Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IE1478

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Tkabbir intelliġenti u inklużiv” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

OJ C 351, 15.11.2012, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 351/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Tkabbir intelliġenti u inklużiv” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2012/C 351/01

Relatur: is-Sur BARÀTH

Nhar id-19 ta’ Jannar 2012, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, iddeċieda li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Tkabbir intelliġenti u inklużiv.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-4 ta’ Settembru 2012.

Matul l-483 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta’ Settembru 2012 (seduta tad-19 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’140 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Fil-fehma tal-KESE, tkabbir għat-tul, sostenibbli u intelliġenti huwa impossibbli mingħajr proċess ta’ rkupru. Għalhekk, l-għan triplu tal-Istrateġija Ewropa 2020, jiġifieri tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, huwa b’mod ġenerali adatt, iżda, biex jintlaħqu dawn l-għanijiet hemm bżonn ta’ taħlita bbilanċjata ta’ politika makroekonomika kif ukoll riformi strutturali u għadd ikbar ta’ strumenti li jkunu wkoll ta’ kwalità aħjar.

1.2

L-implimentazzjoni intelliġenti tal-Istrateġija saret iżjed importanti f’daż-żmien ikkaratterizzat minn bosta sfidi kbar. Jeħtieġ li nibnu fuq jew nirfinaw l-Istrateġija billi nadattawha għas-sitwazzjoni politika, ekonomika u soċjali. Jeħtieġ li jinstab bilanċ ġdid bejn ir-responsabbiltà u s-solidarjetà.

1.3

Bil-għan li nibdlu d-direzzjoni kif meħtieġ, l-Unjoni għandha turi li għandha r-rieda politika u viżjoni konkreta favur integrazzjoni sostanzjalment iżjed profonda. Fl-istess ħin, għandhom jissaħħu wkoll il-forom ta’ kooperazzjoni f’diversi livelli bejn l-Istati Membri u r-reġjuni, bil-għan li jkun hemm “Ewropa aktar preżenti” u “Ewropa aħjar”.

1.4

Fil-fehma tal-KESE, jeħtieġ li titkompla tissaħħaħ il-governanza b’risq il-politika ekonomika u ta’ żvilupp, jiżdiedu d-diversità u l-kwantità tal-fondi pubbliċi u jkun hemm appoġġ għal riformi strutturali iżjed rapidi fl-Istati Membri.

1.5

Il-KESE jiddikjara li jista’ jappoġġja l-approċċ ġenerali u l-orjentazzjoni tal-abbozzi ta’ regolamentazzjoni previsti għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020, bħall-qafas finanzjarju multiannwali (QFM) u l-qafas strateġiku komuni (QSK).

1.6

Barra minn hekk, il-KESE jenfasizza li l-miżuri bil-għan li jittejbu l-istabbiltà, it-tkabbir u l-impjieg u jitnaqqas il-faqar mhumiex biżżejjed, u li huwa indispensabbli li jittejbu l-istrumenti eżistenti.

1.7

Jeħtieġ li jiġi definit b’mod ċar it-tqassim tar-responsabbiltajiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri. Il-miżuri meħuda bil-għan li jiġu kkonsolidati l-bażijiet tat-tkabbir, bħall-unjoni bankarja Ewropea (ir-regolamentazzjoni, is-superviżjoni, is-salvataġġ u l-garanzija tad-depożiti tas-settur bankarju Ewropew) jew il-ħruġ ta’ bonds marbutin mal-proġetti, jikkostitwixxu stadju importanti u jeħtieġ li l-implimetazzjoni tagħhom issir b’pass iżjed mgħaġġel. Għandu jissaħħaħ ir-rwol tal-Bank Ċentrali Ewropew.

1.8

Il-KESE huwa tal-fehma li fil-qasam tal-politika ta’ żvilupp, id-definizzjoni tal-“oqfsa” biss mhijiex biżżejjed. It-tilħiq tal-għanijiet jista’ jsir b’pass iżjed mgħaġġel permezz ta’ żieda fl-investimenti mmirati u billi jitfasslu, fil-livell Ewropew, programmi pan-Ewropej, transsettorjali u multidimensjonali. Fil-bosta pajjiżi fejn it-twettiq tar-riformi strutturali huwa kwistjoni deċiżiva bħalissa, dan il-proċess għandu jitħeġġeġ permezz tal-politika ta’ żvilupp.

