EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IE0472

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Kif ninvolvu lis-soċjetà ċivili fir-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

OJ C 143, 22.5.2012, p. 3–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 143/3


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Kif ninvolvu lis-soċjetà ċivili fir-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2012/C 143/02

Relatur: is-Sur MORGAN

Nhar l-20 ta’ Jannar 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, iddeċieda li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Kif ninvolvu lis-soċjetà ċivili fir-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Frar 2012.

Matul l-478 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta’ Frar 2012 (seduta tat-22 ta’ Frar 2012), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’66 vot favur, 53 vot kontra u 41 astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Is-superviżjoni u r-regolamentazzjoni insuffiċjenti u difettuża tas-swieq finanzjarji kienu fost il-fatturi li kkawżaw il-kriżi finanzjarja. Waħda mid-diffikultajiet tar-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji hija li l-pożizzjonijiet differenti u konfliġġenti jiġu rrappreżentati b’mod bilanċjat. Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili mhix qed tibbalanċja b’mod effettiv ir-rappreżentazzjoni leġittima tal-interessi tas-settur finanzjarju. Id-diskussjonijiet politiċi jsiru l-aktar bejn il-leġislatur minn naħa u s-settur finanzjarju kkonċernat min-naħa l-oħra.

1.2   Fir-rigward tar-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) hu partikolarment adatt biex jagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, għaliex fil-KESE huma rrappreżentati kemm l-assoċjazzjonijiet tal-industrija finanzjarja kif ukoll l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u t-trejdjunjins. Il-KESE la jrid u lanqas jista’ jieħu post il-parteċipazzjoni diretta tal-assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Id-djalogu ċivili hu proċess demokratiku u pubbliku biex jiġu fformati l-opinjonijiet u fih għandhom jieħdu sehem b’mod effettiv l-atturi rilevanti kollha.

1.3   F’dan ir-rigward, il-KESE m’għandux dubju li l-parteċipazzjoni tas-settur finanzjarju fil-proċess biex jiġu fformati l-opinjonijiet hi leġittima. Huma l-intrapriżi finanzjarji li jintlaqtu mir-regolamentazzjoni, li jridu jissodisfaw ir-rekwiżiti u jimplimentaw l-obbligi legali. Il-KESE jagħraf ukoll li ħafna mill-oqsma u l-intrapriżi fis-settur finanzjarju joperaw b’onestà u b’integrità, u ma kinux huma li kkawżaw il-kriżi finanzjarja.

1.4   Minħabba n-natura kumplessa tar-regolamentazzjoni dettaljata, huwa importanti immens li l-assoċjazzjonijiet mhux biss jistabbilixxu għanijiet bażiċi u jitolbu t-tisħiħ ġenerali tar-regoli, iżda joħorġu wkoll bi proposti u argumenti rilevanti u kostruttivi. Sabiex dan ikun jista’ jseħħ, iridu jsiru sforzi konsiderevoli biex l-assoċjazzjonijiet ikunu jistgħu jiddiskutu b’mod ugwali mal-leġislatur u mal-organizzazzjonijiet l-oħrajn.

1.5   Il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Istati Membri wkoll iridu jieħdu inizjattivi sabiex jinvolvu lil partijiet akbar tas-soċjetà ċivili fir-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji.

1.6   Il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Ewropew għar-riskji sistematiċi u l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, li nħolqu dan l-aħħar, għandhom jinvolvu lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili b’mod adegwat fil-ħidma tagħhom. Il-funzjonament tal-gruppi tal-partijiet interessati li skont il-liġi jridu jiġu kkonsultati mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej għandu jqis il-karatteristiċi speċifiċi tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

1.7   F’ċerti każi jista’ jkun adegwat li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jitolbu l-għajnuna finanzjarja mill-fondi tal-UE sabiex jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta’ rappreżentazzjoni ta’ xi interessi importanti. Madankollu, hawnhekk irid jiġi żgurat li l-kontributi finanzjarji jkunu trasparenti għalkollox, li tiġi garantita l-indipendenza tal-organizzazzjonijiet, u li jittieħdu passi biex dawn ma jiġux ippreferuti fir-relazzjonijiet tagħhom mal-Kummissjoni meta mqabbla ma’ assoċjazzjonijiet oħrajn li jingħatawx dan l-appoġġ.

1.8   Minbarra l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u t-trejdjunjins jeżistu bosta gruppi oħra li jistgħu jagħtu kontribut konsiderevoli fid-diskussjonijiet dwar is-swieq finanzjarji, bħal ngħidu aħna l-organizzazzjonijiet karitattivi, l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, l-organizzazzjonijiet tal-investituri istituzzjonali, l-intrapriżi industrijali u tas-servizzi b’operazzjonijiet finanzjarji kbar u l-assoċjazzjonijiet tagħhom, l-intermedjarji finanzjarji u saħansitra l-aġenziji tal-klassifikazzjoni. Minħabba l-ambjent kompetittiv fis-swieq, jistgħu jagħtu kontribut siewi wkoll ir-rappreżentanti ta’ oqsma oħra li ma jkunux milquta direttament mir-regolamentazzjoni.

