija tal-Unjoni, li rriżultaw f'effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni ġenerali, il-qagħda finanzjarja, is-sitwazzjoni tal-impjieg tal-industrija tal-Unjoni.

5.   Proċedura

Wara li ddeterminat, b'konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li l-ilment tressaq mill-industrija tal-Unjoni jew f'isimha u li hemm biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta' proċediment, il-Kummissjoni b'dan qiegħda tagħti bidu għal investigazzjoni skont l-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku.

L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-prodott investigat li joriġina fil-pajjiż ikkonċernat huwiex qed jiġi ssussidjat u jekk dawn l-importazzjonijiet issussidjati kinux ta' ħsara għall-industrija tal-Unjoni. Jekk il-konklużjonijiet ikunu fil-pożittiv, l-investigazzjoni se teżamina jekk l-impożizzjoni ta' miżuri tmurx kontra l-interess tal-Unjoni.

Il-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina ġie mistieden għal konsultazzjonijiet.

5.1.    Il-proċedura għad-determinazzjoni tal-għoti ta' sussidji

Il-produtturi esportaturi (2) tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat u l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.1.1.   Investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

5.1.1.1.   Il-proċedura għall-għażla tal-produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati fil-pajjiż ikkonċernat

(a)   It-teħid ta' kampjuni

Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi esportaturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina li huma involuti f’dan il-proċediment, u sabiex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi esportaturi li għandhom jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “it-teħid ta' kampjuni”). It-teħid ta' kampjuni se jsir skont l-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi jekk it-teħid ta' kampjuni huwiex meħtieġ, u jekk ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom, qegħdin b'dan jintalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu hekk fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bit-tagħrif mitlub fl-Anness A ma' din in-notifika dwar il-kumpanija/i tagħhom.

Sabiex tikseb it-tagħrif li jidhrilha li huwa meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta' produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat, u tista' tikkuntattja lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' produtturi esportaturi.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi tagħrif rilevanti ieħor fir-rigward tal-għażla tal-kampjun, minbarra t-tagħrif mitlub hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta' esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista' jiġi investigat b'mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi kollha magħrufa, l-awtoritajiet tal-pajjiż kkonċernat u l-assoċjazzjonijiet ta' produtturi esportaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż kkonċernat jekk ikun xieraq, dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tibgħat il-kwestjonarji lill-produtturi esportaturi li ntgħażlu fil-kampjun, lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat.

Il-produtturi esportaturi kollha magħżula biex jiffurmaw parti mill-kampjun, u l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat, jkollhom jibagħtu kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-kwestjonarju għall-produtturi esportaturi se jitlob tagħrif dwar, fost l-oħrajn, l-istruttura tal-kumpanija/i tal-produttur esportatur, l-attivitajiet tal-kumpanija/i fir-rigward tal-prodott investigat, il-bejgħ totali tal-kumpanija/i u tal-prodott investigat u l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja u l-benefiċċju mill-allegati sussidji jew programmi ta' sussidju u kwalunkwe miżura simili jew marbuta mill-qrib ma' dawn il-programmi.

Il-kwestjonarju għall-awtoritajiet se jitlob informazzjoni dwar, inter alia, l-allegati sussidji jew programm(i) ta' sussidju, l-awtoritajiet responsabbli għall-operat tagħhom, il-mod u t-tħaddim ta' operat bħal dan, il-bażi legali, il-kriterji ta' eliġibilità u termini u kundizzjonijiet oħrajn, ir-riċevituri u l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja u l-benefiċċju mogħti.

Bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu fil-kampjun se jitqiesu li qed jikkooperaw (“il-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw”). Bla ħsara għat-taqsima (b) ta' hawn taħt, id-dazju kompensatorju li jista’ jiġi applikat għall-importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw ma għandux jaqbeż il-marġni medju b'piż differenzjat ta’ sussidju stabbilit għall-produtturi esportaturi fil-kampjun (3).

(b)   Il-marġni ta' sussidju individwali għall-kumpaniji li mhumiex inklużi fil-kampjun

Il-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw jistgħu jitolbu, skont l-Artikolu 27(3) tar-Regolament bażiku, li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-marġini ta' sussidju individwali tagħhom. Il-produtturi esportaturi li jixtiequ jagħmlu talba għal marġni ta’ sussidju individwali jridu jitolbu kwestjonarju u jirritornawh mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Madankollu, il-produtturi esportaturi li jitolbu marġni ta' sussidju individwali għandhom ikunu jafu li l-Kummissjoni tista' xorta waħda tiddeċiedi li ma tiddeterminax il-marġni ta' sussidju individwali tagħhom jekk, pereżempju, l-għadd ta' produtturi esportaturi tant ikun kbir li tali determinazzjoni tkun partikolarment diffiċli u ma tkunx tippermetti li l-investigazzjoni titlesta fil-ħin.

5.1.2.   L-investigazzjoni ta’ importaturi li mhumiex relatati  (4)  (5)

Importaturi tal-prodott li qed jiġi investigat mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li mhumiex relatati, huma mistiedna jieħdu sehem f'din l-investigazzjoni.

