EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE0525

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Lejn Att dwar is-Suq Uniku – Għal ekonomija tas-suq kompetittiva ħafna – 50 proposta biex intejbu l-ħidma, in-negozju u l-iskambji ma’ xulxin” COM(2010) 608 finali

OJ C 132, 3.5.2011, p. 47–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 132/47


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Lejn Att dwar is-Suq Uniku – Għal ekonomija tas-suq kompetittiva ħafna – 50 proposta biex intejbu l-ħidma, in-negozju u l-iskambji ma’ xulxin”

COM(2010) 608 finali

2011/C 132/08

Relaturi: is-Sinjura FEDERSPIEL, is-Sur SIECKER u s-Sur VOLEŠ

Nhar is-27 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn Att dwar is-Suq Uniku għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna – 50 proposta biex intejbu l-ħidma, in-negozju u l-iskambji ma’ xulxin

COM(2010) 608 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, responsabbli sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-4 ta’ Marzu 2011.

Matul l-470 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Marzu 2011 (seduta tal-15 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’108 voti favur, l-ebda vot kontra u 12-il astensjoni.

1.   Kummenti ġenerali

1.1   Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li terġa’ tniedi u tagħti impetu ġdid lis-Suq Uniku, iżda jinnota li ma inkludietx għalkollox ir-rapporti Monti, Lamssoure, Gonzales, Grech u Herzog bil-għan li s-Suq Uniku jitpoġġa fis-servizz tal-konsumaturi u taċ-ċittadini hekk kif talab il-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2010.

1.2   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ilu jsegwi s-Suq Uniku mill-qrib mill-perspettiva tas-soċjetà ċivili u waqqaf l-Osservatorju tas-Suq Uniku (SMO) fl-1994 għal dan il-għan. Għaldaqstant jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tassoċja lill-SMO bħala waħda mill-partijiet interessati ewlenin f’inizjattivi bħalma hu l-Forum dwar is-Suq Uniku.

1.2.1   Il-KESE jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tikkunsidra bħala prijoritajiet il-konsultazzjoni u d-djalogu mas-soċjetà ċivili fit-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ miżuri ġodda, u b’konsegwenza ta’ dan jispera li l-KESE, bħala r-rappreżentant istituzzjonali tas-soċjetà ċivili, jiġi kkonsultat fl-istadju bikri tat-tfassil u t-tħejjija ta’ dawn il-miżuri kif ukoll fil-valutazzjoni tal-impatt tagħhom, kemm ex ante kif ukoll ex post.

1.3   Il-kontribut tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huwa element indispensabbli sabiex tingħata attenzjoni adatta lill-miżuri meħtieġa għat-tnedija mill-ġdid tas-Suq Uniku, peress li dawn l-organizzazzjonijiet jirrappreżentaw lill-utenti tas-Suq Uniku. Il-ħamsin proposta li qed jiġu eżaminati huma biss il-bidu ta’ proċess fit-tul immirat biex jagħti ħajja ġdida lis-Suq Uniku. Dan il-proċess m’għandu jieqaf qatt għax is-Suq Uniku huwa xogħol li dejjem għaddej.

1.4   Il-KESE identifika għadd ta’ miżuri li huma nieqsa mill-Att dwar is-Suq Uniku u se jagħmel proposti fi żmien adatt; dan għandu jikkontribwixxi għall-fiduċja taċ-ċittadini wkoll. Dawn il-miżuri jinkludu d-drittijiet tal-awtur, ir-reviżjoni tad-direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, in-newtralità tan-netwerk, il-protezzjoni tad-data, il-ħarsien tal-investitur, il-protokoll dwar il-progress soċjali, l-istatuti Ewropej dwar il-kumpaniji privati, l-akkwist elettroniku, l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu Ewropej, l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-mikronegozji u n-negozji tal-familji, il-miżuri favur l-appoġġ għat-twaqqif ta’ kumpaniji ġodda u l-estensjoni ta’ dawk li diġà jeżistu, il-karti ta’ kreditu u ta’ debitu, il-ħlasijiet elettroniċi, il-kreditu tal-konsum u d-dejn żejjed, it-trasferimenti interbankarji, iż-żgħażagħ, l-implimentazzjoni sħiħa tal-euro u t-titjib tal-funzjonament taż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro (SEPA), eċċ.