1.9   Mhux is-suġġetti kollha huma adatti bl-istess mod biex jibbenefikaw mill-kontributi tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Filwaqt li l-kwistjonijiet relatati mal-ħarsien tal-konsumatur, l-użu tad-dħul mit-taxxi biex jiġu salvati l-istituzzjonijiet finanzjarji jew it-tassazzjoni tas-settur finanzjarju huma partikolarment adatti għal dawn il-kontributi, id-dettalji tekniċi bħall-kalkolu tas-solvenza jew il-kwistjonijiet tal-kontabbiltà huma inqas attraenti f’dan ir-rigward.

1.10   Mhux biżżejjed li jsiru biss talbiet ġenerali u mhux divrenzjati għal regoli aktar ħorox. Lil-leġislatur dan xejn ma jgħinu. Mhux biss iridu jsiru proposti kemm jista’ jkun konkreti, iżda għandhom jintiżnu wkoll il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ rekwiżiti aktar stretti.

1.11   Il-KESE jħeġġeġ lill-assoċjazzjonijiet Ewropej u nazzjonali tas-soċjetà ċivili biex jindirizzaw aktar milli għamlu fil-passat il-kwistjoni tar-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji. Ħafna minn dawn l-assoċjazzjonijiet għandhom jiddefinixxu l-promozzjoni tal-istabbiltà tas-swieq finanzjarji bħala għan fih innifsu u, f’xi każijiet, ġdid. Għandhom ukoll jestendu l-interessi u l-attivitajiet tagħhom b’mod korrispondenti.

1.12   Fil-fehma tal-KESE, ikun tajjeb li kieku l-assoċjazzjonijiet jużaw il-parteċipazzjoni tagħhom fir-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji sabiex jikkomunikaw b’mod wiesa’ u pożittiv mal-membri tagħhom u mal-pubbliku ġenerali dwar l-attivitajiet tal-EU li rnexxew f’dan il-qasam.

1.13   Minkejja l-imġiba ħażina evidenti fuq bażi individwali, l-industrija finanzjarja Ewropea hija fost dawk li ntlaqtu ħażin mill-kriżi. Għalhekk, hi mitluba tagħti l-kontribut tagħha biex ikun hemm regolamentazzjoni effettiva tas-swieq finanzjarji. L-oqsma individwali m’għandhomx joqogħdu lura milli jikkummentaw dwar ir-regolamentazzjoni ta’ oqsma oħra fl-interess tal-istabbiltà tas-swieq finanzjarji.

1.14   L-industrija finanzjarja għandha tkun miftuħa wkoll għad-djalogu mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Minħabba l-attenzjoni kbira li ta l-pubbliku lis-settur finanzjarju matul il-kriżi finanzjarja, ikun ta’ vantaġġ għall-intrapriżi li jitkellmu mas-soċjetà ċivili, jiskambjaw l-argumenti tagħhom u jilqgħu s-suġġerimenti.

1.15   Naturalment, il-mezzi tax-xandir jaqdu rwol prominenti biex jiġu fformati l-opinjonijiet. Anke hawnhekk għandha tiġi riflessa aktar il-pożizzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

1.16   Il-KESE ser ikompli jaħdem bis-sħiħ fuq il-proposti għar-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji, ser jiddiskutihom fit-tul u ser iressaq opinjonijiet sostantivi dwarhom, u f’dan kollu ser ipoġġi enfasi partikolari fuq l-inklużjoni tal-pożizzjoni li jadottaw ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili. Matul id-diskussjonijiet, il-KESE ser jinvolvi b’mod usa’ u aktar dirett lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-proċess tiegħu biex jifforma l-opinjonijiet billi jorganizza seduti fi ħdan il-gruppi speċjalizzati u ta’ studju.

1.17   Il-KESE ser jara li jalloka spazju biżżejjed għal dibattitu wiesa’ dwar ir-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji fit-tfassil tal-programm ta’ ħidma tiegħu, fis-sessjonijiet plenarji kif ukoll fis-seduti tal-gruppi speċjalizzati u ta’ studju. Fl-amministrazzjoni tar-riżorsi finanzjarji u umani tiegħu, ser jiżgura li l-membri jkunu jistgħu jingħataw pariri esperti kkwalifikati dwar il-kwistjonijiet relatati mar-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji.

2.   Għan tal-opinjoni u sfond

2.1   Mill-2008 ’l hawn il-kriżi tas-swieq finanzjarji (1) kellha konsegwenzi negattivi serji fuq iċ-ċittadini madwar id-dinja kollha u b’mod partikolari fl-Unjoni Ewropea, u l-KESE kemm-il darba tkellem fid-dettall dwar din il-kwistjoni. Is-superviżjoni u r-regolamentazzjoni insuffiċjenti u difettuża tas-swieq finanzjarji kienu fost il-fatturi li wasslu għall-falliment tas-swieq, għall-ispekulazzjoni li kien hemm qabel dan kif ukoll għan-negozju ta’ prodotti finanzjarji b’riskji kbar.

