Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IE1719

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Mudelli tan-negozju għat-tkabbir sostenibbli, ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u l-bidliet industrijali” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

OJ C 133, 9.5.2013, p. 8–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 133/8


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Mudelli tan-negozju għat-tkabbir sostenibbli, ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u l-bidliet industrijali” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2013/C 133/02

Relatur: is-Sur Van IERSEL

Korelatur: is-Sur GIBELLIERI

Nhar it-12 ta’ Lulju 2012 il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Mudelli sostenibbli għat-tkabbir tan-negozji, ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u l-bidliet industrijali

(opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI), inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-22 ta’ Jannar 2013.

Matul l-487 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-13 u l-14 ta’ Frar 2013 (seduta tat-13 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’57 vot favur, 4 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Bħalissa hu żmien iebes għall-parti l-kbira tal-industrija Ewropea. Madankollu, numru ta’ kumpaniji dejjem ikbar fl-Ewropa u f’partijiet oħra tad-dinja qed jippreparaw għad-diversi sfidi madwar id-dinja, inklużi l-impatt ta’ żviluppi demografiċi, it-tibdil fil-klima u, b’mod partikolari, l-objettivi ta’ emissjonijiet ta’ livell baxx tal-karbonju.

1.2

Il-KESE jixtieq jindika l-bidliet fil-mentalitajiet li qed iwittu t-triq għal mudelli tan-negozju aġġustati jew ġodda. Is-sostenibbiltà hija kwistjoni strateġika fil-Kunsill Kummerċjali Dinji għall-Iżvilupp Sostenibbli, fi gruppi nazzjonali ta’ kumpaniji, u fil-preparazzjoni ta’ pjani direzzjonali settorjali għal livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fil-livell tal-UE. Il-bidliet fil-fokus u l-istruttura tal-kumpaniji u ktajjen tal-valur internazzjonali qed joħolqu mudelli ġodda tan-negozju.

1.3

Wieħed mill-elementi importanti huwa l-impenn proattiv mill-mexxejja korporattivi, li jaffettwa wkoll ir-relazzjonijiet downstream u upstream. Qed ikun hemm kemm impenn kif ukoll innovazzjoni korrispondenti f’kull livell, apoġġjati minn djalogu interattiv mal-kunsilli tax-xogħol u programmi speċifiċi fil-kumpaniji, u anke permezz ta’ djalogu soċjali settorjali nazzjonali u Ewropew.

1.4

Fit-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, iridu jiġu ggarantiti ħiliet aġġornati u impjiegi kwalifikati sew sabiex jiġu evitati, kemm jista’ jkun, id-diskontinwità jew il-qgħad temporanju. Għandhom jiddaħħlu fis-seħħ programmi tal-UE, nazzjonali u reġjonali flimkien ma’ azzjonijiet imfassla apposta fil-kumpaniji.

1.5

Il-perspettivi u d-dinamiki ġodda se jtejbu r-reżiljenza tal-kumpaniji u l-ktajjen tal-valur, u b’hekk jiġu żgurati l-investiment u l-impjieg. Ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju teħtieġ koordinazzjoni kontinwa u adattata bejn l-atturi pubbliċi u dawk privati, inklużi arranġamenti finanzjarji. Il-politika pubblika għandha tibbenefika minn fehmiet u prattiki fis-settur privat u tinkorpora approċċi mmirati mmexxija mill-kumpaniji li ħafna drabi jkunu aktar avvanzati mill-prattiki tal-gvern.

1.6

Bħala appoġġ għall-inizjattiva tat-tkabbir, il-KESE jitlob lill-UE u lill-Istati Membri sabiex jikkunsidraw jużaw il-finanzjament li bħalissa mhux qed jintuża, jew anke finanzjament ġdid għalkollox, bħala sors għall-finanzjament ta’ miżuri urġenti. Il-Kummissjoni għandha tistimula r-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni billi tagħti prijorità lill-inizjattivi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fil-programm Orizzont 2020 li jmiss, li bl-ebda mod m’għandu jinqata’. Il-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi wkoll l-istabbiliment ta’ sħubijiet pubbliċi-privati (PPPs) operattivi, f’kooperazzjoni stretta mal-Pjattaformi Ewropej tat-Teknoloġija u s-setturi industrijali li jkopru l-katina sħiħa tal-innovazzjoni.

1.7

Il-konsistenza hija kruċjali. Il-KESE jissottolinja l-ħtieġa għal qafas tal-UE definit sew, koerenti u fit-tul li jrid jiġi diskuss mal-partijiet interessati kollha, li tiġi evitata r-regolazzjoni żejda, li jkun hemm rabta qawwija bejn ir-riċerka u l-iżvilupp/l-innovazzjoni u l-politika dwar l-enerġija/il-klima, u infrastruttura tal-enerġija u kapaċitajiet tal-ħażna effettivi. Iridu jiġu kkunsidrati l-prattiki tajbin u l-iskemi effettivi u miftiehma b’mod konġunt. Qafas bħal dan tal-UE jagħti spinta wkoll lill-aċċettazzjoni mill-pubbliku u l-persuni kkonċernati direttament.

1.8

L-UE hija responsabbli għal madwar 10 % tal-emissjonijiet globali tal-gassijiet b’effett ta’ serra. Dan il-persentaġġ ser jaqa’ għal madwar 5 % fl-2040-2050. M’hemmx dubju li l-UE qed tieħu r-rwol ta’ tmexxija fin-negozjati globali għal ftehim vinkolanti dwar it-tibdil fil-klima. Iżda l-KESE jenfasizza li d-distorsjonijiet għandhom jiġu evitati. Sakemm ma jkunx hemm sitwazzjoni bl-istess kundizzjonijiet għal kulħadd fit-tnaqqis tal-gassijiet serra u l-prezzijiet tad-diossidu tal-karbonju, l-iżbilanċi bejn l-UE u l-bqija tad-dinja għandhom jiġu indirizzati minn miżuri Ewropej għas-setturi globali.

1.9

Għandhom jiġu kkunsidrati l-aħħar żviluppi. Il-KESE jirrakkomanda valutazzjoni aġġornata tal-miri għal livell baxx tal-karbonju fid-dawl ta’ bidla inkwetanti fl-attivitajiet industrijali lejn pajjiżi terzi, b’mod partikolari l-Istati Uniti – minħabba l-politika tal-enerġija prammatika u li tħares ’il quddiem tagħhom – li hija ta’ detriment għall-investiment u l-impjiegi fl-Ewropa.