1.5   F’din l-opinjoni, il-KESE mhux qed jippreżenta studju fil-fond tal-proposti kollha dwar l-Att dwar is-Suq Uniku. Uħud minnhom diġà ġew ittrattati f’opinjonijiet tal-Kumitat. Dan ser joħroġ pożizzjonijiet aktar dettaljati meta joħorġu l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea wara l-Komunikazzjoni, inklużi l-proposti relatati mal-inizjattivi ewlenin tal-UE 2020. Il-KESE identifika prijoritajiet, li qablu dwarhom il-komponenti bażiċi tas-soċjetà ċivili Ewropea rrapreżentata fil-KESE. Il-KESE jiddispjaċih li l-Kummissjoni m’għamlitx l-integrazzjoni neċessarja tal-kummenti u l-konklużjonijiet tar-“Rapport tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE: Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE” (1). Dawn il-prijoritajiet għandhom jagħmluha possibbli għall-atturi kolla involuti mill-qrib fis-Suq Uniku li jagħmlu użu sħiħ mill-potenzjal tiegħu. Il-KESE jisħaq fuq il-bżonn ta’ approċċ olistiku li jmur lil hinn mill-qsim artifiċjali tal-Att dwar is-Suq Uniku fi tliet pilastri. Il-Kumitat għandu l-għan li jirrimedja għan-natura eklettika tal-proposti billi jissuġġerixxi aktar koerenza u interdipendenza reċiproka bejn miżuri individwali. Il-proposti huma komplementari peress li jinteraġixxu bejniethom u għandhom impatt fuq is-soċjetà inġenerali: il-ħaddiema, il-konsumaturi, in-negozji u ċ-ċittadini. Ma hemm l-ebda Suq Uniku speċifiku għal kull waħda minn dawn il-kategoriji. Skont it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (Art. 3.3), “[l]-Unjoni għandha tistabbilixxi suq intern. Hija għandha taħdem għall-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa mibni fuq tkabbir ekonomiku bilanċjat u stabbiltà tal-prezzijiet, ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, intiża li twassal għal livell massimu ta’ mpjieg u progress soċjali, u livell għoli ta’ protezzjoni u ta’ titjib tal-kwalità tal-ambjent. Hija għandha tippromwovi l-iżvilupp xjentifiku u teknoloġiku”. Il-Kumitat jinsisti fuq il-garanzija ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi.

1.6   Komunikazzjoni miftuħa dwar il-valur miżjud u l-isfidi hija ta’ importanza liema bħalha sabiex jinkiseb appoġġ mill-pubbliku. Kemm il-miri politiċi fuq perjodu qasir, li spiss iwasslu għal nuqqas ta’ konsistenza u/jew proposti żbilanċjati, kif ukoll il-kriżijiet funanzjarji, ekonomiċi, politiċi u soċjali, ma jikkontribwixxux għat-trawwim tal-fiduċja taċ-ċittadini fl-UE. Huwa importanti li kemm ir-realtà fuq il-post u kemm it-tħassib reali taċ-ċittadini jiġu kkunsidrati.

1.7   Il-Kummissjoni Ewropea ma tistax terfa’ waħedha r-responsabbiltà li tissensibilizza dwar il-kwistjonijiet relatati mas-Suq Uniku u tinforma lill-pubbliku dwar l-għodod (2) li huma disponibbli għal kulħadd. Il-kontribut tas-soċjetà ċivili organizzata huwa indispensabbli, bħalma hija l-parteċipazzjoni tal-gvernijiet nazzjonali li għandhom jikkunsidraw li s-Suq Uniku jifforma parti integrali mill-ekonomiji nazzjonali. Il-partiti politiċi, il-mezzi tax-xandir, l-istituzzjonijiet edukattivi u l-partijiet interessati kollha għandhom responsabbiltà storika fir-rigward tal-kapaċità tal-UE li tiffaċċja b’suċċess l-isfidi tad-dinja globali fuq il-bażi tal-valuri li s’issa dejjem ikkaratterizzaw l-ekonomiji soċjali tagħna tas-suq. Id-dinja mhijiex ser tistenniena. Il-frammentazzjoni, il-protezzjoniżmu, in-nazzjonaliżmu u n-nuqqas ta’ viżjoni tal-Ewropa mhumiex ser iħalluna nikkompetu mal-potenzi globali l-ġodda.

