Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CN0472

Kawża C-472/13: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bayerisches Verwaltungsgericht München (il-Ġermanja) fit- 2 ta’ Settembru 2013 — Andre Lawrence Shepherd vs Bundesrepublik Deutschland

OJ C 336, 16.11.2013, p. 9–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
OJ C 336, 16.11.2013, p. 8–9 (HR)

16.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 336/9


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bayerisches Verwaltungsgericht München (il-Ġermanja) fit-2 ta’ Settembru 2013 — Andre Lawrence Shepherd vs Bundesrepublik Deutschland

(Kawża C-472/13)

2013/C 336/19

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bayerisch Verwaltungsgericht München

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Andre Lawrence Shepherd

Konvenuta: Bundesrepublik Deutschland

Domandi preliminari

(1)

L-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 2004/83/KE (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-protezzjoni tirrigwarda biss il-persuni li s-settur konkret ta’ attività militari tagħhom jimplika l-parteċipazzjoni diretta f’operazzjonijiet ta’ ġlied, għaldaqstant missjonijiet armati, jew li għandhom is-setgħa li jordnaw tali interventi (l-ewwel parti), jew membri oħra tal-forzi armati jistgħu huma wkoll jiġu protetti permezz ta’ din id-dispożizzjoni meta s-settur ta’ attività tagħhom ikun limitat għas-sostenn loġistiku tekniku tat-truppa, barra mill-ġlied attwali, u jkollu biss effett indirett fuq il-ġlied innifsu (it-tieni parti)?

(2)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tingħata fis-sens tat-tieni parti:

l-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 2004/83/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li s-servizz militari f’każ ta’ kunflitt (nazzjonali jew internazzjonali) għandu, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet jew sistematikament, iwassal għal jew jeżiġi t-twettiq tad-delitti jew tal-atti msemmija fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/83/KE (l-ewwel parti), jew huwa biżżejjed li l-applikant għall-ażil juri li delitti msemmija fl-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva 2004/83/KE twettqu f’ċerti każijiet, fiż-żona tal-operazzjonijiet fejn ġie ngaġġat, mill-forzi armati li jagħmel parti minnhom, sew minħabba li ċerti ordnijiet ta’ missjoni rriżultaw li huma kriminali f’dan is-sens, jew inkella minħabba li huwa eċċess imwettaq minn individwi (it-tieni parti)?

(3)

Jekk ir-risposta għat-tieni domanda għandha tingħata fis-sens tat-tieni parti:

l-istatus ta’ refuġjat jingħata biss meta huwa probabbli, mingħajr l-ebda dubju raġonevoli, li l-ksur tad-dritt internazzjonali umanitarju ser iseħħ, fil-ġejjieni, jew huwa biżżejjed li l-applikant għall-ażil isemmi fatti li juru li tali delitti qed iseħħu (inevitabbilment jew probabbilment) fil-kunflitt inkwistjoni, u li għaldaqstant ma tistax tiġi eskluża l-possibbiltà li huwa jista’ jiġi implikat fih?

(4)

In-nuqqas ta’ tolleranza jew ir-repressjoni tal-ksur tad-dritt internazzjonali umanitarju mit-tribunali militari jeskludu protezzjoni inkwantu refuġjat skont l-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 2004/83, jew huwa dan l-element irrilevanti?

Huwa meħtieġ li kien hemm ukoll sanzjoni adottata mill-Qorti Kriminali Internazzjonali?

(5)

Il-fatt li t-tqegħid fil-pożizzjoni tat-truppi jew l-istatut ta’ okkupazzjoni ġew approvati mill-Komunità internazzjonali jew huma bbażati fuq mandat mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jeskludi kull protezzjoni inkwantu refuġjat?

(6)

Huwa meħtieġ, sabiex il-protezzjoni inkwantu refuġjat tingħata lill-applikant għall-ażil skont l-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 2004/83, li huwa jista’ jiġi kkundannat, jekk iwettaq id-dmirijiet tiegħu, skont l-istatuti tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (l-ewwel parti), jew il-protezzjoni inkwantu refuġjat tingħata meta dan il-limitu ma jintlaħaqx, u l-applikant għall-ażil ma għandux għaldaqstant jibża’ li tiġi imposta fuqu sanzjoni kriminali, iżda madankollu ma jkunx jista’ jirrikonċilja l-obbligi tas-servizz militari mal-kuxjenza tiegħu (it-tieni parti)?

(7)

Jekk ir-risposta għas-sitt domanda għandha tingħata fis-sens tat-tieni parti:

il-fatt li l-applikant għall-ażil ma għamilx użu mill-possibbiltà li jsegwi proċedura normali ta’ objettur tal-kuxjenza, meta kellu l-possibbiltà li jagħmel dan, jeskludi kull protezzjoni inkwantu refuġjat fis-sens tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, jew il-protezzjoni inkwantu refuġjat hija wkoll possibbli fil-każ ta’ deċiżjoni partikolari bbażata fuq il-kuxjenza?

(8)

It-tkeċċija infami mill-armata, il-kundanna għal piena ta’ ħabs u l-ostraċiżmu soċjali u l-iżvantaġġi li jirriżultaw minnu jikkostitwixxu att ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9(2)(b) jew (ċ), tad-Direttiva 2004/83?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KEE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96).


Top