Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE1241

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Green Paper — Lejn suq Ewropew integrat għal pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl” COM(2011) 941 final

OJ C 351, 15.11.2012, p. 52–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 351/52


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Green Paper — Lejn suq Ewropew integrat għal pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl”

COM(2011) 941 final

2012/C 351/11

Relatur: is-Sur KROPAS

Nhar il-11 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Green Paper — Lejn suq Ewropew integrat għal pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl

COM(2011) 941 final

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-30 ta’ Awwissu 2012.

Matul l-483 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta’ Settembru 2012 (seduta tad-19 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'157 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tippromovi ambjent ta’ pagamenti sikur, trasparenti u innovattiv madwar l-UE. Strumenti ta’ pagament iżjed effiċjenti, moderni u sikuri huma prekundizzjoni għat-twessigħ ta’ aktar benefiċċji tas-Suq Uniku kif ukoll it-tisħiħ tal-kompetittività globali tal-ekonomija Ewropea.

1.2

Il-KESE japprezza n-natura wiesgħa tad-djalogu propost mill-Kummissjoni, li tabilħaqq jinkludi fih il-kwistjonijiet ewlenin tal-ambjent attwali u previst ta’ pagamenti fl-UE. Madankollu, sabiex ikollna stampa kompluta, il-pagamenti bi flus kontanti jistħoqqilhom iżjed attenzjoni. Għalkemm qed jonqsu b'mod gradwali, il-flus kontanti jibqgħu l-mezz predominanti ta’ pagament f'ċerti swieq. Hemm evidenza nazzjonali, li dejjem qed tiżdied, li turi kif il-flus kontanti fil-prinċipju huma inqas effiċjenti u jistgħu jiġu ffrankati ħafna riżorsi jekk il-konsumaturi jaqilbu għal pagamenti elettroniċi. Ċerti Stati Membri għamlu progress konkret biex jimxu lejn soċjetà mingħajr flus kontanti. Minkejja dan, il-KESE jemmen li l-ispiża reali tal-flus kontanti għadha mhijiex magħrufa mill-pubbliku ġenerali. Barra minn hekk, il-flus kontanti huma meqjusa bħala faċilitatur tal-ekonomija illeġittima. Għaldaqstant, il-partijiet interessati kollha involuti għandhom jippromovu metodi ta’ pagamenti li jgħinu sabiex titnaqqas l-ekonomija illeġittima, li jqumu inqas u li huma iżjed sikuri. F'dan il-kuntest għandhom jiġu kkunsidrati l-ħafna benefiċċji għall-partijiet interessati kollha, iżda min-naħa l-oħra anke l-ħtieġa għal spiża raġonevoli għall-SMEs li qed joffru dawn il-metodi ta’ ħlas lill-klijenti tagħhom. Huma meħtieġa inizjattivi addizzjonali fl-Istati Membri bl-appoġġ ċar tal-Kummissjoni.

1.3

Il-pagamenti bil-kard huma l-istrument ta’ pagament mhux bil-flus kontanti l-iżjed popolari fl-UE u madwar id-dinja. Parti dejjem tikber tal-letteratura ekonomika tqis il-pagamenti mhux bil-flus bħala aktar trasparenti mil-lat fiskali u ekonomiku, apparti li huma irħas għas-soċjetà kollha, komdi, siguri u innovattivi. Għaldaqstant, il-KESE jappoġġja lill-Kummissjoni fl-intenzjoni tagħha li tużahom sabiex tisfrutta l-vantaġġi ta’ integrazzjoni akbar tas-swieq. Madankollu, l-opportunitajiet tas-Suq Uniku għadhom ma ġewx sfruttati bis-sħiħ minħabba ostakli storiċi u nuqqas ta’ standardizzazzjoni u interoperabilità, kif ukoll minħabba l-assimetriji u n-nuqqasijiet fl-użu tal-informazzjoni pubblika, li jistgħu jissolvew b'użu akbar tal-pagamenti bil-kard, bl-internet jew bil-mowbajl. Bħala konsegwenza, il-kompetizzjoni, l-innovazzjoni u l-effiċjenza għandhom potenzjal mhux realizzat. Il-KESE jsejjaħ għal inizjattivi tas-suq biex jipproponu soluzzjonijiet li jistgħu jiġu infurzati kemm jista' jkun malajr, speċjalment dawk li fl-istess ħin jiffavorixxu l-inklużjoni finanzjarja u diġitali.