1.8   Is-Suq Uniku jinsab fil-qalba tal-integrazzjoni Ewropea u tal-Istrateġija UE 2020. Il-monitoraġġ, il-ġestjoni u l-infurzar tal-leġislazzjoni dwar is-Suq Uniku huma kruċjali. Biex dan il-għan jintlaħaq, il-Kummissjoni Ewropea għandha tikkoopera mill-qrib mal-Istati Membri permezz ta’ użu aħjar tatTabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku.

2.   Kummenti speċifiċi

Il-prijoritajiet li ġejjin ma huma kklassifikati skont l-ebda ordni speċifiku ta’ preferenza. In-numerazzjoni tal-proposti tal-Att dwar is-Suq Uniku hija indikata fil-parenteżi.

2.1   Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali bħala parti integrali tas-Suq Uniku (29)

Il-Kummissjoni trid tiżgura li d-drittijiet iggarantiti mill-Karta, inkluż id-dritt li tittieħed azzjoni kolletiva, jiġu kkunsidrati. Issostni mill-ġdid id-dmirijiet li jridu jaqdu l-istituzzjonijiet Ewropej, kif ukoll il-fatt li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali issa saret legalment vinkolanti. Kif ikkwotat hawn fuq, l-Artikolu 3.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiddikjara b’mod ċar ħafna li l-libertajiet ekonomiċi għandhom jinsabu f’bilanċ mar-rispett tad-drittijiet soċjali fundamentali. Il-Professur Monti jirrikonoxxi din il-problema u jipproponi li s-Suq Uniku jiġi bbilanċjat mill-ġdid permezz tad-drittijiet trejdjunjinistiċi fundamentali. Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni Ewropea li tintegra l-Karta bis-sħiħ fis-Suq Uniku u li tistieden lil dawk l-Istati Membri li għandhom klawżola “opt-out” biex jadottawha.

2.2   Is-servizzi (4 u 43)

Aktar żvilupp tas-Suq Uniku tas-servizzi għandu jistimola l-użu tal-potenzjal sħiħ tas-servizzi sabiex dan iwassal għal tkabbir ġdid u impjiegi ġodda, kif ukoll għal aktar għażla u kompetizzjoni fis-suq, għall-benefiċċju tal-konsumaturi. Dan ikun ta’ benefiċċju wkoll għall-fornituri kollha tas-servizzi, b’mod speċjali dawk li huma żgħar jew ta’ daqs medju, kemm dawk li joperaw madwar is-Suq Uniku kif ukoll dawk li joperaw lokalment, bis-saħħa tas-semplifikazzjoni legali u t-tneħħija tal-ostakoli għad-dħul. Il-KESE qed isejjaħ għal aktar sikurezza, kwalità u prezzijiet affordabbli fir-rigward tas-servizzi għall-konsumaturi u n-negozji. Jeħtieġ ukoll li tittejjeb l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi, li jiġu żviluppati l-attivitajiet ta’ punti uniċi ta’ kuntatt u li titwessa’ l-provvista tal-informazzjoni tradotta għal lingwi oħrajn, filwaqt li tittejjeb il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri u li ssir sensibilizzazzjoni dwar il-possibbiltà li jiġu pprovduti servizzi transkonfinali.

jilqa’ wkoll il-proposta tant mistennija għal regolament rivedut dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fid-dawl ta’ avvenimenti reċenti u ta’ każ partikolari fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

2.2.1   Is-servizzi finanzjarji għall-konsumatur (40 u 41)

Wieħed mill-oqsma fejn instab l-ikbar għadd ta’ problemi fit-twettiq tas-suq uniku huwa dak tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur. Minbarra l-kreditu ipotekarju, għadd ta’ aspetti oħra msemmija f’opinjonijiet tal-KESE u mill-Kummissjoni jistħoqqilhom li jiġu indirizzati bi prijorità assoluta.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva biex jitjiebu l-aċċess għas-servizzi bankarji bażiċi kif ukoll it-trasparenza u l-komparabilità tal-miżati tal-banek.