2.2   Waħda mid-diffikultajiet li toħloq l-adozzjoni ta’ regoli għal dan il-qasam kienet u għadha li jkun hemm parteċipazzjoni bilanċjata tal-pożizzjonijiet differenti u konfliġġenti fil-proċess pluralista u demokratiku biex jiġu fformati l-opinjonijiet. Illum il-ġurnata ma jeżisti l-ebda kontrapiż sostanzjali permezz tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jibbilanċja r-rappreżentazzjoni leġittima tal-interessi tas-settur finanzjarju. Din l-asimmetrija għandha titneħħa fir-regolamentazzjoni l-ġdida tas-swieq finanzjarji.

2.3   Il-KESE, bħala isituzzjoni Ewropea tas-soċjetà ċivili, jemmen li minbarra l-pubblikazzjoni tal-opinjonijiet tiegħu, għandu l-kompitu wkoll li jippromovi l-inklużjoni wiesgħa u komprensiva tal-partijiet interessati u kkonċernati kollha fil-proċess leġislattiv Ewropew. Għaldaqstant, il-KESE jitħasseb meta jara li f’ċerti oqsma ta’ politika partikolari huwa każ regolari li ma jiġix organizzat dibattitu bilanċjat.

2.4   Għalhekk, l-għan ta’ din l-opinjoni hu li tanalizza l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fir-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji u li tressaq rakkomandazzjonijiet biex din tiġi involuta aktar.

3.   Nuqqasijiet u ostakli marbuta mal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili

3.1   S’issa r-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji ġiet mmonitorjata l-ewwel u qabel kollox miċ-ċrieki kkonċernati tas-settur finanzjarju. Din l-impressjoni ġiet ikkonfermata b’mod ċar fis-seduta organizzata mill-KESE nhar it-28 ta’ Novembru 2011. Dan ma kienx il-każ minħabba n-nuqqas ta’ ftuħ min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-UE, iżda għax s’issa s-suġġett ftit qajjem interess fost l-organizzazzjonijiet li mhumiex parti mill-industrija finanzjarja. Dan joħroġ fid-dieher mill-parteċipazzjoni fjakka fil-konsultazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea, fis-seduti tal-Parlament Ewropew jew fid-diskussjoni pubblika.

3.2   Sal-lum stess id-diskussjonijiet politiċi dwar id-direttivi u r-regolamenti fis-settur finanzjarju jsiru l-aktar bejn il-leġislatur minn naħa u s-settur finanzjarju kkonċernat min-naħa l-oħra. B’kuntrast ma’ dan, f’oqsma tematiċi oħra d-dibattitu politiku, b’mod partikolari bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fi Brussell, jinsab fil-qalba tad-diskussjonijiet pluralisti, pereżempju bejn min iħaddem u t-trejdjunjins fil-politika soċjali, bejn l-industrija u l-assoċjazzjonijiet ambjentali fil-politika ambjentali jew bejn in-negozju u l-assoċjazzjonijiet tal-konsumatur fil-politika tal-konsumatur.

3.3   Il-KESE jemmen li n-nuqqasijiet fir-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji huma kkawżati minn sensiela ta’ raġunijiet.

3.3.1   L-għan tar-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji hu li jiġu żgurati s-sigurtà u l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji u b’hekk jinżamm ġid pubbliku li ftit li xejn hu konkret u tanġibbli, u li għal żmien twil deher li mhux mhedded. Ma kienx faċli li jingħarfu l-interessi konkreti li jista’ jkollhom iċ-ċittadini u li għalhekk iridu jiġi protetti. Għaldaqstant, iċ-ċrieki barra s-swieq finanzjarji ftit li xejn kellhom inċentiv, raġuni u motivazzjoni biex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet.

3.3.2   Is-swieq finanzjarji huma kumplessi ħafna u diffiċli biex jifhmuhom dawk li mhumiex esperti. Id-diversità tal-atturi, il-kumplessità tal-prodotti u l-interazzjonijiet f’diversi livelli jagħmluha diffiċli biex l-organizzazzjonijiet barra s-settur jieħdu sehem fid-dibattiti bl-għarfien espert meħtieġ.

3.3.3   Ħafna drabi jkun diffiċli li jiġu identifikati l-konsegwenzi diretti, u b’mod partikolari dawk indiretti, tar-regolamentazzjoni fuq l-interessi tal-membri tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, speċjalment jekk ir-regolamentazzjoni ma ssirx permezz ta’ direttivi u regolamenti iżda permezz ta’ dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni u standards tekniċi kumplikati.

3.3.4   Il-proċess ta’ regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji hu relattivament diffiċli biex jinfiehem. Bil-proċess Lamfalussy li kien jintuża qabel u bis-sistema attwali tal-atti delegati, l-atti ta’ implimentazzjoni u l-istandards tekniċi vinkolanti bil-bosta stadji proċedurali tagħhom u l-ħafna istituzzjonijiet u awtoritajiet involuti b’modi differenti, ħafna drabi jkun diffiċli li jitħejjew opinjonijiet immirati fil-ħin. Barra minn hekk, il-kontenut tar-regoli qed ikun determinat dejjem aktar minn istituzzjonijiet globali bħall-G20, il-Kumitat ta’ Basel u l-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IASB, International Accounting Standard Board), li l-ħidma tagħhom mhix trasparenti ħafna.

