EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE0530

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni Żgħażagħ mobbli Inizjattiva biex jinħareġ il-potenzjal taż-żgħażagħ biex jinkiseb it-tkabbir bil-għaqal, sostenibbli u inklużiv fl-Unjoni Ewropea” COM(2010) 477 finali

OJ C 132, 3.5.2011, p. 55–62 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 132/55


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni Żgħażagħ mobbli Inizjattiva biex jinħareġ il-potenzjal taż-żgħażagħ biex jinkiseb it-tkabbir bil-għaqal, sostenibbli u inklużiv fl-Unjoni Ewropea”

COM(2010) 477 finali

2011/C 132/10

Relatur: is-Sur TRANTINA

Korelatur: is-Sur MENDOZA CASTRO

Nhar il-15 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni – Żgħażagħ mobbli (Inizjattiva biex jinħareġ il-potenzjal taż-żgħażagħ biex jinkiseb it-tkabbir bil-għaqal, sostenibbli u inklużiv fl-Unjoni Ewropea)

COM(2010) 477 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-24 ta’ Frar 2011.

Matul l-470 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Marzu 2011 (seduta tal-15 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'mod unanimu.

1.   Sinteżi tar-rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jagħraf li hemm bżonn li ssir enfasi fuq iż-żgħażagħ li huma milquta b'mod serju mill-kriżi ekonomika attwali. Jagħraf ukoll is-siwi tal-inizjattiva “Żgħażagħ mobbli (sic., attivi)” bħala parti integrali mill-miżuri tal-Ewropa 2020 u jilqa' b'sodisfazzjon id-dispożizzjonijiet ġenerali stabbiliti fil-Komunikazzjoni. Il-KESE huwa lest jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tagħhom billi jingħaqad mal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u jsaħħaħ il-viżibbiltà tal-inizjattiva fosthom, u billi jgħin biex jiġu identifikati l-lakuni eżistenti fl-inizjattiva koperti mill-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ.

1.2   Il-KESE jenfasizza li l-objettivi proposti mill-inizjattiva “Żgħażagħ attivi” għandhom jiġu mmonitorjati u l-progress tal-implimentazzjoni għandu jitkejjel permezz ta’ indikaturi ċari biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jħabirku aktar jekk dawn l-objettivi ma jinkisbux fiż-żmien meħtieġ.

1.3   Fi żmien meta l-kriżi ekonomika ġiegħlet li jiġu eżaminati mill-ġdid il-prijoritajiet baġitarji, il-KESE jenfasizza l-importanza li, fejn ikun possibbli, jinżammu u jiżdiedu r-riżorsi allokati fil-livell nazzjonali u tal-UE għall-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjieg taż-żgħażagħ. Il-politiki ta’ rkupru ekonomiku għandhom iħeġġu l-ħolqien ta’ impjiegi stabbli u jimpedixxu kwalunkwe interruzzjoni tal-istudji.

1.4   Il-KESE jappoġġja l-ħolqien ta’ qafas ta’ kwalità tajba għat-traineeships u japprova l-miżuri mmirati lejn it-tneħħija tal-ostakli legali u amministrattivi għall-moviment liberu taż-żgħażagħ fil-qasam tal-edukazzjoni u bil-għan li jieħdu sehem fi traineeships u apprendistati.

1.5   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex issaħħaħ il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u biex iżżid il-viżibbiltà tal-ħiliet li jinkisbu barra mis-sistema ta’ edukazzjoni formali (pereżempju permezz tal-Passaport Ewropew tal-Ħiliet). Id-diskussjonijiet dwar il-modi tal-validazzjoni għandhom jiffokaw ukoll fuq il-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ provdut u s-superviżjoni u l-monitoraġġ tiegħu. Fl-istess ħin, il-KESE ifakkar li kulħadd għandu jibbenefika mill-miżuri intiżi biex itejbu t-tagħlim mhux formali, u mhux biss iż-żgħażagħ b'anqas opportunitajiet.

1.6   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-iżvilupp ta’ strumenti fil-livell nazzjonali, bħall-“Garanzija għaż-Żgħażagħ”, li jgħinu liż-żgħażagħ fit-tranżizzjoni tagħhom mill-edukazzjoni għas-suq tax-xogħol. Madankollu, il-KESE huwa tal-fehma li jeħtieġ li uħud mill-inizjattivi l-oħra jiġu analizzati aktar bir-reqqa qabel ma jiġu implimentati. Dan jikkonċerna l-aktar it-tqabbil tar-riżultati tal-edukazzjoni għolja, l-iżvilupp ta’ karta taż-“Żgħażagħ Attivi”, l-istabbilment tal-inizjattiva “L-ewwel impjieg EURES tiegħek” u l-ħidma fuq il-futur tal-Faċilità Ewropea ta’ Mikrofinanzjament PROGRESS.

1.7   Il-KESE jappoġġja l-ħidma tal-Kummissjoni biex tidentifika l-aktar miżuri effettivi għall-appoġġ tal-impjieg taż-żgħażagħ. Dawn jinkludu l-programmi ta’ taħriġ, il-miżuri u l-benefiċċji ta’ sigurtà u ta’ attivazzjoni, is-sussidji ta’ reklutaġġ u arranġamenti adatti għal pagi u għas-sigurtà soċjali, kif ukoll l-għoti ta’ pariri dwar il-karriera. Il-KESE jenfasizza li dawn il-passi għandhom jittieħdu billi jintuża u jissaħħaħ id-djalogu soċjali u d-djalogu mas-soċjetà ċivili.

1.8   L-inizjattiva fil-fatt tenfasizza l-edukazzjoni u l-impjieg iżda ma tenfasizzax biżżejjed l-iżvilupp tal-kapital soċjali u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fis-soċjetà ċivili Ewropea. Barra minn hekk, it-tkabbir inklużiv għandu jiġi inkluż b'mod prijoritarju fl-istrateġiji għaż-żgħażagħ u għandhom jiġu introdotti l-mezzi neċessarji għall-implimentazzjoni bħaż-żamma u t-tisħiħ tal-programm eżistenti “Żgħażagħ fl-azzjoni”.