1.9

Ir-rabta bejn it-tkabbir “intelliġenti” u “inklużiv” tista’ tiġi żgurata, fost affarijiet oħra, permezz tal-għan li jiżdied l-impjieg u jiġu appoġġjati n-netwerks li jkopru firxa wiesgħa ta’ attivitajiet. Għal dan il-għan, jeħtieġ li s-suq uniku jiġi kkonsolidat f’għadd ta’ oqsma.

1.10

Madankollu, il-politika ta’ koeżjoni m’għandhiex tibqa’ ffukata biss fuq l-iżvilupp ekonomiku u l-kompetittività. Il-fondi u l-programmi kollha għandhom ikunu aktar iffukati fuq l-għanijiet soċjali tal-Istrateġija Ewropa 2020, bħall-ħolqien tal-impjiegi, is-servizzi soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar, l-edukazzjoni u t-taħriġ, eċċ.

1.11

Il-KESE huwa tal-fehma li ċerti proposti dwar il-perjodu 2014-2020, pereżempju t-tfassil ta’ strateġiji makroreġjonali, għandhom jiġu sostnuti minn strumenti adegwati.

1.12

Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, jekk tiġi estiża għal għanijiet Ewropej komuni oħra u tkun iffinanzjata anke minn riżorsi mis-settur privat, tista’ tkun eżempju tajjeb ta’ integrazzjoni msaħħa.

1.13

L-armonizzazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 u tal-politika ta’ koeżjoni titlob ukoll perspettiva territorjali fil-livell Ewropew u l-istrumenti relatati. It-tħejjija ta’ strateġija Ewropea ta’ żvilupp territorjali għandha ssir b’pass iżjed mgħaġġel.

1.14

Il-KESE huwa tal-fehma li huwa indispensabbli li l-esperti u ċ-ċittadini jiġu involuti b’mod iżjed wiesa’ fit-tħejjija tad-deċiżjonijiet. Għalhekk, jipproponi d-definizzjoni tat-12-il għan tematiku fil-qafas strateġiku komuni, bil-għan li jiġu kkonsolidati “l-komunikazzjoni u d-djalogu mas-soċjetà ċivili”.

2.   Introduzzjoni

2.1

F’dawn l-aħħar snin – minħabba, minn naħa, it-tibdil dinji u, min-naħa l-oħra, it-tkabbir, kif ukoll il-kriżi u t-tweġiba tal-Ewropa għaliha – l-Unjoni saret iżjed kumplessa, saħansitra b’veloċitajiet differenti, u l-interessi nazzjonali saru iżjed diverġenti.

2.2

Kibret it-theddida tal-kunflitti soċjopolitiċi u qed jiħraxu l-forzi politiċi estremisti. Probabbilment, il-ġlieda kontra l-kriżi ekonomika, finanzjarja, soċjali u dik tas-solidarjetà ser tibqa’ l-prijorità prinċipali tal-Ewropa sa nofs dan id-deċennju. Sfortunatament, il-produzzjoni qed tonqos b’mod sostanzjali f’bosta Stati Membri. L-istabbilizzazzjoni finanzjarja u t-tkabbir jinsabu f’kunflitt, u minħabba n-nuqqas ta’ tkabbir, l-isforzi biex tinkiseb l-istabbiltà jinsabu huma wkoll f’kunflitt mas-solidarjetà.

2.3

Dawn mhumiex is-sisien li fuqhom inbniet l-Istrateġija Ewropa 2020. Hija tikkunsidra l-kriżi, iżda ma tqisx li hija daqstant profonda u li ser tieħu tant fit-tul.

2.4

L-UE għandha bżonn kemm ta’ konsolidazzjoni baġitarja kif ukoll ta’ programm effikaċi ta’ tkabbir. Hemm tama li t-tnaqqis fid-domanda, ikkawżat mill-konsolidazzjoni fiskali essenzjali, tista’ tiġi kkumpensata, fuq perjodu twil ta’ żmien, jekk il-konsolidazzjoni titfassal b’mod intelliġenti u bbilanċjat.

2.5

Fil-fehma tal-KESE, il-qafas finanzjarju multiannwali (QFM) propost mill-Kummissjoni għall-perjodu 2014-2020 huwa kompromess relattivament inaċċettabbli. Jekk jirnexxilna nżidu r-riżorsi proprji tal-UE u nużawhom b’mod iżjed effettiv u effiċjenti, u norjentawhom mill-ġdid b’mod li jkunu marbutin b’mod dirett mal-Istrateġija Ewropa 2020 u r-riformi strutturali, inkunu nistgħu nikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku.