3.3.5   Il-ħafna proposti regolatorji, il-veloċità tal-proċess leġislattiv u l-għadd kbir ta’ partijiet interessati ġebbdu sal-limitu l-kapaċità ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-istituzzjonijiet biex jagħmlu d-diskussjonijiet, biex ifasslu dokumenti ta’ pożizzjoni jew biex jieħdu sehem fil-konferenzi.

3.3.6   L-integrazzjoni qawwija tas-swieq finanzjarji madwar id-dinja, il-mobbiltà globali tal-kapital u s-sensibbiltà tan-negozju s’issa dejjem kienu argumenti li mhux faċli twaqqagħhom kontra l-interventi fl-attività tas-swieq Ewropej. Minħabba l-kompetizzjoni għall-kapital volatili biex jiġi promoss it-tkabbir u jinħolqu l-impjiegi, kien deher għaqli li jintuża approċċ ta’ regolamentazzjoni mraqqgħa (light touch regulatory approach) u għal żmien twil dan deher li kien biżżejjed.

3.4   Dawn id-diffikultajiet wasslu wkoll għat-twaqqif tal-“Finance Watch” (Superviżjoni Finanzjarja), inizjattiva tal-Membri tal-Parlament Ewropew li tlaqqa’ flimkien diversi organizzazzjonijiet Ewropej u nazzjonali bil-għan li jsegwu b’għajn kritika l-leġislazzjoni fis-settur finanzjarju.

3.5   Fl-Istati Membri jidher li hemm problemi simili wkoll. Ma jidhirx li s-setgħat tas-soċjetà ċivili qed jinfluwenzaw b’mod sostanzjali r-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji.

3.6   Bħall-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, jidher li qed ikun hemm xi diffikultajiet biex jitqiesu l-interessi tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju tas-settur finanzjarju. Ħafna istituzzjonijiet finanzjarji żgħar qed jilmentaw dwar il-ħafna spejjeż amministrattivi u l-kumplessità tar-regoli li għalihom mhux faċli jimplimentawhom.

4.   Kummenti ġenerali

4.1   Id-demokrazija parteċipattiva hi komponent ewlieni tal-mudell soċjali Ewropew u tal-governanza Ewropea. Id-demokrazija rappreżentattiva u dik parteċipattiva huma mnaqqxin fit-Trattat ta’ Lisbona. Madankollu, dan jistabbilixxi biss l-obbligu li “liċ-ċittadini u lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi” tingħatalhom l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom (Artikolu 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea). Għalhekk, il-korpi Ewropej għandhom jieħdu l-passi meħtieġa meta jaraw li l-proposti ma jwasslu għall-ebda reazzjoni jew joħolqu reazzjoni żbilanċjata fis-soċjetà ċivili.

4.2   Naturalment, huma l-istituzzjonijiet b’mandat demokratiku leġittimu li jieħdu d-deċiżjonijiet, u d-djalogu ċivili jaqdi biss rwol preparatorju u komplementari.

4.3   Il-KESE huwa l-aħjar post fejn tiġi rrappreżentata s-soċjetà ċivili organizzata u fejn din tista’ tesprimi u taqsam il-fehmiet tagħha; hu jibni pont essenzjali bejn l-Ewropa u ċ-ċittadini tagħha. Il-KESE jaqdi dan ir-rwol b’mod partikolari b’rabta mal-leġislazzjoni.

4.4   Fir-rigward tar-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji, il-KESE hu partikolarment adatt biex jaqdi rwol prominenti u biex jagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, għaliex fil-KESE huma rrappreżentati kemm l-assoċjazzjonijiet tal-industrija finanzjarja kif ukoll l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u t-trejdjunjins. Bis-saħħa tal-obbligu tal-KESE li joħroġ opinjonijiet dwar il-proposti tal-Kummissjoni, awtomatikament il-membri jaħdmu fuq it-testi legali mingħajr m’għandhom bżonn l-ebda talba jew motivazzjoni oħra biex jagħmlu dan.

4.5   Sa minn meta bdiet il-kriżi finanzjarja, il-KESE kemm-il darba esprima l-fehmiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u minn nofs l-2008 ’l hawn ħareġ mat-30 opinjoni dwar il-kriżi finanzjarja b’mod ġenerali, u dwar l-inizjattivi leġislattivi b’mod partikolari.

4.6   Fid-dawl tan-nuqqas ta’ involviment ieħor min-naħa tas-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet Ewropej huma mistiedna aktar u aktar biex jagħtu l-attenzjoni mistħoqqa lill-opinjonijiet tal-KESE.

4.7   Il-KESE la jrid u lanqas jista’ jieħu post il-parteċipazzjoni diretta tal-assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Id-djalogu ċivili hu proċess demokratiku u pubbliku biex jiġu fformati l-opinjonijiet u fih għandhom jieħdu sehem l-akbar numru ta’ atturi possibbli b’modi differenti.

