Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012XX0630(01)

Sommarju eżekuttiv tal-Opinjoni tal-KEPD tas- 7 ta’ Marzu 2012 dwar il-pakkett ta’ riforma tal-protezzjoni tad-dejta

OJ C 192, 30.6.2012, p. 7–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 192/7


Sommarju eżekuttiv tal-Opinjoni tal-KEPD tas-7 ta’ Marzu 2012 dwar il-pakkett ta’ riforma tal-protezzjoni tad-dejta

(It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni huwa disponibbli bl-EN, FR & DE fis-sit tal-EDPS http://www.edps.europa.eu)

2012/C 192/05

Fil-25 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni adottat pakkett għar-riforma tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta, li jinkludi proposta għal Regolament li fih ir-regoli ġenerali dwar il-protezzjoni tad-dejta u proposta għal Direttiva dwar il-protezzjoni tad-dejta fis-settur tal-infurzar tal-liġi.

Fis-7 ta’ Marzu 2012, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta (KEPD) adotta Opinjoni li tipprovdi kummentarju dettaljat dwar iż-żewġ proposti leġiżlattivi. It-test sħiħ tal-Opinjoni jista’ jinstab fuq is-sit elettroniku tal-KEPD: http://www.edps.europa.eu

Fl-Opinjoni, il-KEPD jispjega fil-qosor il-kuntest tal-proposti u jipprovdi l-evalwazzjoni ġenerali tiegħu.

Il-KEPD jilqa’ r-Regolament propost minħabba li huwa pass kbir ’il quddiem għall-protezzjoni tad-dejta fl-Ewropa. Ir-regoli proposti sejrin isaħħu d-drittijiet tal-individwi u jagħmlu lill-kontrolluri aktar responsabbli għal kif jittrattaw id-dejta personali. Barra minn hekk, ir-rwol u s-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali (waħedhom u flimkien) huma rinforzati b’mod effettiv.

Il-KEPD huwa partikolarment sodisfatt li jara li l-istrument ta’ regolament huwa propost għar-regoli ġenerali dwar il-protezzjoni tad-dejta. Ir-Regolament propost ikun direttament applikabbli fl-Istati Membri u jelimina ħafna kumplessitajiet u nuqqas ta’ konsistenza li ġejjin mid-diversi liġijiet ta’ implimentazzjoni tal-Istati Membri stabbiliti attwalment.

Madankollu, il-KEPD huwa ferm iddiżappuntat bid-Direttiva proposta għall-protezzjoni tad-dejta fil-qasam tal-infurzar tal-liġi. Il-KEPD jiddispjaċih li l-Kummissjoni għażlet li tirregola din il-kwistjoni fi strument legali awtonomu li ma jipprovdix livell adegwat ta’ protezzjoni, u li huwa ferm aktar inferjuri għar-Regolament propost.

Element pożittiv tad-Direttiva proposta huwa li din tkopri l-ipproċessar domestiku, u għalhekk għandha ambitu usa’ mid-Deċiżjoni Qafas attwali. Madankollu, dan it-titjib ikollu biss valur miżjud jekk id-Direttiva żżid b’mod sostanzjali l-livell ta’ protezzjoni tad-dejta f’dan il-qasam, li m’huwiex il-każ.

Id-dgħufija ewlenija tal-pakkett inġenerali hija li dan ma jagħmilx tajjeb għan-nuqqas ta’ komprensività tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta. Huwa jħalli bosta strumenti tal-UE għall-protezzjoni tad-dejta mhux mittiefsa, bħar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE, iżda wkoll strumenti speċifiċi adottati fil-qasam tal-kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ta’ kriminalità bħad-Deċiżjoni Prüm u r-regoli dwar l-Europol u l-Eurojust. Barra minn dan, l-istrumenti proposti flimkien ma jindirizzawx għal kollox sitwazzjonijiet fattwali li jaqgħu taħt iż-żewġ oqsma ta’ politika, bħall-użu ta’ PNR jew dejta tat-telekomunikazzjoni għal finijiet ta’ infurzar tal-liġi.

Rigward ir-Regolament propost, kwistjoni orizzontali hija r-relazzjoni bejn il-liġi tal-UE u dik nazzjonali. Ir-Regolament propost jgħin ħafna fil-ħolqien ta’ liġi applikabbli waħda għall-protezzjoni tad-dejta fl-UE, madankollu għad fadal ħafna aktar lok għal koeżistenza u interazzjoni bejn il-liġi tal-UE u l-liġi nazzjonali milli wieħed jista’ jassumi mal-ewwel daqqa t’għajn. Il-KEPD huwa tal-fehma li l-leġiżlatur aħjar jirrikonoxxi dan.

Kwistjoni oħra ta’ importanza ġenerali toħroġ mill-għadd kbir ta’ dispożizzjonijiet li jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni li tadottta atti ddelegati jew implimentattivi. Il-KEPD jilqa’ dan l-approċċ sakemm jikkontribwixxi għall-applikazzjoni konsistenti tar-Regolament, iżda għandu riżervi rigward safejn dispożizzjonijiet legali essenzjali għandhom jitħallew għal setgħat iddelegati. Ħafna minn dawn is-setgħat għandhom ikunu kkunsidrati mill-ġdid.