2.6

Madankollu, il-proposta ma tindirizzax biżżejjed la l-problemi marbutin mal-irkupru u lanqas dawk marbutin mat-tensjonijiet soċjali. L-għajnuna finanzjarja (indubbjament sostanzjali) mogħtija lill-pajjiżi li qed jiffaċċjaw problemi ta’ bilanċ baġitarju naqqret mir-riżorsi tal-pajjiżi donaturi.

2.7

Il-politika ta’ koeżjoni m’għandhiex tibqa’ ffukata biss fuq l-iżvilupp ekonomiku u l-kompetittività. Il-fondi u l-programmi kollha għandhom ikunu aktar iffukati fuq l-għanijiet soċjali tal-Istrateġija Ewropa 2020, bħall-ħolqien tal-impjiegi, is-servizzi soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar, l-edukazzjoni u t-taħriġ, eċċ.

2.8

Qed isir tibdil relattivament sostanzjali fil-qasam tal-politika ta’ koeżjoni. Ormajn, l-enfasi qiegħda fuq it-tisħiħ tal-kundizzjonijiet makroekonomiċi u dawk mikroekonomiċi u fuq il-konverġenza territorjali. Madankollu, tinħtieġ bidla fundamentali jekk irridu niksbu tkabbir inklużiv, b’konformità mal-Istrateġija Ewropa 2020. Ir-riżorsi ddedikati għall-politika ta’ koeżjoni la huma “donazzjonijiet” u lanqas “sussidji”, iżda jagħmlu parti mill-politika Ewropea ta’ investiment, u b’hekk jeħtieġ li jiġu applikati b’mod effikaċi.

2.9

Bil-għan li jkun hemm tkabbir inklużiv u sostenibbli, flimkien mal-kriterji tradizzjonali, ir-rwol determinanti ta’ ċerti fatturi “rotob”(soft) jissaħħaħ (pereżempju, is-sitwazzjoni sanitarja u demografika, il-livell u d-dinamika tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, eċċ.), filwaqt li qed issir dejjem iżjed urġenti l-ħtieġa li jkun hemm ambjent b’saħħtu. L-iżjed dokumenti reċenti bilkemm jindirizzaw il-possibbiltà li dan il-qasam jingħata l-għajnuna Ewropea meħtieġa.

2.10

Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat proposta dwar il-ftuħ tas-suq tax-xogħol bil-għan li jinbidlu t-tendenzi negattivi. Is-sussidji jistgħu jagħtu spinta kemm lid-domanda kif ukoll lill-provvista. Huwa partikolarment importanti li tiġi żgurata t-trasferibbiltà tal-pensjonijiet u li jitneħħew l-ostakli legali, amministrattivi u fiskali differenti.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

L-iżvilupp dinamiku li tfittex li tikseb l-Istrateġija Ewropa 2020 ma jwassalx, kif ikun opportun, għas-semplifikazzjoni tas-sistema istituzzjonali, it-titjib tal-effiċjenza tagħha u l-iżvilupp proporzjonat tal-istrumenti li jistgħu jintużaw għal dan l-għan.

3.2

Huwa kruċjali li, fl-iżjed sitwazzjonijiet diffiċli, jintużaw kemm jista’ jkun ir-riżorsi intellettwali. Jagħmel sens li nikkonsolidaw il-korpi permanenti jew temporanji, li huma kompetenti fil-qasam tal-valutazzjoni, il-konsulenza, il-monitoraġġ u l-previżjoni u li jaħdmu id f’id mal-korpi leġislattivi u eżekuttivi. L-aspetti li ġejjin, pereżempju, jistħoqqilhom jiġu analizzati:

il-konsegwenzi fit-tibdil fl-ekwilibriju politiku dinji;

id-definizzjoni mill-ġdid tar-relazzjoni bejn il-kompetizzjoni, il-kooperazzjoni u s-solidarjetà, li jikkostitwixxu l-prinċipji fundamentali tal-UE;

l-istabbiliment ta’ governanza msejsa fuq l-iżvilupp u t-tkabbir;

il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet politiċi u ekonomiċi (miżuri ta’ bilanċ makroekonomiku, u dawk fiskali, monetarji u makroprudenzjali) meħtieġa għall-ħolqien ta’ Unjoni ekonomika effikaċi;

it-tiġdid tal-istruttura istituzzjonali attwali msejsa fuq ir-responsabbiltà, li diġà hija kemxejn opaka.