2.3   Is-Servizzi ta’ Interess Ġenerali – SIĠ (25)

Il-Kummissjoni timpenja ruħha li sal-2011 tadotta Komunikazzjoni kif ukoll sensiela ta’ miżuri dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali. Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva li tiġi appoġġjata l-valutazzjoni tas-servizzi pubbliċi u li jitneħħew l-ostakoli għall-aċċess universali, u jtenni s-sejħa tiegħu għal direttiva qafas vinkolanti (3). L-għan tal-Komunikazzjoni u miżuri oħra dwar is-servizzi pubbliċi għandu jkun li jappoġġjaw lill-Istati Membri fl-iżvilupp u t-titjib tas-servizzi pubbliċi tagħhom b’konformità mal-protokoll dwar is-SIĠ. Il-valutazzjoni tas-servizzi pubbliċi għandha tinkludi analiżi kritika u fil-fond tal-liberalizzazzjonijiet preċedenti u għandha ssir bil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati ewlenin kollha. Il-KESE jinsab partikolarment imħasseb dwar iż-żamma tal-istandards ta’ kwalità u aċċessibbiltà inkluża u ta’ tibdil faċli sabiex tiżdied il-kompetizzjoni. L-UE għandha tiżviluppa għarfien speċjalizzat fil-kapaċità tagħha li tivvaluta l-impatt tal-inizjattivi kollha relatati mas-Suq Uniku u inizjattivi oħra tal-UE relatati mas-servizzi pubbliċi, b’konformità mal-protokoll dwar is-SIĠ.

2.4   L-iżvilupp sostenibbli (10, 11 u 27)

Il-KESE jilqa’ l-idea ta’ pjan għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija sabiex il-potenzjal għal iffrankar sinifikanti tal-enerġija jiġi sfruttat. Għandna bżonn Suq Uniku għall-enerġija li jiffunzjona biex jiżgura provvisti affordabbli, siguri u sostenibbli għall-konsumaturi tiegħu. Suq Uniku għall-enerġija li jiffunzjona bis-sħiħ ikun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi billi joffrilhom għażla usa’ u prezzijiet aktar baxxi, iżda jeħtieg li l-istandards minimi komuni jissaħħu. L-iżvilupp tal-kejl intelliġenti tal-konsum (l-hekk imsejjaħ “smart metering”), bil-għan li jissensibilizza dwar it-tendenzi tal-konsum u l-ispejjeż assoċjati, jirrikjedi aktar miżuri regolatorji sabiex jiġi żgurat l-adozzjoni bla dewmien ta’ teknoloġiji ġodda u effiċjenza akbar permezz tal-kompetizzjoni fis-servizzi tal-enerġija. Barra minn hekk, il-KESE huwa interessat fir-riżultati tal-fattibbiltà ta’ inizjattiva dwar l-impronta ekoloġika (4).

2.5   L-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u forom oħra ta’ intraprenditorija  (5) (12, 13, 14 u 37)

2.5.1   L-aċċess tal-SMEs għall-fondi jista’ jitqies bħala kwistjoni ċentrali għall-SMEs, speċjalment wara l-kriżi. L-SMEs jistrieħu prinċipalment fuq is-self mill-banek għax m’għandhom l-ebda aċċess għas-swieq kapitali u sorsi oħra ta’ finanzjament. Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-proposta li jitjieb l-aċċess tal-SMEs għas-swieq kapitali. Il-ftuħ tas-Suq Uniku għall-fondi ta’ kapital ta’ riskju jista’ wkoll itejjeb il-finanzjament tal-SMEs speċjalment fil-qasam tal-innovazzjoni u t-teknoloġiji ġodda.

2.5.2   L-aċċess għall-fondi huwa biss parti mill-problema. L-SMEs kif ukoll l-ekonomija soċjali jeħtieġu wkoll tnaqqis ġenwin u kontinwu ta’ piżijiet amministrattivi mhux neċessarji, li jagħmlu pressjoni fuqhom b’mod sproporzjonat minħabba ċ-ċokon tagħhom. Għalhekk, huwa kruċjali li s-Small Business Act jiġi implimentat aħjar, sabiex fl-aħħar jagħti l-frott mistenni, inkluż pereżempju l-istatut tal-kumpanija privata Ewropea. Għall-istess raġuni, is-semplifikazzjoni tad-direttivi dwar il-kontabbiltà għall-SMEs għandha tingħata prijorità għolja. Il-miżuri meħtiega biex jippromovu l-iżvilupp sostenibbli u l-protezzjoni tal-ambjent għandhom jiġu abbozzati b’mod li jgħaddi mit-test tal-SMEs dwar l-impatti mistennija.

