EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE0539

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Lejn Żona Ewropea ta’ sikurezza tat-triq: orjentazzjonijiet ta’ politika dwar is-sikurezza tat-triq 2011-2020” COM(2010) 389 finali

OJ C 132, 3.5.2011, p. 94–98 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 132/94


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Lejn Żona Ewropea ta’ sikurezza tat-triq: orjentazzjonijiet ta’ politika dwar is-sikurezza tat-triq 2011-2020”

COM(2010) 389 finali

2011/C 132/19

Relatur: is-Sur SIMONS

Nhar l-20 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn Żona Ewropea ta’ sikurezza tat-triq: orjentazzjonijiet ta’ politika dwar is-sikurezza tat-triq 2011-2020

COM (2010) 389 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta’ Marzu 2011.

Matul l-470 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Marzu 2011 (seduta tas-16 ta’ Marzu 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’158 vot favur, 2 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat jappella biex jitnaqqas l-għadd ta’ vittmi tat-traffiku, fl-interess ġenerali soċjali u jaqbel mal-proposti – ambizzjużi – tal-Kummissjoni biex tul il-perjodu 2011-2020 tnaqqas dan in-numru bin-nofs meta mqabbel mal-2010.

1.2   Il-Kumitat jenfasizza li huwa rakkomandabbli li jitfasslu miri ta’ tnaqqis differenti għad-diversi Stati Membri, għax ir-riskji jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor.

1.3   Fil-fehma tal-Kumitat, il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-programm għandu jkun f’idejn aġenzija Ewropea stabbilita apposta għas-sikurezza tat-triq, bħala ċentru ta’ osservazzjoni u monitoraġġ, li jħaddan ukoll esperti tat-traffiku maħtura mill-Istati Membri.

1.4   Din l-aġenzija, bħala ċentru ta’ osservazzjoni u monitoraġġ, għandha tieħu ħsieb li darba fis-sena jsir monitoraġġ biex jiġi żgurat li l-programm qed jilħaq l-għanijiet stabbiliti.

1.5   Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-kundizzjonijiet li ġejjin għandhom jiġu rispettati, biex jintlaħaq l-għan tal-Kummissjoni li sal-2020 l-għadd tal-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku jkun naqas bin-nofs:

Tmexxija politika b’saħħitha

Id-disponibbiltà ta’ statistika uniformi u dettaljata

Il-ħolqien ta’ għanijiet rigward utenti tat-triq li jġarrbu feriti gravi u d-definizzjoni ta’ “ferita gravi”

Politika Komunitarja iktar stretta rigward l-armonizzazzjoni u t-twaqqif ta’ miżuri tas-sikurezza tat-triq

Iżjed attenzjoni lit-taħriġ speċjali, b’mod partikolari, għall-utenti vulnerabbli tat-triq bħat-tfal, l-anzjani, l-utenti b’diżabbiltà u s-sewwieqa tal-powered two-wheelers (PTWs), iċ-ċiklisti u l-persuni mixjin fit-triq

L-involviment ta’ kull min iħaddem, u jkollu flotta tal-karozzi proprja, fl-implimentazzjoni tal-aħjar prattika

L-introduzzjoni ta’ liġi Komunitarja li għadha nieqsa għall-kategoriji tal-utenti vulnerabbli tat-triq

Żieda fis-sikurezza tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew u mill-inqas 25 % tal-bqija tan-netwerk tat-trasport jinġab sal-livell TEN-T

Taħriġ speċjali għall-persunal tal-pulizija, tal-ambulanzi, tat-tifi tan-nar, tal-protezzjoni ċivili u tas-servizzi tal-irmonkar, jiġifieri dawk kollha li jagħtu għajnuna f’każ ta’ inċident, sabiex il-kwalità ta’ dan il-persunal tibqa’ għolja u jitħarrġu b’mod professjonali u fl-istess ħin jittejbu l-proċeduri amministrattivi

Estensjoni rapida tal-parkeġġi sikuri u mmonitorjati għas-sewwieqa professjonali

Il-Kumitat jitlob ukoll li l-kuntratti jkunu relatati mal-għarfien professjonali tas-sewwieq u mhux relatati mal-prestazzjoni.