3.3

Huwa kruċjali li jiġi żgurat li l-funzjonament tal-Unjoni jkun trasparenti u li tissaħħaħ id-demokrazija parteċipattiva. Ikun tajjeb li jsir użu ikbar mill-forums tal-internet jew, fejn ikun aħjar li l-iskambju tal-fehmiet isir wiċċ imb’wiċċ, jiġu organizzati u/jew appoġġjati konferenzi ta’ livell għoli u fuq skala wiesgħa, u li flimkien magħhom isiru wkoll dibattiti fil-parlamenti nazzjonali. Nirrakkomandaw li tissaħħaħ il-komunikazzjoni tal-UE u li ċ-ċittadini jiġu infurmati dwar ċerti negozjati tal-UE; għal għadd limitat ta’ każijiet, kull ċittadin għandu jkun jista’ jsegwi n-negozjati onlajn jew ikollu aċċess għad-deċiżjonijiet meħuda waqt il-votazzjoni.

3.4

L-għan triplu tal-Istrateġija Ewropa 2020 huwa partikolarment ambizzjuż. Iżda, kif diġà enfasizza l-KESE f’għadd ta’ opinjonijiet, il-kalendarju previst ma jirriflettix tajjeb ir-riżorsi użati, l-iżjed meta nqisu l-esperjenza “storika” kemm negattiva, bħal fil-każ tal-ewwel strateġija msejħa ta’ “Lisbona”, kif ukoll dik pożittiva, bħal fil-każ tal-miżuri rapidi u effikaċi msemmija qabel, li jittieħdu fil-qasam tal-governanza ekonomika.

3.5

Mil-lat ta’ proċedura u implimentazzjoni, il-miżuri u l-abbozzi ta’ regolamentazzjoni previsti bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u li jintużaw il-Fondi Strutturali u dawk ta’ koeżjoni, jirriflettu biss sommarjament il-lezzjonijiet li tgħallimna matul il-perjodu ta’ programmazzjoni sal-2013.

3.6

Il-prinċipji u l-proposti tematiċi msemmija fil-qafas strateġiku komuni (QSK) joffru opportunitajiet tajbin biex naslu għal “Ewropa aktar preżenti” u “Ewropa aħjar”. Madankollu, dan mhuwiex biżżejjed biex dawn l-opportunitajiet jitwettqu b’mod konkret. Sabiex ikunu jistgħu jiġu żviluppati d-dettalji, ċerti pajjiżi għandhom jeżaminaw mill-ġdid l-approċċ tagħhom għall-ippjanar.

3.7

F’dawn l-aħħar deċennji, ħareġ fid-dieher approċċ Ewropew wiesa’, li jista’ jiġi adattat għal-livell reġjonali, b’mod partikolari fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp u fi proġetti ewlenin ta’ infrastruttura (f’dan l-aħħar każ, dan it-tip ta’ approċċ kien inevitabbli minħabba n-natura tal-kompitu). L-istrateġiji tal-UE, inklużi l-11-il għan tematiku, mhumiex kompluti f’dak li jikkonċerna l-politiki ekonomiċi settorjali u l-programmi multidimensjonali ta’ żvilupp territorjali.

3.8

Fid-dawl tal-istrateġija futura ta’ żvilupp territorjali, jeħtieġ li jiġu definiti għanijiet u strumenti li jħeġġu wkoll il-kooperazzjoni ekonomika u soċjali fil-livell makroreġjonali, b’mod partikolari fl-oqsma li ġejjin:

it-tisħiħ tal-infrastrutturi tar-riċerka u l-innovazzjoni (“oqsma ta’ riċerka”), billi jiġu privileġġjati ċ-ċentri ta’ kompetenza, bil-għan li ċ-ċentri ta’ eċċellenza jiġu kkolleggati u li l-poli ta’ żvilupp fl-Ewropa jingħataw spinta;

investiment fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-intrapriżi, żvilupp ta’ prodotti u servizzi, eċċ., l-internalizzazzjoni tas-sistemi ta’ produzzjoni lokali (clusters), u appoġġ għall-ħolqien ta’ netwerks Ewropej;

sistemi tat-trasport apparti n-netwerks tal-infrastruttura TEN-T (ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma, ħarsien tal-ambjent, sistemi ta’ informazzjoni u komunikazzjoni, eċċ.);

netwerk istituzzjonali, żvilupp minn isfel għal fuq tal-livelli makroreġjonali u transnazzjonali tal-amministrazzjoni pubblika, eċċ.

