EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE0489

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa” COM(2011) 665 finali — 2011/0302 (COD)

OJ C 143, 22.5.2012, p. 116–119 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 143/116


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa”

COM(2011) 665 finali — 2011/0302 (COD)

2012/C 143/23

Relatur: is-Sur HENCKS

Nhar is-17 ta’ Novembru u nhar it-13 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 172 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa

COM(2011) 665 final – 2011/0302 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ Frar 2012.

Matul l-478 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta’ Frar 2012 (seduta tat-22 ta’ Frar 2012), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’132 vot favur u 3 astensjonijiet.

Din l-opinjoni tagħmel parti minn pakkett ta’ ħames opinjonijiet imħejjija mill-KESE dwar il-“Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa” (CEF, Connecting Europe Facility) u l-linji gwida tagħha li ħarġet il-Kummissjoni Ewropea f’Ottubru 2011. Dan il-pakkett hu magħmul mill-opinjonijiet: TEN/468 dwar il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (relatur: is-Sur Hencks), TEN/469 dwar il-Linji gwida għan-netwerks tat-telekomunikazzjonijiet (relatur: is-Sur Longo), TEN/470 dwar il-Linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija (relatur: is-Sur Biermann), TEN/471 dwar il-Linji gwidi għall-infrastruttura tat-trasport (relatur: is-Sur Back) u TEN/472 dwar L-inizjattiva ta’ bonds tal-proġetti (relatur: is-Sur Duttine).

1.   Konklużjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon kemm il-pjan tal-Kummissjoni Ewropea li talloka EUR 50 biljun mill-baġit multiannwali li jmiss għall-2014-2020 biex jitjiebu l-konnessjonijiet fin-netwerks tat-trasport, tal-enerġija u tal-komunikazzjonijiet diġitali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-prinċipju tal-bonds għall-proġetti tal-infrastruttura (Bonds għall-Proġetti tal-UE) li għandhom jinstigaw effett multiplikatur billi jiżdied il-kapital pubbliku u privat meħtieġ għall-investiment stmat li jilħaq l-ammont ta’ EUR 1 000 biljun.

1.2

Investimenti mmirati f’dawn l-infrastrutturi ewlenin ser jgħinu l-irkupru kummerċjali, tat-tkabbir, tal-kompetittività u tal-ħolqien tal-impjiegi l-aktar fi żmien meta huma tant meħtieġa fl-Ewropa.

1.3

Hekk kif il-finanzjament tradizzjonali tal-investiment mill-fondi pubbliċi qed isir dejjem iżjed diffiċli fil-kriżi attwali, l-użu ta’ strumenti finanzjarji ta’ tip li huwa ġdid għall-Unjoni Ewropea, bil-kooperazzjoni mill-qrib tal-Bank Ewropew tal-Investiment, soġġett għal ċerti riżervi (ara l-Opinjoni TEN/472), ser joffri soluzzjoni kumplimentari u innovattiva biex jinġibed il-kapital mill-fondi tal-pensjonijiet, mill-kumpaniji tal-assigurazzjoni u operaturi oħrajn fis-swieq tal-kapital interessati li jinvestu fi proġetti għat-tul.

1.4

Filwaqt li l-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni ddikjarata tal-Kummissjoni li toħroġ b’soluzzjonijiet innovattivi biex jinħoloq effett ta’ lieva u jinġabar sehem ikbar mis-settur privat, iħoss li dawn is-soluzzjonijiet m’għandhomx ikunu mmirati biss lejn il-kapital il-kbir, iżda għandhom jiġu amministrati b’tali mod li joħolqu interess fost il-faddala ż-żgħar ukoll.

1.5

Madankollu, l-importanza ta’ investiment suffiċjenti fin-netwerks tal-infrastruttura li huma adatti, moderni, flessibbli, sostenibbli u aċċessibbli (l-aktar għall-persuni b’diżabbiltà), mhijiex biss monetarja: dawn l-investimenti jridu wkoll jiġu kkunsidrati fid-dawl tal-koeżjoni soċjali u territorjali, l-impatt ekoloġiku u s-sigurtà tal-provvista.

1.6

Ser ikun possibbli li jintlaħqu l-objettivi stipulati għall-konnessjoni tan-netwerks tal-infrastruttura biss jekk il-finanzjament pubbliku nazzjonali, reġjonali u lokali jingħaqad ma’ dak privat u mar-riżorsi tal-Unjoni.