4.8   F’dan ir-rigward, il-KESE m’għandux dubju li l-parteċipazzjoni tas-settur finanzjarju fil-proċess biex jiġu fformati l-opinjonijiet hija leġittima daqskemm hi dik tal-organizzazzjonijiet l-oħra. Huma l-intrapriżi finanzjarji li jintlaqtu mir-regolamentazzjoni, li jridu jissodisfaw ir-rekwiżiti u jimplimentaw l-obbligi legali. Għalhekk, il-parteċipazzjoni tal-assoċjazzjonijiet tal-industrija finanzjarja hi meħtieġa għaliex dan il-qasam għandu l-akbar interess fl-istabbiltà finanzjarja. Barra minn hekk, l-għarfien espert ta’ dan il-qasam hu neċessarju wkoll biex jitħejjew valutazzjonijiet tal-impatt affidabbli.

4.9   Il-KESE jagħraf ukoll li ħafna mill-oqsma u l-intrapriżi fis-settur finanzjarju joperaw b’onestà u b’integrità, u ma kinux huma li kkawżaw il-kriżi finanzjarja. Fil-fehma tal-KESE, mhux ġustifikat li s-settur finanzjarju kollu jiġi ġġudikat b’mod negattiv kif sar s’issa. Il-biċċa l-kbira tal-intrapriżi f’dan is-settur mhux talli ma bbenefikawx mill-eċċessi tas-swieq finanzjarji, iżda ntlaqtu ħażin huma stess mill-kriżi u l-konsegwenzi tagħha. In-numru ta’ klijenti tal-istituzzjonijiet finanzjarji li ġarrbu telf baqa’ limitat, b’mod partikolari minħabba l-għajnuna mill-Istat.

4.10   Madankollu, l-akbar piż tal-kriżi finanzjarja u ekonomika qed jerfgħuh iċ-ċittadini, bħala kontribwenti tat-taxxa, ħaddiema u konsumaturi. Huma mħeġġin li permezz tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tagħhom jinvolvu ruħhom aktar fit-tfassil tar-regoli l-ġodda għas-settur finanzjarju sabiex jassiguraw li ma jerġax ikun hawn kriżi oħra ta’ dan id-daqs.

4.11   Minħabba n-natura kumplessa tar-regolamentazzjoni dettaljata, huwa importanti immens li l-assoċjazzjonijiet mhux biss jistabbilixxu għanijiet bażiċi u jitolbu t-tisħiħ ġenerali tar-regoli, iżda joħorġu wkoll bi proposti u argumenti rilevanti u kostruttivi. Sabiex jinkiseb dan, iridu jsiru sforzi konsiderevoli biex l-assoċjazzjonijiet ikunu jistgħu jiddiskutu b’mod ugwali mal-leġislatur u mal-organizzazzjonijiet l-oħrajn.

5.   Rakkomandazzjonijiet speċifiċi

5.1   Il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Istati Membri wkoll iridu jieħdu inizjattivi sabiex jinvolvu lil partijiet akbar tas-soċjetà ċivili fir-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji.

5.1.1   Huwa ta’ importanza kbira li l-konsegwenzi diretti u immedjati tar-regolament propost fuq is-soċjetà ċivili jiġu ppreżentati b’mod sempliċi, miftuħ u preċiż fil-proposti sabiex l-assoċjazzjonijiet jifhmu aħjar kif ser jintlaqtu ċ-ċittadini.

5.1.2   Jekk joħroġ fid-dieher, bħalma sikwit ġara fil-passat, li s-soċjetà ċivili ftit tat tweġibiet matul il-konsultazzjonijiet dwar is-swieq finanzjarji, għandha tintalab il-parteċipazzjonijiet ta’ xi organizzazzjonijiet speċifiċi. F’każ ta’ bżonn għandu jitwal iż-żmien tal-konsultazzjoni, kif tipprevedi diġà l-inizjattiva tal-Kummissjoni għal “regolamentazzjoni intelliġenti”. Il-konsultazzjonijiet m’għandhomx jiffokaw biss fuq l-aspetti tekniċi, iżda għandhom jintalbu l-fehmiet speċifiċi tas-soċjetà ċivili. Għandha tiġi kkunsidrata l-perspettiva speċifika tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

5.1.3   L-organizzazzjonijiet rilevanti għandhom jiġu involuti fis-seduti pubbliċi tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew sa mill-bidu nett. Minkejja l-kalendarju mimli tagħhom, l-istituzzjonijiet għandhom ikunu miftuħin għad-diskussjonijiet mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u jieħdu sehem fl-avvenimenti tagħhom.

5.1.4   Fil-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew m’għandux ikun hemm biss rappreżentanti tal-industrija finanzjarja, iżda wkoll rappreżentanti ta’ gruppi oħrajn. Però wieħed irid joqgħod attent li l-persuni maħtura jkollhom l-għarfien espert meħtieġ fis-suġġett inkwistjoni, għaliex f’każ ta’ żbilanċ fil-kompetenzi speċjalizzati, ma jirbaħ ħadd.