1.4

L-inċertezza legali attwali fir-rigward tal-mudelli tan-negozju bbażati fuq it-tariffi tal-interkambju xxekkel it-tkabbir tal-pagamenti elettroniċi u bil-mowbajl u t-tneħħija tal-flus. Iċ-ċarezza hija ta’ importanza enormi għall-investiment u l-innovazzjoni fis-sistemi tal-pagamenti. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tistabilizza l-ambjent tan-negozju għall-operaturi kollha. F'konformità mal-objettivi tas-SEPA m'għandux ikun hemm differenzi fit-tariffi u rekwiżiti oħrajn, kemm għat-tranżazzjonijiet lokali kif ukoll dawk transkonfinali.

1.5

L-aċċess għal informazzjoni dwar id-disponibbiltà ta’ fondi f'kontijiet bankarji jesiġi konsiderazzjoni kawta tal-ħafna aspetti inklużi s-sigurtà, il-protezzjoni tad-data, id-drittijiet tal-konsumatur, il-kompetizzjoni u l-kumpens mogħti lil dawk li jiftħu l-kont. Il-KESE jinnota li entitajiet li qed ifittxu aċċess għandhom jiġu regolati u sorveljati skont il-profil ta’ riskju tagħhom. Il-qafas legali Ewropew għandu jirrifletti b'mod ċar l-obbligi u r-responsabbiltajiet tal-operaturi involuti.

1.6

F'ħafna swieq il-klijenti jistgħu ma jkunux lesti jaċċettaw soprataxxi u għaldaqstant jafu jaqilbu għal pagamenti bi flus kontanti abbażi tal-impressjoni li l-flus kontanti huma bla ħlas. Għalkemm il-konsumaturi ser ikunu protetti minn soprataxxi abużivi permezz tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur mit-13 ta’ Ġunju 2014, għadu mhuwiex ċar kif din il-protezzjoni se tiġi żgurata f'ambjent onlajn li qed jinbidel il-ħin kollu.

1.7

Il-pagamenti elettroniċi huma apprezzati minn klijenti fis-swieq lokali. Madankollu, għadhom ma nstabux soluzzjonijiet pan-Ewropej, ibbażati fuq il-bank onlajn. Għaldaqstant, dan jikkomplika t-tkabbir tal-kummerċ elettroniku. Il-KESE jitlob lill-operaturi ta’ sistemi bħal dawn biex jaħdmu fuq problemi ta’ interoperabbiltà f'mod miftuħ u trasparenti u jindirizzaw il-kwistjonijiet tan-nuqqasijiet tal-kummerċ elettroniku kemm jista' jkun malajr.

1.8

Il-KESE jsejjaħ lill-Kummissjoni biex tiżgura li mill-istadju bikri tal-iżvilupp tagħhom il-pagamenti mobbli jirrispettaw il-priniċpji tal-aċċess miftuħ għall-pjattaformi, il-portabilità ta’ applikazzjonijiet, is-sigurtà kif ukoll l-evitar ta’ spejjeż doppji għal operaturi li jixtiequ jaċċettaw dawn il-pagamenti.

1.9

Il-KESE jirrikonoxxi l-progress milħuq mill-parteċipanti fis-swieq biex jitneħħew il-frodi fit-terminali fiżiċi. Bħalissa, il-frodi onlajn huma l-ikbar theddida. Għandhom jiġu implimentati miżuri addizzjonali ta’ sigurtà, iżda mhux bil-konsegwenza li tonqos il-konvenjenza għall-klijenti. Jekk huma proposti mill-awtoritajiet pubbliċi, sa fejn possibbli l-miżuri ta’ sigurtà għandhom ikunu teknoloġikament newtrali.

1.10

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi kontinwi sabiex tissaħħaħ il-governanza attwali tas-SEPA (Żona Unika ta’ Pagamenti bil-Euro) u jappoġġja l-intenzjonijiet biex tiġi ċentralizzata s-“sjieda” tas-SEPA, pereżempju taħt il-kappa tal-Kunsill tas-SEPA. Madankollu, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew biex jaħdmu fuq id-dettalji mill-iktar fis billi l-vakwu de facto attwali qed ixekkel l-implimentazzjoni.