1.10

Soċjetà miftuħa, tat-tagħlim, teħtieġ forom flessibbli ta’ parteċipazzjoni, regoli u responsabbiltajiet. Jeħtieġ li tiġi żviluppata kultura ġdida ta’ innovazzjoni, abbażi tal-parteċipazzjoni tal-gruppi affettwati. Hija għandha timmira għal kunsens bażiku fis-soċjetà. Fost l-elementi importanti nsibu l-fehim fil-fond tal-isfidi u r-rikonoxximent tal-fatt li l-problemi kumplessi li qed tiffaċċja d-dinja jistgħu jiġu solvuti biss permezz tal-interazzjoni bejn l-industrija, ix-xjenza, is-soċjetà u l-politika. Il-partijiet kollha interessati – il-kumpaniji u l-persunal tagħhom, l-NGOs, l-imsieħba soċjali, il-fornituri u l-klijenti, u l-konsumaturi – għandhom jiġu involuti. Għandha tkun żgurata t-trasparenza.

1.11

Il-KESE jinsisti li l-approċċi enfasizzati f’din l-Opinjoni għandhom jiġu integrati fil-politika industrijali li jmiss u f’politiki oħra rilevanti. L-UE dejjem għandha tabbina l-politika tagħha dwar il-klima mal-kompetittività industrijali, filwaqt li taħdem id f’id mal-industrija fuq soluzzjonijiet ibbażati fuq il-fattibbiltà teknika u l-vijabbiltà ekonomika.

2.   Daħla

2.1

It-teknoloġija u l-innovazzjoni, is-swieq finanzjarji globalizzati u l-kummerċ, il-prodotti magħmulin apposta, il-ktajjen tal-valur dinamiċi, u r-riċiklaġġ huma fatturi ewlenin fl-ekonomija tal-lum.

2.2

B’mod parallel, iż-żieda fil-popolazzjoni dinjija, id-differenzi bejn il-pagi, u l-problemi relatati mal-materja prima, l-ilma u l-ikel jippreżentaw sfidi addizzjonali. It-tibdil fil-klima, l-iżvilupp sostenibbli u l-enerġija – l-effiċjenza, ir-rekwiżiti ta’ livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, l-enerġija rinnovabbli, l-aċċess għar-riżorsi – huma fost l-aktar punti importanti fuq l-aġenda internazzjonali. L-objettivi l-ġodda jridu jiġu indirizzati fi klima inċerta bi tkabbir baxx fl-Ewropa.

2.3

Il-kumpaniji multinazzjonali u l-persunal tagħhom, kif ukoll il-ktajjen tal-valur downstream u upstream qed jiġu kkonfrontati dejjem aktar bil-kumplessitajiet tas-sitwazzjoni attwali. Il-ktajjen tal-valur Ewropej għadhom minn ta’ quddiem fil-livell dinji. Il-pożizzjoni tagħhom trid tiġi żgurata.

2.4

Din l-Opinjoni tiddiskuti xi xejriet attwali fil-mentalitajiet u l-attitudnijiet fi ħdan is-setturi u l-kumpaniji li jwittu t-triq għal mudelli tan-negozju ġodda. L-isfidi enormi li qed niffaċċjaw jistgħu jiġu indirizzati b’suċċess biss permezz ta’ approċċi kemm pubbliċi kif ukoll privati li jħaddnu analiżijiet miftiehma b’mod konġunt, koordinazzjoni adattata u inizjattivi biex jinħoloq it-tkabbir u l-impjiegi sostenibbli. Jeħtieġ li l-partijiet interessati pubbliċi u privati jaħdmu bħala msieħba fit-triq quddiemna.

2.5

Hemm ftehim ġenerali li ż-żieda fl-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju matul ħafna deċennji kkawżat effetti serra sinifikanti, inklużi żieda fit-temperaturi medji, bidliet notevoli fix-xejriet tat-temp, u effetti addizzjonali mhux prevedibbli bħal livelli ogħla tal-baħar u bidliet fl-ekoloġija u l-ekosistemi b’impatt (negattiv) fuq l-agrikoltura, ħaġa li wasslet għal żidiet sproporzjonati fil-prezzijiet tal-ikel, fil-ġuħ u fil-faqar.

2.6

Il-problemi tat-tibdil fil-klima qed jintensifikaw (1). Madankollu, tkun kemm tkun ikkumplikata, il-lezzjoni ġenerali hija li l-kooperazzjoni globali fil-qasam tal-politiki tad-diossidu tal-karbonju u l-pjani direzzjonali ta’ livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju hija ferm rakkomandabbli.

2.7

Sadattant, minkejja n-nuqqas ta’ qafas stabbli fit-tul, f’ħafna każijiet il-korporazzjonijiet qed jieħdu azzjoni biex jiżviluppaw strateġiji tan-negozju sostenibbli downstream u upstream, u jipproduċu prodotti u servizzi aktar sostenibbli, b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Qed isiru wkoll tibdiliet maġġuri minħabba r-ristrutturar, l-ottimizzazzjoni u t-tfassil mill-ġdid. Enfasi fuq l-innovazzjoni u t-teknoloġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju hija kruċjali biex jinsabu soluzzjonijiet dinjija.

2.8

Il-ktajjen tal-valur jibqgħu ta’ valur soċjoekonomiku kbir għall-Ewropa. Il-produzzjoni sostenibbli tista’ tinbena biss fuq il-kompetittività, l-innovazzjoni, il-ħiliet ġodda u impjiegi ta’ kwalità għolja. It-teknoloġiji abilitanti ewlenin, bħall-bijoteknoloġija, in-nanoteknoloġija u l-materjali ġodda, kollha huma iktar u iktar neċessarji minħabba li l-ispejjeż ta’ komunikazzjoni u ta’ koordinazzjoni li qed jitbaxxew malajr qed jiffaċilitaw it-tixrid ġeografiku ta’ diversi attivitajiet fi ħdan il-ktajjen tal-valur. Għalkemm dan mhuwiex proċess lineari, f’numru ta’ każijiet jinvolvi r-rilokazzjoni ta’ attivitajiet li jinvolvu xogħol aktar intensiv u b’bażi diġitali.