3.9

Dawn l-aħħar għaxar snin kienu, minn naħa, ikkaratterizzati mill-opportunitajiet li pprovdew is-sistemi urbani u, min-naħa l-oħra, mit-tensjonijiet dejjem iżjed palpabbli u kważi impossibbli li jiġu kkontrollati li akkumulaw fi ħdanhom.

3.10

In-netwerking tal-agglomerazzjonijiet, il-poli u l-konċentrazzjonijiet ta’ attivitajiet estremament żviluppati relatati mal-kunċett tal-eċċellenza jista’ jkun eżempju validu ta’ żvilupp dinamiku u inklużiv, iżda sostenibbli.

3.11

Il-viżjoni ta’ Ewropa kkollegata, bħala parti minn strateġija makroreġjonali, tista’ testendi l-linji gwida tematiċi meħtieġa għall-integrazzjoni politika, istituzzjonali, ekonomika u soċjali għall-aspetti tal-infrastratuttura, u b’hekk twassal biex l-għanijiet fil-livell makroreġjonali jintlaħqu b’mod iżjed effikaċi. Approċċ ta’ din ix-xorta ma jmurx kontra d-distribuzzjoni proporzjonata u bbilanċjata tar-riżorsi.

3.12

F’opinjoni preċedenti, il-KESE diġà kien irrakkomanda d-definizzjoni ta’ qafas finanzjarju Ewropew ġdid għat-twaqqif ta’ proġetti “ta’ interess Ewropew speċjali”.

3.13

Ikun tajjeb li tiġi kkunsidrata l-implimentazzjoni sħiħa tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija. Fil-fatt, f’każ ta’ appoġġ politiku, l-UE tista’ titkellem b’leħen wieħed fix-xenarju dinji, u tkun ukoll tista’ tiddefendi b’mod iżjed effettiv l-aspetti strateġiċi, ekonomiċi, ambjentali u soċjali.

3.14

Fin-nuqqas ta’ progress kunċettwali fil-livell Ewropew, id-definizzjoni tal-abbozzi ta’ regolamentazzjoni u l-oqfsa finanzjarji għall-perjodu 2014-2020 ser terġa’ toħloq pressjoni li ġġiegħel lill-Istati Membri jfittxu soluzzjonijiet individwali, li ta’ spiss ikunu inqas effettivi.

3.15

Il-KESE jkun jista’ jaqdi r-rwol tiegħu kif imiss jekk, abbażi tal-kompożizzjoni tiegħu, ikun jista’ juża l-għarfien espert tiegħu skont metodoloġija sofistikata biex jesprimi fehmietu li jirriflettu r-relazzjoni bejn l-interessi ekonomiċi, il-valuri soċjali u l-kriterji tas-sostenibbiltà u tat-tkabbir.

4.   Proposti oħra

4.1

L-Istrateġija Ewropa 2020, is-sistema regolatorja mfassla biex tappoġġja l-implimentazzjoni tal-Fond ta’ Koeżjoni wara l-2014 u l-Qafas Strateġiku Komuni huma eżempji tar-rikonoxximent ta’ x’jimplika żvilupp integrat.

4.2

Madankollu, il-KESE huwa tal-fehma li, lil hinn minn dan ir-rikonoxximent, il-kompetizzjoni dinjija titlob ukoll it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ programmi iżjed konkreti u iżjed globali.

4.3

L-għan prinċipali li għandu jintlaħaq permezz tat-tkabbir intelliġenti u inklużiv li għandha fil-mira tagħha l-Istrateġija Ewropa 2020 huwa li, fil-livell makroreġjonali, tiżdied il-kapaċità tal-produzzjoni u tal-inklużjoni tal-Unjoni filwaqt li, fil-livell mikroreġjonali, għandu jiġi żgurat titjib kontinwu u sostenibbli fil-kwalità ta’ ħajjet iċ-ċittadini tal-Unjoni, abbażi ta’ tkabbir kwalitattiv u kwantitattiv tal-impjieg.

