EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE0544

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir: l-avvanz tar-rispons komprensiv tal-UE għall-kriżi” COM(2011) 11 finali

OJ C 132, 3.5.2011, p. 26–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 132/26


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir: l-avvanz tar-rispons komprensiv tal-UE għall-kriżi”

COM(2011) 11 finali

2011/C 132/06

Relatur Ġenerali: Is-Sur SMYTH

Nhar it-12 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir: l-avvanz tar-rispons komprensiv tal-UE għall-kriżi

COM(2011) 11 finali.

Nhar it-18 ta’ Jannar 2011, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lill-Kumitat ta’ Tmexxija dwar l-Ewropa 2020 sabiex jipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-470 sessjoni plenarja tiegħu tal-15 u s-16 ta’ Marzu 2011 (seduta tal-15 ta’ Marzu 2011) li jaħtar lis-Sur Symth bħala relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’164 voti favur, 8 voti kontra u 7 astensjonijiet.

L-EWWEL PARTI:   L-ISTĦARRIĠ ANNWALI DWAR IT-TKABBIR JITLEF L-OPPORTUNITÀ LI JIPPROVDI PROPOSTI TA’ POLITIKA MMIRATI DIRETTAMENT LEJN IT-TKABBIR INTELLIĠENTI, SOSTENIBBLI U INKLUŻIV

1.   Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ l-Istrateġija Ewropa 2020 kif ukoll il-progress lejn il-koordinazzjoni ex-ante tal-politika fiskali fis-Semestru Ewropew, u jittama li, għall-inqas fil-każ tal-pajjiżi fiż-żona tal-euro, il-proposti leġislattivi attwali għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika Ewropea jkunu l-ewwel pass lejn politika ekonomika komuni ġenwina u l-koordinazzjoni sħiħa tal-politiki fiskali.

2.   Il-Kumitat huwa mħasseb dwar il-fatt li fid-diskussjoni dwar il-governanza ekonomika fl-Ewropa teżisti t-tendenza preokkupanti li jsiru proposti intergovernattivi limitati u mhux iffokati minflok ma jintuża l-metodu Komunitarju.

3.   Għalhekk, il-Kumitat jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni Ewropea tappoġġja l-integrazzjoni Ewropea billi tressaq proposti kuraġġużi, bilanċjati u inklużivi li jgħinu lill-Ewropa taqbad it-triq tat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv fl-ispirtu tal-Istrateġija Ewropa 2020 li għadha kemm tnediet.

4.   F’dan il-kuntest, il-Kumitat jenfasizza li l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (AGS) għandu jaqdi rwol importanti immens sabiex tavvanza r-riforma tal-politika inklużiva fl-Istati Membri u fil-livell Ewropew. Il-Kumitat ifaħħar lill-Kummissjoni talli għażlet format komprensiv għall-AGS b’lista ta’ għaxar prijorijatiet taħt tliet intestaturi wisgħin, bil-għan li ssir diskussjoni preċiża dwar il-kwistjonijiet involuti.

5.   Madankollu, il-Kumitat jiddispjaċih li f’dan l-ewwel Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, il-Kummissjoni Ewropea tilfet l-opportunità li tissokta bl-ispirtu tal-Ewropa 2020, jiġifieri li tiffoka b’mod dirett fuq it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, u minflok iffokat fuq il-konsolidazzjoni fiskali f’sens dejjaq, flimkien ma’ proposti rigward is-swieq tax-xogħol li ħafna drabi huma żbilanċjati u m’għandhomx id-dimensjoni Ewropea tas-suq uniku li hu bbażat fuq il-muturi tat-tkabbir orjentati lejn il-futur.

6.   Rigward il-konsolidazzjoni fiskali, il-Kumitat jiddispjaċih li l-proposti għall-konsolidazzjoni huma ffokati fuq l-infiq biss – flimkien ma’ proposta biex possibbilment jitqies it-twessigħ tal-bażi tat-taxxi indiretti f’xi Stati Membri. Billi l-kriżi attwali tad-dejn sovran oriġinat minn kriżi finanzjarja, u fid-dawl tal-appoġġ finanzjarju pubbliku enormi li kellu jingħata biex isalva lis-settur milli jwaqqaf is-sistema għalkollox, il-Kumitat kien qed jistenna sensiela ta’ proposti bil-għan li s-settur finanzjarju jgħin biex il-baġits pubbliċi jerġgħu jsiru sostenibbli. Barra minn hekk, il-proposti konkreti u ambizzjużi għall-kontroll tas-swieq finanzjarji huma prekundizzjoni sabiex tinħoloq il-fiduċja u jiġi evitat it-taqlib.