1.9   Il-KESE jiddispjaċih li l-attivitajiet li jsaħħu u jibnu d-dimensjoni soċjali u ċivika taż-żgħażagħ fl-Ewropa tħallew barra mill-inizjattiva. It-titolu “Żgħażagħ attivi” għandu jiġi rifless fil-Komunikazzjoni li m'għandhiex tkun biss “dwar” jew “għaż-żgħażagħ” iżda pjuttost “maż-żgħażagħ”, b'mod li ssir enfasi fuq il-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet proposti. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex iżżid l-attivitajiet neċessarji fl-inizjattiva.

1.10   Il-KESE jissuġġerixxi li tiġi inkluża informazzjoni ġdida dwar is-sit tal-internet speċjali tal-inizjattiva fis-sorsi eżistenti ta’ informazzjoni bħall-PLOTEUS, YOUTH u portali eżistenti oħra. L-integrazzjoni ta’ informazzjoni ġdida f'websajts eżistenti tista' tirnexxi aktar u tista' tiffaċilita l-aċċess għaż-żgħażagħ.

1.11   It-traineeships għandhom ikunu aktar attraenti u għandhom jirriflettu l-interessi ta’ kull min hu kkonċernat u l-Istati Membri għandhom, permezz ta’ tipi differenti ta’ inċentivi, iħeġġu lil min iħaddem biex joħolqu aktar opportunitajiet għat-trainesships u b'hekk aktar impjiegi ta’ kwalità aħjar għaż-żgħażagħ.

1.12   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-importanza li qed tingħata lill-użu tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE). Hi u tinnegozja mal-Istati Membri dwar id-dispożizzjonijiet baġitarji fi ħdan il-perspettiva finanzjarja l-ġdida, il-Kummissjoni għandha tenfasizza b'mod partikolari fuq jekk hemmx biżżejjed fondi għall-inizjattivi tal-FSE, b'mod partikolari dawk relatati maż-żgħażagħ.

1.13   Il-KESE ser janalizza fil-fond il-kontribut potenzjali tas-sistema Ewropea ta’ self għall-istudenti b'konformità mal-possibbiltajiet u l-istrumenti li jeżistu diġà.

2.   Sintenżi tal-inizjattiva tal-Kummissjoni

2.1   L-Istrateġija Ewropa 2020 tistabbilixxi objettivi ambizzjużi għal tkabbir intelliġenti, inklużiv u sostenibbli fl-UE. Iż-żgħażagħ huma atturi ewlenin biex dan jinkiseb. L-edukazzjoni ta’ kwalità tajba u t-taħriġ għal kulħadd, l-integrazzjoni b'suċċess u sostenibbli fis-suq tax-xogħol, l-impjiegi deċenti u b'pagi xierqa u l-opportunitajiet għal aktar mobbiltà huma elementi essenzjali biex “jinħareġ il-potenzjal taż-żgħażagħ kollha”  (1) u b'hekk jinkisbu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020. Għaldaqstant, l-għadd ta’ miżuri fl-inizjattiva “Żgħażagħ attivi” jagħmluha waħda mill-proposti ewlenin tal-istrateġija.

2.2   L-inizjattiva “Żgħażagħ attivi” ser issaħħaħ l-objettivi u l-prijoritajiet li jiddefinixxu l-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (“ET 2020”) u ser timplimenta miżuri bil-għan li jinkisbu l-għanijiet li ġejjin:

jitjiebu l-prospetti għaż-żgħażagħ biex jirnexxilhom jidħlu u jibqgħu fis-suq tax-xogħol;

aktar żgħażagħ ikollhom aċċess għall-edukazzjoni għolja;

l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jiġu adattati biex jissodisfaw aktar il-bżonnijiet taż-żgħażagħ;

jiġi żgurat li, sal-2020, kull ċittadin Ewropew ikun jista' jistudja jew jitħarreġ barra minn pajjiżu jekk jixtieq;

jitnaqqas il-qgħad fost iż-żgħażagħ u jiżdiedu l-impjiegi aċċessibbli għaż-żgħażagħ, it-traineeships tal-kumpaniji għall-istudenti u l-esperjenzi li jrawmu spirtu intraprenditorjali fost iż-żgħażagħ;

tiġi pprovduta aktar informazzjoni ta’ kwalità aħjar dwar l-istrumenti tal-UE li jappoġġjaw il-mobbiltà, b'mod partikolari l-korsijiet, it-taħriġ u traineeships barra mill-pajjiż, eċċ.

2.3   Għal kull waħda minn dawn l-oqsma ta’ prijorità, tfasslu għadd ta’ azzjonijiet ewlenin ġodda. Dawn l-azzjonijiet jinkludu proposti mfassla bil-għan li jikkontribwixxu speċifikament għall-ksib ta’ dawn il-prijoritajiet.

3.   Kummenti ġenerali tal-Kumitat dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

3.1   L-inizjattiva ewlenija “Żgħażagħ attivi” tikkonforma mal-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Hija tenfasizza l-approċċ olistiku l-ġdid, li jissejjes fuq l-idea li l-politika fil-qasam tal-edukazzjoni u l-impjieg taż-żgħażagħ hija marbuta mill-qrib ma’ inizjattivi ewlenin oħrajn u l-5 miri ewlenin fil-livell tal-UE. Il-KESE jenfasizza l-bżonn ta’ koerenza bejn il-politiki fil-livell tal-UE u dawk nazzjonali, kif ukoll il-bżonn li l-partijiet interessati nongovernattivi jaqdu rwol ewlieni.

3.2   Il-KESE jixtieq jenfasizza li l-inizjattiva għandha titpoġġa fil-kuntest tal-ikbar kriżi ekonomika li l-Ewropa ilha ma tesperjenza għal snin twal. Din il-kriżi ma tistax tiġi injorata peress li l-għan tal-Komunikazzjoni huwa li “jinħareġ il-potenzjal taż-żgħażagħ biex jinkiseb it-tkabbir bil-għaqal, sostenibbli u inklużiv fl-Unjoni Ewropea”. Ta' min jistaqsi kif, attwalment, il-kriżi qed taffettwa s-sigurtà tal-impjiegi, id-drittijiet soċjali u l-pjani u l-proġetti kollha għall-mobbiltà tal-istudenti u tax-xogħol. Il-KESE jemmen li huwa importanti li jiġu enfasizzati r-rabtiet li jeżistu bejn il-miżuri orjentati lejn l-ekonomija li qed jiġu adottati u l-impatt li jista' jkollhom fuq il-pjani u l-programmi Ewropej li diġà jeżistu u li huma ta’ valur kbir għaż-żgħażagħ. Kwalunkwe tnaqqis għandu jiġi evitat. Għall-kuntrarju, ir-riżorsi disponibbli għandhom jiġu mmirati aħjar u jekk possibbli jiżdiedu b'mod sinifikanti.