Minħabba li jidher li hemm għadd potenzjalment kbir ta' importaturi li mhumiex relatati, li huma involuti f'dan il-proċediment, u biex tlesti l-investigazzjoni fil-limiti ta' żmien statutorji, il-Kummissjoni tista' tillimita l-importaturi li mhumiex relatati u li se jiġu investigati, għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “it-teħid tal-kampjuni”). It-teħid ta' kampjuni se jsir skont l-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta' kampjuni huwiex meħtieġ, u jekk ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi kollha li mhumiex relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom, qegħdin b'dan jintalbu li jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi lill-Kummissjoni jgħaddulha l-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom kif qed jintalab fl-Anness II ta' din in-notifika.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta' importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista' tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta' importaturi.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi tagħrif rilevanti ieħor fir-rigward tal-għażla tal-kampjun, minbarra t-tagħrif mitlub hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta' bejgħ fl-Unjoni tal-prodott investigat, li jista' jiġi investigat b'mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. L-importaturi magħrufa mhux relatati u l-assoċjazzjonijiet tal-importaturi kollha se jiġu nnotifikati mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula li se jkunu fil-kampjun.

Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis meħtieġ fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' importaturi. Dawn il-partijiet għandhom jissottomettu l-kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-kwestjonarju se jitlob tagħrif dwar, fost oħrajn, l-istruttura tal-kumpanija/i tagħhom, l-attivitajiet tal-kumpanija/i fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat u dwar il-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat.

5.2.    Il-proċedura għad-determinazzjoni tal-ħsara u l-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

Id-determinazzjoni tal-ħsara tissejjes fuq evidenza pożittiva u tinvolvi eżaminazzjoni oġġettiva tal-volum tal-importazzjonijiet sussidjati, l-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u konsegwentement tal-impatt ta' dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Sabiex jiġi stabbilit jekk l-industrija tal-Unjoni ġarrbitx ħsara materjali, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott investigat huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.2.1.   L-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f'dan il-proċediment, u biex tlesti l-investigazzjoni fil-limiti ta' żmien statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-produtturi tal-Unjoni li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid ta' kampjuni”). It-teħid ta' kampjuni jitwettaq skont l-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

Il-Kummissjoni għażlet provviżorjament kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-fajl li huwa disponibbli għall-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma b'dan mistiedna jikkonsultaw il-fajl (biex jagħmlu dan iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni bl-għajnuna tad-dettalji ta' kuntatt mogħtija fit-taqsima 5.6 hawn taħt). Produtturi oħra tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom li jqisu li hemm raġunijiet għalfejn għandhom jiġu inklużi fil-kampjun, għandhom jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi tagħrif rilevanti ieħor fir-rigward tal-għażla tal-kampjun iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-produtturi tal-Unjoni magħrufa u/jew l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni kollha se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar liema kumpaniji jkunu ntgħażlu finalment fil-kampjun.

Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' produtturi tal-Unjoni. Dawn il-partijiet għandhom jissottomettu l-kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-kwestjonarju se jitlob informazzjoni dwar, fost l-oħrajn, l-istruttura tal-kumpanija/i tagħhom u l-qagħda finanzjarja u ekonomika tal-kumpanija/i.

5.3.    Il-proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

Jekk tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ sussidju u ta' ħsara kkawżati minnu, se tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 31 tar-Regolament bażiku, dwar jekk l-adozzjoni ta’ miżuri antisussidji tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur huma mistiedna jippreżentaw ruħhom fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur għandhom juru, fil-limitu tal-istess skadenza, li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat.

Il-partijiet li jippreżentaw ruħhom qabel l-iskadenza ta' hawn fuq jistgħu jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni dwar l-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista' tingħata jew f'format ħieles jew billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 31 se titqies biss jekk meta tiġi ppreżentata tkun sostnuta b'evidenza fattwali fil-ħin ta' sottomissjoni.

5.4.    Sottomissjonijiet oħrajn bil-miktub

Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-notifika, il-partijiet interessati kollha huma b'dan mistiedna biex juru fehmiethom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta' sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.5.    Il-possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet li għalihom tkun qiegħda ssir. Għal seduta dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, talba għal smigħ għandha tkun ippreżentata fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

5.6.    Struzzjonijiet dwar kif għandhom isiru s-sottomissjonijiet bil-miktub u kif għandhom jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’din in-notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għaliha jintalab trattament kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati bħala “Ristretti” (6).

Il-partijiet interessati li jagħtu tagħrif “Ristrett” huma mitluba jipprovdu taqsiriet mhux kunfidenzjali tiegħu skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament bażiku, li se jkunu mmarkati “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn it-taqsiriet għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex tkun tista' tinftiehem b'mod raġonevoli s-sustanza tat-tagħrif ippreżentat b'mod kunfidenzjali. Jekk parti interessata li tipprovdi tagħrif kunfidenzjali ma tipprovdix taqsira mhux kunfidenzjali tiegħu fil-format u l-kwalità mitluba, dan it-tagħrif kunfidenzjali jista' jitwarrab.