Fuq livell dettaljat, il-KEPD jindika l-elementi pożittivi ewlenin tar-Regolament propost, li huma:

il-kjarifika tal-ambitu ta’ applikazzjoni tar-Regolament propost;

it-titjib fir-rekwiżiti ta’ trasparenza lejn is-suġġett tad-dejta u l-infurzar tad-dritt tal-oġġezzjoni;

l-obbligu ġenerali għall-kontrolluri li jiżguraw u jkunu jistgħu juru konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament;

l-infurzar tal-pożizzjoni u tar-rwol tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali;

il-linji ewlenin tal-mekkaniżmu ta’ konsistenza.

L-elementi negattivi ewlenin tar-Regolament propost huma:

ir-raġuni l-ġdida għall-eċċezzjonijiet għall-prinċipju tal-limitazzjoni tal-għan;

il-possibbiltajiet ta’ restrizzjoni ta’ prinċipji u drittijiet bażiċi;

l-obbligu tal-kontrolluri li jżommu dokumentazzjoni tal-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar;

it-trasferiment ta’ dejta lil pajjiżi terzi permezz ta’ deroga;

ir-rwol tal-Kummissjoni fil-mekkaniżmu ta’ konsistenza;

in-natura obbligatorja tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi.

Rigward id-Direttiva, il-KEPD huwa tal-fehma li l-proposta, f’ħafna aspetti, ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ livell konsistenti u għoli ta’ protezzjoni tad-dejta. Hija ma taffettwax l-istrumenti kollha eżistenti f’dan il-qasam, u f’ħafna każijiet m’hemm l-ebda ġustifikazzjoni għat-tbegħid mid-dispożizzjonijiet tar-regoli fir-Regolament propost.

Il-KEPD jenfasizza li għalkemm il-qasam tal-infurzar tal-liġi jeħtieġ xi regoli speċifiċi, kull tluq mir-regoli ġenerali tal-protezzjoni tad-dejta għandu jkun debitament iġġustifikat skont bilanċ xieraq bejn l-interess pubbliku fl-infurzar tal-liġi u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini.

Il-KEPD huwa mħasseb b’mod partikolari rigward:

in-nuqqas ta’ ċarezza fl-abbozzar tal-prinċipju tal-limitazzjoni tal-għan;

in-nuqqas ta’ kwalunkwe obbligu fuq l-awtoritajiet kompetenti sabiex ikunu jistgħu juru konformità mad-Direttiva;

il-kundizzjonijiet dgħajfa għat-trasferimenti lejn pajjiżi terzi;

is-setgħat indebitament limitati tal-awtoritajiet superviżorji.

Qegħdin isiru dawn ir-rakkomandazzjonijiet.

Rakkomandazzjonijiet dwar il-proċess sħiħ ta’ riforma

Titħabbar pubblikament mill-aktar fis possibbli l-iskeda ta’ żmien dwar it-tieni stadju tal-proċess ta’ riforma.

Jiġu inkorporati r-regoli għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE fir-Regolament propost jew mill-inqas ikun hemm regoli allinjati fis-seħħ meta japplika r-Regolament propost.

Tiġi ppreżentata mill-aktar fis possibbli proposta għal regoli komuni għall-Politika Estera u tas-Sigurtà Komuni, ibbażata fuq l-Artikolu 39 TUE.

Rakkomandazzjonijiet dwar ir-Regolament propost

Kwistjonijiet orizzontali

Tiżdied dispożizzjoni li tiċċara l-ambitu ta’ applikazzjoni territorjali tal-liġi nazzjonali taħt ir-Regolament.

Tiġi kkunsidrata mill-ġdid id-delegazzjoni tas-setgħa fl-Artikoli 31(5) u (6), 32(5) u (6), 33(6) u (7), 34(2)(a) u 44(1)(d) u (7).

Jiġu pprovduti miżuri xierqa u speċifiċi għall-MSMEs f’atti implimentattivi magħżula biss, u mhux f’atti ddelegati tal-Artikoli 8(3), 14(7), 22(4) u 33(6).

Jiġi irfinut il-kunċett ta’ “interess pubbliku” f’kull dispożizzjoni fejn jintuża. Interessi pubbliċi speċifiċi għandhom ikunu identifikati b’mod espliċitu fir-rigward tal-kuntest tal-ipproċessar maħsub f’kull dispożizzjoni rilevanti tal-proposta (ara b’mod partikolari, il-premessa 87, l-Artikoli 17(5), 44(1)(d) u 81(1)(b) u (ċ)). Rekwiżiti addizzjonali jistgħu jinkludu li r-raġuni tista’ tkun invokata biss f’ċirkostanzi speċifikament urġenti jew għal raġunijiet imperattivi stabbiliti fil-liġi.

Kapitolu I –   Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 2(2)(d): jiddaħħal kriterju li jiddistingwi bejn l-attivitajiet pubbliċi u domestiċi ibbażat fuq in-numru indefinit ta’ individwi li jistgħu jaċċessaw l-informazzjoni.