1.6   Minħabba l-fattur uman fit-traffiku tat-triq, il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-infurzar kontinwi huma kruċjali biex jintlaħqu l-għanijiet. F’dan ir-rigward, il-Kumitat jiffoka l-iktar fuq il-gruppi vulnerabbli.

1.7   Rigward l-aspett tal-infurzar, il-Kumitat mill-ġdid jisħaq li għandu jiġi kkunsidrat ukoll l-infurzar transkonfinali.

1.8   Il-Kumitat jappoġġja l-introduzzjoni tal-miżuri li ġejjin:

fir-rigward tal-vetturi professjonali għat-trasport ta’ tagħbija ta’ inqas minn 3,5 tunnellata, it-twessigħ tal-leġislazzjoni dwar il-ħin tas-sewqan u l-ħin ta’ ħidma tas-sewwieqa

l-installazzjoni ta’ kontrolluri tal-veloċità fil-vetturi kummerċjali ż-żgħar

l-installazzjoni ta’ alcohol interlock devices (tagħmir maħsub biex sewwieq xurban ma jkunx jista’ jistartja l-magna tal-vettura) u mezzi biex jiġi skopert l-użu tad-drogi fil-vetturi tqal tal-merkanzija, il-vetturi kummerċjali ż-żgħar u l-vetturi privati meta persuna tinstab ħatja li kienet qed issuq taħt l-influwenza tal-alkoħol

l-introduzzjoni ta’ miżuri tas-sikurezza attivi u passivi fil-PTWs

l-implimentazzjoni minn kull Stat Membru ta’ mapep bl-hekk imsejħa “black spots” u l-aġġornament annwali ta’ dawn il-mapep

l-estensjoni tas-sistema tal-e-Call għal vetturi oħra, bħall-PTWs

li l-orjentazzjonijiet strateġiċi ta’ politika jissarrfu fi programm ta’ azzjoni dettaljat.

2.   Daħla

2.1   F’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qed tagħti l-viżjoni tagħha dwar l-iżvilupp tas-sikurezza tat-triq għall-perjodu bejn l-2011 u l-2020.

2.2   Bis-saħħa tal-orjentazzjonijiet ta’ politika miġbura f’din il-Komunikazzjoni, l-għan tal-Kummissjoni huwa li tiżviluppa qafas ġenerali ta’ governanza u li tistabbilixxi għanijiet ambizzjużi li jistgħu jiggwidaw l-istrateġiji nazzjonali u lokali. B’hekk, l-azzjonijiet deskritti jistgħu jiġu implimentati fl-iktar livell adatt, bl-iktar mezzi adatti u bl-iktar mod effiċjenti.

2.3   Skont il-Kummissjoni, l-azzjonijiet li ġejjin għandhom jingħataw prijorità assoluta:

il-ħolqien ta’ qafas ta’ kooperazzjoni strutturat u koerenti li jibni fuq l-aħjar prattiki fl-Istati Membri bħala garanzija neċessarja biex l-orjentazzjonijiet ta’ politika dwar is-sikurezza tat-triq għall-perjodu 2011-2020 jiġu implimentati b’mod effettiv

l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ strateġija għall-kura tal-persuni feruti u għall-ewwel għajnuna fl-inċidenti, biex jiġi indirizzat il-bżonn dejjem iktar urġenti tat-tnaqqis tal-għadd ta’ vittmi tat-traffiku

it-titjib tas-sikurezza tal-iktar utenti vulnerabbli tat-triq, b’mod speċjali s-sewwieqa tal-muturi, peress li fil-każ tagħhom, l-istatistika tal-inċidenti hija partikolarment inkwetanti.

2.4   Il-Kummissjoni tosserva li l-orjentazzjonijiet ta’ politika proposti jikkunsidraw ir-riżultati tat-tielet programm ta’ azzjoni għas-sikurezza tat-triq 2001-2010, li b’xorti ħażina urew li l-għan tat-tnaqqis bin-nofs tal-imwiet b’inċidenti tat-traffiku, mhuwiex ser jintlaħaq. Madankollu, sar progress konsistenti, speċjalment fl-aħħar snin.