7.   Il-Kumitat jenfasizza li mhux ser ikun possibbli li jiġu kkonsolidati l-baġits pubbliċi mingħajr rata suffiċjenti ta’ tkabbir ekonomiku. Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx xenarju tat-tkabbir li jimmassimizza l-potenzjal tas-suq uniku, u minflok tikkonċentra fuq il-konsolidazzjoni fiskali drastika bħala l-prerekwiżit għat-tkabbir. Għandha tingħata ħafna aktar attenzjoni lill-muturi tat-tkabbir li bis-saħħa tagħhom l-Istati Membri ser ikunu jistgħu jikkonsolidaw il-baġits filwaqt li jkunu fit-triq tat-tkabbir sostenibbli. Sabiex iseħħ dan, il-KESE jemmen li politika makroekonomika bilanċjata li tikkombina b’mod adegwat kemm l-aspetti tal-provvista kif ukoll dawk tad-domanda għandha tkun parti integrali minn kwalunkwe strateġija ekonomika orjentata lejn il-futur. Dan jinkludi li l-Istati Membri b’surplus fuq il-kont kurrenti jiġu inkoraġġuti jissoktaw b’approċċ espansiv u jindirizzaw in-nuqqas ta’ domanda domestika tagħhom.

8.   Approċċ li jħares ’il quddiem għas-swieq tax-xogħol, għar-riforma tal-pensjonijiet, għall-qgħad u għall-flessigurtà ser jibni fuq il-ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli u ta’ opportunitajiet tal-impjieg, filwaqt li jisfrutta l-potenzjal tas-setturi ekonomiċi ġodda u l-enerġija nadifa. Il-KESE jemmen li d-djalogu soċjali għandu rwol vitali f’kull politika relatata mas-suq tax-xogħol. Is-sistemi tas-sigurtà soċjali wkoll huma kruċjali bħala stabbilizzaturi soċjali u ekonomiċi awtomatiċi li jappoġġjaw l-iżvilupp u l-produttività, inaqqsu l-faqar u jippromovu l-koeżjoni ekonomika u soċjali: dan kollu huwa meħtieġ biex jinkiseb l-appoġġ tal-pubbliku għall-proġett Ewropew. Fir-rigward tat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, huwa importanti li nibbażaw fuq dawn l-istituzzjonijiet prinċipali li jifformaw is-sisien tal-ekonomija soċjali tas-suq fl-Ewropa. Għalhekk, il-Kumitat jinsisti li l-proposti tal-Kummissjoni maħsuba għall-Istati Membri, li jidher ċar li jfixklu s-sistemi tan-negozjar kollettiv u l-prattiċi tas-sigurtà tal-impjieg tagħhom, mhumiex f’lokhom.

9.   Barra minn hekk, il-KESE jemmen li l-Kummissjoni Ewropea għandha tikkjarifika l-pożizzjoni tagħha rigward il-kwoti u s-sħubijiet obbligatorji li huma ta’ piż fuq is-setturi professjonali. Fil-fatt, jeħtieġ li ssir distinzjoni mingħajr diskriminazzjoni bejn dak li jagħmel parti mill-missjonijiet tas-servizz pubbliku u tas-servizzi ta’ interess ġenerali u dak li jista’ verament ikun ostaklu għall-potenzjal tas-suq uniku. Fir-rigward tar-regoli dwar il-kummerċ, jeħtieġ ukoll li jiġu studjati l-konsegwenzi tagħhom fil-qasam tal-impjieg għas-settur u li jiġi applikat il-prinċipju tas-sussidjarjetà għal ċerti kwistjonijiet, bħat-tqassim f’żoni (zoning) jew il-ħinijiet tal-ftuħ, li essenzjalment jagħmlu parti mill-kundizzjonijiet lokali, kulturali, klimatiċi jew oħrajn.

10.   Fl-istess ħin, il-Kumitat iħoss li l-AGS ma jagħtix biżżejjed attenzjoni lill-potenzjal tat-tkabbir Ewropew fis-suq uniku, u jagħmel sempliċement referenza ċkejkna għall-Att dwar is-Suq Uniku li huwa deċiżiv, u ma jiżviluppax l-aspetti prinċipali tiegħu li jwasslu għat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, bħall-privattivi tal-UE, il-“karta professjonali” Ewropea, il-proġetti infrastrutturali Ewropej, is-self transkonfinali, is-swieq integrati għall-kreditu ipotekarju, l-intraprenditorija soċjali u l-fondi tal-investiment soċjali.