2.9

Il-fehma “Persuni, Pjaneta, Profitt” qed trabbi l-għeruq f’numru dejjem ikbar ta’ kumpaniji. Din hi espressjoni famuża li tmur lura għad-disgħinijiet u li issa reġgħet qed tintuża b’mod prominenti u jitqies li għandha tittieħed bħala linja gwida irrispettivament minn dilemmi ħafna drabi kkumplikati u għażliet paradossali. Hija għandha twassal għal tweġiba ekonomika, soċjali u ambjentali mmexxija mill-kumpaniji għall-fehmiet, l-iżviluppi u l-indikaturi attwali madwar id-dinja.

2.10

L-approċċ immirat, immexxi mill-kumpaniji, li għaddej bħalissa f’numru ta’ pajjiżi, se jsaħħaħ il-pożizzjoni tal-kumpaniji bbażati fl-Ewropa. Dan l-approċċ jista’ jitqies bħala approċċ strateġiku għall-futur, u jimpenja lis-CEOs u l-bordijiet tad-diretturi, il-persunal, il-fornituri u l-klijenti, it-trejdjunjins u msieħba soċjali oħra u partijiet interessati oħra.

3.   Rimarki analitiċi

3.1

Id-dominanza preċedenti tad-dinja tal-Punent qed tiġi sostitwita minn poliċentriżmu b’numru ta’ ċentri ta’ gravità. Il-kumpaniji multinazzjonali huma ħafna drabi l-punt ta’ rabta bejn id-diversi ċentri. Is-sitwazzjoni attwali tal-ekonomija dinjija tinsab kontinwament taħt pressjoni minn impulsi politiċi u ekonomiċi (ta’ distorsjoni) li jvarjaw.

3.2

Il-kuntest qed jiġi affettwat ukoll mill-objettivi fil-qasam tat-tibdil fil-klima u l-enerġija. In-Nazzjonijiet Uniti, l-OECD u l-UE, kif ukoll is-settur privat, ifasslu analiżijiet u jiddefinixxu politiki mixtieqa bi tweġiba għal dawn l-isfidi l-ġodda. Huwa kompitu tal-Kummissjoni u l-Kunsill li jieħdu r-rwol tat-tmexxija fl-istabbiliment tal-aġenda, fid-definizzjoni tar-regoli tal-logħba u fil-ħolqien tal-kundizzjonijiet għall-investiment u l-innovazzjoni.

3.3

L-Indiċi Dow Jones għas-Sostenibbiltà tal-1999 u l-Inizjattiva Globali ta’ Rappurtar qed jippromovu s-sensibilizzazzjoni tas-“sostenibbiltà” fis-settur privat flimkien ma’ firxa wiesgħa ta’ atturi, inklużi l-kumpaniji ewlenin u l-persunal tagħhom, l-imsieħba soċjali u NGOs ta’ kull tip. Il-Kunsill Kummerċjali Dinji għall-Iżvilupp Sostenibbli (WBCSD) f’Ġinevra huwa netwerk tan-negozju attiv li jiddefinixxi l-fehmiet tal-kumpaniji b’rabta man-negozjati dinjija dwar it-tibdil fil-klima. Dan il-kunsill qed jieħu wkoll ir-riedni f’idejh fl-iżvilupp ta’ approċċi ġodda għan-negozju u biex jitlaqqgħu proġetti multidimensjonali bejn il-kumpaniji. Waħda mill-inizjattivi prinċipali kienet “Vision 2050” fl-2010, segwita fl-2012 minn “Changing Pace” li tiddeskrivi r-rwol tar-regolazzjoni biex jiġu xprunati għażliet tajbin min-negozji (2).

3.4

Skont “Changing Pace”, il-gvernijiet iridu jagħmlu għażla ċara bejn il-prijoritajiet u jridu jistabbilixxu r-regoli li jiddefinixxu dawk il-prijoritajiet f’termini ta’ objettivi ta’ tkabbir u kapaċità ta’ akkwist, u jiddeterminaw kif jiksbu l-aħjar riżultati. L-għan fundamentali għan-negozju huwa li jipprovdi oġġetti u servizz mtejba kontinwament għal numru dejjem jiżdied ta’ persuni, bi prezzijiet li jistgħu jaffordjaw, mingħajr impatti mhux sostenibbli, u b’modi li jistgħu joħolqu impjiegi u valur ekonomiku  (3).

3.5

“Changing Pace” jidentifika l-megatendenzi globali fuq perjodu ta’ żmien medju u fit-tul u l-politiki u l-objettivi pubbliċi u mbagħad jagħti perspettiva tan-negozju dwar l-għażliet ta’ politika. Il-kapitolu dwar Il-valuri tal-persuni jiddiskuti wkoll b’mod espliċitu ċ-ċittadini u l-konsumaturi responsabbli.

3.6

Hemm distakk ċar bejn l-analiżijiet aċċettati b’mod ġenerali u l-miri li fil-fatt jinkisbu mill-gvernijiet. Il-kriżi attwali tidher li ser tkun ta’ piż eċċessiv għall-ekonomija Ewropea: ħafna kumpaniji qed ikollhom jaġġustaw il-kapaċitajiet tal-produzzjoni tagħhom minħabba n-nuqqas fid-domanda fid-dinja tal-Punent u, kif jidher, fiċ-Ċina u fl-Indja.

3.7

L-UE ħadet ir-riedni f’idejha biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima u biex tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija billi adottat il-protokoll ta’ Kjoto u implimentat id-dispożizzjonijiet legali. Sadattant atturi prinċipali oħra fid-dinja għadhom ma adottawx prinċipji paragunabbli, aħseb u ara leġislazzjoni vinkolanti. Din is-sitwazzjoni żbilanċjata u xejn sodisfaċenti qed tkompli minkejja l-Konferenzi riċenti tan-NU. In-nuqqas ta’ ċarezza għall-industrija tal-UE qed iwassal għal inċertezza u taqlib fost il-ħaddiema tal-kumpaniji konċernati. Huwa indispensabbli approċċ ikkoordinat u bbilanċjat sew, b’koordinazzjoni bejn l-atturi pubbliċi u privati.

3.8

Attwalment il-kumpaniji qed jirrazzjonalizzaw. Għalkemm it-teknoloġija, l-innovazzjoni u l-ktajjen tal-valur qawwija jiżguraw riżultati tajbin, dawn ikunu akkumpanjati minn effetti ta’ ħsara għall-kumpaniji u l-impjieg. Il-qgħad fl-Ewropa qatt ma kien daqshekk għoli, u l-impjieg taż-żgħażagħ huwa ta’ tħassib kważi kullimkien. Hemm ħtieġa urġenti għal prospetti ġodda.