Artikolu 2(2)(e): ikun ipprovdut li l-eċċezzjoni tapplika għall-awtoritajiet pubbliċi kompetenti. Il-premessa 16 għandha tkun konsistenti mal-Artikolu 2(2)(e).

Artikolu 4(1)(2): tiżdied spjegazzjoni aktar ċara fi premessa li tinsisti fuq il-fatt li malli jkun hemm relazzjoni mill-qrib bejn identifikatur u persuna dan iwassal għall-applikazzjoni tal-prinċipji tal-protezzjoni tad-dejta.

Artikolu 4(13): jiġu rfinuti l-kriterji li jidentifikaw l-istabbiliment ewlieni tal-kontrollur rilevanti, filwaqt li tiġi kkunsidrata “l-influwenza dominanti” ta’ stabbiliment fuq oħrajn f’konnessjoni mill-qrib mas-setgħa li jimplimenta regoli ta’ protezzjoni tad-dejta personali jew regoli rilevanti għall-protezzjoni tad-dejta. Inkella, id-definizzjoni tista’ tiffoka fuq l-istabbiliment ewlieni tal-grupp globali.

Jiżdiedu definizzjonijiet ġodda dwar it-“trasferiment” u r-“restrizzjoni tal-ipproċessar”.

Kapitolu II –   Prinċipji ewlenin

Artikolu 6: Tiżdied premessa li tiċċara aktar x’jaqa’ taħt kompitu mwettaq “fl-interess pubbliku jew fl-eżeċizzju ta’ awtorità pubblika” fl-Artikolu 6(1)(e).

Artikolu 6(4): titneħħa d-dispożizzjoni jew mill-inqas tiġi ristretta għal ipproċessar ulterjuri ta’ dejta għal għanijiet mhux kompatibbli għar-raġunijiet li jinsabu fl-Artikolu 6(1)(a) u 6(1)(d). Dan ikun jeħtieġ ukoll emenda tal-premessa 40.

Tiddaħħal dispożizzjoni ġdida dwar ir-rappreżentazzjoni tal-individwi kollha li ma jkollhomx kapaċità (legali) suffiċjenti jew li għal xi raġuni oħra ma jkunux jistgħu jaġixxu.

Artikolu 9: jiġu inklużi reati u kwistjonijiet li ma wasslux għal kundanni fil-kategoriji speċjali tad-dejta. Jiġi estiż ir-rekwiżit tal-kontroll mill-awtorità uffiċjali għar-raġunijiet kollha indikati fl-Artikolu 9(2)(j).

Artikolu 10: jingħad b’mod aktar espliċitu fil-premessa 45 li l-kontrollur tad-dejta m’għandux ikun jista’ jinvoka nuqqas possibbli ta’ informazzjoni sabiex jirrifjuta talba għall-aċċess, meta din l-informazzjoni tista’ tingħata mis-suġġett tad-dejta sabiex ikun jista’ jkollu dan l-aċċess.

Kapitolu III –   Drittijiet tas-suġġett tad-dejta

Artikolu 14: tiġi inkluża informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ ċerti operazzjonijiet ta’ pproċessar li għandhom impatt partikolari fuq l-individwi, kif ukoll il-konsegwenzi ta’ dan l-ipproċessar fuq l-individwi.

Artikolu 17: tiġi żviluppata aktar id-dispożizzjoni sabiex tkun żgurata l-effikaċja tagħha fir-realtà. Jitħassar l-Artikolu 17(3)(d).

Artikolu 18: jiġi ċċarat li l-eżerċizzju tad-dritt huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligu fl-Artikolu 5(e) li titħassar dejta meta din ma tkunx meħtieġa aktar. Ikun żgurat li l-Artikolu 18(2) ma jkunx limitat biss għal dejta li tkun ingħatat mis-suġġett tad-dejta fuq il-bażi ta’ kunsens jew ta’ kuntratt.

Artikolu 19: ikun iċċarat x’għandu jagħmel il-kontrollur f’każ ta’ nuqqas ta’ ftehim mas-suġġett tad-dejta u jiġi allinjat mal-Artikolu 17(1)(ċ). Jiġi spjegat fi premessa x’jista’ jikkwalifika bħala “raġunijiet leġittimi konvinċenti”.

Artikolu 20: jiġi inkluż id-dritt tal-individwi li jissottomettu l-opinjoni tagħhom fl-Artikolu 20(2)(a), bħal fl-Artikolu 15 attwali tad-Direttiva 95/46/KE.