Il-partijiet interessati jeħtieġ li jagħmlu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha f'format elettroniku (is-sottomissjonijiet mhux kunfidenzjali permezz tal-posta elettronika, dawk kunfidenzjali fuq CD-R/DVD), u għandhom jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks tal-parti interessata. Madankollu, kull prokura, kull ċertifikazzjoni ffirmata, u kull aġġornament tagħhom, li jakkumpanjaw it-tweġibiet għall-kwestjonarju jridu jitressqu fuq karta, jiġifieri bil-posta jew bl-idejn, fl-indirizz ta' hawn taħt. Jekk xi parti interessata ma tkunx tista' tippreżenta s-sottomissjonijiet u t-talbiet tagħha f'format elettroniku, din għandha tikkuntattja lill-Kummissjoni minnufih, skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament bażiku. Għal aktar informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġna web rilevanti fuq is-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/trade-defence

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: N105 08/020

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Fax +32 22993704

Posta elettronika għal sottomissjonijiet relatati mal-lat tas-sussidju tal-investigazzjoni (produtturi esportaturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina):

trade-as-fgf-subsidy@ec.europa.eu

Posta elettronika għal sottomissjonijiet relatati mal-lat tal-ħsara tal-investigazzjoni (produtturi tal-Unjoni, importaturi, utenti):

trade-as-fgf-injury@ec.europa.eu

6.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-limiti tal-iskadenzi, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, jistgħu jintlaħqu konklużjonijiet provviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista' tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment u għalhekk is-sejbiet jissejsu fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista' jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

7.   L-Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrevedi t-talbiet għall-aċċess tal-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għall-estensjoni tal-limiti taż-żmien u t-talbiet minn partijiet terzi għal smigħ. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduta ta’ smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jitħaddmu b’mod sħiħ.

It-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet tat-talba. Għal seduta dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, għandha tiġi ppreżentata talba għal smigħ fil-limiti taż-żmien speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

L-Uffiċjal tas-Seduta se jipprovdi wkoll opportunitajiet biex isir smigħ li jinvolvi lill-partijiet u li jippermetti li jiġu ppreżentati fehmiet differenti u li jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost affarijiet oħra, is-sussidjar, il-ħsara, ir-rabta ta' kawżalità u l-interess tal-Unjoni. Dan is-smigħ, bħala regola, isir mhux aktar tard minn tmiem ir-raba' ġimgħa wara l-iżvelar tas-sejbiet provviżorji.

Għal aktar tagħrif u għad-dettalji ta' kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq il-websajt tad-DĠ Kummerċ http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/degucht/contact/hearing-officer/

8.   L-iskeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni se tintemm, skont l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku, fi żmien 13-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. B'konformità mal-Artikolu 12(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri provviżorji jistgħu jiġu imposti mhux aktar tard minn disa’ xhur mill-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

9.   L-ipproċessar tad-dejta personali

Kwalunkwe dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ din id-dejta (7).


(1)  ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93.

(2)  Produttur esportatur huwa kull kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u tesporta l-prodott li qed jiġi investigat lejn is-suq tal-Unjoni, jew direttament jew permezz ta' parti terza, inkluża kull kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat.

(3)  Skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament bażiku, l-ammonti żero u de minimis kollha ta’ sussidji kompensatorji u ammonti ta’ sussidji kompensatorji stabbiliti skont iċ-ċirkostanzi deskritti fl-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, għandhom jitwarrbu.

(4)  Għall-kampjun jistgħu jintgħażlu biss l-importaturi li mhumiex relatati mal-produtturi esportaturi. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi jridu jimlew l-Anness 1 tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. B'konformità mal-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 li jikkonċerna l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, il-persuni jitqiesu relatati biss jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju ta' xulxin; (b) ikunu legalment rikonoxxuti bħala sħab fin-negozju; (c) ikunu l-impjegatur u l-impjegat; (d) kwalunkwe persuna li direttament jew indirettament hija s-sid, tikkontrolla jew għandha 5 % jew iżjed tal-ishma jew tal-kwoti tal-ishma li jivvutaw jew tat-tnejn li huma; (e) wieħed minnhom, direttament jew indirettament jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma huma direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien, direttament jew indirettament jikkontrollaw terza persuna; jew (h) huma membri tal-istess familja. Il-persuni jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja biss jekk ikollhom xi waħda minn dawn ir-relazzjonijiet li ġejjin: (i) konjuġi, (ii) ġenituri u wild, (iii) aħwa (sew jekk tal-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nanniet u neputijiet, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenituri jew ulied tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1). F’dan il-kuntest “persuna” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika.

(5)  Id-dejta pprovduta minn importaturi mhux relatati tista' tintuża wkoll fir-rigward ta' aspetti ta' din l-investigazzjoni għajr id-determinazzjoni tas-sussidjar.

(6)  Dokument “Ristrett” huwa dokument meqjus bħala kunfidenzjali skont l-Artikolu 29 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 (ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93) u l-Artikolu 12 tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kumpensatorji. Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(7)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


ANNESS I

Image

Image


ANNESS II

Image

Image


Top