2.5.3   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni li tadotta regolament dwar l-istatut tal-Fondazzjoni Ewropea u li tagħmel studju dwar l-assoċjazzjonijiet mutwi. Fil-fehma tal-KESE, studju ta’ dan it-tip għandu jwassal għal Statut tal-Assoċjazzjonijiet Mutwi Ewropej. Barra minn hekk, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jieħdu l-passi meħtiega ħalli jiżguraw li l-Istatut tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej jitwettaq ukoll.

2.6   Il-kompetittività (19, 20 u 21)

Il-promozzjoni tal-intraprenditorija hija s-sors ewlieni ta’ tkabbir u impjiegi. Dan jimplika li l-prinċipji tar-Regolamentazzjoni Intelliġenti jiġu applikati. L-interkonnessjoni bejn ir-reġistri tan-negozji tista’ ssir l-ewwel pass lejn it-titjib tal-ambjent tan-negozji u tikkontribwixxi għal funzjonament aħjar tas-Suq Uniku. Il-KESE jilqa’ wkoll miżuri oħra għat-titjib tal-ambjent tan-negozji u tal-governanza tas-Suq Uniku u l-metodi ta’ komunikazzjoni. L-implimentazzjoni mgħaġġla tas-CCCTB (Bażi Fiskali Korporattiva Komuni u Konsolidata) u r-reviżjoni tad-direttivi dwar il-VAT għandhom itejbu l-attivitajiet transkonfinali tal-kumpaniji.

2.7   L-istandardizzazzjoni (6)

L-istandards huma mezz importanti biex jinbena s-Suq Uniku u l-KESE jappoġġja l-miżuri maħsuba sabiex il-proċess ta’ standardizzazzjoni jsir aktar effiċjenti. Fl-istess ħin, jenfasizza l-importanza ta’ parteċipazzjoni akbar tal-konsumaturi u l-SMEs, filwaqt li jiġi żgurat b’mod kontinwu u sostenibbli li l-fatturi ta’ spiża li jillimitaw il-parteċipazzjoni tagħhom f’dan il-proċess jingħelbu. L-istandards m’għandhomx jiġu ddettati minn atturi speċifiċi. L-istandards tal-UE għandhom jaqdu rwol ferm akbar fil-kummerċ globali u għandhom jiġu promossi fin-negozjati kummerċjali li jmiss fil-livell bilaterali u multilaterali.

2.8   Suq Uniku Diġitali (2, 5 u 22)

2.8.1   Il-kummerċ elettroniku jidher li huwa l-vittma ewlenija tal-frammentazzjoni tas-Suq Uniku, li huwa kkaratterizzat mill-assenza ta’ armonizzazzjoni tar-regoli, nuqqas ta’ interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni u kwistjonijiet mhux solvuti relatati mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Għaldaqstant, il-KESE jemmen li jekk dawn il-problemi jiġu solvuti, dan ma jdumx ma jikkontribwixxi għat-twessigħ tal-ambitu tal-attivitajiet tan-negozji, żieda fl-għażla tal-prodotti u s-servizzi għall-konsumaturi u titjib fil-kuntentizza taċ-ċittadini rigward is-Suq Uniku, mingħajr ma l-protezzjoni tal-konsumaturi tiġi mxekkla. Għalhekk, il-proposta dwar il-kummerċ elettroniku hija ta’ importanza liema bħalha.

2.8.2   L-interoperabbiltà elettronika hija waħda mill-prijoritajiet sabiex jiġu ffaċilitati l-attivitajiet kollha fis-Suq Uniku. Il-ħolqien ta’ Suq Uniku diġitali ġenwin irid ikun ibbażat fuq ir-rikonoxximent reċiproku, pereżempju, tal-firem elettroniċi, iċ-ċertifikati elettroniċi, l-awtentifikazzjoni elettronika u l-formoli elettroniċi. It-twessigħ tal-ambitu tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) ikun jista’ jikkontribwixxi għal kooperazzjoni amministrattiva msaħħa u skambju ta’ data, li jkunu ta’ siwi għall-amministrazzjoni, in-negozji u ċ-ċittadini (6).