2.5   Sabiex jintlaħaq l-għan li tinħoloq żona Ewropea ta’ sikurezza tat-triq, il-Kummissjoni tipproponi li jiġi infurzat l-għan li l-għadd ta’ mwiet b’inċidenti tat-traffiku fl-Unjoni Ewropea jitnaqqas bin-nofs fil-perjodu 2011-2020, ibbażat fuq l-għadd ta’ mwiet fl-2010.

2.6   Rigward il-progress li sar fil-perjodu tat-tielet programm ta’ azzjoni (tnaqqis ta’ bejn 35 u 40 % tal-għadd ta’ vittmi li mietu), il-Kummissjoni tqis li t-tnaqqis tal-għadd tal-imwiet b’inċidenti tat-traffiku bin-nofs tul l-għaxar snin li ġejjin huwa għan ambizzjuż meta jitqies li l-għan tat-tielet programm ta’ azzjoni ma ntlaħaqx.

2.7   Il-Kummissjoni qed tfittex li tilħaq l-għan għas-sena 2020 billi tiffoka b’mod intensiv fuq is-seba’ għanijiet li ġejjin:

it-titjib tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-utenti tat-triq

it-tisħiħ tal-infurzar tar-regoli tat-traffiku

il-bini ta’ infrastruttura tat-toroq iktar sikura

l-intenzjoni li jkun hemm vetturi aktar sikuri fit-triq

il-promozzjoni tal-użu ta’ teknoloġija moderna biex tittejjeb is-sikurezza tat-triq

it-titjib tas-servizzi tal-emerġenza u ta’ wara l-korrimenti u

l-protezzjoni tal-utenti vulnerabbli tat-triq.

2.8   Għal kull wieħed mill-għanijiet imsemmija, il-Kummissjoni abbinat azzjonijiet konkreti bil-għan li jwasslu biex l-għadd ta’ mwiet b’inċidenti tat-traffiku jonqos bin-nofs. Dawn l-azzjonijiet ser jiġu diskussi fil-parti tal-kummenti ġenerali u speċifiċi ta’ din l-opinjoni.

2.9   Rigward il-mod kif dawn il-miri għandhom jinkisbu, il-Kummissjoni ma tantx hi tal-idea li tiddaħħal leġislazzjoni ġdida, iżda iktar li jissaħħaħ il-monitoraġġ tal-acquis tal-UE rigward is-sikurezza tat-triq, li jinħoloq qafas ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni u li jiġu stabbiliti strumenti Komunitarji għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-effikaċja tal-politika tas-sikurezza tat-triq.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Il-Kumitat huwa tal-fehma li t-tnaqqis fl-għadd ta’ vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku huwa ta’ importanza kbira għas-soċjetà. Dan joħroġ biċ-ċar mill-opinjonijiet li ħarġu dwar dan is-suġġett tul is-snin li għaddew (1). Fl-istess ħin, fl-aħħar perjodu ta’ azzjoni, l-għadd ta’ vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku fil-fatt naqas bil-kbir. Huwa jaqbel ukoll mal-għanijiet – mill-ġdid ambizzjużi – tal-Kummissjoni biex l-għadd ta’ mwiet b’inċidenti tat-traffiku fil-perjodu 2011-2020 jonqos bin-nofs l-għadd tal-2010.

3.2   Bl-isem il-ġdid ta’ “orjentazzjonijiet ta’ politika” minflok “linji gwida strateġiċi”, il-Kummissjoni tixtieq twassal l-idea ta’ bidla fil-filosofija: l-enfasi fl-għaxar snin li ġejjin se tkun inqas fuq il-ħruġ ta’ proposti għal liġijiet ġodda u iktar fuq l-iżvilupp u l-applikazzjoni tat-tliet prinċipji li ġejjin: ir-responsabbiltà konġunta, l-integrazzjoni tas-sikurezza tat-triq f’oqsma ta’ politika oħra u l-ksib tal-istess livell ta’ sikurezza tat-triq fil-pajjiżi kollha tal-UE.