Artikolu 21: jiddaħħlu garanziji dettaljati li l-liġi nazzjonali għandha tispeċifika l-għanijiet segwiti mill-ipproċessar, il-kategoriji ta’ dejta personali li għandhom ikunu pproċessati, l-għanijiet speċifiċi u l-mezzi tal-ipproċessar, il-kontrollur, il-kategoriji ta’ persuni awtorizzati li jipproċessaw id-dejta, il-proċedura li wieħed għandu jsegwi għall-ipproċessar, u s-salvagwardji kontra kull interferenza arbitrarja mill-awtoritajiet pubbliċi. Jiġu inklużi salvagwardji oħrajn li jinformaw lis-suġġetti tad-dejta dwar xi restrizzjoni u dwar id-dritt tagħhom li jirreferu l-kwistjoni lill-awtorità superviżorja sabiex jiksbu aċċess indirett. Jiżdied fl-Artikolu 21 li l-possibbiltà li jiġu applikati restrizzjonijiet fuq l-ipproċessar magħmul minn kontrolluri privati għal għanijiet ta’ infurzar tal-liġi m’għandhiex iġġiegħlhom iżommu dejta minbarra dik strettament meħtieġa għall-għan oriġinali segwit lanqas li jibdlu l-arkitettura tal-IT tagħhom. Titħassar ir-raġuni li tinsab fl-Artikolu 21(1)(e).

Kapitolu IV –   Kontrollur u proċessur

Artikolu 22: issir referenza espliċita għall-prinċipju tar-responsabbiltà, fi kwalunkwe każ fil-premessa 60. Jingħaqdu l-Artikolu 22(1) u (3) u jissemma b’mod espliċitu li l-miżuri għandhom ikunu xierqa u effettivi. Tiġi inkluża dispożizzjoni ġenerali qabel l-obbligi speċifiċi fl-Artikolu 22(2) li tiżviluppa l-kunċett ta’ “kontroll amministrattiv”, inkluż it-tqassim tar-responsabbiltajiet, it-taħriġ tal-persunal, u struzzjonijiet adegwati u l-ħtieġa li l-kontrollur għandu jkollu mill-inqas ħarsa ġenerali u inventarju ġenerali tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar fl-ambitu tar-responsabbiltà tiegħu. Jiżdied paragrafu ġdid li jipprovdi li meta l-kontrollur jiddeċiedi jew ikun obbligat li jippubblika rapport regolari tal-attivitajiet tiegħu dan ir-rapport għandu jinkludi wkoll deskrizzjoni tal-politiki u l-miżuri msemmija fl-Artikolu 22(1).

Artikolu 23: issir referenza fl-Artikolu 23(2) u l-premessa 61 għall-fatt li s-suġġetti tad-dejta għandhom fil-prinċipju jingħataw l-għażla li jippermettu l-użu aktar wiesa’ tad-dejta personali tagħhom.

Artikolu 25(2)(a): titneħħa l-eċċezzjoni għal pajjiżi terzi adegwati.

Artikolu 26: jiżdied l-obbligu tal-proċessur li jikkunsidra l-prinċipju tal-protezzjoni tad-dejta b’intenzjoni mal-lista ta’ speċifikazzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 26(2).

Artikolu 28: jiġu kkunsidrati mill-ġdid jew jitħassru l-eżenzjonijiet tal-Artikolu 28(4).

Artikolu 30: jiġi ċċarat l-Artikolu 30 sabiex tkun żgurata r-responsabbiltà ġenerali tal-kontrollur u jiżdied l-obbligu fuq il-kontrollur li jadotta approċċ ta’ ġestjoni tas-sigurtà tal-informazzjoni fl-organizzazzjoni, inkluż fejn xieraq l-implimentazzjoni ta’ politika ta’ sigurtà tal-informazzjoni speċifika għall-ipproċessar tad-dejta li jsir. Tiġi inkluża referenza espliċita għad-DPIA fl-Artikolu 30.

Artikoli 31 u 32: jiġu speċifikati l-kriterji u r-rekwiżiti għall-istabbiliment ta’ ksur tad-dejta u ċ-ċirkostanzi li fihom għandu jkun innotifikat. Jinbidel il-limitu ta’ żmien ta’ 24 siegħa fl-Artikolu 31 għal mhux aktar minn 72 siegħa.

Artikolu 33: il-lista tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar li tinsab fl-Artikolu 33(2)(b), (ċ) u (d) m’għandhiex tkun limitata għall-ipproċessar fuq bażi ta’ skala kbira. Jiġi allinjat l-Artikolu 33(5) mal-premessa 73. L-Artikolu 33(6) jiġi illimitat għal elementi mhux essenzjali. Jiġi ċċarat li d-daqs ta’ kumpanija m’għandu qatt ineħħi l-obbligu li jsir DPIA fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar li jippreżentaw riskji speċifiċi.

Artikolu 34: l-Artikolu 34(1) jitqiegħed f’Kapitolu V tar-Regolament propost.

Artikoli 35 sa 37: jitbaxxa l-limitu ta’ 250 impjegat fl-Artikolu 35(1) u jiġi ċċarat l-ambitu tal-Artikolu 35(1)(ċ). Jiżdiedu garanziji, b’mod partikolari kundizzjonijiet aktar b’saħħithom għat-tkeċċija tal-UPD u jkun żgurat fl-Artikolu 36(1) li l-UPD jingħata aċċess għall-informazzjoni kollha rilevanti, u għall-postijiet meħtieġa sabiex iwettaq dmirijietu. Jiġi inkluż fl-Artikolu 37(1)(a) ir-rwol tal-UPD fit-tqajjim tal-għarfien.