1.7

Dan ifisser li meta jintgħażlu proġetti għal kofinanzjament mill-Kummissjoni, filwaqt li l-għażla tkun orjentata lejn proġetti b’valur miżjud qawwi Ewropew, jitqiesu wkoll il-ħtiġijiet tal-iżvilupp tal-infrastruttura ta’ interess nazzjonali, reġjonali u lokali.

1.8

L-investimenti fl-infrastruttura għandhom ukoll aspetti importanti ta’ sigurtà tal-UE u nazzjonali li jridu jitqiesu meta jitfasslu l-proġetti, u jinbeda l-proċess ta’ approvazzjoni. Filfatt huma l-kundizzjoni biex tintlaħaq l-integrazzjoni fiżika tal-“gżejjer” li għadhom jeżistu fl-Unjoni.

1.9

Għaldaqstant, l-Unjoni ser ikollha tkompli talloka fondi lill-Istati Membri b’mod kontinwu u proporzjonat biex jiġġieldu kontra l-qasma soċjali u ġeografika li teżisti fir-rigward tal-aċċess għal infrastrutturi tan-netwerk nazzjonali permezz tal-Fondi Strutturali Ewropej.

1.10

Il-KESE japprova l-proposta li jkun hemm ġestjoni ċentralizzata għall-proġetti li jikkollegaw in-netwerks trans-Ewropej tat-trasport, l-enerġija u l-infrastruttura diġitali. L-użu tas-sinerġija bejn dawn it-tliet setturi u t-titjib fir-regoli operattivi, speċjalment l-armonizzazzjoni tal-proċeduri tal-għoti tal-awtorizzazzjonijiet għall-proġetti ta’ interess komuni u t-tnaqqis fid-dewmin tal-implimentazzjoni, ser jippermettu li jonqsu l-ispejjeż u li tissaħħaħ l-effikaċja tal-proġetti.

1.11

Il-KESE jappella lill-Istati Membri biex jappoġġjaw l-inizjattivi tal-Kummissjoni f’dan il-qasam u biex jissensibilizzaw u jħajru lis-swieq tal-kapital u lil investituri oħra ħalli jipparteċipaw b’mod attiv fis-suċċess ta’ din l-inizjattiva.

2.   Daħla

2.1

Il-Kummissjoni pproponiet miżuri speċifiċi biex jiġu promossi infrastrutturi Ewropej integrati fis-setturi tat-trasport, tal-enerġija u tal-komunikazzjonijiet diġitali, bħala parti mill-proposti għall-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss tal-2014-2020.

2.2

In-nefqa fuq l-infrastruttura fl-Ewropa naqset tul dawn l-aħħar għaxar snin filwaqt li investimenti mmirati ta’ dan it-tip jikkostitwixxu element importanti tal-irkupru mill-kriżi ekonomika u huma vitali għall-futur ekonomiku tal-Ewropa.

2.3

Sabiex jiżdied l-iżvilupp tal-infrastrutturi msemmija hawn fuq, u biex jintlaħqu l-prijoritajiet ta’ tkabbir stipulati bħala parti mill-istrateġija l-ġdida tas-Suq Uniku, il-Kummissjoni qed tipproponi strument ġdid, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.

2.4

Jidher ovvju, u ġie enfasizzat mill-KESE f’ħafna mill-opinjonijiet tiegħu, li netwerks ultramoderni, intelliġenti u sostenibbli li jipprovdu interkonnessjonijiet bla xkiel għat-toroq, il-linji ferrovjarji, ir-rotot tal-baħar u tal-ajru, it-trasport multimodali, l-enerġija elettrika, il-pipelines taż-żejt u tal-gass, u l-komunikazzjoni elettronika broadband, huma ta’ importanza kbira għaż-żona ekonomika integrata. Konnessjonijiet neqsin u konġestjoni fil-konnessjonijiet tan-netwerks Ewropej idgħajfu serjament it-tlestija tas-Suq Intern, u jżidu d-differenzi reġjonali barra milli jwasslu biex l-Ewropa tkun dipendenti fuq pajjiżi terzi fis-settur tal-enerġija b’mod speċjali.

2.5

Investimenti mmirati f’dawn l-infrastrutturi ewlenin ser jgħinu l-irkupru kummerċjali, tat-tkabbir, tal-kompetittività u tal-ħolqien tal-impjiegi l-aktar fi żmien meta huma tant meħtieġa fl-Ewropa.