3.3   Il-KESE jagħraf is-siwi tal-inizjattiva “Żgħażagħ attivi ” bħala parti integrali mill-miżuri tal-Ewropa 2020 u jilqa' b'sodisfazzjon id-dispożizzjonijiet ġenerali stabbiliti fil-Komunikazzjoni. L-ewwel u qabel kollox, l-inizjattiva għandha torbot b'mod aktar effettiv il-varji miżuri u proġetti li jeżistu u dawk futuri bil-għan li ttejjeb l-opportunitajiet għall-ksib tal-għanijiet hawn fuq imsemmija. Il-KESE jiddispjaċih li l-attivitajiet li jsaħħu u jibnu d-dimensjoni soċjali u ċivika fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa ma ġewx inklużi fl-inizjattiva. It-titolu “Żgħażagħ attivi” għandu jiġi rifless fil-Komunikazzjoni li m'għandhiex tkun biss “dwar” jew “għaż-żgħażagħ” iżda pjuttost “maż-żgħażagħ”, b'mod li ssir enfasi fuq il-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fl-impimentazzjoni tal-azzjonijiet proposti. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex iżżid l-attivitajiet neċessarji fl-inizjattiva.

3.4   Peress li l-inizjattiva tkopri żewġ oqsma ewlenin, l-edukazzjoni u l-impjieg, il-KESE japprezza l-fatt li tenfasizza l-mobbiltà, l-attrazzjoni u l-kwalità u għaldaqstant hija marbuta mal-ET 2020, b'mod partikolari mal-Objettivi Strateġiċi 1 u 2. Huwa importanti li din l-inizjattiva tenfasizza b'mod partikolari mobbiltà akbar għal finijiet edukattivi, l-immordenizzar tal-edukazzjoni għolja, it-titjib u l-validazzjoni tat-tagħlim informali u mhux formali u li jiġi ggarantit investiment effettiv u dejjiemi fl-edukazzzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.

3.5   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon ukoll il-fatt li l-inizjattiva tenfasizza r-rabtiet bejn l-objettivi u l-implimentazzjoni kontinwa tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, is-sistemi ta’ edukazzjoni aktar miftuħa, servizz imtejjeb għall-għoti ta’ pariri u s-sħubija bejn il-korpi edukattivi u min iħaddem (2). Fl-implimentazzjoni ta’ din l-inizjattiva, il-KESE jirrakkomanda li l-enfasi ssir l-aktar fuq il-ftuħ u l-adattament tas-sistemi edukattivi għall-bżonnijiet tas-soċjetà u tas-suq tax-xogħol, billi l-inizjattiva “Żgħażagħ attivi” tiġi integrata b'mod effettiv mal-istrumenti eżistenti għall-mobbiltà għal finijiet edukattivi, bħall-Europass u s-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti (ECTS), u fuq it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn iċ-ċentri tal-edukazzjoni u min iħaddem, it-trejdjunjins, l-istudenti u partijiet interessati oħrajn.

3.6   L-inizjattiva fil-fatt tenfasizza l-edukazzjoni u l-impjieg iżda ma tenfasizzax biżżejjed l-iżvilupp tal-kapital soċjali u l-promozzjoni taż-żgħażagħ fis-soċjetà ċivili Ewropea. F'dan ir-rigward, l-inizjattiva “Żgħażagħ attivi” ma tissodisfax biżżejjed l-objettivi tal-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar iż-Żgħażagħ “Investiment u Responsabbilizzazzjoni” adottata fl-2009, u lanqas l-objettivi tat-Trattat ta’ Lisbona (Artikolu 165(2)) li jsaħħaħ id-dimensjoni taċ-ċittadinanza u l-bżonn li ż-żgħażagħ jitħeġġu jipparteċipaw fil-ħajja demokratika, u l-attivitajiet immirati lejn iż-żgħażagħ. Il-ħiliet ewlenin relatati direttament mad-dinja tal-kummerċ (bħall-innovazzjoni u l-ispirtu intraprenditorjali), l-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza, is-solidarjetà u t-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali – jiġifieri l-parteċipazzjoni sħiħa miż-żgħażagħ fl-aġenda soċjali kollha kemm hi – għandhom jiġu inklużi filwaqt li l-miżuri neċessarji ta’ appoġġ għandhom jitfasslu u jiddaħħlu fl-inizjattiva.

3.7   Barra minn hekk, it-tkabbir inklużiv għandu jiġi inkluż b'mod prijoritarju fl-istrateġiji mfassla għaż-żgħażagħ u għandhom jiġu introdotti l-mezzi neċessarji għall-implimentazzjoni tagħhom bħaż-żamma u t-tisħiħ tal-programm eżistenti “Żgħażagħ fl-azzjoni”.

3.8   Xi aspetti relatati man-nondiskriminazzjoni għandhom jiġu inkorporati b'mod aktar ċar fl-inizjattiva. Il-KESE jissuġġerixxi li jiġu inklużi miżuri li jindirizzaw il-problema tad-differenza fil-pagi bejn iż-żgħażagħ nisa u rġiel. Id-differenzi bejn l-impjegati lokali u l-migranti u d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom biex jiksbu kundizzjonijiet u kwalifiki ugwali għandhom jiġu indirizzati. L-inklużjoni fis-suq tax-xogħol ta’ żgħażagħ żvantaġġati għandha tingħata attenzjoni xierqa wkoll.

3.9   L-objettivi proposti fl-inizjattiva għandhom jiġu mmonitorjati u l-progress tal-implimentazzjoni għandu jitkejjel permezz ta’ indikaturi ċari biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jħabirku aktar jekk dawn l-objettivi ma jinkisbux fiż-żmien meħtieġ.

3.10   Fit-taqsima li jmiss, il-KESE ser jeżamina l-oqsma ta’ prijorità stabbiliti fil-Komunikazzjoni u ser jesprimi ruħu u jagħti informazzjoni addizzjonali dwar kull waħda mill-azzjonijiet ewlenin ġodda proposti.