11.   Fil-parti li jmiss, il-Kumitat jippreżenta fid-dettall il-proposti speċifiċi tiegħu dwar l-għaxar punti mressqa mill-Kummissjoni Ewropea. B’dan il-mod jittama li jorjenta d-diskussjoni aktar lejn il-kwistjonijiet li huma verament rilevanti.

IT-TIENI PARTI:   IL-PROPOSTI TAL-KUMITAT DWAR L-GĦAXAR PUNTI MRESSQA MILL-KUMMISSJONI EWROPEA

1.   L-implimentazzjoni ta’ konsolidazzjoni fiskali rigoruża

1.1   Il-KESE jemmen li l-kwistjoni qed tibbilanċja mill-ġdid il-finanzi pubbliċi filwaqt li tevita li tnaqqas id-domanda, għaliex dan iwassal għal riċessjoni li tiġġenera aktar defiċits u timbotta l-ekonomija Ewropea ’l isfel.

1.2   Il-KESE jirrakkomanda li, sabiex ma jiġux mhedda l-għanijiet tal-programm għall-Irkupru Ekonomiku Ewropew, għandhom jiġu stabbiliti programmi għat-tnaqqis tad-dejn b’mod kompatibbli mal-irkupru ekonomiku u mal-għanijiet fil-qasam soċjali u tax-xogħol li huma stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020 (1).

1.3   Il-bażi fiskali tal-Istati Membri ser ikollha titwessa’, b’mod partikolari billi jingħalqu r-rifuġji fiskali (tax havens), tintemm il-kompetizzjoni fiskali u jittieħdu miżuri kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi fiskali (2).

1.4   Il-piż fiskali għandu jiġi trasferit lejn sorsi oħra ta’ dħul, bħat-taxxi fuq it-transazzjonijiet finanzjarji, it-taxxi fuq l-enerġija, l-imposti fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji, l-imposti fuq l-emissjonijiet tas-CO2 (li jiddependu mir-riorganizzazzjoni tas-suq tal-iskambju tal-karbonju), eċċ. Taxxi bħal dawn jistgħu jnaqqsu l-pressjoni minn fuq il-baġits pubbliċi u jgħinu biex ir-riżorsi jerġgħu jiġu diretti lejn l-investiment sostenibbli fl-ekonomija reali. Jistgħu jgħinu wkoll biex jipprovdu riżorsi proprji ġodda għall-baġit tal-Unjoni Ewropea (3). It-taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji timplika wkoll li s-settur finanzjarju ser iħallas lura xi ftit mis-sussidji pubbliċi (4).

1.5   Il-KESE jemmen li s-sanzjonijiet għandhom jiġu bilanċjati b’solidarjetà Ewropea akbar fil-ġestjoni tad-dejn sovran (5).

2.   Il-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi

2.1   Il-KESE jemmen li politika makroekonomika bilanċjata li tikkombina b’mod adegwat kemm l-aspetti tal-provvista kif ukoll dawk tad-domanda għandha tkun parti integrali minn kwalunkwe strateġija ekonomika orjentata lejn il-futur. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqsu d-differenzi kbar fil-bilanċi tal-kontijiet kurrenti. Il-KESE jittama li, għall-inqas fil-każ tal-pajjiżi fiż-żona tal-euro, il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika Ewropea tkun l-ewwel pass lejn politika ekonomika komuni ġenwina u l-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji (6).

2.2   Il-KESE jenfasizza r-rwol ta’ fatturi mhux marbuta mal-prezzijiet, bħad-divrenzjar tal-prodott, il-kontenut teknoloġiku, il-kwalità tal-prodott, il-kwalità tas-servizzi relatati mal-prodott (servizzi ta’ wara l-bejgħ), eċċ., fil-ħolqien tal-iżbilanċi makroekonomiċi. Għandhom jiġu identifikati l-varjabbli li jistgħu jindikaw il-livell u l-evoluzzjoni tagħhom fi ħdan l-Istati Membri tal-Unjoni Eknomika u Monetarja.

2.3   Il-politiki tal-pagi adegwati għandhom rwol ċentrali x’jaqdu fil-ġestjoni tal-kriżi. Li l-pagi jiżdiedu bl-istess ritmu tat-tkabbir tal-produttività u b’mod immirat lejn l-ekonomija nazzjonali kollha ser jiżgura, mil-lat makroekonomiku, li jinsab bilanċ adatt bejn tkabbir suffiċjenti fid-domanda u l-kompetittività tal-prezzijiet. L-imsieħba soċjali, għalhekk, għandhom jaħdmu biex jevitaw it-tnaqqis fil-pagi b’politika tat-tip “beggar-thy-neighbour” u biex il-politika tal-pagi tkun immirata lejn il-produttività (7).

