EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011XC1217(01)

Avviż ta' inizjazzjoni ta' proċediment antidumping rigward importazzjonijiet ta' fosforu abjad, imsemmi wkoll fosforu elementali jew fosforu isfar, li joriġina mill-Kazakistan

OJ C 369, 17.12.2011, p. 19–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 369/19


Avviż ta' inizjazzjoni ta' proċediment antidumping rigward importazzjonijiet ta' fosforu abjad, imsemmi wkoll fosforu elementali jew fosforu isfar, li joriġina mill-Kazakistan

2011/C 369/07

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet ilment skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li importazzjonijiet tal-fosforu abjad, imsemmi wkoll fosforu elementali jew fosforu isfar, li joriġinaw mill-Kazakistan, qed ikunu oġġett ta' dumping u għalhekk qed jikkawżaw ħsara materjali lill-industrija tal-Unjoni.

1.   L-ilment

L-ilment tressaq fis-7 ta' Novembru 2011 minn Thermphos International BV (“l-ilmentatur”), il-produttur waħdieni tal-fosforu abjad fl-Unjoni, li jirrappreżenta 100 % tal-produzzjoni tal-Unjoni ta' dan il-prodott.

2.   Il-prodott li qed jiġi investigat

Il-prodott li qiegħed jiġi investigat huwa fosforu abjad, imsemmi wkoll fosforu elementali jew fosforu isfar (“il-prodott fl-investigazzjoni”).

3.   Allegazzjoni ta’ dumping  (2)

Il-prodott li allegatament qed ikun oġġett ta' dumping huwa l-prodott li qed jiġi investigat, li joriġina fil-Kazakistan (“il-pajjiż ikkonċernat”) u li fil-preżent għandu l-kodiċi NM ex 2804 70 00. Dan il-kodiċi NM qed jingħata biss għall-informazzjoni.

Billi, minħabba d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, il-pajjiż ikkonċernat huwa meqjus bħala pajjiż mhux b'ekonomija tas-suq, u billi l-ilmentatur allega li l-Istati Uniti tal-Amerika, l-uniku pajjiż terz bl-ekonomija tas-suq minbarra l-Unjoni Ewropea, li jipproduċi l-fosforu abjad, ma jkunx pajjiz terz bl-ekonomija tas-suq xierqa minħabba nuqqas ta' kompetizzjoni fis-suq u minħabba nuqqas ta' bejgħ domestiku jew ta' bejgħ domestiku fil-kummerċ normali, l-ilmentatur stabbilixxa l-valur normali tal-importazzjonijiet mill-Kazakistan abbażi tal-prezz li realment jitħallas jew li għandu jitħallas fl-Unjoni għall-prodott simili, aġġustat kif xieraq biex jinkludi marġni ta' profitt raġonevoli. L-allegazzjoni ta’ dumping hija msejsa fuq tqabbil tal-valur normali stabbilit b’dan il-mod mal-prezz ta’ esportazzjoni (fil-livell ta' kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott li qed jiġi investigat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

Minkejja li jikkunsidra l-Istati Uniti tal-Amerika bħala pajjiż terz b'ekonomija tas-suq mhux xieraq, l-ilmentatur b'danakollu stabbilixxa wkoll valur normali għall-importazzjonijiet mill-Kazakistan abbażi ta' valur normali maħdum (spejjeż tal-manifattura, spejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi (SG&A) u profitt) fl-Istati Uniti tal-Amerika. L-allegazzjoni ta’ dumping għalhekk issejset ukoll fuq tqabbil tal-valur normali stabbilit b’dan il-mod mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell tal-ħruġ tax-xogħol mill-fabbrika) tal-prodott li qed jiġi investigat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

Fuq din il-bażi, il-marġnijiet ta' dumping ikkalkulati huma sinifikanti għall-pajjiż ikkonċernat.

4.   L-allegazzjoni ta' ħsara

L-ilmentatur ipprovda evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat żdiedu b’mod ġenerali f’termini assoluti u żdiedu f’termini ta’ sehem mis-suq.