4.   Żvilupp ta’ sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ modern li jwasslu għal kompetenzi ewlenin u għall-eċċellenza

4.1   Jiġi propost abbozz ta’ rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola (2010)

4.1.1   It-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola huwa kwistjoni partikolarment importanti b'mod partikolari għal xi Stati Membri. Huwa wkoll wieħed mill-objettivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020 u huwa spirat direttament mis-sensiela ta’ benchmarks fil-qafas strateġiku ET 2020. Fi żmien meta l-kriżi ekonomika wasslet għal tnaqqis fil-baġits, il-KESE jenfasizza l-importanza li jinżammu u jiżdiedu, fejn possibbli, dawk ir-riżorsi allokati fil-livell nazzjonali li huma intiżi għall-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola.

4.2   Jitwaqqaf Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar il-Litteriżmu (2010)

4.2.1   Il-KESE jappoġġja l-metodi li taw prova tal-effettività tagħhom biex itejbu l-kapaċitajiet tat-tfal tal-iskola u tal-istudenti u biex jeliminaw l-illitteriżmu fl-UE. Barra minn hekk, jenfasizza l-importanza ta’ programmi li jinvolvu liż-żgħażagħ li ġejjin minn familji soċjalment żvantaġġati u familji migranti. Huwa importanti li l-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli jipprovdi opportunitajiet għal djalogu u konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

4.3   Tingħata spinta lill-attrazzjoni, il-provvediment u l-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali

4.3.1   Wara konsultazzjonijiet mas-CEDEFOP, il-KESE jenfasizza l-bżonn li l-istrateġiji tagħna dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim, inkluża dik dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV) jiġu eżaminati mill-ġdid. Hemm bżonn:

edukazzjoni u taħriġ aktar immirati;

li tiġi promossa u valutata firxa usa' ta’ għarfien, ħiliet u kompetenzi,

li l-għarfien u l-ħiliet jissodisfaw aktar id-domanda tas-suq;

li jiġu appoġġjati ambjenti ġodda għat-tagħlim;

li jinfetħu strutturi u istituzzjonijiet ġodda għall-edukazzjoni u t-taħriġ;

li jitqiesu l-bżonnijiet inidivdwali.

4.3.2   Il-KESE għaldaqstant jilqa' l-Communiqué ta’ Brugges, li għandu l-għan li jsaħħaħ il-kooperazzjoni Ewropea fil-ETV, li tistabbilixxi 11-il objettiv strateġiku fit-tul għall-għaxar snin li ġejjin (2011-2020). Il-KESE jappoġġja t-titjib tal-kwalità tat-taħriġ vokazzjonali fil-livell tal-UE. L-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali għandha tkun waħda mill-ewwel oqsma ġodda mmirati li tibbenefika minn mobbiltà akbar.

4.4   Jiġi propost qafas għat-traineeships

4.4.1   Il-KESE japprova l-miżuri li jneħħu l-ostakli legali u amministrattivi għall-moviment liberu taż-żgħażagħ bil-għan li jieħdu sehem fi traineeships. Djalogu strutturat maż-żgħażagħ identifika problema ewlenija oħra: il-kwalità tat-traineeships f'kull Stat Membru. Il-qafas Ewropew għalhekk għandu jniedi dibattitu nazzjonali dwar it-traineeships, l-apprendistati u l-kwalità tal-kuntratti tal-impjiegi li jiġu offruti liż-żgħażagħ. It-traineeships għandhom jagħmlu parti mill-kurrikulu tal-edukazzjoni u jinkludu element edukattiv b'saħħtu, li jagħmilha possibbli għaż-żgħażagħ li wara jakkwistaw impjiegi stabbli, ta’ kwalità għolja, b'pagi adatti u mhux diskriminatorji.

4.4.2   Il-ħtieġa ta’ qafas ta’ kwalità għat-traineeships għandha tapplika għall-forom kollha ta’ tagħlim f'ambjent ta’ xogħol reali, irrispettivament mill-fatt jekk dawn jagħmlux parti minn programmi ta’ edukazzjoni formali jew jekk jitwettqux b'mod volontarju barra mill-qafas ta’ tagħlim formali. It-traineeships fihom innifishom m'għandhomx jissostitwixxu l-impjiegi iżda għandhom jagħtu lit-trainees il-ħiliet meħtieġa għal tranżizzjoni bla xkiel fid-dinja tax-xogħol. It-trainees żgħażagħ għandhom jirċievu kumpens finanzjarju għal kwalunkwe xogħol professjonali reali li jagħmlu u għandhom ikunu koperti wkoll mis-sigurtà soċjali. Biex dawn it-traineeships ikunu effiċjenti u rilevanti fis-suq tax-xogħol huwa importanti li l-imsieħba soċjali jiġu involuti fit-tfassil, l-organizzazzjoni, it-twettiq u l-finanzjament tagħhom.

4.4.3   It-traineeships għandhom ikunu aktar attraenti u għandhom jirriflettu l-interessi ta’ kull min hu kkonċernat, u l-Istati Membri għandhom, permezz ta’ tipi differenti ta’ inċentivi, iħeġġu lil min iħaddem biex joħolqu aktar opportunitajiet għat-traineeships u b'hekk aktar impjiegi ta’ kwalità aħjar għaż-żgħażagħ, filwaqt li jqisu l-“Ftehim Qafas dwar is-Swieq tax-Xogħol Inklużivi” adottat mill-imsieħba soċjali Ewropej.

4.5   Jiġi propost abbozz ta’ Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni u l-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (2011)

4.5.1   Il-KESE ilu jqis li din il-kwistjoni hija ta’ importanza kbira u għalhekk jappoġġja t-teħid ta’ miżuri addizzjonali f'dan ir-rigward. Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon b'mod partikolari l-enfasi qawwija fuq il-validazzjoni tar-riżultati tat-tagħlim mhux formali. Id-diskussjonijiet dwar il-modi ta’ validazzjoni għandhom jiffokaw ukoll fuq il-kwalità tal-edukazzjoni mhux formali u s-superviżjoni u l-monitoraġġ tagħha. Kulħadd għandu jibbenefika mill-miżuri intiżi biex itejbu t-tagħlim mhux formali, u mhux biss iż-żgħażagħ żvantaġġati (kif indikat fil-Komunikazzjoni). It-tagħlim mhux formali, ipprovdut l-aktar mill-NGOs permezz ta’ attivitajiet volontarji, huwa mezz importanti għaż-żgħażagħ biex jakkwistaw il-ħiliet meħtieġa fid-dinja tal-lum, b'mod partikolari fir-rigward tal-kreattività, il-ħidma f'tim, ir-riżoluzzjoni tal-problemi, il-ħiliet lingwistiċi, il-it-trawwim ta’ kuxjenza multikulturali, l-empatija, u s-sens ta’ inizjattiva u ta’ responsabbiltà.