2.4   Jekk il-koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-politika ekonomika ma tinkludix biss il-politika fiskali u monetarja, iżda testendi ruħha anke għal politika tal-pagi iktar stretta fiż-żona tal-euro, l-awtonomija tan-negozjar kollettiv trid tiġi rispettata – mhuwiex aċċettabbli li l-gvernijiet jistabbilixxu l-miri tan-negozjar kollettiv, u inqas u inqas li jiddettaw it-tnaqqis fil-pagi, u dan għandu jiġi rrifjutat (8).

3.   L-iżgurar tal-istabbiltà fis-settur finanzjarju

3.1   Il-Kumitat jemmen li hemm bżonn ta’ ħidma aktar intensiva biex titfassal is-sistema finanzjarja ta’ wara l-kriżi, li trid tkun trasparenti, soċjalment u etikament responsabbli, ikkontrollata aħjar, u innovattiva, bi tkabbir bilanċjat, kompatibbli mal-bqija tas-sistema ekonomika, u orjentata lejn l-ħolqien tal-valur għal żmien medju u fit-tul u lejn it-tkabbir sostenibbli (9).

3.2   Il-Kumitat jipproponi li tiġi ffaċilitata l-armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni nazzjonali favur l-utenti tal-prodotti u s-servizzi finanzjarji (konsumaturi, intrapriżi, eċċ.), mingħajr ħsara għall-kompetenzi tal-Istati Membri li jżommu standards nazzjonali ogħla. Jista’ jiġi previst ukoll li fl-awtoritajiet Ewropej tas-superviżjoni (issa s-Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji – SESF) ikun hemm rappreżentant wieħed jew aktar tal-konsumaturi magħżul/in mill-imsieħba soċjali u l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi (10).

3.3   Il-Kumitat jipproponi li jiġi inkoraġġut b’mod wiesa’ n-netwerk ta’ produzzjoni tal-informazzjoni finanzjarja, favur il-pluralità tal-atturi u t-tfassil ta’ regoli ġodda maħsuba biex ikun hemm aktar trasparenza u effikaċja fil-metodi tal-assessjar, b’mod partikolari rigward id-derivati (11).

3.4   Il-Kumitat jipproponi li titwarrab, anke f’livell internazzjonali, is-sistema preżenti tal-awtoregolamentazzjoni. Jeħtieġ li jitkompla l-proċess ta’ koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti differenti, b’regoli stretti li jgħoddu għall-pajjiżi kollha u ċ-ċertezza li dawn jiġu infurzati. L-UE għandha tagħmel kull sforz biex tikseb dan l-għan fil-korpi internazzjonali (12).

3.5   Il-Kumitat jilqa’ l-inizjattivi leġislattivi maħsuba biex isaħħu r-regolamentazzjoni u t-trasparenza tas-suq finanzjarju, fosthom it-titjib tas-superviżjoni tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, il-governanza korporattiva u l-politiki dwar il-paga u r-remunerazzjoni tad-diretturi (13).

3.6   Il-Kumitat jilqa’ l-Proposta għal Regolament dwar il-Bejgħ bin-Nieqes (short selling) u ċerti aspetti tas-Swaps ta’ Inadempjenza tal-Kreditu (credit default swaps), li ser tgħin biex jiġu eliminati s-sistemi konfliġġenti u biex ikun hemm ċarezza f’dan il-qasam tas-swieq finanzjarji (14).

3.7   Minħabba r-rwol li kellhom l-aġenziji tal-klassifikazzjoni fil-kriżi reċenti tas-swieq tat-titoli u finanzjarji, il-KESE jilqa’ l-fatt li tnieda programm bi tliet fażijiet sabiex jiġu rregolati l-funzjonijiet li dawn l-aġenziji jwettqu f’isem l-investituri u l-konsumaturi. Il-KESE jilqa’ l-inklużjoni tad-dejn sovran fil-konsultazzjoni pubblika li qiegħda ssir bħalissa (15).

3.8   Il-Kumitat jipproponi li, fuq bażi regolari, jiġi ppublikat rapport ta’ segwitu dwar l-għajnuna mill-Istat li jiġbor fih informazzjoni dettaljata dwar il-progress tal-implimentazzjoni tal-miżuri u li jikkwantifika l-effetti tagħhom fuq is-swieq, bil-għan li jitfassal pjan biex jiġi massimizzat il-potenzjal tas-settur industrijali permezz tat-tisħiħ tal-intrapriżi, b’mod partikolari l-SMEs, u l-impjiegi, pjan li huwa indispensabbli għall-irkupru tal-ekonomija tal-UE (16).