L-evidenza prima facie li pprovda l-ilmentatur turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott importat li qed jiġi investigat kellhom, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħa, fuq il-livelli tal-prezzijiet mitluba u fuq is-sehem tas-suq miżmum mill-industrija tal-Unjoni, bir-riżultat ta’ effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni ġenerali, u fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni.

5.   Proċedura

Billi wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, il-Kummissjoni ddeterminat li l-ilment tressaq mill-industrija tal-Unjoni jew f’isimha u li hemm biżżejjed evidenza biex tiġi ġġustifikata l-inizjazzjoni ta’ proċedura, b'dan hija qiegħda tniedi investigazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku.

L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-prodott li qed jiġi investigat u li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat hux qiegħed ikun soġġett tad-dumping u jekk dan id-dumping ikkawżax ħsara lill-industrija tal-Unjoni. Jekk il-konklużjonijiet ikunu fil-pożittiv, l-investigazzjoni se teżamina jekk l-impożizzjoni ta' miżuri tmurx kontra l-interess tal-Unjoni.

5.1.    Il-proċedura biex jiġi ddeterminat id-dumping

Il-produtturi esportaturi (3) tal-prodott li qed jiġi investigat li hu mill-pajjiż ikkonċernat, huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.1.1.   L-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

5.1.1.1.   Il-proċedura għall-għażla ta' produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati fil-pajjiż ikkonċernat

Sabiex tinkiseb l-informazzjoni li tqis meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi fil-Kazakistan, il-Kummissjoni se tibgħat il-kwestjonarji lill-produtturi esportaturi magħrufa fil-pajjiż ikkonċernat, lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat. Il-produtturi esportaturi kollha u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi esportaturi kollha huma mistiedna jikkuntattjaw lill-Kummissjoni immedjatament, preferibbilment bil-posta elettronika, iżda mhux iktar tard minn 15-il jum wara l-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, sabiex jidentifikaw ruħhom u jitolbu kwestjonarju.

Il-produtturi esportaturi u, fejn applikabbli, l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi esportaturi, iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-kwestjonarju se jkun fih tagħrif dwar, inter alia, l-istruttura tal-kumpanija/kumpaniji tal-produttur esportatur, l-attivitajiet tal-kumpanija/kumpaniji fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat, l-ispejjeż tal-produzzjoni, il-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat fis-suq domestiku tal-pajjiż ikkonċernat u l-bejgħ lill-Unjoni tal-prodott li qed jiġi investigat.

5.1.2.   Il-proċedura addizzjonali fir-rigward tal-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li ma għandux ekonomija tas-suq

5.1.2.1.   L-Għażla ta’ Pajjiż Terz b’Ekonomija tas-Suq

Soġġett għad-dispożizzjonijiet tat-taqsima 5.1.2.2 hawn taħt, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, fil-każ ta’ importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat il-valur normali għandu jkun iddeterminat fuq il-bażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq. Għal dan il-għan il-Kummissjoni għandha tagħżel pajjiż terz b’ekonomija tas-suq adattat. Il-Kummissjoni għażlet provviżorjament lill-Istati Uniti tal-Amerika. Minħabba l-possibbiltà li l-Istati Uniti tal-Amerika ma jkunx pajjiż b'ekonomija tas-suq xieraq, il-Kummissjoni biħsiebha tiddetermina l-valur normali abbażi tal-prezz imħallas realment fl-Unjoni, aġġustat kif suppost biex jinkludi marġni ta' profitt raġonevoli. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna li jikkummentaw dwar kemm hi xierqa din l-għażla fi żmien għaxart (10) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.1.2.2.   It-trattament tal-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li ma għandux ekonomija tas-suq

B'konformità mal-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi individwali fil-pajjiż ikkonċernat, li jqisu li fir-rigward tal-manifattura u l-bejgħ tal-prodott li qiegħed jiġi investigat, għalihom jgħoddu l-kundizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq, jistgħu jressqu talba sostanzjata kif xieraq għal dan l-għan (“talba għal TES”). Jingħata trattament ta’ ekonomija tas-suq (“TES”) jekk il-valutazzjoni tat-talba għal TES turi li l-kriterji stipulati fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku (4) huma sodisfatti. Il-marġni ta’ dumping tal-produtturi esportaturi li ngħataw TES se jiġi kkalkulat, safejn hu possibbli u bla ħsara għall-użu ta’ fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, billi jintuża l-valur normali u l-prezzijiet ta’ esportazzjoni tagħhom stess skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku.