5.1.5   F’ċerti każi jista’ jkun adegwat li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jitolbu l-għajnuna finanzjarja mill-fondi tal-UE sabiex jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta’ rappreżentazzjoni ta’ xi interessi importanti. Madankollu, din l-għajnuna tmur kontra l-prinċipju tal-organizzazzjoni awtonoma u l-awtofinanzjament tal-interessi tas-soċjetà ċivili u tista’ thedded l-indipendenza tal-organizzazzjonijiet u twassal għal kunflitti ta’ lealtà fuq iż-żewġ naħat. Fi kwalunkwe każ, hawnhekk irid jiġi żgurat li l-kontributi finanzjarji jkunu trasparenti għalkollox, li tiġi garantita l-indipendenza tal-organizzazzjonijiet, u li jittieħdu passi biex dawn ma jiġux ippreferuti fir-relazzjonijiet tagħhom mal-Kummissjoni meta mqabbla ma’ assoċjazzjonijiet oħrajn li ma jingħatawx dan l-appoġġ.

5.2   L-isitutzzjonijiet l-oħra tal-UE li huma involuti fir-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji, bħall-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Ewropew għar-riskji sistematiċi kif ukoll it-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej responsabbli għall-banek, it-titoli u l-assigurazzjonijiet, għandhom jinkludu lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-ħidma tagħhom.

5.3   Il-funzjonament tal-gruppi tal-partijiet interessati li skont il-liġi jridu jiġu kkonsultati mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej għandu jqis il-perspettivi tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, jippermetti li jingħata feedback fl-organizzazzjonijiet ikkonċernati u b’hekk jinbena mezz ieħor għall-involviment tas-soċjetà ċivili. Bħalissa dan mhux dejjem hu l-każ, speċjalment minħabba l-esiġenzi tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti u d-diskussjonijiet, liema esiġenzi huma eċċessivi mil-lat tat-trasparenza.

5.4   Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fir-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji ma tistax tiżdied sempliċement permezz ta’ talbiet politiċi astratti. Hemm bżonn li jingħad b’mod aktar konkret min għandu jesprimi l-fehma tiegħu, dwar liema kwistjonijiet relatati mas-swieq finanzjarji, u meta.

5.4.1   Minbarra l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u t-trejdjunjins jeżistu bosta gruppi oħra li jistgħu jagħtu kontribut konsiderevoli għad-diskussjonijiet dwar is-swieq finanzjarji, bħal ngħidu aħna l-organizzazzjonijiet karitattivi, l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, l-organizzazzjonijiet tal-investituri istituzzjonali, l-intrapriżi industrijali u tas-servizzi b’operazzjonijiet finanzjarji kbar u l-assoċjazzjonijiet tagħhom, l-intermedjarji finanzjarji u saħansitra l-aġenziji tal-klassifikazzjoni. Jistgħu jagħtu kontribut siewi wkoll ir-rappreżentanti ta’ setturi finanzjarji oħra li ma jkunux milquta direttament mir-regolamentazzjoni.

5.4.2   Mhux is-suġġetti kollha huma adatti bl-istess mod biex jibbenefikaw mill-kontributi tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

5.4.2.1

Filwaqt li l-kwistjonijiet relatati mal-ħarsien tal-konsumatur, l-użu tad-dħul mit-taxxi biex jiġu salvati l-istituzzjonijiet finanzjarji jew it-tassazzjoni tas-settur finanzjarju huma partikolarment adatti, id-dettalji tekniċi bħall-kalkolu tas-solvenza jew il-kwistjonijiet tal-kontabbiltà huma inqas interessanti.

5.4.2.2

Però l-organizzazzjonijiet m’għandhomx jiffokaw fuq ir-regolamenti meta jiġu adottati biss, iżda fuq ir-regolamentazzjoni mill-bidu sal-aħħar, inklużi d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni u l-istandards tekniċi, anke jekk dan ikun jidher li jitlob ħafna xogħol.

5.4.2.3

Madankollu l-KESE jaf li s-sostenibbiltà u l-istabbiltà fit-tul tas-swieq finanzjarji tirriżulta mill-interazzjoni ta’ għadd kbir ta’ dispożizzjonijiet rilevanti li kull darba jiġu diskussi b’mod individwali. Anke jekk l-organizzazzjonijiet ma jkunux jistgħu jħarsu lejn id-dokumenti kollha, is-soċjetà ċivili xorta waħda għandha tanalizza t-temi li huma deċiżivi għas-suċċess tar-regolamentazzjoni b’mod globali. U dan ma jfissirx biss il-liġi tal-konsumatur, iżda wkoll pereżempju l-liġi ta’ superviżjoni, l-ammont ta’ ekwità jew il-governanza korporattiva.

5.4.2.4

Il-ħjiena hi wkoll li ħafna drabi wara l-aspetti li jidhru tekniċi ħafna jkunu qed jinħbew kwisjonijiet politiċi ħafna li jolqtu b’mod dirett liċ-ċittadin. Pereżempju, ir-rata tal-imgħax għall-kalkolu tar-riservi tas-sistemi privati tal-pensjoni għandha impatt konsiderevoli fuq il-possibbiltà li l-kumpaniji tal-assigurazzjoni jagħtu garanziji fit-tul tal-livelli tal-pensjoni.