3.9   Il-Kumitat jemmen li flus il-kontribwenti m’għandhomx jerġgħu jintużaw biex ikopru t-telfiet bankarji u, fil-prinċipju, jappoġġja l-istabbiliment ta’ netwerk armonizzat ta’ fondi nazzjonali ta’ riżoluzzjoni bankarja (FRB) ex-ante b’rabta ma’ sensiela ta’ arranġamenti għall-immaniġġjar ta’ kriżi nazzjonali. Madankollu, sabiex tiġi stabbilita skema ta’ fondi ta’ riżoluzzjoni bankarja fattibbli, l-Istati Membri għandhom preferibbilment jaqblu minn qabel fuq l-adozzjoni ta’ metodi komuni u regoli uniformi sabiex jiġu evitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

3.10   Il-fatt li xi kapital bankarju jinżamm pubbliku sabiex ikun hemm fehim dwar is-settur bankarju jista’ jkun parti effiċjenti minn politika finanzjarja Ewropea (17).

4.   Nagħmlu x-xogħol iktar attraenti

4.1   Fil-fehma tal-Kumitat, hija meħtieġa azzjoni sabiex it-transizzjonijiet isiru vijabbli u jitjieb l-aċċess għall-impjiegi, partikolarment għal xi gruppi speċifiċi bil-problemi. Dan għandu jinkiseb billi jiżdiedu l-opportunitajiet tal-impjieg, jitnaqqsu d-diżinċentivi għax-xogħol, titjieb l-istruttura tat-taxxa u tal-benefiċċji sabiex ix-xogħol ikun iħallas mil-lat finanzjarju, inkluż il-piż tat-taxxa fuq it-tieni dħul, u billi jkun żgurat l-aċċess għas-servizzi meħtieġa li jippermettu l-parteċipazzjoni. Għal dawk li ma jistgħux jaħdmu, għandu jiġi pprovdut appoġġ ta’ dħul adegwat u għandu jkollhom aċċess għas-servizzi ta’ interess ġenerali (18).

4.2   Il-Kumitat jappoġġja l-aċċess wiesa’ għall-kura tat-tfal ta’ kwalità għolja bħala opportunità biex tiżdied il-kwalità tal-ħajja u r-rikonċiljazzjoni bejn ix-xogħol, il-ħajja privata u dik tal-familja, kif ukoll biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u jiġi ġġenerat aktar dħul finanzjarju għall-familji (19).

4.3   Il-Eurostat għandu jiffoka aktar fuq ix-xogħol mhux iddikjarat kemm f’sitwazzjonijiet nazzjonali speċifiċi, li jeħtieġu azzjoni min-naħa tal-Istati Membri, kif ukoll fin-netwerks kriminali b’rabtiet mal-immigrazzjoni illegali, li jistgħu jiġġustifikaw kooperazzjoni ġudizzjarja akbar u rwol usa’ għall-UE, speċjalment fir-rigward tal-impatt fuq is-suq intern u l-kompetizzjoni. Għandha tittieħed azzjoni fil-livell tal-UE sabiex l-imsieħba soċjali fl-Istati Membri jiġu mħeġġa jniedu proġetti nazzjonali u settorjali bejniethom stess u flimkien mal-awtoritajiet sabiex jiġi miġġieled ix-xogħol mhux iddikjarat u titnaqqas l-ekonomija informali. L-imsieħba soċjali jistgħu wkoll jaħdmu flimkien fil-livell tal-UE sabiex janalizzaw u jxerrdu l-prattiki tajba fl-Istati Membri. Il-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat tirrikjedi miżuri transkonfinali effettivi ta’ kooperazzjoni u sorveljanza mill-Istati Membri u t-tixrid ta’ informazzjoni dwar il-pieni imposti (20).

4.4   Huwa importanti li mhux biss jiġu kkoordinati l-istrutturi tat-taxxi tax-xogħol u l-kontribuzzjonijiet soċjali fl-UE, imma wkoll li fl-analiżi jiddaħħlu l-aspetti marbutin mal-kummerċ bejn l-UE u l-bqija tad-dinja (21).