2.   Kuntest tal-opinjoni

2.1

Il-kompletar tas-SEPA huwa wieħed mill-prijoritajiet tal-Kummissjoni sabiex jinkiseb is-Suq Uniku. Il-kisbiet tal-istandardizzazzjoni u l-interoperabbiltà appoġġjati minn qafas legali armonizzat diġà huma disponibbli għal operaturi fil-għamla ta’ trasferimenti ta’ kreditu tas-SEPA u debiti diretti tas-SEPA, li sal-1 ta’ Frar 2014 se jieħdu post l-iskemi tradizzjonali fiż-żona tal-Euro.

2.2

L-ambitu tas-SEPA, madankollu, huwa usa' u jinkludi pilastri oħrajn. Wieħed minnhom huwa ddedikat għal pagamenti bil-kards, l-istrument ta’ pagament l-iżjed importanti fl-Unjoni Ewropea kif ukoll madwar id-dinja. Il-pagamenti elettroniċi, jiġifieri pagamenti li jsiru onlajn għal xiri, huma pilastru ieħor. Illum il-ġurnata dawn il-pagamenti jirrappreżentaw perċentwal żgħir ħafna tal-pagamenti kollha mhux bil-flus kontanti, iżda huwa mistenni li dak il-perċentwal jiżdied għal żewġ ċifri. Il-Kunsill Ewropew tal-Pagamenti (EPC), li huwa l-korp ta’ koordinament u tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-industrija tal-banek Ewropea fir-rigward ta’ pagamenti, estenda l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni lejn pagamenti elettroniċi u żviluppa l-Qafas ta’ Pagamenti Elettroniċi tas-SEPA. Riċentement, l-EPC sar is-suġġett ta’ talba għal informazzjoni mid-DĠ Kompetizzjoni tal-Kummissjoni.

2.3

Il-pagamenti mobbli huma l-pilastru l-iżjed riċenti. L-EPC ħa azzjonijiet ikkoordinati f'kooperazzjoni ma’ operaturi oħrajn fir-rigward ta’ pagamenti mobbli billi ħejja dokumenti tekniċi dwar linji gwida dwar l-interoperabbiltà kif ukoll diversi white papers. Il-pagamenti bil-mowbajl għadhom fi stadju bikri ta’ żvilupp iżda l-aspettattivi huma għoljin ħafna fir-rigward tal-istatus futur tagħhom. Filwaqt li l-pagamenti bil-kards u l-pagamenti elettroniċi u bil-mowbajl għandhom maturità, skala u mudelli tan-negozju differenti minn xulxin, hemm fehim ġenerali maqsum mal-istituzzjonijiet Ewropej u l-operaturi tas-swieq li progress addizzjonali huwa meħtieġ f'termini ta’ integrazzjoni, trasparenza u kompetittività. Hemm ir-riskju li nuqqasijiet evidenti f'mudelli tan-negozju li diġà jeżistu jiġu replikati fl-ambjent futur tal-pagamenti bil-mowbajl.

2.4

Kull ċittadin, negozju jew amministratur pubbliku huwa involut f'attivitajiet ta’ pagamenti li jsiru jew permezz ta’ mezzi tradizzjonali ta’ ħlas (pereżempju flus kontanti) jew servizzi ta’ ħlas moderni (pereżempju pagamenti elettroniċi). Skont l-istatistika mill-Bank Ċentrali Ewropew (1), l-ammont totali ta’ pagamenti mhux bil-flus fl-UE żdied b'4,4 % għal 86,4 biljun fl-2010 meta mqabbel mas-sena ta’ qabel, li minnhom il-pagamenti bil-kards irrappreżentaw l-ikbar sehem (39 %, 33,9 biljun). Il-valur tal-pagamenti bil-kards laħaq EUR 1,8 triljun, b'żieda ta’ 6,7 % fuq bażi annwali, aktar mit-triplu tat-tkabbir irreġistrat mill-PDG reali taż-żona tal-euro (1,8 %). Filwaqt li hemm differenzi sinifikanti f'termini ta’ użu tal-kards minn pajjiż għal ieħor, ix-xejra ġenerali hija li pagamenti bil-kards huma wieħed mill-istrumenti ta’ pagament mhux bi flus kontanti l-iżjed dinamiċi.