Produtturi esportaturi individwali fil-pajjiż ikkonċernat jistgħu wkoll, jew bħala alternattiva, jitolbu trattament individwali (“TI”). Biex jingħataw TI, dawn il-produtturi esportaturi għandhom jipprovdu l-evidenza li huma jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku (5). Il-marġni ta' dumping tal-produtturi esportaturi li jingħataw TI se jiġi kkalkulat fuq il-bażi tal-prezzijiet tal-esportazzjonijiet tagħhom stess. Il-valur normali għall-produtturi esportaturi li jingħataw TI se jissejjes fuq il-valuri stabbiliti għall-pajjiż terz b’ekonomija tas-suq magħżul kif deskritt hawn fuq.

(a)   Trattament ta’ ekonomija tas-suq (TES)

Il-Kummissjoni se tibgħat il-formoli tat-talba għat-TES lill-produtturi esportaturi magħrufin kollha fil-pajjiż ikkonċernat u lil kull assoċjazzjoni ta' produtturi esportaturi magħrufa, kif ukoll lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat. Kull produttur esportatur li jixtieq japplika għat-TES għandu jitlob il-formola tat-talba għat-TES mingħand il-Kummissjoni mhux iktar tard minn għaxart (10) ijiem wara l-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-produtturi esportaturi kollha li se jitolbu t-TES għandhom jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

(b)   Trattament individwali (TI)

Biex japplikaw għal TI, il-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat għandhom iressqu l-formola għat-talba għal TES bit-taqsimiet li jirrigwardjaw it-TI mimlija fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

5.1.3.   L-investigazzjoni ta' importaturi mhux relatati  (6)  (7)

Fid-dawl tal-għadd potenzjalment kbir ta’ importaturi mhux relatati involuti f’dan il-proċediment u biex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita għal numru raġonevoli l-għadd ta’ importaturi mhux relatati li se jkunu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid tal-kampjuni”). It-teħid tal-kampjuni se jsir skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Biex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ it-teħid tal-kampjuni, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi kollha mhux relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, qegħdin b'dan jintalbu jidentifikaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu hekk fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu l-informazzjoni li ġejja dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom lill-Kummissjoni:

l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefon u tal-faks u isem il-persuna ta' kuntatt,

l-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija fir-rigward tal-prodott li qiegħed jiġi investigat,

il-fatturat totali għall-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2011 u l-31 ta' Diċembru 2011

il-volum f’tunnellati u l-valur f’EUR tal-importazzjonijiet lejn l-Unjoni u tal-bejgħ mill-ġdid li jsir fis-suq tal-Unjoni (8) matul il-perjodu ta' bejn l-1 ta' Jannar 2011 u l-31 ta' Diċembru 2011 tal-prodott importat li qiegħed jiġi investigat li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat,

l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpaniji relatati kollha (9) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat,

kull informazzjoni rilevanti oħra li tista' tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

Meta l-kumpanija tipprovdi t-tagħrif ta' hawn fuq, hi tkun qiegħda taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ikun ifisser li din trid timla kwestjonarju u li taċċetta żjara fil-post fejn tinsab sabiex jiġu vverifikati t-tweġibiet tagħha (“verifika fuq il-post”). Jekk kumpanija tindika li ma taqbilx mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun, din se titqies li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Is-sejbiet tal-Kummissjoni għall-importaturi li ma jikkooperawx huma msejsa fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kkooperat.

Biex tikseb it-tagħrif li jidhrilha li huwa meħtieġ fl-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista' tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jressqu xi tagħrif rilevanti ieħor rigward l-għażla tal-kampjun, għajr it-tagħrif mitlub hawn fuq, għandhom jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ fl-Unjoni tal-prodott li qiegħed jiġi investigat u li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. L-importaturi mhux relatati kollha magħrufa u l-assoċjazzjonijiet tal-importaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula għall-kampjun.