3.9

Il-kriżi fis-suq tax-xogħol Ewropew qed taffettwa l-prospetti għal politiki tat-tibdil fil-klima ambizzjużi. Is-sensji estensivi fl-industrija filwaqt li ż-żgħażagħ għandhom aċċess insuffiċjenti jew l-ebda aċċess għas-suq tax-xogħol, ifixklu t-trasferiment tal-għarfien u l-kompetenzi mixtieqa li huma indispensabbli għat-tranżizzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju.

3.10

Mill-banda l-oħra, is-sensibilizzazzjoni mifruxa b’mod wiesgħa fir-rigward tat-tibdil fil-klima u sfidi oħra toħloq opportunitajiet ġodda. Il-kumpaniji Ewropej qed jintegraw din l-aġenda b’mod progressiv fl-istrateġiji tagħhom u qed jippruvaw jiksbu vantaġġi kompetittivi. Żvilupp korrispondenti ħareġ fid-dieher ukoll fil-kumpaniji ewlenin fl-Istati Uniti, fil-Ġappun u anke f’pajjiżi emerġenti bħaċ-Ċina. F’ħafna kumpaniji Ewropej hemm il-fiduċja, mill-maniġment sal-ħaddiema, li dawn l-aġġustamenti se jagħtu l-frott, u għaldaqstant joħolqu sitwazzjonijiet ta’ vantaġġ għall-partijiet kollha. Ir-riżultati l-aktar interessati jinkisbu permezz ta’ proċessi ‘cradle-to-cradle’ u bl-iżvilupp ta’ ekonomija ċirkolari permezz ta’ riżorsi u materjali skarsi.

3.11

Bħala konklużjoni, il-KESE jinsisti fuq koordinazzjoni effettiva ta’ analiżijiet, fehmiet u definizzjoni tal-aġenda fost il-partijiet interessati pubbliċi u privati. Dan huwa kruċjali f’diversi livelli – fil-livell globali, Ewropew, nazzjonali u reġjonali – sabiex jiġi żgurat li l-ekonomija Ewropea tibqa’ kompetittiva filwaqt li fl-istess ħin jiġu żgurati s-sostenibbiltà u l-innovazzjoni soċjali. Is-soluzzjoni tinsab fit-teknoloġija u fit-trawwim tal-innovazzjoni, kif ukoll fl-iżgurar tal-kompetenzi, il-ħiliet u l-ġestjoni aġġornati.

4.   Inizjattivi u prattiki tan-negozju

4.1

Il-miri tas-sostenibbiltà qed jiġu inkorporati dejjem aktar mill-kumpaniji u fi ħdanhom bħala parti mill-kultura tal-kumpanija, il-politika tar-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR) u l-proċessi tal-ġestjoni tar-riskju. Bħalma fil-livell globali numru ta’ kumpaniji ewlenin jaċċettaw il-prinċipji ta’ “Change pace” (4), fl-Ewropa qed jittieħdu inizjattivi simili fil-livell settorjali u dak tal-kumpanija.

4.2

Din ix-xejra miexja b’diversi ritmi fi ħdan is-setturi u l-kumpaniji individwali. L-introduzzjoni ta’ mentalità ġdida li tiffavorixxi miri definiti mill-ġdid tieħu ż-żmien u tirrikjedi sforz kbir, speċjalment f’perjodu ta’ tkabbir bil-mod. Ix-xejriet soċjali aktar ġenerali, kif qed jesprimu l-NGOs u l-konsumaturi kritiċi, jippromovu wkoll approċċi u metodi ġodda.

4.3

Dan l-iżvilupp qed jintwera fl-istudji mill-Kummissjoni u l-esperti. Is-sena l-oħra kien hemm rapport li kkonkluda li l-istampa ġenerali mill-ekoprestazzjoni industrijali tal-UE hija waħda ta’ progress sinifikanti lejn is-separazzjoni tat-tkabbir ekonomiku u l-impatt ambjentali matul dawn l-aħħar żewġ deċennji, fejn aktar sostenibbiltà u effiċjenza fl-użu tar-riżorsi fl-industrija għandhom rwol importanti f’dan  (5).

4.4

Bil-għan li tinbena r-reżiljenza futura tal-kumpaniji, is-CEOs u l-bordijiet ħafna drabi jimpenjaw lilhom infushom għal dawn il-proċessi billi jieħdu responsabbiltà diretta, ħaġa li tagħti aktar struttura u enfasi fi ħdan il-kumpaniji. Fin-netwerk tad-WBCSD, il-prattika attwali hi li jittieħed impenn personali. Dan l-eżempju qed jiġi segwit minn kumpaniji fil-pajjiżi individwali. Ir-rabta bejn in-negozju u s-sostenibbiltà qed toħroġ iktar fid-dieher u ssir iktar tanġibbli.

4.5

Qed jittieħdu ħafna inizjattivi min-negozji Ewropej biex ikun hemm rabta bejn l-objettivi ambjentali u r-reżiljenza ekonomika. Il-proċess, li beda fl-Ewropa ta’ Fuq, qed jintensifika u qed jinfirex gradwalment madwar il-kontinent. Il-miri tal-kumpaniji individwali qed jiġu espressi f’dikjarazzjonijiet tal-missjoni, proġetti, kooperazzjoni ma’ akkademiċi, NGOs, imsieħba soċjali u oħrajn. L-organizzazzjonijiet nazzjonali jinkludu:

L-Unternehmensnetzwerk: der Ulmer Initiativkreis Nachhaltige Wirtschaftsentwicklung fil-Ġermanja, stabbilit fl-1992.

L-Entreprises pour lEnvironnement fi Franza, l-imsieħeb Franċiż fid-WBCSD, li jinkludi 40 kumpanija kbira; inizjattiva oħra, fil-qafas tal-Mouvement des Entreprises de France (MEDEF), tikkonċerna 250 kumpanija li jieħdu impenji li jikkonċernaw Rio+20.

Grupp ta’ kumpaniji Brittanniċi qed jaħdem bl-istess mod bħala parti mill-proġett tal-Prinċep ta’ Wales – “Accounting for Sustainability”.

Id-Dutch Sustainable Growth Coalition, stabbilita fl-2012, tkopri seba’ kumpaniji ewlenin f’diversi setturi tan-negozju fil-qafas tal-assoċjazzjoni ta’ min iħaddem VNO-NCW. Il-koalizzjoni tiżviluppa għanijiet, prattiki u metodi għal ħidma fuq tkabbir sostenibbli fit-tul, inkluż fil-katina downstream u upstream.