4.5.2   Fir-rigward tal-validazzjoni tat-tagħlim informali, min iħaddem ser jaqdi rwol ewlieni fl-aċċettazzjoni tiegħu, u r-rwol tal-istabbilimenti vokazzjonali u tal-edukazzjoni għolja ser ikun kruċjali.

4.5.3   Fir-rigward tar-rikonoxximent tat-tagħlim mhux formali u informali, diġà jeżistu għadd ta’ prattiki tajba fil-livell nazzjonali bħall-“Profilpass” fil-Ġermanja u “ċ-ċwievet għall-ħajja” fir-Repubblika Ċeka. Dawn għandhom jiġu kkunsidrati meta titħejja r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tikkontribwixxi għat-tixrid u l-analiżi tal-prattiki tajbin, filwaqt li tikkunsidra l-varjazzjoni wiesgħa fl-iżvilupp, it-tradizzjonijiet u r-realtajiet madwar l-UE.

5.   Il-promozzjoni tal-attrazzjoni tal-edukazzjoni għolja għall-ekonomija tal-għarfien

5.1   Jiġu appoġġjati r-riforma u l-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja, billi tiġi ppreżentata Komunikazzjoni (2011) li ser tistabbilixxi aġenda msaħħa ġdida għall-edukazzjoni għolja

5.1.1   Ir-riforma tal-edukazzjoni għolja għandha taqdi rwol aktar importanti fil-ksib tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 li għandhom l-għan li jqiegħdu lis-soċjetà tal-UE fuq quddiem nett fil-qasam tal-għarfien, l-innovazzjoni u l-iżvilupp. L-immodernizzar tas-sistemi tal-edukazzjoni terzjarja – it-twettiq ta’ Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja u l-għanijiet tal-proċess ta’ Bolonja, parteċipazzjoni akbar tas-soċjetà ċivili u s-settur privat, reviżjoni u tisħiħ tas-sistemi tal-assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni u r-rikonoxximent tal-importanza tad-dimensjoni soċjali fl-edukazzjoni għandhom jgħinu lill-gradwati żgħażagħ jirnexxilhom jidħlu fis-suq tax-xogħol u jneħħu l-ostakli għal parteċipazzjoni ugwali fl-edukazzjoni li għadhom jeżistu fir-rigward tal-inugwaljanzi soċjali, il-ġeneru, in-nazzjonalità, eċċ.

5.2   Jitqabblu r-riżultati tal-edukazzjoni għolja

5.2.1   Filwaqt li wieħed mill-għanijiet huwa li jiġu definiti benchmarks biex jitkejlu r-riżultati u l-kisbiet tal-edukazzjoni għolja, il-KESE jenfasizza l-importanza li l-kriterji jintgħażlu bir-reqqa, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-esperti fil-qasam tal-edukazzjoni, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u s-settur privat, peress li dan huwa qasam sensittiv ħafna. Il-KESE jaqbel mat-tħassib dwar l-estrapolazzjoni possibbli ta’ metodi ta’ valutazzjoni jew ta’ klassifikazzjoni li jintużaw f'oqsma oħra u għandu d-dubji tiegħu kemm il-ħolqien ta’ sistema jew ta’ skala ġdida u multidimensjonali għall-klassifikazzjoni tal-universitajiet hija fil-kompetenza tal-UE.

5.3   Tiġi proposta Aġenda Strateġika multiannwali ta’ Innovazzjoni (2011)

5.3.1   Fir-rigward tal-Aġenda Strateġika ta’ Innovazzjoni (2011), il-KESE jirreferi lill-Kummissjoni għall-bosta opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet li saru dawn l-aħħar snin dwar dan is-suġġett (3).

6.   Appoġġ għal żvilupp b'saħħtu ta’ tagħlim transnazzjonali u mobbiltà taż-żgħażagħ marbuta mat-tfittxija ta’ impjieg

6.1   Titwaqqaf websajt iddedikata għaż-“Żgħażagħ attivi” li tagħti informazzjoni dwar it-tagħlim u l-opportunitajiet ta’ mobbiltà fl-UE (2010)

6.1.1   Il-KESE jipproponi li tiġi inkluża informazzjoni ġdida fis-sorsi eżistenti bħall-PLOTEUS, il-YOUTH jew portali eżistenti oħrajn peress li l-integrazzjoni ta’ informazzjoni ġdida f'websajts li diġà jeżistu tista' tirnexxi aktar u tista' tiffaċilita l-aċċess għaż-żgħażagħ. Barra minn hekk, għandha tiġi żviluppata bażi tad-data waħdinija li tiġbor fiha l-postijiet vakanti għat-traineeships u x-xogħol volontarju u għandha tiġi inkluża f'dawk il-websajts.

6.2   Jiġi propost abbozz ta’ Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-mobbiltà taż-żgħażagħ għal finijiet edukattivi (2010)

6.2.1   Il-KESE jappoġġja t-tisħiħ ta’ miżuri speċifiċi għall-ksib ta’ mobbiltà akbar għat-tagħlim u l-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-konsultazzjonijiet pubbliċi dwar il-proposti tal-Green Paper dwar “Il-promozzjoni tal-mobilità taż-żgħażagħ għal finijiet edukattivi (sic.)”, li fiha qeda rwol attiv fl-2009 u li għaliha kkontribwixxa bosta rakkomandazzjonijiet siewja (4). Għandhom jiġu provduti miżuri ta’ appoġġ qabel, matul u wara l-mobbiltà.

6.3   Tiġi żviluppata karta “Żgħażagħ attivi”

6.3.1   L-għanijiet tal-inizjattiva mhumiex ċari biżżejjed dwar jekk hijiex intiża biex tiżviluppa karta ġdida jew tagħti impetus ġdid lill-karta eżistenti Youth 26. Il-valur miżjud ta’ kwalunkwe karta ġdida għandu jiġi identifikat b'mod ċar u jitqabbel mal-karti li diġà jeżistu.