2.8.3   Jeħtieġ li jkun hemm ikklerjar u ġestjoni tad-drittijiet tal-awtur permezz tal-iffaċilitar tal-ħruġ tal-liċenzji għal kontenut pan-Ewropew u l-iżvilupp ta’ regoli mifruxa mal-UE rigward id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jikkunsidraw l-interessi kollha. f’dan il-qasam, l-Att dwar is-Suq Uniku mhuwiex proattiv biżżejjed – jista’ jsir aktar għall-konsumaturi.

2.9   Il-Governanza Korporattiva u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema (36, 37 u 38)

Il-Kumitat jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għat-tnedija tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-governanza korporattiva u l-appoġġ tagħha għall-proġetti soċjali innovattivi. Il-Kummissjoni għandha tqawwi l-impenn tal-UE biex issaħħaħ il-governanza korporattiva bl-għan li tkompli tiżviluppa l-parteċipazzjoni tal-impjegati u li tittejjeb it-trasparenza tal-informazzjoni pprovduta min-negozji. Id-dritt tal-impjegati għall-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni ġie integrat bħala dritt fundamentali skont it-Trattat f’forom differenti ta’ parteċipazzjoni tal-ħaddiema: TFUE Art. 151.1 “Id-djalogu bejn min imexxi u l-ħaddiema” u 153.1(f), li jgħid li l-Unjoni għandha ssostni u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fil-qasam tar-“rappreżentanza u d-difiża kollettiva tal-interessi tal-ħaddiema u s-sidien, inkluża t-tmexxija konġunta”. Għaldaqstant, il-konsultazzjoni pubblika għandha tħares sew lejn kif tista’ tittejjeb it-trasparenza fl-informazzjoni pprovduta mill-intrapriżi dwar l-aspetti soċjali, ambjentali u dawk relatati mad-drittijiet tal-bniedem. Il-KESE ser jivvaluta l-Inizjattiva tan-Negozji Soċjali, inkluża l-possibbiltà li tinżamm il-bażi volontarja tar-responsabbiltà soċjali korporattiva meta tasal talba konkreta għal opinjoni għand il-Kumitat.

2.10   Il-moviment ħieles tal-ħaddiema u l-libertajiet ekonomiċi (30)

Il-Kummissjoni qed tippjana li tadotta proposta leġislattiva biex ittejjeb l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema, li se tinkludi jew tkun kompletata permezz ta’ kjarifika dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet soċjali fundamentali fil-kuntest tal-libertajiet ekonomiċi tas-Suq Uniku. Mhijiex qed tipproponi reviżjoni iżda qed tissuġġerixxi att legali ieħor dwar l-implimentazzjoni mtejba tad-Direttiva. Il-kontradizzjonijiet fl-applikazzjonijiet tad-Direttiva għandhom jiġu kkjarifikati u l-kompetenza tal-Istati Membri li jinfurzaw l-istandards tax-xogħol u s-sistemi ta’ relazzjonijiet industrijali tagħhom, inkluż ir-rwol kruċjali tan-negozjar kollettiv fil-forom differenti tiegħu, għandha tiġi definita b’mod adatt. Ir-riżultat ta’ din il-kjarifika għandu juri jekk tkunx meħtieġa reviżjoni tad-Direttiva dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema. Dan m’għandux isir għad-detriment tar-regoli dwar il-kompetizzjoni u l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni fuq il-bażi taċ-ċittadinanza. Kull reviżjoni tal-leġislazzjoni eżistenti jew kull att leġislattiv ġdid għandu jkun imsejjes fuq konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali u l-bilanċ bejn standards tax-xogħol għolja u l-libertajiet ekonomiċi (7).