Il-UK Sustainable Investment and Finance Association nediet inizjattiva riċenti li appellat għal investiment fit-tul mill-kumpaniji u s-sidien tal-assi. Il-Banking Environment Initiative Forum 2012, l-ewwel konferenza annwali għall-banek u l-korporazzjonijiet globali li qed jaħdmu f’investiment sostenibbli, saret fl-Londra f’Novembru 2012.

4.6

Għad hemm differenzi sostanzjali fl-approċċ bejn negozji fid-diversi pajjiżi, li għandhom x’jaqsmu mal-istadju tal-iżvilupp ekonomiku u l-punt safejn ekonomiji nazzjonali u r-riċerka u l-iżvilupp ikunu marbuta ma’ żviluppi lil hinn mill-kuntest nazzjonali u Ewropew. Fil-futur qarib, madankollu, in-negozji fl-Ewropa se joperaw fl-istess qafas dinji li se jirrikjedi attitudnijiet u reazzjonijiet simili. Il-ġestjoni, kif ukoll l-edukazzjoni u t-taħriġ iridu jħejju għal dik ir-realtà.

4.7

Jistgħu jiġu identifikati xi karatteristiċi komuni:

Ir-riżultati tanġibbli fin-negozjati politiċi internazzjonali għadhom limitati minħabba fid-differenzi fil-fehmiet politiċi, il-prattiki u l-pressjonijiet soċjoekonomiċi. Mill-banda l-oħra, fin-netwerks tan-negozju qed jidħlu attitudnijiet ġodda, speċjalment fid-dinja tal-Punent.

Waħda mix-xejriet riċenti hija l-impenn fit-tmexxija ta’ kumpaniji u tmexxija involuta, li jwassal għal aktar enfasi fuq il-maniġment. Is-soluzzjonijiet sostenibbli qed isiru prijorità dejjem iktar importanti fid-diskussjonijiet interni u l-proċeduri tal-kumpaniji. Dan jimmarka fażi ġdida li tinvolvi aġġustamenti fil-mudelli tan-negozju, fit-taħriġ u fl-ippjanar tal-karriera, u fil-mentalità tal-persunal fil-kumpaniji.

Hemm bidla lejn approċċi aktar fit-tul, mingħajr ma jiġu abbandunati l-approċċi effiċjenti fuq perjodu ta’ żmien qasir.

Il-fornituri u l-klijenti ħafna drabi jagħmlu parti mill-proċessi.

Minbarra l-partijiet interessati tradizzjonali bħall-persunal u l-imsieħba soċjali, id-diskussjonijiet mal-NGOs qed isiru aktar frekwenti, u l-klijenti qed isiru fattur aktar essenzjali.

Hemm żieda fl-attenzjoni li qed tingħata lit-taħriġ vokazzjonali u tul il-ħajja kif ukoll fl-universitajiet u l-iskejjel tan-negozju. L-impjegati żgħażagħ qed jiġu attirati mill-prospettiva l-ġdida li tiffaċilita wkoll l-aċċess għas-suq tax-xogħol.

Wieħed irid jara dawn ix-xejriet b’konformità mal-objettivi pubbliċi li ġew stabbiliti għas-sostenibbiltà u l-kompetittività Ewropea.

5.   Strateġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju

5.1

L-istrateġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju se jkollhom rwol ċentrali fil-promozzjoni tat-tkabbir sostenibbli. Dawn huma marbuta mal-politika industrijali tal-UE.

5.2

Attwalment, l-industrija Ewropea trid twieġeb għal taħlita wiesgħa u kumplessa ta’ miri u strumenti ta’ politika fil-livell Ewropew, nazzjonali u anke lokali, li jiffokaw fuq it-tnaqqis fl-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju, l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Il-miri u l-istrumenti huma xi kultant ambigwi, ripetuti, u mhux integrati kif suppost. Sabiex tkun effettiva u kosteffikaċi, l-industrija teħtieġ politiki aktar sempliċi, prevedibbli u integrati.

5.3

It-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju tinsab miexja ’l quddiem minħabba l-isforzi biex jitnaqqsu l-ispejjeż, wara ż-żieda fil-prezzijiet taż-żejt u l-enerġija li seħħet qabel l-iżvilupp tal-kultura ta’ ħarsien ambjentali, li hija mmexxija mill-konsegwenzi (reali jew mistennija) tat-tibdil fil-klima kkawżati mill-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett serra.

5.4

Fil-fehma tal-KESE, qafas koerenti u konsistenti tal-UE għal provvista tal-enerġija aktar sikura, kompetittiva u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju għandu jikkonsisti minn erba’ pilastri ewlenin:

politika koerenti tal-enerġija u l-klima għas-setturi koperti minn sistema għan-negozjar ta’ emissjonijiet (ETS) ibbażata fuq riżultati ppruvati xjentifikament;

l-isfruttar tal-kontribut potenzjali f’setturi mhux tal-ETS;

minn naħa rabta aktar qawwija bejn ir-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni u min-naħa l-oħra politika tal-enerġija/tal-klima; u

infrastruttura tal-enerġija u regolamenti li jippermettu t-trasportazzjoni effiċjenti tal-enerġija u l-użu intelliġenti tal-grilji tal-enerġija, flimkien ma’ kapaċitajiet tal-ħżin aġġornati u kontroll flessibbli tad-domanda.

5.5

L-EU ETS se tkun l-istrument ta’ politika ċentrali tal-UE sabiex jinkisbu l-miri tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gass b’mod armonizzat u kosteffettiv. Din l-iskema għandha tiġi implimentata b’mod ibbażat fuq is-suq. Il-KESE jinnota li hemm tliet kwistjonijiet kruċjali li għad iridu jiġu indirizzati:

l-ETS għandha tipprovdi stabbiltà ta’ investiment fit-tul għall-kumpaniji, li bħalissa mhuwiex il-każ;

ir-regolazzjoni żejda li tqum ħafna flus u li tagħmel il-ħsara fl-Ewropa trid tiġi evitata, sabiex tiġi promossa l-koordinazzjoni adattata bejn l-atturi pubbliċi u privati; u

l-ETS għandha tqis varjazzjonijiet fil-pożizzjonijiet kompetittivi tal-kumpaniji u s-setturi. Din il-kwistjoni se ssir iktar kruċjali ladarba jiddaħħlu fis-seħħ miri aktar ta’ sfida, u jekk parteċipanti oħra fix-xena dinjija juru li mhumiex lesti jew ma jistgħux jiżviluppaw jew jimplimentaw objettivi sostenibbli ta’ livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. L-approċċi Ewropej iżolati li huma kontraproduttivi għall-investimenti u l-impjieg fis-setturi globali jridu jiġu evitati.

