EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE0494

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liċenzji tas-sewqan li jinkludu l-funzjonalitajiet ta’ kard tas-sewwieqa” COM(2011) 710 finali — 2011/0327 (COD)

OJ C 143, 22.5.2012, p. 139–140 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 143/139


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liċenzji tas-sewqan li jinkludu l-funzjonalitajiet ta’ kard tas-sewwieqa”

COM(2011) 710 finali — 2011/0327 (COD)

2012/C 143/28

Relatur: is-Sur SIMONS

Nhar is-17 ta’ Novembru 2011 u nhar l-14 ta’ Diċembru 2011, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 91 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liċenzji tas-sewqan li jinkludu l-funzjonalitajiet ta’ kard tas-sewwieqa

COM(2011) 710 final – 2011/0327 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ Frar 2012.

Matul l-478 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta’ Frar 2012 (seduta tat-22 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’122 vot favur, 5 voti kontra u 12-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Sabiex il-leġislazzjoni tiġi applikata b’mod uniformi u jiġi evitat li kull pajjiż ikollu l-interpretazzjoni tiegħu, il-Kumitat jemmen li jkun aħjar li ssir l-għażla ta’ Regolament minflok Direttiva.

1.2   Il-KESE jappoġġja l-objettiv aħħari tal-proposta tal-Kummissjoni li tintegra l-funzjonalitajiet ta’ kards tas-sewwieqa fil-liċenzji tas-sewqan, bil-għan li tittejjeb il-konformità mal-leġislazzjoni soċjali li tirregola perjodi ta’ sewqan u ta’ mistrieħ. Madankollu, jinnota li jridu jiġu solvuti għadd ta’ problemi, bħal dawk li jissemmew fil-punt 4, qabel ma jkollna leġislazzjoni ċara, li tista’ tiġi implimentata u li tkun effiċjenti.

1.3   Jekk ma tinstab l-ebda soluzzjoni għal dawn il-problemi, il-Kumitat jirrakkomanda li jitwettaq studju biex tiġi analizzata l-kompatibilità tal-leġislazzjoni rilevanti attwali, u li din tiġi emendata b’tali mod li ma titnaqqasx il-funzjonalità fi kwalunkwe ġenerazzjoni tat-takografu diġitali. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-imsieħba soċjali, il-manifatturi tat-takografi u l-awtoritajiet superviżorji jkunu involuti fit-twettiq ta’ dan l-istudju.

1.4   Il-Kumitat għandu d-dubji dwar it-tnaqqis ta’ madwar EUR 100 miljun fis-sena tal-piż (1) amministrattiv imsemmi mill-Kummissjoni. Hemm bżonn ta’ bażi soda, billi l-analiżi tal-impatt tal-Kummissjoni ma tipprovdix biżżejjed ċertezza.

1.5   Il-Kumitat jirrakkomanda li, jekk fl-aħħar mill-aħħar il-kard tas-sewwieqa tiġi amalgamata mal-liċenzja tas-sewqan, iridu jiġu konklużi ftehimiet adatti mhux biss mal-pajjiżi tal-AETR (Ftehim Ewropew dwar ix-xogħol tal-ekwipaġġi li jaħdmu fuq vetturi użati għat-trasport fuq it-toroq internazzjonali) iżda anke mal-pajjiżi mhux tal-AETR, sabiex jiġi żgurat li l-leġislazzjoni attwali tiġi applikata u ssorveljata b’mod uniformi u ġust.

1.6   Il-Kumitat jemmen li l-Kummissjoni għandha tispjega b’mod ċar kif beħsiebha ssolvi l-problemi imsemmija fil-punt 4 hawn isfel, li huma relatati mal-amalgamazzjoni tal-kard tas-sewwieqa mal-liċenzja tas-sewqan li jkun fiha mikroċipp wieħed. Għażla waħda tista’ tkun li jiddaħħlu żewġ ċippijiet separati fil-liċenzja tas-sewqan, iżda probabbilment din mhix ser issolvi l-problemi kollha.