5.   Ir-riforma tas-sistemi tal-pensjonijiet

5.1   Il-KESE huwa tal-fehma li l-projezzjonijiet demografiċi għandhom jiġu analizzati u ssorveljati fuq bażi regolari biex ikun jista’ jsir tibdil adegwat u f’waqtu fis-sistemi tal-pensjonijiet skont il-kundizzjonijiet ġodda. Madankollu, dawn il-projezzjonijiet, inkluża n-nefqa pubblika futura fuq il-pensjonijiet, għandhom jintużaw u jitqiesu b’attenzjoni peress li dan jistgħu jinkludu bosta ipotesi li huma diffiċli tbassarhom fuq perjodu twil ta’ żmien (22).

5.2   Il-mekkaniżmi ta’ aġġustament awtomatiku għall-età tal-pensjoni, ibbażati jew fuq l-istennija ta’ tul ta’ ħajja itwal jew fuq il-bidliet demografiċi, mhumiex appoġġjati mill-KESE. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-mekkaniżmi jżidu awtomatikament l-età tal-irtirar b’korelazzjoni mal-estensjoni tal-istennija tal-ħajja u parametri oħra tal-ekonomija jew tas-suq tax-xogħol. Deċiżjonijiet daqshekk fundamentali dwar il-kundizzjonijiet tal-għajxien għandhom jittieħdu mill-parlamenti, u mhux mill-kompjuters, wara dibattitu pubbliku wiesa’, li jinkludi l-imsieħba soċjali u partijiet interessati importanti oħra. Barra minn hekk, kwalunkwe Stat Membru li jintroduċi dan il-mekkaniżmu għandu jqis il-fatt li, minkejja li dan inaqqas il-pressjoni pubblika kontra r-riformi, fl-assenza ta’ opportunitajiet reali tal-impjieg għall-ħaddiema mdaħħla fl-età, dan jista’ jċaqlaq l-appoġġ finanzjarju għal dawn il-ħaddiema lejn pilastri oħra tas-sigurtà soċjali. Għalhekk, jista’ jagħti l-każ li l-implimentazzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu sabiex il-pensjonijiet isiru adegwati u sostenibbli ma jirnexxilhiex tagħti l-benefiċċji mwiegħda. Iż-żieda fl-età effettiva tal-irtirar m’għandhiex tkun miżura li tittieħed waħidha iżda għandha tittieħed flimkien ma’ miżuri li jtejbu l-opportunitajiet tal-impjieg għal persuni li jkunu waslu biex jirtiraw (23).

5.3   Il-Kumitat jappoġġja l-promozzjoni tal-impjieg ta’ ħaddiema mdaħħla fl-età, iżda jemmen li l-iskoraġġiment tal-iskemi tal-irtirar bikri jitlob diskussjoni dettaljata dwar il-kundizzjonijiet qafas, l-iskop, il-miżuri politiċi ta’ akkumpanjament, eċċ., sabiex ma jinħolqux problemi soċjali għall-anzjani b’mod partikolari (24).

5.4   Il-KESE jiddubita li sempliċiment żieda fl-età legali tal-irtirar tista’ ssolvi l-problemi marbuta mal-isfidi demografiċi. Għall-kuntrarju, huwa jemmen li din tista’ titfa’ miljuni ta’ persuni anzjani taħt il-linja tal-faqar, speċjalment in-nisa. Li huwa meħtieġ huwa li tiżdied l-età effettiva tal-irtirar billi jintużaw inizjattivi li jippromovu l-estensjoni tal-ħajja tax-xogħol, li jkunu appoġġjati wkoll minn politiki effettivi tat-tkabbir u l-impjieg. Hija biss politika ġenwina ta’ “tixjiħ attiv”, maħsuba għal parteċipazzjoni miżjuda fit-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja, li tista’ tipproduċi żieda sostenibbli fir-rata tal-impjieg ta’ nies imdaħħla fiż-żmien li jieqfu mix-xogħol kmieni minħabba problemi ta’ saħħa, intensità tax-xogħol, tkeċċija mix-xogħol qabel iż-żmien, u nuqqas ta’ opportunitajiet għal taħriġ jew dħul mill-ġdid fis-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, l-esperjenza ta’ xi Stati Membri turi li ż-żieda fl-età legali tal-irtirar tista’ żżid il-pressjoni fuq il-pilastri l-oħra tas-sigurtà soċjali, bħalma huma l-pensjonijiet tal-invalidità jew id-dħul minimu, tant li l-progress li jkun sar lejn finanzji pubbliċi b’saħħithom ikun falz. Flimkien mat-taħriġ vokazzjonali tul il-ħajja, il-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol, l-inċentivi finanzjarji biex l-impjegati jibqgħu fl-impjieg, inklużi l-ħaddiema indipendenti, u l-bidla fl-approċċ tal-intrapriżi lejn l-impjegati mdaħħlin fiż-żmien, għandhom jiġu promossi wkoll dawn il-miżuri li ġejjin sabiex il-ħaddiema mdaħħlin fiż-żmien jiġu offruti għażliet ġodda:

tiġi emendata l-leġislazzjoni li, f’ċerti Stati Membri, ma tippermettix li s-salarji u l-pensjonijiet ikunu kkombinati għall-pensjonanti jew il-benefiċjarji ta’ pensjonijiet ta’ invalidità li jixtiequ jaħdmu;

tiġi introdotta sistema ta’ bonus biex il-ħaddiema jitħeġġu jibqgħu jaħdmu wara l-età legali tal-irtirar: il-benefiċċji akkumulati wara li l-impjegati jilħqu l-età tal-irtirar għandhom ikunu aktar attraenti minn dawk akkwistati qabel;

l-Istati Membri jitħeġġu jaħdmu mal-imsieħba soċjali fuq il-kwistjoni ta’ impjieg oneruż;

jingħataw pariri u appoġġ komprensivi għal min qiegħed ifittex ix-xogħol u miżuri għar-riabilitazzjoni għall-integrazzjoni mill-ġdid fit-tul fis-suq tax-xogħol;

jiġu implimentati inċentivi li huma soċjalment aċċettabbli għall-irtirar iktar fit-tard u, fejn ikun mixtieq, jiġu żviluppati mudelli attraenti għal transizzjoni flessibbli mill-ħajja tax-xogħol għall-irtirar;

miżuri li jtaffu l-piż fiżiku u mentali tax-xogħol li jippermettu l-impjegati jdumu iktar fl-impjieg;

il-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien jitħeġġu jtejbu l-ħiliet tagħhom;

is-sensibilizzazzjoni fost il-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien u l-kumpaniji, b’mod speċjali l-SMEs, dwar ġestjoni tal-persunal u organizzazzjoni tax-xogħol innovattivi li huma favorevoli għall-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien (25).

5.5   Il-KESE jemmen li l-iskemi obbligatorji “Pay-As-You-Go” għandhom ikomplu jaqdu rwol fundamentali fl-iżgurar ta’ pensjonijiet futuri u għalhekk għandha tingħatalhom attenzjoni speċjali sabiex tinqaleb it-tendenza osservata f’ħafna pajjiżi tal-UE lejn rati ta’ sostituzzjoni mnaqqsa (26).

5.6   Il-Kumitat jieħu nota tal-possibbiltà ta’ skemi ta’ pensjonijiet privati individwali addizzjonali volontarji, li jaħdmu flimkien mas-sistemi ta’ pensjoni attwali. F’dan il-kuntest tista’ tiġi studjata l-possibbiltà ta’ garanziji Ewropej għall-benefiċċju tal-ħaddiema transkonfinali. Peress li l-pagi tal-individwi u l-istennija tal-ħajja jiddeterminaw il-pensjonijiet futuri u dan jippenelizza b’mod partikolari lin-nisa, għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-iskemi ta’ pensjonijiet privati li ġew stabbiliti f’xi pajjiżi sabiex jitnaqqas ir-riskju tal-faqar fost in-nisa anzjani (27).

5.7   Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tevalwa d-Direttiva 2003/41/KE dwar l-attivitajiet u l-monitoraġġ tal-istituzzjonijiet għad-dispożizzjoni dwar l-irtirar mix-xogħol biex jiġi żgurat li:

l-impjegati u r-rappreżentanti tat-trejdjunjins jiġu kkonsultati dwar l-investimenti tal-pensjonijiet u r-riskji assoċjati u li l-fehmiet tagħhom jiġu rrispettati;

l-Istati Membri jużaw l-aħjar prattika biex jiżguraw li l-pensjonijiet tal-kumpaniji akkwistati mill-impjegati jkunu mħarsa mill-falliment (28).