Biex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat il-kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi. Dawn il-partijiet għandhom jippreżentaw il-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor. Il-kwestjonarju komplut għandu jkun fih tagħrif dwar, fost oħrajn, l-istruttura tal-kumpanija/i tagħhom, l-attivitajiet tal-kumpanija/i fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat u dwar il-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat.

5.2.    Proċedura għad-determinazzjoni tal-ħsara

Ħsara tfisser ħsara materjali lill-industrija tal-Unjoni, jew it-theddida ta’ dannu materjali lill-industrija, jew dewmien materjali fit-twaqqif ta’ dan it-tip ta' industrija. Determinazzjoni ta' ħsara hi msejsa fuq evidenza pożittiva u tinvolvi studju oġġettiv tal-volum tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping, l-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u l-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Biex jiġi stabbilit jekk l-industrija tal-Unjoni ġarrbitx dannu materjali, il-produtturi fl-Unjoni tal-prodott li qed jiġi investigat, huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.2.1.   L-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

Biex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi tal-Unjoni, il-Kummissjoni se tibgħat il-kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni magħrufa u lil kull assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi tal-Unjoni.

LiIl-produtturi tal-Unjoni u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni li ssemmew hawn fuq, dawn għandhom jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data ta' pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Il-kwestjonarju mimli se jkun fih tagħrif dwar, fost oħrajn, l-istruttura tal-kumpanija/i tagħhom, dwar il-qagħda finanzjarja tal-kumpanija/i tagħhom, l-attivitajiet tal-kumpanija/i fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat, l-ispiża tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat.

Kull produttur tal-Unjoni u assoċjazzjoni ta' produtturi tal-Unjoni li mhumiex imniżżla hawn fuq huma mistiedna jikkuntattjaw lill-Kummissjoni minnufih preferibbilment permezz tal-posta elettronika, iżda mhux aktar tard minn 15-il jum wara l-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, biex jippreżentaw irwieħhom u jitolbu kwestjonarju.

5.3.    Il-proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

Jekk tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dumping u ħsara kkawżata minnu, se tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk l-adozzjoni ta’ miżuri tal-antidumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur huma mistiedna jippreżentaw ruħhom fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Biex jipparteċipaw fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi rappreżentattivi għandhom juru, fil-limitu tal-istess skadenza, li hemm konnessjoni oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat.

Il-partijiet li jippreżentaw ruħhom fil-limitu ta’ żmien stipulat hawn fuq jistgħu jipprovdu tagħrif lill-Kummissjoni dwar l-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Dan it-tagħrif jista’ jingħata jew f'format ħieles jew billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, it-tagħrif mogħti skont l-Artikolu 21 jitqies biss jekk meta jingħata jkun sostnut b’evidenza fattwali.

5.4.    Sottomissjonijiet oħra bil-miktub

Il-partijiet interessati kollha, soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-avviż, huma mistiedna juru fehmiethom, iressqu t-tagħrif u jipprovdu l-evidenza ta' sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.5.    Il-possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu biex jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal seduta ta' smigħ għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba tista’ titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, għandha titressaq talba għal seduta ta' smigħ fl-iskadenzi speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

5.6.    Istruzzjonijiet dwar kif għandhom isiru s-sottomissjonijiet bil-miktub u kif għandhom jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

Is-sottomissjonijiet bil-miktub kollha, inkluż it-tagħrif mitlub f’dan l-avviż, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għaliha jintalab trattament kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati “Ristrett” (10).

Il-partijiet interessati li jipprovdu tagħrif “Ristrett” huma mitluba jipprovdu t-taqsiriet mhux kunfidenzjali tagħhom skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li għandhom ikunu mmarkati “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn it-taqsiriet għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex tinftiehem b'mod raġonevoli s-sustanza tat-tagħrif imressaq b’mod kunfidenzjali. Jekk parti interessata li tipprovdi tagħrif kunfidenzjali ma tipprovdix taqsira mhux kunfidenzjali tiegħu fil-format u l-kwalità mitluba, dan it-tagħrif kunfidenzjali jista’ jitwarrab.