5.6

Barra minn hekk, hemm ftehim ġenerali li hemm bżonn investiment sostanzjali bil-quddiem fl-infrastruttura pubblika, jiġifieri fil-grilja Ewropea tal-enerġija. Ser ikun kruċjali li jittieħed impenn min-naħa tal-atturi pubbliċi li jipprovdu investiment inizjali u jagħtu spinta lill-fiduċja fost l-investituri privati. Dan il-punt għandu jiġi diskuss fil-Kunsill u jagħmel parti mill-inizjattiva ta’ Tkabbir tal-UE.

5.7

Dan għandu jnaqqas ukoll xejra viżibbli lejn ir-rilokazzjoni ta’ ċerti attivitajiet industrijali Ewropej lejn reġjuni oħra tad-dinja, minkejja l-fatt li l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-implimentazzjoni tagħha jqisu r-riskju tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju (carbon leakage).

5.8

Kwalunkwe proposta biex l-ETS tittejjeb b’mod strutturali għandha tindirizza l-kwistjonijiet imsemmija fil-punti 5.4 u 5.5. Id-dibattitu attwali dwar l-aġġustament tal-ETS huwa ffokat b’mod insuffiċjenti fuq is-soluzzjoni ta’ dawn il-kwistjonijiet jew fuq it-tibdil fil-format innifsu tal-ETS. Mill-2020 ’il quddiem, l-orjentazzjonijiet aġġustati għandhom jirriżultaw fi prezz stabbli tad-diossidu tal-karbonju, li abbażi tiegħu l-parteċipanti tas-suq jistgħu jippjanaw deċiżjonijiet ta’ investiment fit-tul għas-soluzzjonijiet ta’ livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. It-titjib tal-format innifsu tal-ETS jevita l-ħtieġa għal intervent politiku fuq perjodu ta’ żmien qasir.

5.9

It-titjib tal-format tal-ETS huwa meħtieġ ukoll sabiex tiżdied l-aċċettazzjoni fost il-pubbliku u l-ħaddiema. Filwaqt li xi postijiet tax-xogħol “tradizzjonali” huma mistennija li jisparixxu malajr, postijiet tax-xogħol ġodda “ekoloġiċi”, b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju għadhom mhumiex stabbiliti kif supppost. Minħabba fit-tibdiliet ta’ malajr u mhux mistennijin, it-tranżizzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju ħafna drabi tiġi esperjenzata bħala theddida fl-oqsma tal-produzzjoni tradizzjonali. Hemm bżonn djalogu soċjali f’diversi livelli sabiex tiġi promossa t-trasparenza u l-aċċettazzjoni mill-persuni kkonċernati, u sabiex jinbdew programmi li jħeġġu t-tagħlim u t-taħriġ mill-ġdid għall-ħaddiema kollha sabiex il-ħiliet tagħhom isiru konformi mad-domandi li dejjem jinbidlu fis-suq tax-xogħol.

5.10

L-aktar ħtieġa importanti hija għal politika ġdida dwar ir-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni ffokata fuq il-ħolqien ta’ valur fil-ktajjen tal-valur kumplessi (internazzjonali) li jimmiraw lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. L-orjentazzjoni teknoloġika attwali trid titwessa’. It-tibdil fil-klima, in-nuqqas emerġenti ta’ riżorsi strateġiċi, u ż-żidiet konsegwenti fil-prezzijiet qed jinfurzaw tibdil fil-ħsieb fis-setturi tal-enerġija u l-materja prima. Iridu jitqiesu wkoll il-proċessi biex il-pajjiżi emerġenti u li qed jiżviluppaw ilaħħqu mal-oħrajn, inkluż it-trasferiment tat-teknoloġija. Id-domanda għar-riżorsi qed tikber, filwaqt li r-ristrutturar tas-sistemi tal-enerġija u ż-żieda fl-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi huma riskjużi u għaljin ħafna. Is-suċċess se jiddependi wkoll fuq konnessjoni mill-qrib ta’ oqsma differenti ta’ kompetenza u industriji. Dawn il-fatturi kollha jeħtieġu b’mod urġenti triq teknoloġika koerenti fl-UE (6), approvata minn teħid tad-deċiżjonijiet politiċi konsistenti.

5.11

L-approċċi integrati jmorru lil hinn mill-fażi tal-produzzjoni u jimmiraw li jtejbu l-prestazzjoni ambjentali f’kull stadju taċ-ċiklu tal-ħajja, jiġifieri id-disinn, il-materja prima, l-assemblaġġ, id-distribuzzjoni u r-rimi. Il-politiki integrati tal-prodott iridu jiġu diskussi bejn l-atturi pubbliċi u dawk privati. Iridu jiġu definiti b’mod preċiż sabiex tiġi evitata r-regolazzjoni żejda. Fost l-għodod disponibbli, fejn ikun adatt, hemm ftehimiet bejn il-produtturi u l-gvernijiet jew l-UE, dwar l-ekotikketti, it-tikkettar tal-enerġija, l-ekodisinn, il-projbizzjonijiet fuq is-sustanzi u t-tikketti tal-marka tal-karbonju. Sabiex ikunu effettivi, it-tikketti għandhom jinkludu informazzjoni adegwata u affidabbli għall-konsumatur, inkluża fid-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Inġusti, li għandha tiġi implimentata b’mod adatt.

5.12

Barra minn hekk, l-infiq sinifikanti fir-riċerka u l-iżvilupp fundamentali u applikat huwa kundizzjoni bażika biex jinkiseb l-għan ta’ provvista tal-enerġija sikura, kompetittiva globalment, bi prezz raġonevoli u effiċjenti għall-Ewropa, iggarantita minn infrastruttura effiċjenti tal-enerġija u regolamenti korrispondenti (7).