2.11   Il-leġislazzjoni dwar l-akkwisti pubbliċi (17)

2.11.1   Fl-2012, il-Kummissjoni ser tagħmel proposti leġislattivi biex tissemplifika u taġġorna r-regoli tal-UE sabiex l-għoti tal-kuntratti jsir aktar flessibbli u sabiex il-kuntratti pubbliċi jkunu jistgħu jitqiegħdu f’użu aħjar ta’ politiki oħrajn. L-akkwisti pubbliċi jistgħu jappoġġjaw tkabbir innovattiv u ekoloġiku fil-qafas legali eżistenti. Kull proposta ġdida m’għandhiex ixxekkel il-parteċipazzjoni tal-kompetituri minn Stati Membri oħra fuq il-bażi tar-regoli approvati fl-2004. Il-prinċipju tat-trattament ugwali għandu jiġi rrispettat.

2.11.2   L-inizjattiva tal-Kummissjoni fil-qasam tal-akkwisti pubbliċi għandha tagħti aktar attenzjoni lill-iżbilanċ persistenti fil-ftuħ tas-swieq tal-akkwisti pubbliċi bejn l-UE u l-imsieħba kummerċjali ewlenin tagħha. Għandu jitqies sa liema punt is-swieq tal-akkwisti pubbliċi tal-UE jistgħu jibqgħu miftuħin b’mod sostenibbli filwaqt li pajjiżi terzi jżommu sitwazzjoni fejn il-kundizzjonijiet mhumiex ugwali għal kulħadd. f’dan ir-rigward, il-konvenzjonijiet ratifikati tal-ILO u d-drittijiet tal-bniedem iridu jiġu rrispettati mill-atturi kollha, kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-pajjiżi terzi.

2.11.3   Minn mindu beda l-proġett tas-Suq Uniku f’nofs is-snin tmenin, ġiet diskussa l-integrazzjoni ta’ klawżola soċjali fundamentali fir-regoli. Dawn it-talbiet intlaqgħu waqt ir-reviżjoni tar-regoli dwar l-akkwisti pubbliċi fl-2004. Ir-reviżjoni tad-direttivi tal-UE dwar l-akkwisti pubbliċi għandha tagħti lok għall-isfruttar sħiħ tal-qafas attwali għall-integrazzjoni tal-kriterji soċjali u ambjentali fil-kuntratti pubbliċi, bil-kundizzjoni li dawn il-kriterji jkunu bbilanċjati fir-rigward tal-prinċipji fundamentali tal-liġi tal-UE (8).

2.12   Id-dimensjoni esterna (24)

Il-KESE jqis il-proposta li tiġi żgurata l-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej fis-swieq globali bħala waħda mill-prijoritajiet il-kbar peress li s-Suq Uniku ma jistax jiġi iżolat mill-kompetizzjoni globali. Jeħtieġ li tittieħed pożizzjoni ferm aktar b’saħħitha fin-negozjati mal-imsieħba kummerċjali ewlenin sabiex jiġu promossi konverġenza regolatorja u l-adozzjoni ta’ standards internazzjonali bbażati fuq l-istandards tal-UE. Id-dimensjoni esterna tas-Suq Uniku u l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kummerċ ġust huma kruċjali mhux biss għall-kompetittività tal-kumpaniji, iżda wkoll għall-ħarsien tal-mudell soċjali u ambjentali tagħna mid-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni. Madankollu, il-kompetittività globali m’għandhiex tiġi promossa għad-detriment taż-żamma tad-drittijiet bażiċi tal-konsumaturi u ċ-ċittadini.

2.13   Aċċess għall-ġustizzja / Rimedju kollettiv (46)

L-aċċess għall-ġustizzja huwa element ewlieni għall-konsumaturi biex ikollhom fiduċja fis-Suq Uniku. Il-konsultazzjonijiet attwali dwar l-ADR (Soluzzjoni Alternattiva Tat-Tilwim) u r-rimedju kollettiv – li ntalbu mill-Parlament Ewropew (9) u r-Rapport Monti – għandhom iwasslu għal proposti leġislattivi mill-Kummissjoni. Il-KESE jilqa’ l-proposta leġislattiva dwar l-ADR prevista fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2011 u jappoġġja l-adozzjoni rapida tagħha. Madankollu dan ma joffrix garanzija li l-proposti ser jitressqu fil-ħin jew li ser jassiguraw implimentazzjoni effettiva ta’ mekkaniżmi tajbin u effikaċi li joffru lill-konsumaturi u lill-intrapriżi firxa ta’ strumenti adegwati u jevitaw tilwim mhux iġġustifikat.