2.5

L-istħarriġ għas-sejba tal-fatti li wettqet is-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (2) juri li t-tarriffi ta’ interkambju mhumiex stabbiliti u applikati b'mod armonizzat madwar l-Unjoni Ewropea. L-għażla, l-istruttura u l-livell tat-tariffi ta’ interkambju huma differenti f'ħafna modi u jiddipendu fuq għadd ta’ għażliet u dimensjonijiet. It-tariffa tal-interkambju hija l-komponent ewlieni tat-tariffi tan-negozjanti. Il-Kummissjoni kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni vvalutaw l-aspetti tal-kompetizzjoni tat-tariffi tal-interkambju u ħadu għadd ta’ deċiżjonijiet, uħud minnhom relatati mal-attività transkonfinali, filwaqt li oħrajn kienu restritti għal-livell nazzjonali.

2.6

Sfortunatament, fir-rigward tat-trasparenza tat-tariffi, ma sar l-ebda stħarriġ uffiċjali u ma ġew ippubblikati l-ebda statistiċi komprensivi nazzjonali jew li jistgħu jitqabblu bejn il-pajjiżi tal-ispejjeż imħallsa mill-konsumaturi, bħad-diversi tariffi jew imposti bankarji relatati ma’ modi differenti ta’ ħlas, minkejja l-fatt li din l-informazzjoni hija disponibbli għas-superviżuri nazzjonali, li ħafna minnhom ma jippubblikawhiex.

2.7

Minkejja l-inizjattivi privati kontinwi lejn l-istandardizzazzjoni, għad hemm frammentazzjoni f'ċerti ambiti ta’ tranżazzjonijiet: bejn fornituri ta’ servizzi ta’ akkwist ta’ kards u ta’ ħruġ ta’ kards, bejn kards u terminali kif ukoll bejn fornituri ta’ servizzi ta’ kards u ta’ terminali. Madankollu, s'issa ma waslux għal riżultati konkreti sostanzjali, billi jitmexxew minn interessi kummerċjali differenti jew mingħajr skedi ta’ implimentazzjoni ċari.

2.8

L-investimenti u l-isforzi sinifikattivi mill-operaturi kollha sabiex jemigraw mill-istrixxa manjetika sat-teknoloġija taċ-ċippa EMV kellhom impatt pożittiv fuq it-tnaqqis tal-frodi bil-kards f'ambjent ta’ tranżazzjoni li ssir wiċċ imb wiċċ. Madankollu, tendenza riċenti turi li tranżazzjonijiet remoti bil-kards, għalkemm għandhom sehem żgħir mit-tranżazzjonijiet kollha tal-kards, diġà huma l-kawża tal-ikbar periklu ta’ frodi. Din il-kwistjoni ġibdet l-attenzjoni ta’ superviżuri u sorveljaturi li fl-2011, taħt il-kappa tal-Bank Ċentrali Ewropew, ingħaqdu flimkien fi ħdan is-“SecuRe Pay Forum” sabiex isaħħu l-livell ta’ sigurtà u ta’ fiduċja tal-pubbliku fis-servizzi u strumenti ta’ pagamenti elettroniċi. Fl-2012 il-forum se jiffinalizza sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet newtrali mil-lat tat-teknoloġija għas-sigurtà tal-pagamenti onlajn.

2.9

Il-Green Paper tal-Kummissjoni tittratta sensiela sħiħa ta’ kwistjonijiet ta’ pagamenti, li jekk jiġu indirizzati b'suċċess tista' tipprovdi l-bażi għal servizzi ta’ pagamenti ħafna iżjed integrati u sikuri pprovduti jew fil-ħwienet tradizzjonali bi preżenza fiżika jew fl-ambjent elettroniku li qed jiżviluppa b'pass mgħaġġel. B'aktar kompetizzjoni, aktar għażla u trasparenza għall-konsumaturi, aktar innovazzjoni u iżjed sigurtà fil-pagamenti u fiduċja tal-klijenti, l-Ewropa ser ikollha l-opportunità tkun fl-avangwardja f'dak li jirrigwarda t-tifsira ta’ pagament fis-seklu 21.