Il-partijiet interessati huma mitluba jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha f'format elettroniku (is-sottomissjonijiet mhux kunfidenzjali permezz tal-posta elettronika, dawk kunfidenzjali fuq CD-R/DVD), u għandhom jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks tal-parti interessata. Madankollu, kwalunkwe Prokura, ċertifikazzjonijiet iffirmati u aġġornamenti tagħhom li jakkumpanjaw il-formoli tad-dikjarazzjonijiet tat-TES u tat-TI, jew ir-risposti tal-kwestjonarju, għandhom jiġu sottomessi f'għamla ta' dokument fiżiku, jiġifieri bil-posta jew bl-idejn, fl-indirizz ta' hawn taħt. Skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament bażiku, jekk parti interessata ma tkunx tista' tipprovdi s-sottomissjonijiet u t-talbiet tagħha f'format elettroniku, hija għandha tgħarraf lill-Kummissjoni b'dan minnufih. Għal aktar tagħrif dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġna tal-web rilevanti fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/trade-defence

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: N105 04/092

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Fax +32 22985353

Indirizz elettroniku għal kwistjonijiet ta' dumping: trade-yp4-dumping@ec.europa.eu

Indirizz elettroniku dwar kwistjonijiet ta' ħsara: trade-yp4-injury@ec.europa.eu

6.   Nuqqas ta' kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix it-tagħrif meħtieġ fl-iskadenzi, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet provviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Fejn jinstab li kwalunkwe parti interessata tkun tat tagħrif falz jew qarrieqi, it-tagħrif jista' jitwarrab u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment u s-sejbiet ikunu għalhekk imsejsa fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku din tkun ikkooperat.

7.   L-Uffiċjal tas-Smigħ

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Smigħ tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. L-Uffiċjal tas-Smigħ jaġixxi bħala medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Smigħ jirrevedi t-talbiet għal aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għall-estensjoni tal-iskadenzi u t-talbiet minn partijiet terzi għal seduta ta' smigħ. L-Uffiċjal tas-Smigħ jista’ jorganizza seduta ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur biex jiżgura li d-drittijiet għad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qegħdin jitħaddmu b’mod sħiħ.

Talba għal seduta mal-Uffiċjal tas-Smigħ għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika ir-raġunijiet li għalihom tkun qiegħda ssir. Għal smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba għandha titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, għandha titressaq talba għal seduta fil-limiti tal-iskadenzi speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

L-Uffiċjal tas-Smigħ se jipprovdi wkoll l-opportunitajiet biex issir seduta li tinvolvi l-partijiet u tippermetti li jiġu ppreżentati fehmiet differenti u li jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost l-oħrajn, id-dumping, il-ħsara, ir-rabta kawżali u l-interess tal-Unjoni. Din is-seduta, bħala regola, issir mhux aktar tard minn tmiem ir-raba' ġimgħa wara l-iżvelar tas-sejbiet provviżorji.

Għal aktar tagħrif u dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Smigħ fuq il-websajt tad-DĠ għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/hearing-officer/index_en.htm

8.   L-iskeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni tkun konkluża, skont l-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri provviżorji jistgħu jiġu imposti mhux aktar tard minn disa' xhur mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

9.   L-ipproċessar ta' dejta personali

Kull dejta personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (11).


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  Id-dumping huwa l-prattika tal-bejgħ ta’ prodott għall-esportazzjoni (“il-prodott ikkonċernat”) bi prezz aktar baxx mill-“valur normali” tiegħu. Il-valur normali normalment jitqies bħala prezz komparabbli għall-prodott “simili” fis-suq domestiku tal-pajjiż ikkonċernat. It-terminu “prodott simili” huwa interpretat li jfisser prodott li jixbah fl-aspetti kollha lill-prodott ikkonċernat jew, fin-nuqqas ta’ tali prodott, prodott li jixbah ħafna lill-prodott ikkonċernat.