4.4

Għall-finijiet ta’ effikaċja u effiċjenza, jeħtieġ li, meta jiġi ppjanat l-użu tar-riżorsi Ewropej, tiġi kkunsidrata l-eżistenza ta’ attivitajiet interkonnessi u interdipendenti, li jistgħu jiġu rappreżentati bħala sistemi ta’ produzzjoni lokali (clusters) speċifiċi, integrati u multidimensjonali.

4.4.1

Fil-każ tal-għanijiet transsettorjali, li għandhom rilevanza makroekonomika u għalhekk, jinfluwenzaw il-kompetittività tal-Unjoni Ewropea, ikun tajjeb li niffukaw fuq korpi li tpoġġew f’relazzjoni ta’ produzzjoni jew ta’ prestazzjoni tas-servizzi, li jipparteċipaw fil-proċess ta’ żvilupp jew huma affettwati direttament minn dan il-proċess.

4.4.2

Matul il-fażi tal-ippjanar, għandhom jiġu kkunsidrati wkoll in-netwerks territorjali (reġjonali u lokali) tal-atturi (benefiċjarji) involuti fil-proċess, u s-sistema tar-relazzjonijiet ta’ bejniethom.

4.5

L-analiżi u l-ippjanar ta’ dawn iż-żewġ sistemi interdipendenti, u l-appoġġ tagħhom għal-livell tal-Unjoni, jagħmlu possibbli li jkun hemm effett ikkombinat fuq it-tkabbir intelliġenti u inklużiv.

4.6

Fl-għaxar snin li għaddew, l-iżjed minħabba l-infrastrutturi żviluppati permezz ta’ riżorsi Ewropej, l-istruttura territorjali ta’ dawn il-proċessi ta’ produzzjoni fl-Ewropa nbidlet b’mod radikali u, fi ħdan ir-reġjuni inqas żviluppati, wasslet għall-iżvilupp ta’ għodod u ta’ kultura ta’ produzzjoni, it-tiġdid tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali, it-titjib tal-impjieg u ż-żieda fid-dħul u fil-konsum.

4.7

Il-konfigurazzjoni tal-istruttura spazjali tal-ekonomija hija ddeterminata minn kundizzjonijiet li jistgħu jiġu garantiti fil-livell mikroekonomiku, marbutin mill-qrib mal-kriterju tas-“sostenibbiltà” definit fl-Istrateġija.

4.8

Ċerti fatturi huma deċiżivi, b’mod partikolari l-kwalifikazzjoni u l-età tal-manodopera, it-taħriġ vokazzjonali, il-livell tal-kultura tax-xogħol inġenerali, it-tkabbir tal-impjieg u l-kwalità tas-servizzi. Il-qagħda ta’ saħħet il-popolazzjoni lokali, il-kwalità tal-ambjent, iżda ċertament ukoll il-livell ta’ żvilupp tal-infrastruttura kummerċjali u materjali, kif ukoll is-sistemi tal-loġistika huma kundizzjonijiet importanti.

4.9

Il-kompetittività tal-Ewropa tiddependi l-iżjed minn evoluzzjoni kkoordinatata’ din ix-xorta, li kapaċi tikkollega l-livelli makroekonomiċi u dawk mikroekonomiċi.

4.10

Ir-riorjentazzjoni tar-riżorsi tista’ tkun iġġustifikata, bil-kundizzjoni ta’ użu effikaċi u razzjonali, minħabba li:

l-ewwel nett: jista’ jintwera li l-investimenti li joħorġu mill-baġit tal-Unjoni fil-livell tal-Unjoni jiġġeneraw, fil-livell makroekonomiku, tkabbir li huwa ta’ livell ogħla mill-medja tar-riżultati finanzjarji u tal-prestazzjonijiet ekonomiċi tal-Unjoni, bis-saħħa ta’ trasferimenti teknoloġiċi avvanzati, persentaġġ għoli ta’ importazzjonijiet fl-investimenti, forza tax-xogħol ikkwalifikata, il-benefiċċji ta’ infrastruttura inqas għalja, u investimenti li jibbenefikaw minn appoġġ finanzjarju u jissejsu fuq infrastruttura moderna;