3.3   Il-Kumitat josserva li hemm bidla fil-filosofija tal-Kummissjoni, għax il-biċċa l-kbira tal-qafas leġislattiv hija kompluta. Iżda, il-pjan tal-Kummissjoni waħdu, jiġifieri l-iżvilupp ta’ qafas ta’ governanza ġenerali u miri ambizzjużi li jiggwidaw l-istrateġiji nazzjonali u lokali, mhuwiex biżżejjed. Fil-fehma tal-Kumitat, mhux biss għandha titlesta l-leġislazzjoni li għadha nieqsa (2), iżda għandu wkoll jiġi mmonitorjat sew u b’mod regolari (darba fis-sena) il-progress li jkun sar.

3.3.1   Il-Kumitat huwa tal-fehma li tkun ħaġa tajba li l-orjentazzjonijiet ta’ politika jissarrfu fi programm ta’ azzjoni dettaljat, f’kalendarji, fi strumenti ta’ segwitu u f’valutazzjoni intermedja.

3.4   Il-Kumitat jaħseb li l-aħjar mod biex dan isir huwa billi, flimkien mar-rappreżentanti maħtura mill-Istati Membri għas-sikurezza tat-triq, jinġabru d-dettalji bil-għan li jiġi implimentat ir-raba’ programm ta’ azzjoni (3) Ewropew fuq il-bażi tal-punti inklużi f’din l-opinjoni li l-Kumitat ressaq quddiem il-Parlament Ewropew, li fil-fatt inkitbet qabel ma ġiet ippubblikata l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Kemm jekk jispiċċa fil-forma ta’ Aġenzija Ewropea għas-sikurezza tat-triq, kemm jekk fil-forma ta’ ċentru Ewropew ta’ osservazzjoni u monitoraġġ, li għadu fi stadju embrijoniku min-naħa tal-Kummissjoni, il-Kumitat jaqbel mat-tnejn. Ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin tfasslu biex jiġi żgurat is-suċċess tal-programm 2011-2020:

3.4.1   Għandha tiġi żgurata tmexxija politika b’saħħitha billi r-responsabbiltà se tinqasam bejn l-UE u l-Istati Membri.

3.4.2   L-istatistika dwar is-sikurezza tat-triq fl-Istati Membri kollha għandha tkun iktar armonizzata u dettaljata.

3.4.3   Għandhom jinħolqu għanijiet rigward utenti tat-triq li jġarrbu feriti gravi u għandha tiġi stabbilita definizzjoni komuni ta’ “ferita gravi”.

3.4.4   Għandha tinħoloq politika Komunitarja iktar stretta biex jiġu armonizzati u stabbiliti miżuri tas-sikurezza tat-triq, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jimplimentaw dawn il-miżuri aħjar u iktar malajr.

3.4.5   Għandha tingħata iżjed attenzjoni lit-taħriġ speċjali għall-utenti kollha, b’mod partikolari għall-utenti vulnerabbli tat-triq bħat-tfal u l-anzjani iżda anke s-sewwieqa tal-PTWs, iċ-ċiklisti u l-persuni mixjin fit-triq.

3.4.6   Kull min iħaddem għandu jiġi involut billi jieħu ħsieb il-flotta tal-karozzi proprja sabiex l-għadd ta’ inċidenti tat-traffiku bejn id-dar u x-xogħol jonqos bis-saħħa ta’ politika tas-sikurezza għall-flotta proprja u billi l-persunal jiġi mħeġġeġ jagħmel iktar użu mit-trasport pubbliku.

3.4.7   L-iżvilupp ta’ leġislazzjoni Komunitarja għall-kategoriji tal-utenti vulnerabbli bħal rekwiżiti ġodda għall-approvazzjoni tat-tip għall-PTWs, is-sistema tal-brejkijiet antilokk (ABS) għall-PTWs b’mutur ikbar minn 150cc, l-introduzzjoni tal-obbligu tal-headlights awtomatiċi u – fil-qafas tar-reviżjoni tad-direttiva dwar il-liċenzji tas-sewqan – l-implimentazzjoni tat-taħriġ kontinwu u l-kontrolli tekniċi tal-vetturi.

3.4.8   Il-Kumitat huwa tal-fehma li wieħed mill-għanijiet li għandu jiddaħħal fil-programm il-ġdid huwa ż-żieda fis-sikurezza tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew u li mill-inqas 25 % tal-bqija tan-netwerk tat-trasport jinġab sal-livell tat-TEN-T.