2.6

Madankollu, investimenti fi proġetti ewlenin tal-infrastruttura tan-netwerks, huma min-natura tagħhom proġetti fit-tul li jeħtieġu ammonti kbar ta’ investiment u d-dħul finanzjarju minnhom, b’mod speċjali matul il-fażi ta’ kostruzzjoni u fl-istadji inizjali tat-tħaddim tagħhom, huwa soġġett għal riskji sostanzjali (stimi baxxi wisq tal-ispejjeż, stimi għoljin wisq tal-livell ta’ traffiku, riskji marbuta mal-kumplessità tal-pakkett finanzjarju).

2.7

Billi l-baġits pubbliċi fil-livell nazzjonali, lokali jew Ewropew ma jistgħux jiffinanzjaw dawn il-proġetti waħedhom, il-Kummissjoni qed tipproponi strument baġitarju ġdid, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, kif ukoll linji gwida riveduti għat-trasport, l-enerġija u l-ICTs, sabiex jinġibdu aktar fondi pubbliċi u privati li jsaħħu l-kredibilità ta’ proġetti tal-infrastruttura, u jitnaqqas il-profil ta’ riskju tagħhom għall-investituri privati.

2.8

Sabiex tagħmel dan, il-Kummissjoni ppreżentat sensiela ta’ proposti li jinstabu fil-:

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (Opinjoni tal-KESE: TEN/468);

Proposta għal Regolament li jistabilixxi r-regoli ġenerali għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej tat-trasport u tal-enerġija (Opinjoni tal-KESE: TEN/472);

Proposta għal Regolament dwar linji gwida għall-iżvilupp tan-Netwerk tat-Trasport Trans-Ewropew (Opinjoni tal-KESE: TEN/471);

Proposta għal Regolament dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea (Opinjoni tal-KESE: TEN/470);

Proposta għal Regolament dwar linji gwida għan-netwerks tat-telekomunikazzjonijiet trans-Ewropej (Opinjoni tal-KESE: TEN/469).

3.   Kontenut tal-Komunikazzjoni dwar infrastrutturi Ewropej integrati u l-Proposta għal Regolament li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa

3.1

Sabiex jitħaffef l-investiment fin-netwerks tat-trasport, tal-enerġija u tal-komunikazzjonijiet diġitali u sabiex jiżdied il-finanzjament meħtieġ kemm mis-settur pubbliku kif ukoll dak privat, il-Kummissjoni tipproponi dan li ġej għall-perjodu 2014-2020:

li tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ investiment ta’ madwar EUR 1 000 biljun fin-netwerks ta’ konnessjonijiet Ewropej u li talloka l-flus kif ġej:

Enerġija

Elettriku

EUR 140 biljun

Gass

EUR 70 biljun

CO2

EUR 2,5 biljun

Żejt

“Token entry”

Trasport

(Toroq, ferroviji, tbaħħir u rotot tal-ilma u tal-ajru)

 

EUR 500 biljun

li minnhom EUR 250 biljun għan-netwerk ċentrali;

l-allokazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament għal modi ta’ trasport varji ssir hekk kif il-proġetti huma adottati

Komunikazzjonijiet b’veloċità għolja

 

EUR 270 biljun

li tagħmel disponibbli EUR 50 biljun għal proġetti ta’ investimenti li joħolqu konnessjonijiet bejn netwerks pan-Ewropej, li minnhom EUR 40 biljun huma pprovduti mill-baġit tal-Unjoni Ewropea u EUR 10 biljun huma allokati fil-Fond tal-Koeżjoni għall-infrastruttura tat-trasport. Dawn il-fondi ser jiġu allokati kif ġej:

Enerġija

EUR 9,1 biljun

Trasport

EUR 31,7 biljun

Telekomunikazzjonijiet/Diġitali

EUR 9,2 biljun

li tikkofinanzja proġetti ta’ konnessjonijiet trans-Ewropej ta’ interess komuni magħżula mill-Kummissjoni (fuq proposta tal-Istati Membri) abbażi ta’ rati li jvarjaw bejn 20 u 75 % tal-ispiża eliġibbli, jew anke 80 jew 100 % tal-ispiża f’każijiet eċċezzjonali;

li żżid il-potenzjal biex jiġi attirat il-finanzjament mis-settur privat billi jiġu introdotti bonds Ewropej għall-proġetti tal-infrastruttura (EU project bonds) sabiex jitnaqqas ir-riskju għal investituri terzi. Il-baġit tal-UE għalhekk ser jintuża biex jipprovdi lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) il-kapital biex tiġi koperta parti mir-riskju li jieħu meta jiffinanzja proġetti eliġibbli. Il-finanzjar mill-BEI tal-proġetti kkonċernati għalhekk b’xi mod jiġi ggarantit mill-baġit tal-UE, iżda l-BEI ikollu jassumi r-riskju residwali;