5.13

L-innovazzjoni ta’ sistemi fil-fruntieri settorjali u l-ktajjen integrati li joħolqu l-valur jaffettwaw il-kumpaniji, minħabba li s-sistemi tal-enerġija dinjija bbażati fuq il-fossili jridu fl-aħħar mill-aħħar jiġu dekarbonizzati u l-iskarsezzi ta’ materja prima ser jirrikjedu ekonomija li tiffranka r-riżorsi. Pass pass, is-sostenibbiltà qed issir iktar importanti fis-swieq kollha, żvilupp li jċajpar il-fruntieri tradizzjonali bejn is-setturi u twassal għal ktajjen ġodda li joħolqu l-valur.

5.14

Id-dibattitu attwali qed iħeġġeġ ukoll numru dejjem ikbar ta’ inizjattivi minn isfel għal fuq fil-kumpaniji. Kemm il-kumpaniji l-kbar u kif ukoll l-SMEs qed jiżviluppaw strateġiji u mudelli tan-negozju b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju għall-katina sħiħa tal-valur. L-antiċipazzjoni tar-rekwiżiti tal-enerġija fil-futur se tirriżulta wkoll f’vantaġġi kompetittivi. Iżda dan jeħtieġ leġislazzjoni adatta. Il-ħolqien intern ta’ ideat innovattivi u ta’ proċessi ta’ innovazzjoni għall-produzzjoni u l-organizzazzjoni, mill-ogħla sal-inqas livell, qed isiru prattika standard f’ħafna kumpaniji.

5.15

L-eżempji jinkludu dan li ġej:

5.15.1

Peress li l-ambjent tal-bini jirrappreżenta proporzjon sinifikanti tad-domanda finali għall-enerġija, il-konsum tas-sorsi ta’ enerġija mill-fossili jista’ jitnaqqas sostanzjalment b’mod kosteffettiv billi tittejjeb il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini eżistenti u dak ġdid, inkluż permezz tal-iżolament u t-tekniki mtejba għat-tisħin. Eżempji oħra huma proġetti minn kumpaniji u muniċipalitajiet sabiex tinħoloq infrastruttura tat-trasport u t-trasport ta’ enerġija sostenibbli manifatturata lokalment. Dawn l-aspetti u l-kuntest speċifiku tagħhom ser jiġu indirizzati f’Opinjoni separata tal-KESE (8).

5.15.2

L-assoċjazzjoni Euracoal tipproponi strateġija ta’ faħam nadif fi tliet stadji għas-settur tal-faħam, li tirrifletti s-sejbiet tal-Pjan Direzzjonali tal-Enerġija 2050 u tinvolvi: l-introduzzjoni ta’ teknoloġija l-aktar avvanzata fis-settur tal-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-faħam, li tnaqqas l-emissjonijiet; l-iżvilupp ta’ teknoloġiji tal-ġenerazzjoni li jmiss, ta’ effiċjenza għolja u teknoloġiji flessibbli; u d-demostrazzjoni u l-użu tal-qbid u l-ħżin (CCS) u t-trasport tad-diossidu tal-karbonju, flimkien ma’ CCS għal karburanti u setturi oħra. Għad hemm lok fejn jittejbu l-opportunitajiet biex l-UE tesporta t-teknoloġiji nodfa tal-faħam.

5.15.3

L-industriji bbażati fuq il-forestrija, li huma bbażati fuq materja prima rinnovabbli u li jużaw l-enerġija rinnovabbli b’mod inerenti, huma proattivi ħafna. Biex jirnexxu, huwa essenzjali pakkett ta’ politika speċifiku għas-settur, inkluż ir-riċerka u l-iżvilupp, sabiex it-teknoloġiji innovattivi u l-prodotti l-ġodda jitwasslu lis-suq. Irid jiġi stabbilit il-bilanċ tajjeb bejn il-materja prima u l-użu tal-enerġija tal-materja prima. Il-politiki jridu jkunu konsistenti mal-iżviluppi globali, l-oqsma l-oħra ta’ politika u ċ-ċikli ta’ investiment tal-industrija.

5.15.4

Bħalissa qed jitħejjew inizjattivi trasversali. Is-sħubijiet pubbliċi-privati (PPPs) bħal SPIRE (Sustainable Process Industry through Resource and Energy Efficiency – Industrija bi Proċessi Sostenibbli permezz tal-Effiċjenza fl-Użu tar-Riżorsi u l-Enerġija) u EMIRI (Energy Materials Industrial Research Initiative – Inizjattiva ta’ Riċerka Industrijali dwar il-Materjali tal-Enerġija) biex insemmu biss tnejn, għandhom ikunu garantiti prijorità għolja u finanzjament adegwat fil-qafas tal-Orizzont 2020.

5.16

Proprju f’dan il-mument, fil-livell tal-UE, numru ta’ setturi oħra qed jiżviluppaw pjani direzzjonali b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fit-tul.

5.17

It-tranżizzjoni għal bijoekonomija għall-Ewropa se tagħmel ukoll parti mis-soluzzjoni u ser tirrappreżenta żvilupp importanti fil-ħolqien ta’ ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Il-kumpaniji qed joħorġu bi prodotti u soluzzjonijiet ġodda b’bażi bijoloġika li jissodisfaw l-istennijiet u l-ispeċifikazzjonijiet dejjem ikbar.

6.   L-UE, il-gvernijiet, il-partijiet interessati

6.1

Il-proċessi bħal dawk imfissra hawn fuq iridu jiġu akkumpanjati b’mod effettiv u integrati fl-oqfsa u l-kundizzjonijiet teknoloġiċi, ekonomiċi u soċjali. Dawn jinkludu programmi ta’ investiment u riċerka mmirati fil-kumpaniji u djalogu adattat, kemm fil-livell tas-settur kif ukoll tal-kumpaniji flimkien mal-awtoritajiet pubbliċi – tal-UE u dawk nazzjonali – u firxa ta’ partijiet interessati.

6.2

Bħala appoġġ għall-inizjattiva tat-tkabbir, l-UE u l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw jużaw il-finanzjament li bħalissa mhux qed jintuża, jew anke finanzjament ġdid għalkollox, bħala sors għall-finanzjament ta’ miżuri urġenti. Il-Programmi Qafas 7 u 8 għandhom jippromovu t-teknoloġiji sinifikanti u l-proġetti innovattivi. Il-BEI għandu jaqdi wkoll rwol ta’ appoġġ. Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda wkoll id-diskussjoni dwar it-tnaqqis fit-taxxa bħala strument potenzjali f’dan ir-rigward.