3.4.9   Fir-rigward tal-għan ġenerali tal-programm li jitnaqqas bin-nofs l-għadd tal-imwiet b’inċidenti tat-traffiku, il-Kumitat iwissi li r-riskji jvarjaw sew minn Stat Membru għal ieħor u għalhekk huwa tal-fehma li jkun aħjar li jiddaħħlu miri divrenzjati għat-tnaqqis.

3.5   Il-Kumitat jagħraf li, minħabba d-differenzi fir-riskji tas-sikurezza fl-Istati Membri, il-miżuri jistgħu jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor. L-Istati Membri fejn diġà kien hemm tnaqqis sostanzjali l-għadd ta’ vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku għandhom jiffokaw l-iktar fuq il-fattur “uman”: it-taħriġ, inkluż it-taħriġ kontinwu, u l-infurzar, filwaqt li l-Istati Membri fejn m’għad hemm l-ebda tnaqqis drastiku fl-għadd ta’ vittmi, minbarra t-taħriġ, it-taħriġ kontinwu u l-infurzar imsemmija, għandhom jagħtu ħafna attenzjoni wkoll lill-elementi “konkreti” tal-politika tas-sikurezza tat-triq, bħat-titjib tal-infrastruttura u r-rekwiżiti tas-sikurezza tal-vetturi.

3.6   Il-Kumitat jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li fl-aħħar mill-aħħar l-imġiba tal-utent tat-triq tiddetermina l-effikaċja tal-politika tas-sikurezza tat-triq u li għalhekk l-edukazzjoni kontinwa, it-taħriġ u l-infurzar huma kruċjali.

3.7   Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-utenti “vulnerabbli”, is-sewwieqa żgħażagħ u dawk b’nuqqas ta’ esperjenza u s-sewwieqa anzjani, li jekk ma jkunux tħarrġu, ma jkunux jafu dwar l-aħħar bidliet fir-regolamenti tat-traffiku.

3.8   Barra minn hekk, il-Kumitat huwa tal-fehma li f’kull Stat Membru għandhom isiru kampanji ta’ informazzjoni b’mod regolari biex jiġi miġġieled is-sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol. Barra minn hekk, il-kampanja favur l-infurzar, inkluż l-infurzar transkonfinali, għandha tissaħħaħ.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Il-Kumitat jirrakkomanda li, mill-iktar fis possibbli, tiġi stabbilita definizzjoni komuni għall-“feriti gravi” u l-“feriti mhux gravi” li tintuża bħala bażi komuni għat-tnaqqis tal-feriti li jirriżultaw minn inċidenti tat-traffiku sabiex din id-data tkun tista’ tiġi inkorporata fil-programm minn issa sal-2020.

4.2   Il-Kumitat jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni għat-titjib tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-utenti tat-triq permezz tat-tfassil ta’ strateġija komuni għall-edukazzjoni u t-taħriġ dwar is-sikurezza tat-triq.

4.3   Għalhekk, l-aspett tal-“għajnuna u l-imġiba fl-inċidenti” għandu jiġi inkluż iktar fit-taħriġ dwar is-sewqan.

4.4   B’mod partikolari, il-Kumitat jisħaq fuq l-importanza tal-“edukazzjoni kontinwa” għax ir-regolamenti tat-traffiku jistgħu jinbidlu tul iż-żmien.

4.5   Dan jgħodd għall-utenti normali tat-triq, iżda b’mod partikolari għall-persunal tal-pulizija, tat-tifi tan-nar, tal-protezzjoni ċivili, tas-servizzi tal-irmonkar u tal-ambulanzi, jiġifieri l-persunal kollu b’ħiliet speċjalizzati meħtieġa f’każ ta’ inċident tat-traffiku. Il-Kumitat iqis li t-taħriġ speċjali u kontinwu għal dan il-persunal, kemm fil-qasam professjonali kif ukoll dak amministrattiv, huwa ta’ importanza kbira, sabiex il-kwalità ta’ dan il-persunal tibqa’ togħla.