Kapitolu V –   Trasferiment lejn pajjiżi terzi

Jiġi ddikjarat fil-premessa 79 li n-nuqqas ta’ applikabbiltà tar-Regolament għal ftehimiet internazzjonali huwa ristrett fiż-żmien biss għal ftehimiet internazzjonali li diġà jeżistu.

Tiddaħħal klawsola tranżizzjonali li tipprovdi għar-reviżjoni ta’ dawk il-ftehimiet internazzjonali fi żmien stabbilit sabiex jiġu allinjati mar-Regolament.

Artikolu 41 (u premessa 82): jiġi ċċarat li fil-każ ta’ deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ adegwatezza, it-trasferimenti jitħallew isiru biss taħt salvagwardji xierqa jew jekk dan it-trasferiment jaqa’ taħt id-derogi stipulati fl-Artikolu 44.

Artikolu 42: Ikun żgurat li l-possibbiltà li jintużaw strumenti mhux legalment vinkolanti sabiex jiġu pprovduti salvagwardji xierqa għandhom ikunu ġġustifikati b’mod ċar u limitati biss għal każijiet fejn tkun intweriet il-ħtieġa li wieħed jiddependi fuq dawn l-istrumenti.

Artikolu 44 (u premessa 87): Jiżdied li l-possibbiltà li tiġi trasferita dejta għandha tirrigwarda biss trasferimenti okkażjonali u tkun ibbażata fuq valutazzjoni attenta taċ-ċirkostanzi kollha tat-trasferiment fuq bażi ta’ każ b’każ. Tiġi sostitwita jew iċċarata r-referenza għal “salvagwardji xierqa” fl-Artikolu 44(1)(h) u fl-Artikolu 44(3).

Premessa 90: tinbidel il-premessa f’dispożizzjoni sostantiva. Jiġu stabbiliti garanziji xierqa għal dawn il-każijiet, li jinkludu garanziji ġudizzjarji kif ukoll salvagwardji għall-protezzjoni tad-dejta.

Kapitolu VI u VII –   Awtoritajiet ta’ superviżjoni indipendenti, kooperazzjoni u konsistenza

Artikolu 48: jiġi inkluż rwol għall-parlamenti nazzjonali fil-proċedura tal-ħatra ta’ membri tal-awtoritajiet superviżorji.

Artikolu 52(1): jiġi inkluż id-dmir li jiġu żviluppati linji gwida dwar l-użu tad-diversi setgħat ta’ infurzar, fejn ikun meħtieġ ikkoordinati fil-livell tal-UE fil-Bord. Dan jista’ jkun inkluż fl-Artikolu 66 ukoll.

Artikolu 58: il-kelma “minnufih” tiġi sostitwita fl-Artikolu 58(6) bil-kliem ‘mingħajr dewmien’ u tiġi estiża l-iskadenza ta’ xahar fl-Artikolu 58(7) għal xahrejn/tmien ġimgħat.

Artikolu 58: tingħata aktar importanza lir-regola tal-maġġoranza billi jkun żgurat li talba minn awtorità tista’ titressaq għall-vot f’każ li l-kwistjoni kkonċernata ma tkunx marbuta ma’ waħda mill-miżuri ewlenin deskritti fl-Artikolu 58(2).

Artikoli 59 u 60: titnaqqas is-setgħa tal-Kummissjoni billi titneħħa l-possibbiltà li tannulla deċiżjoni ta’ awtorità ta’ sorveljanza nazzjonali fi kwistjoni speċifika permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. Ikun żgurat li r-rwol tal-Kummissjoni jikkonsisti f’fażi inizjali li twassal għall-qbid tal-Bord, kif previst fl-Artikolu 58(4), u f’fażi sussegwenti fis-setgħa li tadotta opinjonijiet. Tiddaħħal referenza għal proċedura ulterjuri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ksur jew ta’ talba għal miżuri provviżorji bħal ordni ta’ sospensjoni.

Artikolu 66: jiżdied li l-Bord għandu jkun ikkonsultat fil-kuntest ta’ valutazzjonijiet ta’ adegwatezza.

Tiġi kkunsidrata l-valutazzjoni tal-impatt attwali tas-segretarjat tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta f’termini ta’ riżorsi finanzjarji u umani (ara l-Anness għal din l-Opinjoni, disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-KEPD).

Kapitolu VIII –   Rimedji, responsabbiltà u sanzjonijiet

Artikolu 73 u 76: jiġi ċċarat il-mandat li l-organizzazzjoni għandha tikseb mis-suġġetti tad-dejta u l-livell ta’ formalità meħtieġ. Tiddaħħal dispożizzjoni usa’ dwar l-azzjonijiet kollettivi.

Artikolu 74(4): jiġi illimitat it-tip ta’ “tħassib” ta’ suġġett tad-dejta li jista’ jagħti lok għall-proċeduri u jiġi ristrett għal riskju aktar eżatt ta’ impatt fuq id-drittijiet tas-suġġett tad-dejta.