6.3

Il-pjattaformi teknoloġiċi tal-UE, li ħafna minnhom huma mmexxija mill-industrija, ilaqqgħu flimkien il-kumpaniji, l-istituti tar-riċerka u l-akkademiċi kif ukoll il-fehmiet pubbliċi dwar l-iżviluppi prospettivi (9). Huma għandhom rwol kruċjali fl-analiżi tax-xejriet u l-istennijiet dinjija kif ukoll fil-kodefinizzjoni ta’ għanijiet u perjodi ta’ żmien.

6.4

It-twaqqif tal-objettivi tas-suq jinvolvi diskussjonijiet u ttestjar mal-fornituri u l-klijenti kif ukoll mal-partijiet interessati bħall-imsieħba soċjali, l-NGOs, l-awtoritajiet reġjonali u l-konsumaturi. L-UE u l-gvernijiet għandhom responsabbiltà għal-leġislazzjoni u r-regolazzjoni, iżda dan qatt m’għandu jkun f’direzzjoni waħda. Minflok għandu jkun marbut ma’ pjani direzzjonali u proċessi u ppjanar kontinwu fil-kumpaniji ewlenin (10). Dan jirrikjedi skambju kontinwu ta’ analiżijiet u l-ittestjar ta’ fehmiet bejn is-settur pubbliku u dak privat.

6.5

Ħafna drabi d-diskussjoni politika tiffoka primarjament fuq l-inizjattivi minn fuq għal isfel mill-UE (jew mill-gvernijiet) relatati mat-tibdil fil-klima, l-iżvilupp demografiku, is-saħħa, l-ikel, l-ilma, eċċ. mingħajr ma tiġi rikonoxxuta s-sitwazzjoni attwali fin-negozju. Il-KESE jappella għall-inklużjoni ta’ analiżijiet u soluzzjonijiet mill-industriji privati li jaqsmu l-istess tħassib. Huwa l-investiment privat, appoġġjat minn forza tax-xogħol kwalifikata, li ser ikun partikolarment neċessarju biex jiġu indirizzati l-problemi ewlenin.

6.6

L-objettivi soċjali fi ħdan il-kumpaniji u l-ħtieġa li jinżamm l-impenn tal-impjegati jridu jiġu integrati fil-proċessi ta’ modernizzazzjoni. L-UE u l-Istati Membri, permezz tal-kumitati tad-djalogu soċjali settorjali u transettorjali, għandhom jippromovu u jimplimentaw miżuri sabiex tiġi appoġġjata soċjalment il-ġestjoni aċċettabbli tat-tranżizzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Minbarra l-enfasi fuq il-ħiliet meħtieġa mill-ħaddiema u l-impjegati (11), iridu jitqiesu wkoll l-aspetti kwantitattivi u l-perjodi ta’ żmien.

6.7

Impenn kondiviż bejn gvernijiet/amministrazzjonijiet, kumpaniji, persunal u rappreżentanti tal-ħaddiema jista’ jiġi espress f’kurrikuli aġġornati kif ukoll fi programmi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-apprendistati.

6.8

Aspett prinċipali, jekk mhux deċiżiv, huwa li jkun hemm kundizzjonijiet ekwivalenti madwar id-dinja, pereżempju permezz ta’ standards u ċertifikazzjonijiet globali, leġislazzjoni trasparenti, aċċess simetriku għas-suq, protezzjoni ta’ proprjetà intellettwali u livelli simili ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Id-drittijiet fundamentali tax-xogħol għandhom ikunu rispettati wkoll. Dawn l-aspetti għandhom jagħmlu parti integrali mill-politika kummerċjali Ewropea (12).

6.9

Il-KESE jemmen li l-atturi kollha għandhom jieħdu nota tal-proċess li bih il-kumpaniji u l-gruppi ta’ kumpaniji qed jintroduċu ħtiġiet u proċeduri imposti minnhom stess, peress li l-ksib tal-miri mixtieqa fil-ħin jista’ jinvolvi piż kbir tassew.

Brussell, 13 ta’ Frar 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Ir-Raba’ Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Grupp ta' Esperti Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC). http://www.ipcc.ch/publications_and_data/publications_and_data_reports.shtml

(2)  Changing Pace, Public policy options to scale and accelerate business action towards Vision 2050, 2012, (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  Ibid. nota 2 f’qiegħ il-paġna.

(4)  Ara n-noti 1, 2 u 3 f’qiegħ il-paġna. Id-WBCSD għandu 200 membru, li minnhom madwar 100 huma kumpaniji Ewropej.

(5)  Ara l-brochure tal-Kummissjoni Sustainable Industry: Going for Growth & Resource Efficiency, Lulju 2011. Ara wkoll Study on the Competitiveness of European Companies and Resource Efficiency, Lulju 2011, u Study on the Competitiveness of the EU eco-industry, Settembru 2009, (mhux disponibbli bil-Malti).

(6)  L-ewwel u qabel kollox, il-Programm Qafas 8.

(7)  Ara hawn fuq, punt 5.4, ir-raba’ inċiż.

(8)  CCMI/106 dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kompetittività sostenibbli fis-settur tal-kostruzzjoni u tal-intrapriżi tiegħu.

(9)  Ara fost l-oħrajn l-Opinjoni tal-KESE dwar “Pjattaformi tat-Teknoloġija Ewropea u l-bidliet industrijali”, ĠU C 299/12, 4.10.2012, p. 12.

(10)  Fost oħrajn, l-Opinjoni tal-KESE dwar “It-tibdil industrijali għall-bini ta’ industriji sostenibbli b’użu intensiv tal-enerġija (EIIs) fid-dawl tal-objettiv tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi tal-istrateġija Ewropa 2020”, ĠU C 43, 15.2.2012, p. 1, “Il-promozzjoni ta’ impjiegi ekoloġiċi sostenibbli għall-pakkett tal-enerġija u l-klima tal-UE”, ĠU C 44, 11.2.2011, p. 110; l-Opinjoni tal-KESE dwar “Il-Pjan tal-Effiċjenza fl-użu tal-Enerġija 2011”, ĠU C 318, 29.10.2011, p. 155.

(11)  Opinjoni tal-KESE dwar l-inizjattiva ewlenija tal-Kummissjoni: “Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi: kontribut Ewropew lejn livell massimu ta’ impjiegi”, COM(2012) 682 final, ĠU C 318, 29.10.2011, p. 142.

(12)  Opinjoni tal-KESE dwar “Id-dimensjoni esterna tal-politika industrijali Ewropea – Il-politika kummerċjali tal-UE qed tikkunsidra sewwa l-interessi tal-industrija Ewropea?”, ĠU C 218, 23.7.2011, p. 25.


Top