2.10

Il-Kummissjoni tiddeskrivi l-viżjoni ta’ suq integrat, tidentifika l-lakuni bejn is-sitwazzjoni attwali u l-viżjoni kif ukoll l-ostakli li jikkawżaw dawn il-lakuni. Il-Kummissjoni tiddefinixxi ħames miżuri estensivi mmirati lejn l-aċċellerazzjoni tal-integrazzjoni u tirrifletti dwar kif l-implimentazzjoni għandha titmexxa. L-ewwel sensiela hija l-ikbar f'termini ta’ mistoqsijiet u tkopri l-frammentazzjoni tas-suq, l-aċċess u kwistjonijiet transkonfinali. L-oħrajn ikopru, rispettivament, l-ipprezzar trasparenti u kosteffettiv, l-istandardizzazzjoni, l-interoperabbiltà u kwistjonijiet ta’ sigurtà. Il-gwida dwar il-governanza għandha tapplika biss għal skemi tas-SEPA li diġà jeżistu (SCT, SDD) kif ukoll kards, pagamenti elettroniċi u pagamenti bil-mowbajl.

3.   Kummenti u osservazzjonijiet

3.1

L-attitudini mifruxa madwar il-Komunità fir-rigward ta’ kwistjonijiet li ilhom għaddejjin dwar pagamenti orjentati lejn il-futur – barra mit-trasferimenti ta’ kreditu SEPA u d-debiti diretti SEPA – għadha pendenti u tolqot globalment l-operaturi kollha fis-Suq Uniku. Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-Green Paper tal-Kummissjoni u jistenna azzjonijiet ta’ segwitu proporzjonali sabiex jitjiebu n-nuqqasijiet attwali. Il-KESE jappella biex l-interessi tal-konsumaturi dwar id-disponibilità ta’ pagamenti sikuri, effiċjenti, konvenjenti u mgħaġġla jitqiegħdu fiċ-ċentru ta’ kull tranżazzjoni b'pagament.

3.2

Il-Green Paper tikkonċentra fuq pagamenti elettroniċi u ma ssemmix, madankollu, ir-rwol li għadu dominanti tal-flus kontantili jirrappreżentaw 80 % tat-tranżazzjonijiet b'pagament fl-Ewropa. Iż-żieda fit-trasparenza tal-ispejjeż hija daqstant rilevanti kemm għall-pagamenti elettroniċi u l-flus kontanti u għandha sservi bħala referenza ewlenija meta jiġu analizzati l-mezzi ta’ pagamenti bla flus kontanti. L-impressjoni li l-flus kontanti huma bla ħlas għadha komuni fost il-pubbliku ġenerali. Jistgħu jinkisbu kisbiet sinifikanti fl-effiċjenza jekk dawk li jħallsu jibdlu l-imġiba tagħhom billi jużaw pagamenti moderni u b'inqas spiża. Barra minn hekk, l-evidenza turi li l-prevalenza ta’ pagamenti bi flus kontanti għandha korrelazzjoni pożittiva mal-livell tal-ekonomija illeġittima minħabba li huwa diffiċli li jiġu ttraċċati l-pagamenti bi flus kontanti. Għaldaqstant, il-KESE jinkoraġġixxi l-inizjattivi addizzjonali meħuda mill-Istati Membri bl-appoġġ ċar tal-Kummissjoni meta tikkunsidra mill-ġdid l-ippożizzjonar tal-flus kontanti f'ekonomiji moderni.

3.3

Fil-fehma tal-KESE, għandhom jiġu kkunsidrati bir-reqqa miżuri addizzjonali mmirati lejn żieda fit-trasparenza, b'mod speċjali miżuri vinkolanti, sabiex il-konsumaturi ma jitgħabbux b'wisq informazzjoni, li jekk tingħata f'ħin ħażin (pereżempju fir-rush hour) u f'format ikkomplikat tista' żżid mal-konfużjoni tal-esperjenza tax-xiri u tiddisturba l-proċess ta’ ħlas għan-negozjanti.