5.4.2.5

Mhux biżżejjed li jsiru biss talbiet ġenerali u mhux divrenzjati għal regoli aktar ħorox. Lil-leġislatur dan xejn ma jgħinu. Mhux biss iridu jsiru proposti kemm jista’ jkun konkreti, iżda għandhom jintiżnu wkoll il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ rekwiżiti aktar stretti, filwaqt li jitqiesu aspetti bħall-piżijiet li jridu jerfgħu l-intrapriżi, speċjalment l-istituzzjonijiet finanzjarji ż-żgħar u ta’ daqs medju, l-aċċess tal-individwi u tal-intrapriżi għall-kreditu u l-funzjonament tas-swieq.

5.4.3   Is-soċjetà ċivili għandha tesprimi l-fehma tagħha jekk jista’ jkun fl-istadji kollha tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Bosta drabi d-deċiżjonijiet bażiċi jittieħdu fi stadju bikri, pereżempju wara l-ewwel konsultazzjonijiet mill-Kummissjoni jew fit-tħejjija tal-abbozzi mill-awtoritajiet superviżorji. Għal dan il-għan, l-assoċjazzjonijiet iridu jsegwu u jiffamiljarizzaw ruħhom mal-proċessi kumplessi msemmijin hawn fuq li huma differenti mill-proċeduri normali.

5.5   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iħeġġeġ lill-assoċjazzjonijiet Ewropej u nazzjonali tas-soċjetà ċivili jindirizzaw aktar milli għamlu fil-passat il-kwistjoni tar-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji.

5.5.1   Fil-fehma tal-KESE, ħafna minn dawn l-assoċjazzjonijiet għandhom jiddefinixxu l-promozzjoni tal-istabbiltà tas-swieq finanzjarji bħala għan fih innifsu u, f’xi każijiet, ġdid. Għandhom ukoll jestendu l-interessi u l-attivitajiet tagħhom b’mod korrispondenti.

5.5.2   Minħabba l-kumplessità tas-swieq finanzjarji u tar-regolamentazzjoni tagħhom, kif inhu deskritt hawn fuq, hemm bżonn li l-assoċjazzjonijiet jiksbu u jkomplu jiżviluppaw ir-riżorsi umani bl-għarfien espert meħtieġ. Jista’ jagħti l-każ ukoll li jkun hemm bżonn jitwaqqfu korpi ġodda, li tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-assoċjazzjonijiet nazzjonali u li jiġu involuti esperti esterni.

5.5.3   B’rabta ma’ dan, il-KESE jilqa’ t-twaqqif tal-Finance Watch, li hi assoċjazzjoni ġdida fil-livell Ewropew bil-għan li tippromovi l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji. Dan però mhux biżżejjed biex ikun hemm parteċipazzjoni wiesgħa min-naħa tas-soċjetà ċivili.

5.5.4   L-assoċjazzjonijiet għandhom ukoll jieħdu sehem fid-dibattiti pubbliċi fil-livell Ewropew u fl-Istati Membri, u b’hekk jagħtu kontribut politiku għar-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji.

5.5.5   Fil-fehma tal-KESE, ikun tajjeb li kieku l-assoċjazzjonijiet jużaw il-parteċipazzjoni tagħhom fir-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji sabiex jikkomunikaw b’mod wiesa’ u pożittiv mal-membri tagħhom u mal-pubbliku ġenerali dwar l-attivitajiet tal-EU li rnexxew f’dan il-qasam.

5.5.6   Il-kooperazzjoni bejn l-assoċjazzjonijiet nazzjonali u Ewropej għandha importanza partikolari f’dan il-qasam. Minn banda, il-livelli regolatorji Ewropej u nazzjonali huma komplementari fir-rigward tar-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji. Mill-banda l-oħra, ħafna drabi l-assoċjazzjonijiet nazzjonali jkollhom aktar riżorsi mill-organizzazzjonijiet ċentrali Ewropej, liema riżorsi għandhom jintużaw, speċjalment f’dan il-qasam, għall-ħidma fil-livell Ewropew.

5.5.7   Minħabba li l-kapital faċilment jista’ jiċċaqlaq minn naħa għal oħra tad-dinja, ir-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji għandha tinġieb fl-istess livell madwar id-dinja kollha. Hawnhekk jistgħu jagħtu kontribut b’mod partikolari l-assoċjazzjonijiet li huma ffokati fuq ix-xena internazzjonali jew li għandhom kuntatti internazzjonali. Dawn jistgħu jippromovu regolamentazzjoni effettiva tas-swieq finanzjarji li tkun f’livell simili madwar id-dinja, biex b’hekk titrażżan il-kompetizzjoni dinjija għal-lokazzjoni tan-negozji bl-inqas numru ta’ standards possibbli. L-interess tal-istabbiltà globali tas-swieq finanzjarji għandu jiġi promoss bl-istess intensità fiċ-ċentri finanzjarji kollha tad-dinja.

5.6   Minkejja l-imġiba ħażina evidenti fuq bażi individwali, l-industrija finanzjarja Ewropea hija fost dawk li ntlaqtu ħażin mill-kriżi. Għalhekk, hi mitluba tagħti l-kontribut tagħha biex ikun hemm regolamentazzjoni effettiva tas-swieq finanzjarji.

5.6.1   L-oqsma individwali m’għandhomx joqogħdu lura milli jikkummentaw dwar ir-regolamentazzjoni ta’ oqsma oħra fl-interess tal-istabbiltà tas-swieq finanzjarji.