2.   Daħla

2.1   Nhar il-11 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni ppubblikat il-Proposta tagħha għal Direttiva li temenda d-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liċenzji tas-sewqan li jinkludu l-funzjonalitajiet ta’ kard tas-sewwieqa (COM(2011) 710 final). Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill talbu lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex joħroġ opinjoni dwar din il-proposta, b’konformità mal-Artikoli 91 u 304 tat-TFUE.

2.2   Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li qed jiġi kkonsultat dwar din il-kwistjoni, peress li jqis li l-kwistjoni hija importanti ħafna mil-lat ta’ implimentazzjoni ta’ regolamentazzjoni soċjali aħjar fil-qasam tat-trasport professjonali tal-persuni u tal-merkanzija fit-triq.

2.3   Il-proposta tal-Kummissjoni hija relatata mal-proposta tagħha għal Regolament li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq (“ir-regolament dwar it-takografi”) u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 dwar il-ħinijiet tas-sewqan u l-perjodi tal-mistrieħ.

2.4   Il-Kumitat adotta opinjoni dwar ir-regolamenti msemmija fil-punt 2.3 hawn fuq waqt is-sessjoni plenarja tiegħu fis-7 ta’ Diċembru 2011 (2), fejn ikkummenta dwar il-proposta b’dan il-mod: “Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni biex tamalgama l-karatteristiċi tal-kards tas-sewwieqa ma’ dawk tal-liċenzji tas-sewqan, li jista’ jtejjeb is-sigurtà u jnaqqas il-piż amministrattiv fejn dan huwa prattikabbli”.

2.5   Il-proposta tal-Kummissjoni tikkonċerna l-amalgamazzjoni tal-kard tas-sewwieqa mal-liċenzja tas-sewqan, li hija temmen li tista’ tnaqqas il-frodi u l-piż amministrattiv fuq perjodu fit-tul, billi l-idea hija li jkun meħtieġ biss li jiġi akkwistat u ppreżentat dokument wieħed minflok tnejn. Skont l-istimi tal-Kummissjoni, dan għandu jiffranka EUR 100 miljun fis-sena.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Il-Kumitat jappoġġja l-armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni bil-għan li jiġi minimizzat kemm jista’ jkun kull nuqqas ta’ fehim dwar l-interpretazzjoni tagħha. Il-Kummissjoni għażlet li tressaq il-proposta tagħha bħala Direttiva, aktarx għaliex il-leġislazzjoni dwar il-liċenzji tas-sewqan ukoll hija fil-forma ta’ direttiva. B’hekk, l-Istati Membri jkollhom ċerta flessibbiltà għall-interpretazzjonijiet individwali tagħhom. Madankollu, il-Kumitat jistaqsi tagħmilx iżjed sens proposta għal Regolament.

3.2   Il-Kumitat jaqbel mal-għan fundamentali tal-proposta tal-Kummissjoni, li jiġi ffaċilitat l-infurzar ta’ leġislazzjoni soċjali fit-trasport bit-triq filwaqt li jitnaqqsu l-frodi u l-piżijiet amministrattivi. Madankollu, jemmen li l-ewwel għandhom jiġu riżolti għadd ta’ problemi (imsemmija fil-punt 4 hawn isfel).

3.3   Fir-rigward tal-istima ta’ ffrankar ta’ EUR 100 miljun fis-sena fi spejjeż amministrattivi, kif tantiċipa l-Kummissjoni skont l-analiżi tal-impatt, il-Kumitat jemmen li l-amalgamazzjoni tal-kard tas-sewwieqa mal-liċenzja tas-sewqan fiha nnifisha ma tiżgurax dan ir-riżultat. L-amalgamazzjoni ta’ dokumenti ma twassalx, awtomatikament, għal aktar effiċjenza u ffrankar ta’ spejjeż.

3.4   Il-KESE jistaqsi jekk il-proposta tal-Kummissjoni li tintroduċi kard tas-sewwieqa u liċenzja tas-sewqan integrati flimkien verament tipprovdi biżżejjed garanziji lis-sewwieqa meta jkunu f’pajjiż li mhuwiex firmatarju tal-AETR u jiġu kkontrollati hemmhekk. Meta tkun qed tiddaħħal leġislazzjoni ġdida, il-prijorità trid tkun li jintlaħaq fehim ċar dwar l-infurzar u s-sorveljanza tal-leġislazzjoni, mhux biss mal-pajjiżi firmatarji tal-AETR iżda wkoll dawk il-pajjiżi li mhumiex.