Matul fażi pilota (2012-2013) li tinvolvi bejn ħames u għaxar proġetti, il-fondi trasferiti mill-UE lill-BEI, li ma jistgħux ikunu iżjed minn EUR 230 miljun u ffinanzjati kompletament mill-użu mill-ġdid ta’ kreditu li ma ntużax fi programmi ta’ investiment attwali, għandhom, skont l-istimi tal-Kummissjoni, joħolqu effett ta’ lieva għal investituri oħrajn u jipprovdu sa EUR 4,6 biljun;

li timmassimizza s-sinerġiji bejn il-programmi tal-enerġija, tat-trasport u tal-ICT, sabiex minn naħa jintlaħaq il-għan ta’ strateġija koerenti, u ta’ proġetti magħżula mill-Kummissjoni skont kriterji ċari u armonizzati u min-naħa l-oħra li ikun hemm segwitu u monitoraġġ sabiex il-finanzjament tal-UE jkun immirat tajjeb u effikaċi;

li tintroduċi miżuri mfassla biex jissemplifikaw ir-regoli attwali, b’mod partikulari l-allinjament tal-indikaturi mal-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020, it-tnaqqis fit-tul ta’ żmien tal-proċeduri ta’ awtorizzar, il-ġestjoni ċentralizzata għat-tliet setturi, l-istabbiliment possibbli ta’ aġenzija eżekuttiva, kriterji komuni tal-allokazzjoni, programmi ta’ ħidma annwali komuni u t-twaqqif ta’ Kumitat ta’ Koordinazzjoni tal-Faċilità u l-għoti tas-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-KESE japprova l-inizjattivi meħuda mill-Kummissjoni biex l-investimenti jiġu promossi u kkoordinati fi proġetti strateġiċi b’valur miżjud Ewropew u għall-proposta ta’ alternattiva għall-finanzjament tradizzjonali tal-għotjiet għall-perjodu 2014-2020.

4.2

Il-KESE japprova l-proposta għal mekkaniżmu komuni ta’ finanzjament, ta’ ġestjoni ċentralizzata u ta’ programmi ta’ ħidma għall-proġetti ta’ konnessjoni ta’ netwerks trans-Ewropej tat-trasport, l-enerġija u l-infrastrutturi diġitali, provduti direttament mill-Kummissjoni, u f’każ ta’ bżonn bl-assistenza ta’ aġenzija eżekuttiva. L-użu tas-sinerġija bejn it-tliet setturi u t-titjib fir-regoli operattivi, speċjalment l-armonizzazzjoni tal-proċeduri tal-għoti tal-awtorizzazzjonijiet għall-proġetti ta’ interess komuni u t-tnaqqis fid-dewmin tal-implimentazzjoni, ser jippermettu li jonqsu l-ispejjeż u li tissaħħaħ l-effikaċja tal-proġetti.

4.3

Għaldaqstant, il-KESE jappoġġja l-proposta li jiġu pprijoritizzati proġetti li joffru valur miżjud u jirrispondu għall-ħtieġa fl-Ewropa li jiġu konnessi n-netwerks trans-Ewropej ma’ netwerks tal-infrastruttura fl-Istati Membri. Madankollu, jixtieq jirrimarka li fl-ispirtu tal-koeżjoni territorjali u soċjali, l-Unjoni trid tkompli talloka fondi lill-Istati Membri b’mod kontinwu u proporzjonat biex jiġġieldu l-qasma soċjali u ġeografika li teżisti fl-aċċess għall-infrastrutturi tan-netwerks nazzjonali u biex jiżguraw is-sigurtà tal-provvista permezz tal-Fondi Strutturali Ewropej.

4.4

Il-KESE jinnota li l-ħtieġa li jkun hemm netwerks ta’ infrastrutturi adattati, moderni, flessibbli, sostenibbli u aċċessibbli (l-aktar għall-persuni b’diżabbiltà) mhijiex biss monetarja: dawn l-investimenti huma indispensabbli wkoll mill-perspettiva tal-koeżjoni soċjali u territorjali u l-aspett tal-ħarsien tal-ambjent li l-Kummissjoni trid tikkunsidra meta tagħżel il-proġetti għall-kofinanzjament.