it-tieni nett: it-tkabbir tas-suq intern, il-moviment liberu tas-servizzi, it-tixrid tal-attivitajiet fuq skala kbira, it-tkabbir tal-bażi tal-għarfien huma lkoll fatturi li jikkontribwixxu b’mod konsiderevoli għall-attivitajiet tal-innovazzjoni u l-irkupru;

it-tielet nett: fil-livell mikroekonomiku, l-għajnuniet finanzjarji li jistgħu jinkisbu permezz tal-Fondi Strutturali jfissru, l-iżjed għas-settur tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), suq, aċċess għas-suq u riżorsa ta’ żvilupp u, fl-istess ħin, it-tkabbir tas-suq tax-xogħol;

fl-aħħar nett: huwa konsiderevoli l-impatt potenzjali tal-integrazzjoni u l-irkupru li jistgħu jibbenefikaw minnu l-iżjed gruppi soċjali żvantaġġati, li huma esklużi mis-suq tax-xogħol b’modi differenti.

4.11

Rigward l-appoġġ tal-UE għas-setturi ekonomiċi (b’mod partikolari meta jiġi f’forma ta’ sussidji), ġeneralment hemm qbil li l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju involuti f’attivitajiet innovattivi u f’reġjuni industrijali li sejrin lura milqutin minn tibdil strutturali huma l-oqsma li l-iżjed jeħtiġuh. Fil-każ tal-ktajjen ta’ produzzjoni, sabiex ikun hemm tkabbir intelliġenti u inklużiv jew irkupru, l-idea ta’ “intrapriża” tista’, f’ċerti reġjuni jew muniċipji li għadhom lura fl-iżvilupp, titlob li l-appoġġ jiġi estiż għall-SMEs.

4.12

Fil-każ tal-ktajjen tal-innovazzjoni, il-clusters u s-sistemi ta’ produzzjoni lokali li joperaw b’mod tajjeb, ikun tajjeb nikkunsidraw jekk ikunx utli li niżguraw flessibbiltà ikbar lill-intrapriżi l-kbar li għandhom għeruq sodi f’territorju partikolari, minn naħa, u lill-fornituri, min-naħa l-oħra, u nipprovdulhom ukoll finanzjament multiplu u kkombinat.

4.13

Il-qasam tas-saħħa huwa eżempju tajjeb tal-iżvilupp ta’ strateġiji multidimensjonali. In-netwerk marbut mal-industrija tas-saħħa jestendi mis-saħħa u l-edukazzjoni ambjentali sas-setturi differenti tal-produzzjoni kollegati miegħu, li jinkludu t-taħriġ, bis-sehem tal-industrija tal-ambjent, l-industrija tas-saħħa, it-turiżmu mediku, ir-riċerka bijoloġika, il-manifattura tat-tagħmir u tal-edukazzjoni għolja assoċjata ma’ dan, iċ-ċentri industrijali sperimentali u innovattivi kif ukoll l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju li joperaw fi ħdanhom; fl-istess ħin, dawn l-oqsma kollha jinteraġixxu ma’ dan in-netwerk. F’dan ir-rigward, jissaħħaħ b’mod sostanzjali r-rwol tal-ekonomija tal-persuni mdaħħlin fl-età.

4.14

Il-KESE analizza f’għadd ta’ studji l-importanza tal-ekonomija soċjali bħala fattur deċiżiv tal-politika inklużiva ta’ tkabbir.

4.15

L-interazzjoni ekonomika u finanzjarja bejn l-attivitajiet li jistgħu jsiru fi ħdan in-netwerks tal-istess tip ta’ dawk imsemmija bħala eżempju jista’ jkollha impatt sostanzjali fuq ir-ristrutturazzjoni tal-baġits tal-Istati Membri, li min-naħa tagħha tista’ twassal għal tibdil fl-approċċ u l-attitudni tas-soċjetà.

4.16

Il-viżjoni makroreġjonali ta’ żvilupp issaħħaħ ir-ristrutturazzjoni territorjali Ewropea poliċentrika li, minn naħa, twassal għall-konsolidazzjoni tal-konċentrazzjoni meħtieġa tal-attivitajiet u, min-naħa l-oħra, bis-saħħa tat-tisħiħ tas-sitwazzjonijiet lokali differenti, twassal għat-tqassim tal-ħidma fi ħdan in-netwerk, u b’hekk jiġi garantit l-ideal tas-sostenibbiltà.

Brussell, 19 ta’ Settembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


Top