Brussell, 15 ta’ Marzu 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  COM(2010) 603 finali.

(2)  Bħal pereżempju s-SOLVIT, il-EURES, iċ-Ċentri Ewropej għall-Konsumaturi u n-Netwerk Ewropew tal-Intrapriżi, fost l-oħrajn.

(3)  ĠU C 221, 08.09.2005, p. 17.

(4)  L-impronta ekoloġika hija bbażata fuq l-idea li l-konsum individwali jista’ jiġi kkonvertit fl-art kollha meħtieġa biex jiġi prodott. Fl-2008, kienu disponibbli 1,8 ha għal kull ras filwaqt li ntużaw 2,2 ha għal kull ras.

(5)  Il-kunċett tal-SMEs u r-referenza għall-intrapriżi jridu jitwessgħu biex jinkludu kull forma ta’ aċċess għas-Suq Uniku, kemm għal profitt kif ukoll jekk mhux. Dan għandu jsir sabiex ikollna fehim aktar komplet u ddettaljat tas-Suq Uniku bid-diversità ta’ atturi li fih. Kull miżura fil-qasam tal-SMEs hija rilevanti b’mod indaqs għal kull tip ta’ attur fl-ekonomija soċjali, bħall-bżonn li tinqata’ l-burokrazija u li jitneħħew l-ostakoli u piżijiet amministrattivi mhux neċessarji.

(6)  ĠU C 128, 18.05.2010, p. 103.

(7)  ĠU C 44, 11.02.2011, p. 90.

(8)  Ara l-premessi nru 1 u 4 tad-Direttiva 2004/18 dwar il-kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi.

(9)  Rapport dwar il-forniment ta’ Suq Uniku lill-konsumaturi u liċ-ċittadini (Louis Grech, MEP).


APPENDIĊI

għall-OpinjonI tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emenda li jmiss inċaħdet fid-diskussjoni iżda rċeviet iktar minn kwart tal-voti:

Ibdel il-punt 2.3   kif ġej:

2.3

Is-Servizzi ta’ Interess Ġenerali – SIĠ (25)

Il-Kummissjoni timpenja ruħha li sal-2011 tadotta Komunikazzjoni kif ukoll sensiela ta’ miżuri dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali. Il-KESE jilqa' l-inizjattiva li tiġi appoġġjata l-valutazzjoni tas-servizzi pubbliċi u li jitneħħew l-ostakoli għall-aċċess universali  (1). L-għan tal-Komunikazzjoni u miżuri oħra dwar is-servizzi pubbliċi għandu jkun li jappoġġjaw lill-Istati Membri fl-iżvilupp u t-titjib tas-servizzi pubbliċi tagħhom b'konformità mal-protokoll dwar is-SIĠ. Il-valutazzjoni tas-servizzi pubbliċi għandha tinkludi analiżi kritika u fil-fond tal-liberalizzazzjonijiet preċedenti u għandha ssir bil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati ewlenin kollha. Il-KESE jinsab partikolarment imħasseb dwar iż-żamma tal-istandards ta’ kwalità u aċċessibbiltà inkluża u ta’ tibdil faċli sabiex tiżdied il-kompetizzjoni. L-UE għandha tiżviluppa għarfien speċjalizzat fil-kapaċità tagħha li tivvaluta l-impatt tal-inizjattivi kollha relatati mas-Suq Uniku u inizjattivi oħra tal-UE relatati mas-servizzi pubbliċi, b'konformità mal-protokoll dwar is-SIĠ.

Raġuni

Efficient, cost-effective and high-quality public services are essential for European society; they improve our quality of life and make a substantial contribution to promoting territorial and social cohesion in Europe.

A new horizontal legal framework for services of general interest in the form of a binding framework directive is no longer needed following the 2009 entry into force of the Lisbon treaty, which attached Protocol 26 on services of general interest to the European treaties. These new arrangements obviate the need for a reference to the EESC's 2005 opinion.

Riżultat tal-vot

Voti favur

:

42

Voti kontra

:

53

Astensjonijiet

:

19


(1)  


Top