Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CN0295

Kawża C-295/11: Rikors ippreżentat fl- 10 ta’ Ġunju 2011 — Ir-Repubblika Taljana vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

OJ C 232, 6.8.2011, p. 21–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 232/21


Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Ġunju 2011 — Ir-Repubblika Taljana vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-295/11)

2011/C 232/34

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentanti: G. Palmieri, aġent, u S. Fiorentino, Avvocato dello Stato)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/167/UE, tal-10 ta’ Marzu 2011, li tawtorizza l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja (1)

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Taljana tinvoka erba’ motivi.

Fl-ewwel lok, hija ssostni li l-proċedura ta’ kooperazzjoni msaħħa ġiet awtorizzata, mill-Kunsill, barra mil-limiti previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 20(1) TUE, li jipprovdi li tali proċedura hija awtorizzata biss fil-kuntest tal-kompetenzi mhux esklużivi tal-UE. L-Unjoni għandha kompetenza esklużiva li toħloq “regoli Ewropej” li għandhom l-Artikolu 118 TFUE bħala l-bażi legali tagħhom.

Fit-tieni lok, din issostni li l-awtorizzazzjoni għal kooperazzjoni msaħħa fil-każ preżenti hija kuntrarja għal, jew, fi kwalunkwe każ, ma hijiex konformi mal-għanijiet li fir-rigward tagħhom din l-istituzzjoni hija stabbilita mit-Trattati. Sa fejn din l-awtorizzazzjoni tmur kontra, jekk mhux il-kliem, l-ispirtu tal-Artikolu 118 TFUE, din tisker l-Artikolu 326(1) TFUE, peress li dan tal-aħħar jeħtieġ li kooperazzjonijiet imsaħħa għandhom jikkonformaw mat-Trattati u mad-dritt tal-UE.

Fit-tielet lok, ir-Repubblika Taljana ssostni li d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ġiet adottata mingħajr investigazzjoni adegwata fir-rigward tar-rekwiżit tal-hekk imsejjaħ last resort u mingħajr motivazzjoni xierqa fuq dan il-punt.

Fl-aħħar lok, id-deċiżjoni tal-awtorizzazzjoni tikser l-Artikolu 326 TFUE sa fejn taffettwa b’mod ħażin is-suq intern, billi tintroduċi ostakolu għal kummerċ bejn l-Istati Membri u diskriminazzjoni bejn il-kumpanniji, u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, hija ma tgħinx sabiex issaħħaħ il-proċess ta’ integrazzjoni tal-Unjoni, u għalhekk tmur kontra t-tieni paragrafu tal-Artikolu 20(1) TUE.


(1)  ĠU L 76, p. 53


Top