4.6   Il-Kumitat jaqbel mat-tisħiħ tal-infurzar tar-regolamenti tat-traffiku, inkluż it-traffiku transkonfinali. Fl-opinjoni tiegħu dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tiffaċilita l-infurzar transkonfinali fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq” (4) diġà stqarr li, mingħajr l-infurzar transkonfinali tar-regolamenti tat-traffiku, l-għanijiet tal-Kummissjoni, stabbiliti fit-tielet pjan ta’ azzjoni għas-sikurezza tat-triq, mhumiex ser jintlaħqu. Il-Kumitat jappoġġja għalkollox il-konklużjonijiet tal-opinjoni msemmija hawn fuq.

4.7   Billi l-vetturi tqal tal-merkanzija huma diġà obbligati li jinstallaw il-kontrolluri tal-veloċità, il-Kumitat jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li dan l-obbligu għandu japplika wkoll għall-vetturi kummerċjali ż-żgħar. Dan għaliex kulma jmur dejjem qed ikun hemm iżjed minn dawn il-vetturi fit-triq, l-iktar fis-settur tal-couriers, fejn huwa importanti li l-konsenji jitwasslu fil-ħin (il-kunċett “just-in-time”) u b’hekk ħafna drabi jsuqu b’veloċità għolja. Barra minn hekk, anke l-ħinijiet tas-sewqan u tax-xogħol għandhom jiġu adatti għar-regolamenti tat-trasport tal-merkanzija għal trakkijiet b’toqol globali li jisboq il-massimu ta’ 3,5 tunnellati.

4.8   Billi s-sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol għadu fattur ewlieni fl-inċidenti tat-traffiku, il-Kumitat jirrakkomanda li jiġu installati alcohol interlock devices fil-vetturi tqal tal-merkanzija u l-vetturi kummerċjali ż-żgħar u l-vetturi privati meta persuna tinstab ħatja li kienet qed issuq taħt l-influwenza tal-alkoħol.

4.9   Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-PTWs. Il-periklu li s-sewwieqa ta’ dawn il-vetturi jġarrbu ferita gravi huwa bejn 18 u 20 darba ogħla minn dak tas-sewwieqa tal-karozzi. Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni biex, mill-iktar fis possibbli, tressaq proposta għat-titjib tas-sikurezza attiva u passiva tal-PTWs.

4.10   Billi l-biċċa l-kbira tal-inċidenti jiġru fil-bliet u fit-toroq sekondarji u tal-kampanja, il-Kummissjoni tipproponi li jiġu allokati fondi Ewropej għall-proġetti ta’ infrastruttura li jkunu konformi mad-direttivi dwar is-sikurezza tat-triq u s-sikurezza fil-mini. Il-Kumitat jaqbel ma’ dan u huwa tal-fehma li l-aġenzija Ewropea li għandha titwaqqaf għas-sikurezza tat-triq tista’ taqdi rwol importanti fl-għażla ta’ liema toroq sekondarji jew tal-kampanja għandhom ikunu eliġibbli għal kofinanzjament Ewropew.

4.11   F’opinjonijiet preċedenti, il-Kumitat, fost affarijiet oħra, talab li:

fil-programm għandu jiġi stabbilit li kull Stat Membru għandu jressaq mappa tal-“black spots”, li tiġi aġġornata kull sena, lill-aġenzija Ewropea responsabbli;

fir-rigward tas-sikurezza fil-qafas tal-politika tat-trasport bit-triq fl-2020, jiġu żgurati “l-armonizzazzjoni tal-kontrolli u l-multi, l-integrazzjoni ġenwina tas-suq uniku, it-titjib tal-effiċjenza partikolarment permezz ta’ – meta jkunu adatti – sistemi modulari, […] u studji dwar iż-żamma tal-veloċità u t-titjib tat-tajers”.

Il-Kumitat jixtieq mill-ġdid jenfasizza l-importanza ta’ dawn il-punti.

4.12   Il-Kumitat jappoġġja l-użu aktar rapidu tat-teknoloġija avvanzata fil-vetturi u jħeġġeġ l-użu iktar mifrux fl-Istati Membri kollha tas-sistema tal-e-Call f’vetturi oħra, bħall-PTWs.

4.13   Il-Kumitat jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex tfassal strateġija ta’ azzjoni dwar il-feriti li jirriżultaw minn inċidenti tat-traffiku bil-kooperazzjoni tal-Istati Membri u l-imsieħba pubbliċi u privati.