Artikolu 75(2): ikun speċifikat li d-deroga ma tapplikax għal awtorità pubblika ta’ pajjiż terz.

Artikolu 76(3) u (4): tiddaħħal proċedura aktar sistematika ta’ informazzjoni fil-livell tal-qrati.

Tkun iċċarata l-interazzjoni mar-Regolament Brussell I.

Tiġi ċċarata l-kompatibbiltà tal-użu tal-informazzjoni miksuba mingħand kontrollur (fuq il-bażi tal-Artikolu 53) mad-dritt ġenerali kontra l-awto-inkriminazzjoni.

Artikolu 77: jiżdied li suġġett tad-dejta għandu dejjem ikun jista’ jindirizza lill-kontrollur, irrispettivament minn fejn u kif saret il-ħsara fir-rigward tal-ħlas tad-danni. Jiddaħħal il-ħlas sussegwenti tal-ħsara bejn il-kontrollur u l-proċessur, ladarba l-qsim tar-responsabbiltà fosthom ikun ġie ċċarat. Jiżdied li dan għandu japplika wkoll għall-kumpens ta’ ħsara immaterjali jew tbatija.

Tiddaħħal dispożizzjoni li tuża l-kunċett ta’ entità ekonomika waħda jew impriża waħda li tippermetti li l-grupp jinżamm responsabbli għall-ksur li tkun għamlet sussidjarja.

Artikolu 79: jiddaħħal marġini ta’ apprezzament għall-awtoritajiet superviżorji fir-rigward tas-sanzjonijiet amministrattivi. Jiżdiedu speċifikazzjonijiet li jenfasizzaw iċ-ċirkostanzi li fihom għandha tkun imposta sanzjoni amministrattiva. Ikun żgurat li n-nuqqas ta’ konformità ma’ ordni speċifika ta’ awtorità superviżorja normalment jikkwalifika għal sanzjoni amministrattiva ogħla minn ksur wieħed tal-istess dispożizzjoni ġenerali.

Kapitolu IX –   Sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ pproċessar ta’ dejta

Artikolu 80: l-Artikolu 80 jinkiteb mill-ġdid u jiġi ddikjarat li l-Istati Membri għandhom jipprovdu għal eżenzjonijiet jew derogi mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament kif indikat jekk dan ikun meħtieġ għar-rikonċiljazzjoni tad-dritt għall-protezzjoni tad-dejta mad-dritt għal-libertà tal-espressjoni. Jiżdied, fid-dispożizzjoni jew fi premessa, li meta jiġu rrikonċiljati ż-żewġ drittijiet fundamentali l-essenza taż-żewġ drittijiet m’għandhiex tkun imxekkla.

Tiżdied dispożizzjoni sostantiva dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti li tiddikjara li d-dejta personali f’dokumenti miżmuma mill-awtoritajiet u l-korpi pubbliċi tista’ tkun żvelata pubblikament jekk dan ikun (1) ipprovdut mil-liġi tal-UE jew dik nazzjonali, (2) meħtieġ għar-rikonċiljazzjoni tad-dritt għall-protezzjoni tad-dejta mad-dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti uffiċjali u (3) jikkostitwixxi bilanċ ġust tal-interessi varji involuti.

Jiġi sostitwit fl-Artikolu 81, 82, 83 u 84 il-kliem “fil-limiti ta’ dan ir-Regolament” b’ “mingħajr preġudizzju għal dan ir-Regolament”.

Artikolu 81: Jiġu allinjati l-Artikolu 81(1)(3) u 9(3) u jiġi ċċarat l-ambitu u n-natura tal-Artikolu 81. Għandha tingħata aktar direzzjoni dwar ir-rekwiżit tal-kunsens, id-determinazzjoni tar-responsabbiltajiet u r-rekwiżiti ta’ sigurtà.

Artikolu 83: jiġu inklużi salvagwardji oħrajn jekk jiġu pproċessati kategoriji speċjali ta’ dejta. Jiġi magħmul ċar fl-Artikolu 83(1) li l-punt tat-tluq għall-finijiet ta’ riċerka għandu jkun li dan l-ipproċessar isir bl-użu ta’ dejta anonimizzata. Jiġi ċċarat xi tfisser il-kelma “separatament” u jkun żgurat li l-ħażna separata effettivament tipproteġi lis-suġġetti tad-dejta. Issir referenza fl-Artikolu 83(1)(b) għal “dejta li tippermetti li ċerta informazzjoni tkun konnessa ma” suġġett tad-dejta’ minflok “dejta li tippermetti l-attribuzzjoni ta’ informazzjoni lil suġġett tad-dejta identifikat jew identifikabbli”. Tiġi eskluża l-limitazzjoni għad-drittijiet tal-individwi permezz ta’ atti ddelegati.

Rakkomandazzjonijiet dwar id-Direttiva proposta

Kwistjonijiet orizzontali

Artikolu 59: atti speċifiċi fil-qasam tal-kooperazzjoni bejn il-pulizija u dik ġudizzjarja fi kwistjonijiet ta’ kriminalità għandhom jiġu emendati sa mhux aktar tard minn meta d-Direttiva tidħol fis-seħħ.

