Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011TN0275

Kawża T-275/11: Rikors ippreżentat fis- 27 ta’ Mejju 2011 — TF1 vs Il-Kummissjoni

OJ C 232, 6.8.2011, p. 32–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 232/32


Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Mejju 2011 — TF1 vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-275/11)

2011/C 232/58

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Télévision française 1 (TF1) (Boulogne Billancourt, Franza) (rappreżentanti: J.-P. Hordies u C. Smits, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tilqa’ r-rikors tagħha bħala ammissibbli u fondat;

bħala miżura tal-organizzazzjoni tal-proċedura, skont l-Artikolu 64(3)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, tordna l-produzzjoni tad-dokumenti li użat il-Kummissjoni sabiex tikkonstata n-natura proporzjonali u trasparenti tal-finanzjament pubbliku, jiġifieri: ir-rapporti ta’ eżekuzzjoni tal-Artikolu 2 u 3 tad-digriet dwar is-snin finanzjarji 2007 u 2008 u l-abbozz ta’ rapport previst fl-Artikolu 2 għas-sena finanzjarja 2009, kif ukoll il-verżjoni kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-istanza.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/140/UE, tal-20 ta’ Lulju 2010, li tiddikjara kumpatibbli mas-suq komuni l-għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ sussidju baġitarju annwali, li l-awtoritajiet Franċiżi għandhom il-ħsieb li jimplementaw favur France Télévisions.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

(1)

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-interpretazzjoni żbaljata tar-rabta bejn it-taxxi l-ġodda previsti fir-riforma tal-awdjoviżiv pubbliku u l-finanzjament ta’ France télévisions. Ir-rikorrenti tinvoka provi li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta vinkolanti bejn, minn naħa, it-taxxa fuq ir-reklamar u t-taxxa fuq il-komunikazzjoni elettronika u, min-naħa l-oħra, is-sussidji baġitarji mħallsa lil France Télévisions, kemm minn perspettiva ġuridika, b’teħid inkunsiderazzjoni tat-testi nazzjonali rilevanti kollha, u kemm minn perspettiva ekonomika, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-mekkaniżmu tad-determinazzjoni tal-ammont tal-għajnuna, tar-rata tat-taxxa u tal-użu effettiv tagħha.

(2)

It-tieni motiv huwa bbażat fuq riskju ta’ kumpens żejjed marbut mal-mekkaniżmu ta’ finanzjament ta’ France Télévisions. Ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li, minn naħa, peress li ma kellhiex aċċess għal diversi dokumenti amministrattivi hija ma kinitx f’pożizzjoni li teżerċita d-dritt ta’ appell tagħha b’mod utli u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni kienet wettqet interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 106(2) TFUE, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kundizzjoni tal-effikaċja ekonomika fil-provvisti tas-servizz pubbliku, fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-legalità tal-miżura kkontestata.

(3)

It-tielet motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ regoli oħra tat-TFUE u tad-dritt sekondarju. Ir-rikorrenti ssostni l-ewwel nett, li t-taxxa fuq il-komunikazzjonijiet elettroniċi tmur kontra l-Artikolu 110 TFUE, it-tieni nett, li t-taxxi kkontestati jikkostitwixxu restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tad-dritt ta’ stabbiliment sa fejn l-akkumulazzjoni tat-taxxi speċifiċi fl-oqsma tax-xandir u tat-telekomunikazzjoni jillimitaw sew il-possibbiltà għall-operaturi tax-xandir u tat-telekomunikazzjoni milli jwettqu l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom fi Franza u, it-tielet nett, li l-miżura kkontestata tmur kontra d-Direttiva 2002/20, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi sa fejn hija timponi taxxa fuq l-operaturi tat-telekomunikazzjoni li ma tirrispettax il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-direttiva.


Top