3.4

Skemi internazzjonali u bosta skemi lokali tal-kards jibbażaw il-mudelli tan-negozju tagħhom fuq it-tariffi tal-interkambju li ġew sfidati sa limiti diversi mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni kif ukoll mill-Kummissjoni. Id-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar fl-2007 li tipprojbixxi t-tariffa tal-interkambju transkonfinali tal-Mastercard m'ilux ġiet miżmuma mill-Qorti Ġenerali. Il-KESE jinnota li s'issa l-mudelli tan-negozju msejsa fuq l-interkambju naqsu milli jilħqu l-viżjoni tas-SEPA, jiġifieri l-ebda differenza bejn it-tariffi għal tranżazzjonijiet transkonfinali u lokali. Barra minn hekk, kienu jonqos mekkaniżmu ta’ awtoregolamentazzjoni li jiżgura tnaqqis fil-livelli ta’ interkambju mal-ammont qed jiżdied ta’ tranżazzjonijiet, kif ukoll soluzzjonijiet alternattivi ta’ pprezzar applikabbli għal pagamenti b'valur baxx. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistabbilizza l-ambjent tan-negozju fit-tul għall-operaturi kollha billi jtiqiesu wkoll il-lezzjonijiet ta’ reġjuni oħrajn (pereżempju l-Awstralja) li adottaw regolament f'dan ir-rigward u billi jiżguraw kundizzjonijiet indaqs bejn mudelli kummerċjali differenti tal-iskemi tal-kards.

3.5

Il-co-badging ta’ marki ta’ pagamenti differenti, kemm fuq kard tal-plastik kif ukoll fuq pjattaformi mobbli fil-futur, m'għandux la jdgħajjef id-dritt tal-konsumaturi biex jagħżlu bejn marki u lanqas jirrestrinġi inċentivi possibbli għal negozjanti. Il-co-badging huwa importanti għal skemi ġodda li qed jidħlu fis-suq u konsegwentement jiffaċilita kemm l-għażla kif ukoll il-kompetizzjoni. F'xi każi marka waħda tqiegħed rekwiżiti obbligatorji addizzjonali għal tranżazzjonijiet permezz tan-netwerk tagħha, anke jekk huma inizjati minn marka oħra. Fil-fehma tal-KESE għandu jiġi żgurat li marka waħda ma tkunx f'pożizzjoni li timponi dawn ir-rekwiżiti ta’ pproċessar.

3.6

Il-KESE jaqbel mal-fehma li s-separazzjoni tal-funzjonijiet tal-ġestjoni tal-iskemi mill-ipproċessar hija element ewlieni sabiex jinħoloq suq tal-pagamenti bil-kards kompetittiv billi “silos” vertikali jistgħu jużaw sussidjar trasversali meta jikkompetu ma’ proċessuri indipendenti. Barra minn hekk l-istruttura attwali hija inqas favorevoli għall-inizjattivi previsti sabiex titħeġġeġ l-interoperabbiltà bejn il-proċessuri. Għaldaqstant, is-separazzjoni, idealment fil-livell korporattiv, għandha ssaħħaħ il-proċessi ta’ integrazzjoni u ta’ kompetizzjoni fi ħdan is-Suq Uniku.

3.7

Taħt il-qafas legali attwali, istituzzjonijiet ta’ pagament u tal-flus elettroniku mhumiex permessi li jaċċessaw sistemi tal-pagamenti magħżula taħt id-Direttiva dwar il-Finalità tas-Saldu. Essenzjalment, dawn huma mmirati lejn pagamenti ta’ valur għoli u ta’ bejgħ bl-imnut. Jekk il-Kummissjoni tippjana iktar bidliet għall-qafas attwali, il-KESE se jħeġġiġha tikkunsidra l-element ta’ riskju li l-parteċipanti l-ġodda (jiġifieri istituzzjonijiet ta’ pagamenti u istituzzjonijiet tal-flus elettroniku) jistgħu jintroduċu fis-sistemi ta’ pagamenti li diġà jeżistu (infrastrutturi), filwaqt li nżommu f'moħħna pereżempju li m'għandhomx aċċess għal fondi bankarji ċentrali.