4.14   Kif il-Kumitat diġà osserva f’opinjonijiet preċedenti dwar is-suġġett (5), il-programm għandu jipprijoritizza l-protezzjoni tal-utenti vulnerabbli tat-triq. Fil-fehma tal-Kumitat, għandha tingħata iżjed attenzjoni lis-sewwieqa tal-PTWs, lill-persuni mixjin fit-triq, liċ-ċiklisti u liż-żgħażagħ u lill-grupp dejjem jikber ta’ anzjani u lill-persuni b’diżabbiltà.

4.14.1   Kif diġà semma f’opinjonijiet preċedenti (6), il-Kumitat jitlob li jiżdiedu malajr il-parkeġġi sikuri u mmonitorjati għas-sewwieqa professjonali, għal raġunijiet ta’ sikurezza tat-triq u ta’ kriminalità relatata mat-trasport tal-merkanzija u s-saħħa u s-sikurezza tas-sewwieqa tat-trakkijiet. Fl-istess ħin, il-Kumitat jitlob li l-kuntratti jkunu relatati mal-għarfien professjonali tas-sewwieq u mhux relatati mal-prestazzjoni.

4.15   Il-Kumitat jenfasizza li f’għadd ta’ toroq transkonfinali jeżistu sitwazzjonijiet perikolużi għas-sewwieqa tal-vetturi tqal tal-merkanzija. F’xi wħud, l-iktar dawk li jinstabu fil-fruntieri esterni tal-Unjoni, ħafna drabi matul spezzjonijiet tal-vettura bl-x-ray, is-sewwieqa jkollhom jibqgħu ġol-vettura jew eżatt maġenbha. M’hemmx għalfejn ngħidu li dan l-obbligu huwa ta’ periklu kbir għas-sewwieqa. Waħda mis-soluzzjonijiet tista’ tkun li matul dawn l-ispezzjonijiet is-sewwieqa jingħataw permess li joħorġu mill-vettura u jistennew f’distanza sikura ’l bogħod mill-vettura. Il-Kumitat jappella b’mod partikolari lill-Istati Membri biex jindirizzaw din il-problema u jsolvuha fil-laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma dwar is-Sikurezza fit-Triq tan-Nazzjonijiet Uniti (Working Party on Road Traffic Safety (WP.1)) li ser issir f’Ġinevra.

Brussell, 16 ta’ Marzu 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar is-sigurtà fit-triq sal-2010, ĠU C 80, 30.3.2004, p. 77 (mhux disponibbli bil-Malti); Opinjoni tal-KESE dwar il-ġestjoni tas-sigurtà fl-infrastruttura tat-toroq, ĠU C 168, 20.7.2007, p. 71; Opinjoni tal-KESE dwar l-iffaċilitar tal-infurzar transkonfinali fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq, ĠU C 77 31.3.2009, p. 70; Opinjoni tal-KESE dwar il-linji gwida strateġiċi għas-sigurtà fit-toroq sal-2020, ĠU C 48, 15.2.2011. p. 27.

(2)  Għal ġabra fil-qosor, ara l-punt 4.8 tal-Opinjoni tal-KESE dwar linji gwida strateġiċi għas-sigurtà fit-toroq sal-2020, ĠU C 48, 15.2.2011, p. 27.

(3)  ĠU C 48, 15.2.2011, p. 27. punt 1.5 u l-punti segwenti.

(4)  Opinjoni tal-KESE dwar l-iffaċilitar tal-infurzar transkonfinali fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq, ĠU C 77, 31.3.2009, p. 70.

(5)  Opinjoni tal-KESE dwar linji gwida strateġiċi għas-sigurtà fit-toroq sal-2020, ĠU C 48, 15.2.2011, p. 27; Opinjoni tal-KESE dwar l-iffaċilitar tal-infurzar transkonfinali fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq, ĠU C 77, 31.3.2009, p. 70.

(6)  Opinjoni tal-KESE dwar is-sikurezza fit-toroq u s-sewwieqa professjonali, ĠU C 175, 27.7.2007, p. 88, punt 1.1.


Top