3.5   Jekk ma jinstabux soluzzjonijiet ċari għall-problemi kollha li huma relatati mal-proposta tal-Kummissjoni, u fost oħrajn f’dan il-punt u l-punti sussegwenti, il-Kumitat jirrakkomanda li jsir studju biex tiġi analizzata l-kompatibilità tal-leġislazzjoni rilevanti attwali, u li din tiġi emendata b’tali mod li ma titnaqqasx il-funzjonalità fi kwalunkwe ġenerazzjoni tat-takografu diġitali. Jagħmel sens li jiġu involuti f’dan il-proċess il-partijiet interessati rilevanti kollha, inklużi l-imsieħba soċjali, il-manifatturi tat-takografi u l-awtoritajiet superviżorji.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Il-Kumitat jemmen li l-Kummissjoni ma tispjegax b’mod ċar biżżejjed kif beħsiebha ssolvi l-kwistjonijiet relatati mal-amalgamazzjoni tal-kard tas-sewwieqa mal-liċenzja tas-sewqan li jkun fiha mikroċipp wieħed.

4.1.1

Eżempju wieħed huwa l-ksur tal-liġijiet dwar il-perjodi ta’ sewqan u ta’ mistrieħ u jekk dan jirriżulta fl-irtirar tal-liċenzja tas-sewqan. F’ħafna każi, dan ikun sproporzjonat.

4.1.2

L-ispeċifikazzjonijiet tal-mikroċipp għall-kard tas-sewwieqa huma differenti minn dawk għal-liċenzja tas-sewqan. Dan ifisser li għandhom jiġu adatti r-regoli dwar it-takografu diġitali?

4.1.3

Ir-regoli dwar l-irtirar tal-kard tas-sewwieqa huma differenti minn dawk dwar l-irtirar ta’ liċenzja tas-sewqan. Dawn ir-regoli huma stabbiliti fil-liġi tal-UE u dik nazzjonali, li jfisser li huwa impossibbli li jiġu armonizzati.

4.1.4

Il-liċenzja tas-sewqan tintuża bħala karta tal-identità f’xi pajjiżi. Jekk sewwieq jużaha biex jagħti prova tal-identità tiegħu, il-kard trid tinħareġ mill-kartiera tiegħu. Iżda l-kard tas-sewwieqa ma tistax tinħareġ mill-apparat tar-reġistrazzjoni waqt li qiegħda ssir reġistrazzjoni, jew il-vettura qed tiġi misjuqa, jew waqt attivitajiet oħra.

4.1.5

Xi Stati Membri diġà għandhom taħlita ta’ ċertifikat ta’ kwalifiki professjonali tas-sewwieq u liċenzja tas-sewqan. L-amalgamazzjoni tal-kard tas-sewwieqa ser tirriżulta fit-tip ta’ kard ikkombinat li qed isir dejjem iżjed komuni.

4.1.6

L-amalgamazzjoni tal-kard tas-sewwieqa u tal-liċenzja tas-sewqan jista’ jkollha implikazzjonijiet għall-ftehim tal-AETR, u dawn għandhom jiġu ċċarati u solvuti qabel ma tiġi adottata l-proposta tal-Kummissjoni.

4.1.7

Skont il-proposta tal-Kummissjoni, il-mikroċipp għal-liċenzja tas-sewqan irid ikollu fih ukoll l-applikazzjonijiet tal-kard tas-sewwieqa. Madankollu, l-ispeċifikazzjonijiet differenti ta’ dawn iż-żewġ d-dokumenti joħolqu problema. Il-Kumitat jista’ jaqbel mal-idea li mhux mikroċipp wieħed iżda tnejn jiddaħħlu fil-liċenzja tas-sewqan.

Brussell, 22 ta’ Frar 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  It-test ta’ spjegazzjoni Olandiż (NL) tal-proposta tal-Kummissjoni, b’mod mhux adatt, isemmi “spejjeż amministrattivi”.

(2)  ĠU C 43, 15.2.2012, p. 79-81.


Top