6.4   Tiġi ppubblikata Gwida dwar is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar id-drittijiet ta’ studenti attivi (2010)

6.4.1   Il-KESE jemmen li din hija miżura pożittiva u jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-sentenzi għandhom jiġu ppubblikati f'formats flessibbli, li jkunu aċċessibbli faċilment u li jinftiehmu. Għandhom ikunu faċli wkoll għall-istudenti tal-iskejjel sekondarji.

6.5   Jiġi propost Passaport Ewropew tal-Ħiliet (2011)

6.5.1   Il-KESE jappoġġja l-ħolqien ta’ Passaport Ewropew tal-Ħiliet. Huwa jemmen li l-passaporti eżistenti (Europass u l-passaport taż-żgħażagħ) għandhom jingħaqdu fi strument globali uniku li jkopri, f'formola waħda, CV tradizzjonali, edukazzjoni formali (Europass) u edukazzjoni mhux formali u informali. Iż-żgħażagħ għadhom mhumiex konvinti dwar il-fatt li għadd kbir ta’ strumenti kontinwament jiġu riveduti iżda fl-aħħar mill-aħħar xorta waħda mhumiex effiċjenti ħafna. Is-suċċess tal-Passaport Ewropew tal-Ħiliet ser jiddependi, fost affarijiet oħrajn, mill-mod kif jiġi kkunsidrat minn min iħaddem u kif jintuża miż-żgħażagħ, li għalihom jeħtieġ li jibqgħu disponibbli miżuri ta’ konsultazzjoni u ta’ appoġġ.

6.6   Tiġi implimentata l-inizjattiva “L-ewwel impjieg EURES tiegħek”

6.6.1   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon kull forma ta’ appoġġ li ssaħħaħ il-prospetti ta’ impjieg għaż-żgħażagħ. Il-KESE jemmen li t-tisħiħ tal-EURES u ta’ portali oħrajn u t-titjib tal-kwalità tas-servizzi tagħhom jistgħu jkunu ta’ għajnuna f'dan ir-rigward.

6.7   Fl-2010 tinħoloq sistema għall-Monitoraġġ tal-Postijiet Vakanti Ewropej

6.7.1   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjoni il-pubblikazzjoni b'mod regolari tas-sistema għall-Monitoraġġ tal-Postijiet Vakanti Ewropej peress li din tagħti stampa siewja u aġġornata tal-iżviluppi fis-suq tax-xogħol Ewropew.

6.8   Tiġi ssorveljata l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema

6.8.1   Fil-prinċipju, il-KESE jaqbel li l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema hija ta’ benefiċċju għaż-żgħażagħ u għandha tiġi ssorveljata b'aktar reqqa (din il-miżura ilha ftit li ġiet implimentata). Madankollu, il-Kummissjoni ma tgħidx b'mod ċar kif ser jiġu organizzati l-monitoraġġ tal-leġislazzjoni u l-applikazzjoni ta’ inizjattivi għaż-żgħażagħ attivi.

7.   Qafas għall-impjieg taż-żgħażagħ

7.1   Jiġu identifikati l-aktar miżuri effettivi biex jappoġġjaw l-impjieg taż-żgħażagħ

7.1.1   Ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, li diġà kienet allarmanti qabel il-kriżi, issa saret waħda mill-aktar aspetti inkwetanti tas-suq tax-xogħol Ewropew. Kif tgħid l-inizjattiva, “Il-qgħad fost iż-żgħażagħ li jammonta għal madwar 21 %, mhuwiex aċċettabbli. Sabiex l-għan ta’ impjieg jilħaq 75 % għall-popolazzjoni ta’ bejn 20-64 sena, it-tranżizzjoni ta’ żgħażagħ għas-suq tax-xogħol jeħtieġ li tittejjeb b'mod radikali.” (5) L-importanza ta’ miżuri li jgħinu biex jiggarantixxu impjieg ta’ kwalità għolja, permanenti u b'paga adatta mill-bidu nett għaż-żgħażagħ ma jistgħux jiġu sottovalutati. Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattivi proposti u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura impenn sod min-naħa tal-Istati Membri – bi qbil mal-imsieħba soċjali u partijiet interessati oħrajn – fir-rigward tal-ħolqien ta’ impjiegi għaż-żgħażagħ. Il-KESE jaqbel ukoll mal-istqarrija fit-test li, “Arranġamenti tal-pagi u l-ispejjeż tax-xogħol mhux marbuta mal-pagi jistgħu jipprovdu inċentiv biex jiġu impjegati ħaddiema ġodda, iżda m'għandux [sic.] jikkontribwixxi għal prekarjetà. In-negozjar kollettiv jista' wkoll ikollu rwol pożittiv fl-iffissar miftiehem tal-pagi differenzjati għall-ħaddiema ġodda”, filwaqt li jiġi osservat il-prinċipju ta’ paga ndaqs għall-istess xogħol jew għal xogħol ta’ valur ekwivalenti.

7.1.2   L-indirizzar tas-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fis-swieq tax-xogħol tal-lum hija element ewlieni fit-tisħiħ tal-kompetittività tal-Ewropa. Biex dan jirnexxi, fl-aħħar mill-aħħar irid jiġi żgurat li t-talenti taż-żgħażagħ tal-lum jintużaw aħjar u li ma jinħlewx.

7.1.3   Il-KESE jappoġġja l-ħidma biex jiġu identifikati l-aktar miżuri effettivi għall-appoġġ tal-impjieg taż-żgħażagħ, bħall-programmi ta’ taħriġ, il-miżuri u l-benefiċċji ta’ sigurtà u ta’ attivazzjoni, is-sussidji ta’ reklutaġġ u arranġamenti adatti għal pagi u għas-sigurtà soċjali. Kif xieraq, il-Kummissjoni tenfasizza wkoll l-għoti ta’ pariri dwar il-karriera. Meta ż-żgħażagħ ikollhom jiddeċiedu dwar il-karriera futura tagħhom għandhom jirċievu l-informazzjoni neċessarja dwar id-diversi possibbiltajiet ta’ edukazzjoni li huma disponibbli għalihom u għandu jkollhom ukoll idea ċara dwar il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa u informazzjoni dwar l-iżviluppi possibbli fis-suq tax-xogħol biex ikunu jistgħu jippjanaw il-futur tagħhom. Dan huwa partikolarment minnu meta jkunu fil-fażi tat-tħejjija u t-tiftix tal-ewwel impjieg.