3.8

Il-Qafas tas-SEPA dwar il-Pagamenti bil-Kards (SCF) kif ġie żviluppat oriġinarjament mill-EPC m'għandux jirrestrinġi mudelli tan-negozju żviluppati minn operaturi oħrajn. Idealment, l-SCF trid tiġi riveduta bir-reqqa fi ħdan l-istruttura l-ġdida ta’ governanza tas-SEPA, filwaqt li jitqiesu l-kontributi tal-partijiet interessati kollha.

3.9

Il-KESE huwa mħasseb li l-entitajiet li mhumiex regolati u lanqas sorveljati jfittxu aċċess għal informazzjoni sensittiva dwar kontijiet. Barra minn hekk, l-obbligi u r-responsabbiltajiet tal-operaturi involuti mhumiex riflessi b'mod adegwat fil-qafas legali Ewropew u jista' jkollhom konsegwenzi mhux mistennija għal konsumaturi fil-każ ta’ użu ħażin tad-data jew frodi. L-aċċess għal informazzjoni dwar id-disponibbiltà ta’ fondi f'kontijiet bankarji jesiġi konsiderazzjoni kawta tal-ħafna aspetti inklużi s-sigurtà, il-protezzjoni tad-data, id-drittijiet tal-konsumatur, il-kompetizzjoni u l-kumpens mogħti lil dawk li jiftħu l-kont.

3.10

Is-soprataxxa hija possibilità għan-negozjanti biex iżidu tariffa mal-valur tat-tranżazzjoni jekk tintuża kard. Din l-għażla ġiet rikonoxxuta madwar l-UE mill-adozzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Ħlas 'il hawn, sakemm Stat Membru m'għażilx li jipprojbixxiha b'mod espliċitu. L-esperjenza preċedenti ta’ soprataxxa applikata f'ċerti każi mhijiex konklużiva, talinqas fuq medda qasira ta’ żmien. Kmieni fl-2005 pereżempju, id-Daniżi rreaġixxew b'mod qawwi kontra l-impożizzjoni ta’ tariffi fuq it-tranżazzjonijiet tal-iskema lokali tal-kards tad-debitu tagħhom, li naqsu ħafna filwaqt li żdied il-ħruġ tal-flus kontanti mill-ATMs. Stħarriġiet li saru fi swieq oħrajn ikkonfermaw din ix-xejra. Għalkemm mit-13 ta’ Ġunju 2014 il-konsumaturi ser ikunu protetti minn soprataxxi abużivi permezz tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur, għadu mhuwiex ċar kif din il-protezzjoni se tiġi assigurata f'ambjent onlajn li qed jinbidel il-ħin kollu. Il-KESE huwa tal-fehma li s-soprataxxi m'għandhomx jiġu inkoraġġuti bħala prattika pan-Ewropea.

3.11

L-ekosistema tal-kards hija kkaratterizzata minn nuqqas ta’ standardizzazzjoni u interoperabilità. Pereżempju, il-fornitur tat-terminali jrid jgħaddi minn seba' proċessi ta’ ċertifikazzjoni sabiex jopera fil-livell tal-UE. Il-KESE jsejjaħ lis-settur privat biex jingħaqad u jipproduċi riżultati konkreti, inkluż f'termini tal-qafas ta’ implimentazzjoni u skadenzi ambizzjużi. Madankollu, jekk is-soluzzjonijiet tas-swieq jimxu bil-mod, il-Kummissjoni għandha tieħu l-inizjattiva bi proposti leġislattivi.

3.12

Id-disponibilità ta’ servizzi ta’ pagamenti elettroniċi hija ristretta l-iżjed fil-konfini nazzjonali. Il-KESE jitlob lill-operaturi ta’ sistemi bħal dawn biex jaħdmu fuq problemi ta’ interoperabbiltà b'mod miftuħ u trasparenti u jindirizzaw il-kwistjonijiet tan-nuqqasijiet tal-kummerċ elettroniku kemm jista' jkun malajr. Madankollu, jekk is-suq ma jwassalx ir-riżultati mistennija, il-Kummissjoni għandha tipprevedi rekwiżiti regolatorji għall-aċċessibilità tal-iskemi tal-pagamenti elettroniċi fil-livell Ewropew.

