EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE0537

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament (UE) Nru …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament dwar l-OKS unika)” COM(2010) 799 finali – 2010/0385 finali

OJ C 132, 3.5.2011, p. 89–91 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 132/89


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament (UE) Nru …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament dwar l-OKS unika)”

COM(2010) 799 finali – 2010/0385 finali

2011/C 132/17

Relatur: Is-Sur Pedro NARRO

Nhar it-18 ta’ Jannar 2011, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, b'konformità mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, iddeċidew li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament (UE) Nru …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament dwar l-OKS unika)

COM(2010) 799 finali – 2010/0385 finali

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-28 ta’ Frar 2011.

Matul l-470 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Marzu 2011 (seduta tal-15 ta’ Marzu 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'174 vot favur, 5 voti kontra u 15-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' bis-sħiħ is-semplifikazzjoni u t-trasparenza li jista' jġib miegħu l-allinjament mat-Trattat ta’ Lisbona fir-rigward tal-leġislazzjoni kumplessa li tirriżulta mill-OKS unika. Madankollu, iċ-ċittadini jeħtieġu semplifikazzjoni u trasparenza ikbar.

1.2

Il-KESE jemmen bis-sħiħ fil-proċess ta’ konsultazzjoni tal-partijiet interessati u tal-Istati Membri għat-tfassil tal-leġislazzjoni tal-UE u jixtieq li jinżamm. Fid-dawl tal-applikazzjoni tas-sistema l-ġdida ta’ atti delegati u ta’ implimentazzjoni, huwa essenzjali li jiġu promossi t-trasparenza u d-djalogu mar-rappreżentanti tas-settur.

1.3

Il-Kummissjoni għandha tiċċara b'urġenza l-forom li għandha tieħu l-konsultazzjoni tal-esperti u l-funzjonament il-ġdid tal-Kumitat ta’ Ġestjoni fir-rigward tal-atti ta’ implimentazzjoni.

1.4

Il-KESE huwa favur definizzjoni ċara tal-atti delegati u jitlob definizzjoni tat-terminu “mhux essenzjali” li jikkaratterizza lil dawn l-atti, definizzjoni tat-tul tal-validità tad-delegazzjoni, kif ukoll valutazzjoni bir-reqqa “każ b'każ”. Fir-rigward ta’ dawn l-atti jidher li huwa fundamentali li l-Parlament u l-Kunsil jingħataw informazzjoni dettaljata mill-aktar fis possibbli dwar l-atti li għandhom jiġu adottati bil-għan li tiġi ffaċilitata t-tneħħija potenzjali tad-delega.

2.   Kuntest tal-opinjoni

2.1

L-għan tal-proposta huwa li tallinja r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 dwar l-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq Uniku mad-divrenzjar bejn is-setgħat iddelegati u dawk ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li ddaħħlu bl-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE). Għaldaqstant il-proposta tillimita ruħha għall-adattament tal-OKS unika għar-rekwiżiti l-ġodda tat-Trattat ta’ Lisbona mingħajr ma taffettwa l-approċċ attwali tal-Unjoni.

2.2

L-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat ta’ Lisbona jipprevedu li tinbidel il-proċedura ta’ deċiżjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew f'dak li jirrigwarda r-regoli tal-implimentazzjoni tat-testi leġislattivi Komunitarji.

2.3

L-Artikolu 290 tat-TFUE jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tikkompleta jew temenda ċerti elementi mhux essenzjali tar-regoli tiegħu. B'riżultat ta’ dan, att iddelegat tal-Kummissjoni jista' jiddetermina l-elementi kumplementari u “mhux essenzjali” li huma meħtieġa biex l-organizzazzjoni komuni tas-swieq taħdem tajjeb. Il-Kummissjoni tista' tadotta atti delegati biex tistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tal-aġenti ekonomiċi fi proċedura, l-obbligi derivati mill-ħruġ ta’ liċenzja, il-kriterji biex il-prodotti jkunu jistgħu jidħlu fis-swieq, id-definizzjonijiet, eċċ.

2.4

Skont l-Artikolu 291 tat-TFUE, l-Istati Membri huma responsabbli għall-implimentazzjoni tal-iskema stabbilita mil-Leġislatur. Madankollu dan l-Artikolu jenfasizza l-bżonn li l-iskema tapplika għall-Istati Membri kollha b'mod uniformi. Għalhekk, il-Leġislatur jagħti lill-Kummissjoni setgħat ta’ implimentazzjoni f'dak li għandu x'jaqsam mal-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-organizzazzjoni komuni tas-suq u l-qafas ġenerali tal-kontrolli li għandhom jimplimentaw l-Istati Membri.

2.5

L-Artikolu 43(3) tat-TFUE, b'mod eċċezzjonali, jipprovdi bażi awtonoma għall-adozzjoni ta’ atti legali mill-Kunsill. Dan l-Artikolu jistipula li “Il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri dwar l-iffissar tal-prezzijiet, l-imposti, l-għajnuna u l-limitazzjonijiet kwantitattivi (…)”. Din id-dispożizzjoni tirrappreżenta eċċezzjoni għall-Artikolu 43(2) tat-TFUE li jirrakkomanda l-użu tal-proċedura leġislattiva ordinarja għall-istabbiliment tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli.