5.6.2   Fil-fehma tal-KESE, huwa naturali li l-interessi tas-settur finanzjarju jiġu rrappreżentati b’mod trasparenti, b’integrità u b’rispett quddiem dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet. L-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw l-industrija jissodisfaw dawn l-istennijiet b’mod regolari. Fil-passat dan mhux dejjem kien il-każ f’ċerti attivitajiet speċifiċi ta’ intraprendituri individwali u r-rappreżentanti kummerċjali tagħhom.

5.6.3   L-industrija finanzjarja hi mitluba tkun miftuħa għad-djalogu mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Minħabba l-attenzjoni kbira li s-settur finanzjarju ngħata min-naħa tal-pubbliku matul il-kriżi finanzjarja, ikun ta’ vantaġġ għall-intrapriżi li jitkellmu mas-soċjetà ċivili, jiskambjaw l-argumenti tagħhom u jilqgħu s-suġġerimenti. Dan ikun pass importanti biex jersqu aktar lejn is-soċjetà b’mod ġenerali. F’każ li s-settur finanzjarju jkun irid juża l-awtoregolamentazzjoni biex jimponi mġiba partikolari, is-soċjetà ċivili għandha tkun involuta fit-tħejjija ta’ dawn ir-regoli.

5.6.4   Fl-interess ta’ djalogu ċivili ġust u trasparenti, il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea ħolqu reġistru komuni tal-lobbyists u japprezza r-riżultati tal-ħidma tal-Grupp Buzek fi ħdan il-Parlament Ewropew. Madankollu josserva li t-tisħiħ tar-regoli m’għandux iwassal biex iwaqqaf jew ixekkel il-parteċipazzjoni tal-assoċjazzjonijiet. Dan jgħodd b’mod speċjali għall-kwistjonijiet prattiċi, bħall-aċċess faċli għas-servizzi Ewropej u l-parteċipazzjoni f’seduti pubbliċi.

5.7   Id-dinja tax-xjenza, il-fondazzjonijiet soċjali u t-think tanks huma mitlubin jipprovdu l-ġudizzju, l-għarfien espert u l-esperjenzi tagħhom fid-dibattitu dwar is-swieq finanzjarji. Għalkemm ħafna drabi dawn il-korpi ma jkunux iffokati fuq l-involviment f’ħidma leġislattiva speċifika, huma għandhom jieħdu l-opportunità li jużaw il-kapaċitajiet tagħhom bil-għan li jiġu evitati kriżijiet futuri.

5.8   Naturalment, il-mezzi tax-xandir jaqdu rwol prominenti biex jiġu fformati l-opinjonijiet. Anke hawnhekk għandha tiġi riflessa aktar il-pożizzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Għal dan il-għan, jista’ jagħti l-każ li jkun hemm bżonn li l-organizzazzjonijiet korrispondenti jiġu mistiedna jieħdu sehem biex jifformaw opinjoni dwar kwistjoni partikolari, għaliex bħalissa huma ftit ir-rappreżentanti li jipparteċipaw minn rajhom fid-dibattiti pubbliċi.

5.9   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew stess ser jaħdem biex isaħħaħ il-parteċipazzjoni fid-diskussjonijiet dwar il-pjani għar-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji.

5.9.1   Il-KESE ser ikompli jaħdem bis-sħiħ fuq il-proposti għar-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji, ser jiddiskutihom fit-tul u ser iressaq opinjonijiet sostantivi dwarhom, u waqt li jagħmel dan ser ipoġġi enfasi partikolari fuq l-inklużjoni tal-pożizzjoni li jadottaw ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.

5.9.2   Il-Kumitat ser jieħu ħsieb li r-rappreżentanti tat-tliet gruppi jkunu involuti b’mod ugwali u jipparteċipaw f’kull fażi tal-proċess.

5.9.3   Matul id-diskussjonijiet, il-KESE ser jinvolvi lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili b’mod usa’ u aktar dirett fil-proċess biex jifforma l-opinjonijiet tiegħu billi jorganizza seduti fi ħdan il-gruppi speċjalizzati u ta’ studju.

5.9.4   Il-KESE ser jara li jalloka spazju biżżejjed għal dibattitu wiesa’ dwar ir-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji fit-tfassil tal-programm ta’ ħidma tiegħu, fis-sessjonijiet plenarji kif ukoll fis-seduti tal-gruppi speċjalizzati u ta’ studju.

5.9.5   Il-KESE ser jikkontribwixxi wkoll biex il-membri tiegħu mill-organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili jindirizzaw mill-qrib il-kwistjonijiet relatati mar-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji u jinfluwenzaw b’mod korrispondenti l-assoċjazzjonijiet tagħhom.

Brussell, 22 ta’ Frar 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Il-kriżi kkawżata mid-defiċits pubbliċi eċċessivi mhix diskussa f’din l-opinjoni, għalkemm anke hawnhekk wieħed jista’ jistaqsi għaliex is-soċjetà ċivili ma insistietx qabel u b’mod aktar b’saħħtu biex jitnaqqsu d-djun.


Top