(3)  Il-produttur esportatur huwa kull kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u tesporta l-prodott li qed jiġi investigat lejn is-suq tal-Unjoni, kemm direttament jew permezz ta’ parti terza, inkluża kwalunkwe kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat.

(4)  Il-produtturi esportaturi għandhom juru b’mod partikolari li: (i) it-teħid ta’ deċiżjonijiet kummerċjali u l-kosti jsiru b’reazzjoni għall-kundizzjonijiet tas-suq mingħajr indħil sinifikanti mill-Istat; (ii) il-kumpaniji għandhom sett wieħed ċar ta’ rekords ta’ kontabbiltà bażika li jiġu vverifikati b’mod indipendenti skont standards internazzjonali ta’ kontabbiltà u li jiġu applikati għall-għanijiet kollha; (iii) ma hemmx tagħwiġ sinifikanti ttrasferit mis-sistema preċedenti ta’ ekonomija mhux tas-suq; (iv) il-liġijiet dwar falliment u l-proprjetà jiggarantixxu ċertezza u stabbiltà legali u (v) il-konverżjonijiet tar-rati tal-kambju jsiru skont ir-rati tas-suq.

(5)  Il-produtturi esportaturi għandhom juru b’mod partikolari li: (i) fil-każ ta’ ditti jew impriżi konġunti b’sidien kollha barranin jew b’uħud minnhom barranin, l-esportaturi huma liberi li jibagħtu lura f’pajjiżhom il-kapital u l-profitti; (ii) il-prezzijiet tal-oġġetti esportati u l-kwantitajiet u l-kundizzjonijiet u t-termini tal-bejgħ jiġu stabbiliti b’mod liberu; (iii) il-parti l-kbira tal-ishma jappartienu lil persuni privati. L-uffiċjali tal-Istat li jiffurmaw parti mill-Bord tad-Diretturi jew li għandhom pożizzjonijiet maniġerjali ewlenin għandhom ikunu f’minoranza jew għandu jintwera li l-kumpanija hija madankollu indipendenti biżżejjed mill-indħil tal-Istat; (iv) il-konverżjonijiet tar-rata tal-kambju jsiru skont ir-rati tas-suq u (v) l-indħil mill-Istat mhuwiex tali li jippermetti evażjoni tal-miżuri jekk esportaturi individwali jingħataw rati differenti ta’ dazju.

(6)  Importaturi li mhumiex relatati mal-produtturi esportaturi biss jistgħu jintgħażlu għall-kampjun. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi għandhom jimlew l-Anness 1 tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. Għad-definizzjoni ta’ parti relatata ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 9.

(7)  Id-dejta pprovduta minn importaturi li mhumiex relatati tista' tintuża wkoll fir-rigward ta' aspetti ta' din l-investigazzjoni għajr għad-determinazzjoni tad-dumping.

(8)  Is-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea huma: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja, u r-Renju Unit.

(9)  B'konformità mal-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju, il-persuni għandhom jitqiesu relatati biss jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju ta' xulxin; (b) ikunu legalment rikonoxxuti bħala soċji fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) kull persuna li direttament jew indirettament tippossjedi, tikkontrolla jew ikollha 5 % jew aktar tal-ishma jew ta' kwoti ta' ishma li jivvutaw jew tat-tnejn; (e) wieħed minnhom, direttament jew indirettament, jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma jinsabu direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien, direttament jew indirettament jikkontrollaw terza persuna; jew (h) huma membri tal-istess familja. Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja biss jekk ikollhom ir-relazzjonijiet li ġejjin bejniethom: (i) konjuġi, (ii) ġenituri u wild, (iii) aħwa (sew jekk tal-istess żewġ ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nanniet u neputijiet, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenituri jew ulied tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1). F’dan il-kuntest “persuna” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika.

(10)  Dokument “Ristrett” huwa dokument li jitqies bħala kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343 22.12.2009 p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim dwar l-Antidumping). Dan hu wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(11)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


Top