7.2   Jiġi stabbilit monitoraġġ sistematiku tas-sitwazzjoni taż-żgħażagħ li m'għandhomx impjieg, edukazzjoni jew taħriġ

7.2.1   Konsegwenza oħra tal-kriżi attwali hija ż-żieda fl-għadd ta’ żgħażagħ li m'għandhomx impjieg, edukazzjoni jew taħriġ. Madankollu, s'issa kien diffiċli li tinkiseb idea ġenerali dwar kemm hu serju dan il-fenomenu fil-livell tal-UE u dwar l-impatt fuq is-saħħa mentali u l-benesseri taż-żgħażagħ. Għaldaqstant, il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta li jitwaqqaf monitoraġġ sistematiku f'dan il-qasam.

7.3   Jiġi stabbilit, bl-appoġġ tal-programm PROGRESS, Programm ta’ Tagħlim Reċiproku ġdid għas-Servizzi Pubbliċi Ewropej ta’ Impjieg (2010)

7.3.1   Il-KESE jappoġġja din l-azzjoni u jirrakkomanda li qabel kollox tkun intiża biex tiġbor flimkien l-attivitajiet, il-finanzjament u l-iskambji ta’ esperjenzi eżistenti. Huwa kruċjali li s-servizzi pubbliċi ta’ impjieg ikunu effiċjenti u rilevanti. Madankollu, f'xi Stati Membri l-aġenziji privati huma responsabbli għal dawn is-servizzi: uħud minnhom mhumiex irregolati u mmonitorjati biżżejjed. Huwa importanti li jiġi offrut impjieg stabbli u ta’ kwalità għolja u li jiġi żgurati d-drittijiet soċjali. F'dan il-qasam, bħal f'oqsma oħrajn, il-kontribut tal-imsieħba soċjali huwa kruċjali.

7.4   Jissaħħaħ id-djalogu ta’ politika bilaterali u reġjonali dwar l-impjieg taż-żgħażagħ mal-imsieħba strateġiċi tal-UE

7.4.1   Il-KESE jaqbel mat-tisħiħ tal-kooperazzjoni bilaterali u multilaterali mal-organizzazzjonijiet bħall-OECD u l-Unjoni għall-Mediterran, is-Sħubija tal-Lvant, il-Balkani tal-Punent u fil-kuntest tar-relazzjonijiet tal-UE mal-Amerika Latina u l-Karibew u partijiet oħra tad-dinja li magħhom tista' tiġi kkunsidrata l-kooperazzjoni. Dan japplika b'mod partikolari għall-kwistjonijiet relatati maż-żgħażagħ migranti.

7.5   L-intraprendituri żgħażagħ jiġu inkoraġġuti jużaw aktar il-Faċilità Ewropea ta’ Mikrofinanzjament PROGRESS

7.5.1   Il-KESE jilqa' l-faċilità ta’ mikrofinanzjament bħala mezz ġdid biex jitrawwem spirtu intraprenditorjali u biex jinħolqu impjiegi fil-mikrointrapriżi (6). Madankollu, għalkemm ma kienx hemm pjani li dan l-istrument jiġi estiż bħala parti mill-perspettivi finanzjarji ġodda tal-UE għal wara l-2013, il-KESE jemmen li għandha tiġi kkunsidrata estensjoni jekk tingħata prova tal-benefiċċju tagħha.

7.5.2   Id-djalogu strutturat li għaddej bħalissa maż-żgħażagħ juri li ż-żgħażagħ li jiddeċiedu jwaqqfu n-negozju tagħhom stess għandhom bżonn appoġġ speċjali f'żewġ oqsma li għandhom jitqiesu: i) il-kapital tal-bidu meħtieġ, u ii) taħriġ, gwida u għajnuna dwar kwistjonijiet prattiċi.

7.6   Jiġi propost li ż-żgħażagħ kollha jkollhom impjieg, ikomplu l-istudji tagħhom jew jiġu pprovduti b'miżuri ta’ attivazzjoni fi żmien erba' xhur minn meta jitilqu mill-iskola u li dan jiġi pprovdut bħala “Garanzija għaż-Żgħażagħ”.

7.6.1   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-idea li jiġi żviluppat strument bħal dan fil-livell nazzjonali li jista' jgħin liż-żgħażagħ jegħlbu l-ostakli involuti fit-transizzjoni mill-edukazzjoni għas-suq tax-xogħol. L-esperjenzi pożittivi ta’ xi Stati Membri għandhom iservu ta’ eżempju. Fil-perjodu fit-tul, il-“garanzija għaż-żgħażagħ” proposta tista' tagħti kontribut ewlieni għall-mudell soċjali Ewropew u l-objettivi tal-Ewropa 2020.

7.7   Jiġi ggarantit bilanċ tajjeb bejn id-drittijiet għall-benefiċċji u miżuri mmirati ta’ attivazzjoni fuq il-bażi ta’ obbligazzjoni reċiproka

7.7.1   Il-KESE jappoġġja l-miżura ta’ obbligazzjoni reċiproka, inklużi politiki ta’ attivazzjoni għaż-żgħażagħ li jinsabu fil-periklu ta’ esklużjoni soċjali, u l-immodernizzar tas-sistema tal-protezzjoni soċjali, eċċ. Jappoġġja wkoll it-tisħiħ tal-funzjonijiet ta’ attivazzjoni u ta’ motivazzjoni tas-sistemi soċjali bil-għan li jiġi evitat li ż-żgħażagħ jiddependu mill-benefiċċji soċjali għal perjodu twil wisq.

7.8   Fis-swieq tax-xogħol segmentati, jiġi introdott “kuntratt uniku” miftuħ b'perjodu ta’ prova twil biżżejjed u żieda gradwali tad-drittijiet ta’ protezzjoni

7.8.1   Il-kunċett ta’ kuntratt uniku miftuħ jista' jkun wieħed mill-miżuri li jista' jwassal għal tnaqqis fl-inugwaljanzi bejn dawk li jidħlu fis-suq tax-xogħol u dawk esklużi minnu. Il-KESE huwa konxju mid-differenzi sinifikanti li jeżistu bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol. Uħud mill-aktar sistemi riġidi jxekklu għalkollox liż-żgħażagħ milli jsibu impjieg, mentri f'oħrajn hemm aktar offerti ta’ kuntratti qosra li huma flessibbli wisq u joffru aċċess limitat għall-benefiċċji soċjali. Il-KESE jenfasizza li l-miżuri li għandhom jiġu adottati għandu jkollhom l-għan li jiżguraw offerti ta’ kuntratti stabbli għaż-żgħażagħ li jevitaw kwalunkwe tip ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età, il-ġeneru jew kwalunkwe bażi oħra.

