Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CN0280

Kawża C-280/12 P: Appell ippreżentat fis- 6 ta’ Ġunju 2012 mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fil- 21 ta’ Marzu 2012 fil-Kawżi magħquda T-439/10 u T-440/10, Fulmen vs Il-Kunsill

OJ C 235, 4.8.2012, p. 10–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.8.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 235/10


Appell ippreżentat fis-6 ta’ Ġunju 2012 mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fil-21 ta’ Marzu 2012 fil-Kawżi magħquda T-439/10 u T-440/10, Fulmen vs Il-Kunsill

(Kawża C-280/12 P)

2012/C 235/19

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Bishop u R. Liudvinaviciute, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Fulmen, Fereydoun Mahmoudian, Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellant

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza mogħtija fil-21 ta’ Marzu 2012 mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fil-Kawżi magħquda T-439/10 u T-440/10;

tagħti deċiżjoni finali dwar il-kawża u tiċħad ir-rikorsi ta’ Fulmen u Mahmoudian kontra l-atti tal-Kunsill inkwistjoni;

tikkundanna lil Fulmen u lil Fereydoun Mahmoudian għall-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill fl-ewwel istanza u fil-kuntest ta’ dan l-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-Kunsill iqis li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawżi ċċitati iktar ’il fuq hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi u li din is-sentenza għandha għalhekk tiġi annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta ddeċidiet li r-rikorrent kellu jġib provi sabiex jissostanzja l-espożizzjoni tal-motivi tiegħu li tikkonċerna l-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra l-kumpannija Fulmen, jiġifieri li din il-kumpannija kienet involuta fl-installazzjoni ta’ tagħmir elettriku fis-sit nukleari ta’ Qom/Fordoo (l-Iran).

F’dan ir-rigward, il-Kunsill iqis, l-ewwel nett, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li kellha titlob lill-Istat Membru li ppropona li jinnomina lil Fulmen sabiex tippreżenta provi u informazzjoni, filwaqt li dawn il-provi ġejjin minn sorsi kunfidenzjali. It-tieni nett, il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-Qorti Ġenerali setgħet iżżomm kont ta’ provi kunfidenzjali li ma ġewx ikkomunikati lill-avukati tal-partijiet ikkonċernati, filwaqt li l-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali ma tipprevedix din il-possibbiltà.


Top