2.6

Fil-proposta tagħha l-Kummissjoni tintegra l-kontenut ta’ erba' proposti:

a)

ir-Riżoluzzjoni leġislattiva dwar l-għajnuna mogħtija fil-qafas tal-Monopolju tal-Alkoħol tal-Ġermanja (COM (2010) 336 finali);

b)

il-Proposta għal Regolament dwar id-distribuzzjoni ta’ prodotti tal-ikel għall-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni (COM (2010) 486 finali);

c)

il-Proposta għal modifika tar-Regolament (KE) 1234/2007 dwar l-istandards tal- kummerċjalizzazzjoni;

d)

il-Proposta għal modifika tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tar-relazzjonijiet kuntrattwali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Filwaqt li l-bidliet fl-istruttura tal-adozzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni mhumiex revoluzzjonarji, jirrappreżentaw tranżizzjoni importanti lejn mudell ġdid li jbiddel il-kompetenzi ta’ implimentazzjoni tal-atti Komunitarji. Il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fid-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni ser tillimita ruħha esklużivament għall-każijiet fejn l-armonizzazzjoni bejn l-Istati Membri tkun indispensabbli għat-traspożizzjoni tat-test.

3.2

Bil-għan li tassigura funzjonament tajjeb tas-sistema l-ġdida, il-Kummissjoni trid tiżviluppa regolamentazzjoni ġdida li tispeċifika l-kompetenzi u l-funzjonament tal-korpi li jissostitwixxu lill-Kumitati fil-qafas tal-komitoloġija dderogata.

3.3

B'ħarsa lejn il-ġejjieni, huwa ferm importanti li tiġi promossa l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri u tar-rappreżentanti tas-settur fl-adozzjoni ta’ atti leġislattivi. Il-proċess ta’ żmuntaġġ tas-sistema tradizzjonali tal-komitoloġija ma jistax iwassal għall-emarġinazzjoni tal-operaturi tas-settur.

3.4

Il-gruppi konsultattivi, bħall-korpi ta’ konsultazzjoni tal-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili, jikkostitwixxu parti fundamentali tal-proċess ta’ teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell Komunitarju. Mingħajr dubju, ma jistax jinxteħet dubju fuq dawn il-korpi billi huma meħtieġa għall-katina ta’ trażmissjoni tal-għarfien u tar-realtà tas-settur lill-Kummissjoni.

3.5

L-atti delegati, riżervati għall-elementi “mhux essenzjali” tal-att leġislattiv, huma kwistjoni kontroversjali fid-dibattiti bejn il-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni. L-atti delegati huma ta’ importanza kapitali; minħabba f'hekk in-natura “mhux essenzjali” tal-att leġislattiv għandha tiġi ddefinita aħjar. Għandu jiġi definit ukoll it-tul tal-validità tad-delegazzjoni, u jeħtieġ li ssir valutazzjoni bir-reqqa “każ b'każ.

3.6

Il-KESE jixtieq jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-eċċezzjoni għar-regola ġenerali tal-proċess leġislattiv ordinarju għall-istabbiliment tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli. L-Artikolu 43(3) tat-TFUE jistipula li l-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri dwar l-iffissar tal-prezzijiet, l-imposti, l-għajnuna u l-limitazzjonijiet kwantitattivi. Ir-rwol tal-Parlament Ewropew fil-qasam agrikolu għandu jitħares u għalhekk qiegħda tintalab interpretazzjoni restrittiva u koerenti tal-Artikolu msemmi.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-Kummissjoni wettqet sforz konsiderevoli u ferm kumpless biex tallinja l-korp estensiv tal-OKS unika mal-kundizzjonijiet il-ġodda tat-Trattat ta’ Lisbona. Fi ħdan dan l-eżerċizzju l-ġdid ta’ semplifikazzjoni huwa ferm importanti li mhux l-amministrazzjonijiet biss jibbenefikaw mis-sistema l-ġdida iżda li dawk li jiddependu minnhom jibbenefikaw ukoll mit-tnaqqis fil-burokrazija u l-kumplessità.

4.2

Il-proposta għal regolament ta’ adattament tal-OKS unika tinkludi 300 atti delegati u 294 atti ta’ implimentazzjoni. B'differenza għall-allinjament ta’ regolamenti oħra għat-Trattat ta’ Lisbona, bħall-għajnuna għall-iżvilupp rurali via l-FAEŻR jew id-dispożizzjonijiet komuni applikabbli għall-iskemi ta’ għajnuna diretta lill-bdiewa, f'dan il-każ il-Kummissjoni llimitat ruħha għal adattament “formali” mingħajr ma nkludiet dispożizzjonijiet ġodda.

4.3

Il-KESE jemmen bis-sħiħ li, fl-interess tat-trasparenza, il-Kummissjoni Ewropea inkludiet f'diversi artikoli ċerti dispożizzjonijiet li jistgħu jiġu adottati mingħajr il-Kumitat ta’ Ġestjoni. Fil-passat, il-proċedura kienet simili iżda ma kenitx inkluża f'test leġislattiv. Eżempju ta’ dan l-eżerċizzju fir-rigward tal-atti ta’ implimentazzjoni jinsab fl-Artikoli 255 u 270 tal-proposta dwar il-ġestjoni tal-kwoti ta’ importazzjoni u l-permessi ta’ esportazzjoni.

4.4

F'ċerti setturi, ir-referenza għal ċerti deċiżjonijiet bħala atti delegati tista' tkun problematika. Fil-każ tas-settur tal-inbid, id-deċiżjonijiet dwar il-prattiki tal-produzzjoni tal-inbid mhux ser ikomplu jkunu kompetenza tal-Istati Membri u, billi ser jiġu kkunsidrati bħala atti delegati, il-kompetenza ser taqa' esklużivament f'idejn il-Kummissjoni. F'dan ir-rigward il-Kummissjoni għandha tiċċara dawk il-punti fejn, minkejja l-fatt li l-għan kien li ssir emenda legali żgħira fit-test, fil-prattika twettqet modifika sostanzjali tal-kompetenzi.

Brusell, 15 ta’ Marzu 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


Top