8.   L-isfruttar tal-potenzjal kollu tal-programmi ta’ finanzjament tal-UE

8.1   Tintwera aħjar l-għajnuna li l-FSE jista' joffri liż-żgħażagħ u jsir l-aħjar użu possibbli tal-potenzjal tiegħu

8.1.1   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-importanza li l-Komunikazzjoni tagħti lill-użu tal-Fond Soċjali Ewropew. Hi u tinnegozja mal-Istati Membri dwar il-qsim tal-baġit fi ħdan il-perspettiva finanzjarja l-ġdida, il-Kummissjoni għandha tenfasizza l-aktar il-fatt li għandu jkun hemm biżżejjed fondi għall-inizjattivi tal-FSE, b'mod partikolari dawk relatati maż-żgħażagħ. It-tisħiħ tad-dimensjoni taż-żgħażagħ fi programmi oħra għandu jiġi kkunsidrat ukoll.

8.2   Jiġi żgurat li ż-żgħażagħ jibbenefikaw mill-Fond fil-futur immedjat u li l-Fond jintuża malajr biex jinkisbu l-objettivi tal-Ewropa 2020

8.2.1   Il-KESE jemmen li għandha ssir ħidma biex il-possibbiltajiet li joffri bħalissa l-FSE jintużaw bis-sħiħ, iżda huwa tal-fehma li fondi oħra għandhom jinkludu wkoll l-għanijiet imsemmija hawn fuq bħala prijoritajiet orizzontali.

8.3   Issir analiżi tal-programmi kollha tal-UE li jkattru l-mobbiltà għal finijiet edukattivi u l-edukazzjoni f'dan il-qasam

8.3.1   Il-KESE jappoġġja l-proposta li jiġu organizzati konsultazzjonijiet pubbliċi bil-għan li jiġi ssorveljat il-kontribut tal-mobbiltà għal finijiet edukattivi. Ser jagħti attenzjoni mill-qrib lill-attivitajiet f'dan il-qasam, fid-dawl tal-perspettivi finanzjarji l-ġodda.

8.3.2   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma tirreferix għar-rwol li jaqdu l-programmi Ewropej ta’ tagħlim biex jappoġġjaw iċ-ċittadinanza attiva u s-sehem taż-żgħażagħ. Huwa ċar li edukazzjoni ta’ kwalità tajba u suq tax-xogħol sod jikkontribwixxu għat-tkabbir fl-Ewropa però għandhom ikunu akkumpanjati minn strumenti li jippromovu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fis-soċjetà sabiex ikollhom sens ta’ appartenenza u jkunu responsabbli għall-politiki rilevanti. Il-ħaddiema żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ jistgħu jaqdu rwol aktar b'saħħtu f'dan ir-rigward. Għandu jkun hemm iktar possibbiltajiet ta’ attivitajiet volontarji ċiviċi.

8.3.3   Il-KESE jemmen li l-miżuri kontra l-kriżi m'għandhomx iwasslu biex jitwarrab l-appoġġ għat-tagħlim mhux formali għax ir-rwol tiegħu qiegħed isir aktar importanti u diġà huwa fattur deċiżiv fil-futur u l-iżvilupp taż-żgħażagħ.

8.4   Tiġi eżaminata l-fattibbiltà ta’ faċilità Ewropea ta’ self għall-istudenti biex tiżdied il-mobbiltà transkonfinali tagħhom

8.4.1   Il-KESE ser janalizza mill-qrib il-kontribut potenzjali ta’ din l-azzjoni fir-rigward tal-possibbiltajiet u l-istrumenti li jeżistu diġà. Ir-rapporti ta’ evalwazzjoni tal-programmi tal-mobbiltà juru li l-ostaklu prinċipali għaż-żieda tal-mobbiltà huwa l-finanzjament tal-istudenti. Madankollu, sabiex jiġi appoġġjat b'mod effettiv l-għan tal-mobbiltà – 20 % sas-sena 2020 – għandha tingħata prijorità lill-aċċessibbiltà u d-daqs tal-għotjiet (grants). Il-proċedura għall-għoti tas-self għandha titfassal bir-reqqa u ż-żgħażagħ għandhom jiġu informati dwarha peress li huwa importanti li kemm jista' jkun jiġi evitat li ż-żgħażagħ jinqabdu f'nassa ta’ dejn.

Brussell, 15 ta’ Marzu 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  COM(2010) 477 finali.

(2)  Dan il-kunċett għandu jinfiehem fl-aktar sens wiesa' u jirreferi għal kull min jimpjega lil xi ħadd ieħor u fis-setturi kollha – fis-settur privat, pubbliku jew nongovernattiv.

(3)  L-opinjonijiet tal-KESE dwar “Ir-reviżjoni tal-politika Komunitarja dwar l-innovazzjoni f'dinja li qed tinbidel”, ĠU C 354, 28.12.2010, p. 80 u dwar “Investiment fl-għarfien u l-innovazzjoni (Strateġija ta’ Lisbona)”, ĠU C 256, 27.10.2007, p. 17.

(4)  L-opinjoni tal-KESE dwar “Il-promozzjoni tal-mobilità taż-żgħażagħ – Green Paper”, ĠU C 255, 22.09.2010, p. 81.

(5)  Skont ir-rapport tal-Eurostat ta’ Jannar 2011, ir-rata globali tal-qgħad fl-UE ta’ 27 pajjiż kienet ta’ 9,6 %. Il-qgħad fost iż-żgħażagħ (taħt il-25 sena) kien ta’ 21 %. Il-pajjiżi bl-ogħla rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ kienu Spanja (43,6 %), is-Slovakkja (36,6 %) u l-Litwanja (35,2 %).

(6)  L-opinjoni tal-KESE dwar “Investiment fl-għarfien u l-innovazzjoni (Strateġija ta’ Lisbona)”, ĠU C 256, 27.10.2007, p. 17-26.


Top