Tiżdied dispożizzjoni ġdida li tintroduċi mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni għal valutazzjonijiet regolari bbażati fuq l-evidenza dwar jekk l-attivitajiet tal-ipproċessar tad-dejta ta’ ċerta skala humiex effettivament miżura meħtieġa u proporzjonata għall-finijiet ta’ prevenzjoni, kxif, investigazzjoni u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali.

Tiżdied dispożizzjoni ġdida li tiżgura li t-trasferiment ta’ dejta personali mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi lil korpi pubbliċi oħrajn jew lil partijiet privati jkun permess biss taħt kundizzjonijiet speċifiċi u stretti.

Tiżdied dispożizzjoni ġdida dwar salvagwardji speċifiċi marbuta mal-ipproċessar ta’ dejta ta’ tfal.

Kapitolu I u II –   Dispożizzjonijiet u prinċipji ġenerali

Artikolu 3(4): jiġi ssostanzjat aktar skont l-Artikolu 17(5) tar-Regolament propost.

Artikolu 4(b): tiġi inkluża kjarifika fi premessa li tgħid li l-kunċett ta’ “użu kompatibbli” għandu jkun interpretat b’mod ristrett.

Artikolu 4(f): jiġi allinjat mal-Artikolu 5(f) tar-Regolament propost u jiġu emendati l-Artikoli 18 u 23 kif xieraq.

Artikolu 5: jiġu inklużi l-persuni mhux issuspettati bħala kategorija separata. Titneħħa ‘sa fejn huwa possibbli’ u jiġu speċifikati l-konsegwenzi tal-kategorizzazzjoni.

Artikolu 6: titneħħa “sa fejn huwa possibbli” fil-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 7(a): jinbidel f’dispożizzjoni awtonoma li tiżgura b’mod ġenerali li l-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar tad-dejta huma pprovduti bil-liġi, u b’hekk jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Karta tal-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-KEDB.

Artikolu 7(b) sa (d): jiġi sostitwit minn dispożizzjoni oħra separata li telenka b’mod eżawrjenti r-raġunijiet ta’ interess pubbliku li għalihom tista’ tkun permessa deroga għall-prinċipju tal-limitazzjoni tal-għan.

Tiżdied dispożizzjoni ġdida dwar l-ipproċessar ta’ dejta personali għal finijiet storiċi, statistiċi u xjentifiċi.

Jiżdied l-obbligu għall-awtorità kompetenti li tistabbilixxi mekkaniżmi li jiżguraw li jkunu stabbiliti limiti ta’ żmien għat-tħassir ta’ dejta personali u għal reviżjoni perjodika tal-ħtieġa ta’ ħażna tad-dejta, inkluż l-iffissar ta’ perjodi ta’ ħażna għall-kategoriji differenti ta’ dejta personali kif ukoll kontrolli regolari tal-kwalità tagħhom.

Artikolu 8: tiġi inkluża l-formulazzjoni stretta tal-premessa 26 fl-Artikolu 8. Jiġi inkluż dak li huwa maħsub b’miżuri adattati li jmorru lil hinn minn salvagwardji regolari.

Kapitolu III –   Id-drittijiet tas-suġġett tad-dejta

Artikolu 10: titħassar ir-referenza għal ‘passi kollha raġonevoli’ fl-Artikolu 10(1) u (2). Jiġi inkluż limitu espliċitu ta’ żmien fl-Artikolu 10(4) u jiġi ddikjarat li l-informazzjoni għandha tingħata lis-suġġett tad-dejta sa mhux aktar tard minn xahar wara li tasal it-talba. Tiġi sostitwita l-kelma “vessatorju” fl-Artikolu 10(5) b’ “manifestement eċċessiv” u tingħata aktar gwida dwar dan il-kunċett fi premessa.

Tiżdied dispożizzjoni ġdida li teħtieġ li l-kontrollur jikkomunika lil kull min jirċievi d-dejta żvelata, kwalunkwe rettifika, tħassir jew tibdil tad-dejta magħmulin jew le skont l-Artikolu 15 jew 16, sakemm dan ma jkunx impossibbli jew ma jkunx jinvolvi sforz sproporzjonat.

Artikoli 11 u 13: tiżdied sentenza fl-Artikolu 11(4) u l-Artikolu 13(1) li tiddikjara li l-kontrollur għandu jkun meħtieġ jevalwa f’kull każ speċifiku permezz ta’ eżami konkret u individwali jekk japplikawx restrizzjonijiet parzjali jew sħaħ għal waħda mir-raġunijiet. Tiġi żgurata interpretazzjoni limitata tal-ambitu tal-Artikolu 11(5) u l-Artikolu 13(2). Titħassar il-kelma ‘iħalli barra’ fl-Artikolu 11(4) u l-Premessa 33.

Artikolu 15 u 16: jiżdiedu raġunijiet u kundizzjonijiet għar-restrizzjoni tad-dritt għar-rettifika u d-dritt għat-tħassir.