4.5

L-investimenti fl-infrastruttura għandhom ukoll aspetti importanti ta’ sigurtà tal-UE u nazzjonali li jridu jitqiesu meta jitfasslu l-proġetti, u jinbeda l-proċess ta’ approvazzjoni. Filfatt huma l-kundizzjoni biex tintlaħaq l-integrazzjoni fiżika tal-“gżejjer” li għadhom jeżistu fl-Unjoni.

4.6

Minkejja li l-finanzjament mill-Unjoni ta’ EUR 50 biljun bla dubju huwa sinifikanti, dan jirrappreżenta biss frazzjoni żgira tal-investiment meħtieġ kif identifikat mill-Kummissjoni.

4.7

Il-biċċa l-kbira tal-investiment, fi kwalunkwe każ, ser ikollu jiġi pprovdut mill-Istati Membri u mill-investituri privati, il-kontribut finanzjarju tal-Unjoni jaħdem bħala “kapital tal-bidu” maħsub biex iħeġġeġ lill-Istati Membri u lis-suq biex jinvestu aktar.

4.8

Madankollu, il-problemi baġitarji u r-razzjonalizzazzjoni tal-finanzi pubbliċi li huma meħtieġa, ifissru li ħafna mill-Istati Membri qed jikkunsidraw li joqogħdu lura jew jissospendu l-programmi ta’ investiment tagħhom, li jista’ biss iħalli impatt negattiv fuq il-flussi ta’ investiment minn sorsi privati.

4.9

Ser ikun possibbli li jintlaħqu l-objettivi stipulati għall-konnessjoni tan-netwerks tal-infrastruttura biss jekk il-finanzjament pubbliku nazzjonali, lokali u privat jingħaqad mar-riżorsi tal-Unjoni.

4.10

Investimenti fl-infrastruttura ser ikollhom jgħinu t-tranżizzjoni lejn ekonomija u soċjetà b’użu baxx tal-karbonju.

4.11

B’konformità mal-impenn tal-Kummissjoni li tintegra l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020, speċjalment fl-oqsma tat-tibdil fil-klima fil-programmi tal-Unjoni, u li talloka mill-inqas 20 % tal-baġit tal-Unjoni għal dawn l-objettivi relatati, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-approċċ tal-Kummissjoni li tuża l-baġit tal-UE għall-investiment u toħloq effett multiplikatur biex il-finanzjament privat jiżdied. Sabiex jitnaqqsu r-riskji regolatorji u l-ispejjeż tal-kapital għal investituri terzi li qed ifittxu opportunitajiet ġodda ta’ investiment fit-tul, u hekk kif il-finanzjament tradizzjonali tal-investiment mill-fondi pubbliċi qed isir dejjem iżjed diffiċli fil-kriżi attwali, l-użu ta’ strumenti finanzjarji ta’ tip ġdid għall-Unjoni Ewropea, bil-kooperazzjoni mill-qrib tal-Bank Ewropew tal-Investiment u soġġett għal ċerti riżervi (ara l-Opinjoni TEN/472), ser joffri soluzzjoni alternattiva u innovattiva biex jinġibed il-kapital mill-fondi tal-pensjonijiet, mill-kumpaniji tal-assigurazzjoni u operaturi oħra fis-swieq tal-kapital interessati li jinvestu fi proġetti fit-tul.

4.12

Filwaqt li l-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni ddikjarata tal-Kummissjoni biex toħroġ b’soluzzjonijiet innovattivi biex jinħoloq effett ta’ lieva u jinġabar sehem ikbar mis-settur privat, iħoss li dawn is-soluzzjonijiet m’għandhomx ikunu mmirati biss lejn il-kapital il-kbir, iżda għandhom jiġu ġġestiti b’mod li joħolqu interess fost il-faddala ż-żgħar ukoll.

4.13

Fl-assenza ta’ soluzzjoni prospettiva oħra, il-KESE jiddispjaċih dwar ir-riżervi, anzi, l-oġġezzjonijiet, espressi minn xi Stati Membri, fir-rigward tal-bonds għall-proġetti tal-infrastruttura, u jittama li l-fażi pilota, maħsuba għall-perjodu 2012-2013, li ser tuża sa EUR 230 miljun tal-baġit attwali tal-UE, ser tkun tista’ tħeġġeġ lis-swieq tal-kapital, il-fondi tal-pensjonijiet, il-kumpaniji tal-assigurazzjoni, eċċ. biex jinvestu fuq perjodu twil u jagħtu xhieda tal-affidibilità tal-miżuri proposti.

Brussell, 22 ta’ Frar 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


Top