3.13

Il-KESE jsejjaħ lill-Kummissjoni biex tiżgura li mill-istadju bikri tal-iżvilupp tagħhom il-pagamenti bil-mowbajl jirrispettaw il-priniċpji tal-aċċess miftuħ għall-pjattaformi, il-portabilità ta’ applikazzjonijiet, is-sigurtà kif ukoll l-evitar ta’ spejjeż doppji għal operaturi li jixtiequ jaċċettaw dawn il-pagamenti. Barra minn hekk, l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data għandhom jappoġġjaw lill-operaturi fl-iżvilupp tagħhom ta’ soluzzjonjiet immirati lejn l-utenti.

3.14

Is-sigurtà hija punt ewlieni għall-fiduċja tal-pubbliku fl-istrumenti ta’ pagamenti, u idealment għandha tiġi indirizzata fl-istadju tat-tfassil. Fil-kuntest tas-sigurtà, hija ta’ importanza kruċjali li kwalunkwe fornitur fil-katina ta’ valur tal-pagamenti ikun regolat u sorveljat b'mod adatt. Il-KESE jirrikonoxxi l-progress li sar mill-parteċipanti tas-suq fit-twaqqif tal-frodi fit-terminali fiżiċi, iżda jinnota li l-operaturi huma esposti għal frodi fin-negozju onlajn. Il-miżuri tas-sigurtà m'għandhomx idgħajfu l-konvenjenza tal-klijenti u, jekk jiġi propost mill-awtoritajiet pubbliċi, għandhom ikunu teknoloġikament newtrali sakemm huwa possibbli. F'dan ir-rigward il-KESE jilqa' r-rakkomandazzjonijiet tal-istituzzjonijiet li qed jipparteċipaw fil-Forum SecuRe Pay dwar is-sigurtà ta’ pagamenti onlajn, u fl-aħħar mill-aħħar l-isforzi tagħhom biex isaħħu l-livell tas-sigurtà u l-fiduċja tal-pubbliku f'servizzi ta’ pagamenti elettroniċi. L-implimentazzjoni korretta ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet għandha tiġi sorveljata aktar mill-awtoritajiet rilevanti.

3.15

Madankollu, il-projbizzjoni tal-frodi tesiġi miżuri addizzjonali fost l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri. F'dan ir-rigward il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon it-twaqqif ta’ Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità ġdid fi ħdan il-Europol, li se jkun operattiv mill-1 ta’ Jannar 2013, u nittamaw li jsir iċ-ċentru ta’ kompetenza fil-ġlieda tal-UE kontra min iwettaq il-frodi. Din l-inizjattiva kienet approvata mill-KESE fl-opinjoni fuq inizjattiva proprja tiegħu dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-iffalsifikar ta’ mezzi ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti, adottata fit-23 ta’ Ottubru 2008 (3). Il-KESE jinnota li miżuri oħrajn definiti f'dik l-opinjoni jibqgħu ta’ importanza kbira u għandhom jiġu kkunsidrati wkoll.

3.16

Pagamenti jinvolvu ħafna partijiet interessati, u l-interessi tagħhom, għalkemm jistgħu jkunu differenti minn xulxin, għandhom jitqiesu meta jissawwar l-ambjent futur għall-pagamenti. It-tmexxija l-ġdida tas-SEPA għandha tiżgura ftuħ, trasparenza u kundizzjonijiet indaqs f'dan il-proġett ambizzjuż li kulma jmur qed jevolvi. Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi kontinwi mill-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew biex tiġi ċċentralizzata s-“sjieda” tas-SEPA, pereżempju taħt il-kappa tal-Kunsill tas-SEPA. Madankollu, il-KESE jħeġġeġ biex il-proċess jitħaffef, billi l-vakwu de facto attwali jxekkel l-implimentazzjoni tiegħu.

Brussell, 19 ta’ Settembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  http://www.ecb.int/press/pr/date/2011/html/pr110912.en.html.

(2)  http://www.ecb.int/pub/pdf/scpops/ecbocp131.pdf?4cce20956bed7b7e5f454a4ea77f7c9b.

(3)  ĠU C 100, 30.4.2009, p.22.


Top