Artikolu 16: jintuża l-kliem “għandu jillimita l-ipproċessar” minflok “għandu jimmarka” fl-Artikolu 16(3). Jiġi inkluż fl-Artikolu 16 l-obbligu għall-kontrollur li jinforma lis-suġġett tad-dejta qabel ineħħi kwalunkwe restrizzjoni fuq l-ipproċessar.

Kapitolu IV –   Kontrollur u proċessur

Artikolu 18: jiġi ddikjarat, fl-Artikolu 4(f) ukoll, li r-rekwiżit ta’ dokumentazzjoni ġej mill-obbligu ġenerali li wieħed għandu jkun jista’ juri l-konformità mad-Direttiva. Jiġi inkluż rekwiżit li tinżamm informazzjoni fuq il-bażi legali li fuqha d-dejta hija trasferita, bi spjegazzjoni sostantiva b’mod speċjali jekk trasferiment ikun ibbażat fuq l-Artikolu 35 jew 36.

Artikolu 19: jiġi sostanzjat il-kunċett ta’ protezzjoni tad-dejta “b’kontumaċja”.

Artikolu 23(2): jiġi allinjat mal-Artikolu 28(2) tar-Regolament propost.

Artikolu 24: tiġi inkluża l-identità ta’ dawk li jirċievu d-dejta.

Tiddaħħal dispożizzjoni ġdida, li teħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jwettqu DPIA, sakemm evalwazzjoni speċifika, ugwali għal DPIA, ma tkunx diġà saret waqt il-proċess leġiżlattiv.

Artikolu 26: jiġi allinjat aktar mill-qrib mal-proċeduri żviluppati fl-Artikolu 34(2) tar-Regolament propost.

Artikolu 30: tiġi ttrattata l-kwistjoni ta’ kunflitt ta’ interess u jiġi stipulat perjodu ta’ kariga minimu ta’ sentejn.

Artikolu 31: jipprovdi għal sekwestru amministrattiv xieraq b’kunsiderazzjoni xierqa għar-rwol indipendenti tal-UPD u bil-ħsieb b’mod partikolari li tiġi evitata l-possibbiltà ta’ relazzjonijiet irregolari jew influwenza minn kontrolluri ta’ kariga għolja.

Kapitolu V –   Trasferiment lejn pajjiżi terzi

Artikolu 33: jiżdied ir-rekwiżit li t-trasferiment jista’ jseħħ biss jekk il-kontrollur fil-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali tkun awtorità kompetenti skont it-tifsira tad-Direttiva proposta.

Artikolu 35: jitneħħa l-Artikolu 35(1)(b) jew tal-inqas jiġi inkluż rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità superviżorja.

Artikolu 36: jiġi ċċarat fi premessa li kwalunkwe deroga użata sabiex tiġġustifika trasferiment teħtieġ li tkun interpretata b’mod ristrett u m’għandhiex tippermetti t-trasferiment frekwenti, enormi u strutturali ta’ dejta personali; anki każ individwali m’għandux jippermetti t-trasferimenti bl-ingrossa tad-dejta u għandha tkun illimitata għal dejta strettament meħtieġa. Jiżdiedu salvagwardji oħrajn bħall-obbligu li jiġu ddokumentati b’mod speċifiku t-trasferimenti.

Artikoli 35 u 36: jiżdied li fil-każ ta’ deċiżjoni negattiva dwar l-adegwatezza, it-trasferimenti għandhom ikunu bbażati (i) fuq l-Artikolu 35(1)(a) jekk hemm ftehim internazzjonali legalment vinkolanti li jippermetti t-trasferiment taħt kundizzjonijiet speċifiċi li jiggarantixxu protezzjoni adegwata, jew (ii) fuq id-derogi tal-Artikolu 36(a) jew (ċ).

Kapitolu VI u VII –   Mekkaniżmi ta’ sorveljanza

Artikolu 44: tingħata aktar gwida fi premessa dwar xi tkopri l-“kapaċità ġudizzjarja”.

Artikolu 46: jiġu allinjati s-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji vis-à-vis l-awtoritajiet tal-pulizija nazzjonali mas-setgħat taħt il-proposta għal Regolament. Jiġi allinjat l-Artikolu 46(a) mal-Artikolu 53 tar-Regolament propost u tinbidel il-kelma “bħal” fl-Artikolu 46(a) u (b) f’“inkluż”.

Artikolu 47: jiġi inkluż li r-rapport dwar l-attivitajiet annwali tal-awtoritajiet superviżorji għandu jkun ippreżentat lill-parlament nazzjonali u jiġi ppubblikat.

Artikolu 48: jiġu inklużi d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 55(2) sa (7) tar-Regolament propost fl-Artikolu 48.

Tiġi kkunsidrata l-ħtieġa ta’ mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni aqwa wkoll fl-ambitu ta’ applikazzjoni tad-Direttiva proposta.

(Verżjoni mqassra. It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni huwa disponibbli bl-EN, FR & DE fis-sit tal-EDPS http://www.edps.europa.eu)

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Marzu 2012.

Peter HUSTINX

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


Top