5.8   Il-monitoraġġ tal-livell ġenerali tal-obbligi marbutin mas-sistemi tal-pensjonijiet huwa ta’ importanza fundamentali. Il-qafas Ewropew attwali jista’ jiġi komplut permezz ta’ monitoraġġ u rappurtaġġ dwar l-obbligi ta’ pensjoni impliċiti bl-użu ta’ metodoloġija approvata. Tista’ tiġi kkunsidrata r-reviżjoni tar-regoli tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir biex ikun żgurat li r-riżultati tar-riformi (inkluża l-bidla minn sistemi ta’ pensjoni totalment “Pay-As-You-Go” għal dawk finanzjati parzjalment) li jwasslu għal bidla fil-finanzjament tas-sistemi tal-pensjoni – li jżidu l-obbligi espliċiti u jnaqqsu dawk impliċiti – jiġu riflessi b’mod adatt. Jekk dan isir, dawn ir-riformi, immirati li jsolvu l-isfidi tas-sostenibbiltà fit-tul, ma jiġux ippenalizzati f’qasir żmien minħabba dejn pubbliku espliċitu ogħla. Madankollu, il-promozzjoni attwali ta’ riformi effettivi fuq il-bażi tal-projezzjonijiet għall-2060 tista’ twassal biex ma tintlaħaqx il-mira tal-adegwatezza u s-sostenibbiltà tal-pensjonijiet. Il-KESE jirrakkomanda li s-sistemi ta’ pensjoni “Pay-As-You-Go” jiġu ssupplimentati b’fondi ta’ lqugħ fuq il-bażi ta’ każ b’każ sabiex jiġu evitati r-riskji ta’ aġġustamenti rapidi li jistgħu jaffettwaw lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli (29).

6.   Ir-riabilitizzazzjoni tal-qiegħda fis-suq tax-xogħol

6.1   Fil-fehma tal-Kumitat, l-“attivazzjoni” tan-nies sabiex ifittxu xogħol l-ewwel u qabel kollox għandha ssir billi jiġu pprovduti servizzi effiċjenti miċ-ċentri tal-impjieg u mhux daqstant permezz tas-suppost “inċentivi” bil-benefiċċji għall-qgħad. Fid-dawl tal-kriżi b’mod partikolari, il-Kumitat jemmen li m’hemmx bżonn li r-regoli tal-assigurazzjoni tal-qgħad isiru iktar stretti. Fis-sitwazzjoni attwali ta’ livelli rekord ta’ persuni qiegħda, il-problema tas-suq tax-xogħol mhix in-nuqqas ta’ forza tax-xogħol b’mod ġenerali iżda n-nuqqas ta’ ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati f’xi Stati Membri, kif ukoll in-nuqqas kbir ta’ impjiegi disponibbli. Għandu jiġi kkunsidrat aktar l-iżvilupp ta’ politika tal-provvista intelliġenti, li tippromovi t-tkabbir u l-innovazzjoni u li tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ aktar impjiegi (30).

6.2   Il-benefiċċji soċjali għandhom jitqiesu bħala investiment produttiv li hu ta’ benefiċċju għal kulħadd. Il-benefiċċji tal-qgħad marbuta ma’ politiki dinamiċi tas-suq tax-xogħol jistgħu jistabbilizzaw l-ekonomija u jippromovu l-adattament attiv għat-tibdil permezz tat-titjib tal-kompetenzi u ta’ inizjattivi effikaċi fil-qasam tat-tfittxija tal-impjiegi u tat-taħriġ mill-ġdid. Huwa rakkomandat li tibqa’ tingħata attenzjoni lill-miżuri maħsuba biex il-kriterji tal-eliġibbiltà jsiru aktar stretti. Hemm riskju li l-persuni esklużi jiġu marġinalizzati aktar u dan huwa ostakolu kbir f’termini ta’ integrazzjoni (mill-ġdid) fil-qasam tax-xogħol. Dawn il-politiki ta’ eliminazzjoni jista’ wkoll ikollhom effet negattiv peress li jistgħu jipprovokaw ċaqliq lejn setturi oħra tal-protezzjoni soċjali, bħal pereżempju l-għajnuna soċjali jew l-inkapaċità għax-xogħol, u dan mhuwiex mixtieq (31).

6.3   Ix-xogħol mhux neċessarjament protezzjoni kontra l-faqar; għaldaqstant, il-ħolqien tal-impjiegi għandu jiffoka fuq impjiegi aktar siguri u mħallsin b’mod adegwat. Huwa essenzjali li x-xogħol isir aktar attraenti u li jipprovdi l-flus f’but kulħadd, inklużi l-persuni żvantaġġati, jiġifieri għandu jinsab mod kif jiġi żgurat bilanċ effikaċi bejn is-sistemi fiskali u s-sistemi tal-benefiċċji (32).

6.4   Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni ġie ġustament estiż biex jgħin lill-ħaddiema li tilfu l-impjieg tagħhom minħabba l-kriżi ekonomika internazzjonali attwali (33).

6.5   Il-Kumitat appoġġja l-isforzi li saru fis-summit dwar l-impjiegi fi Praga sabiex tittieħed azzjoni fil-livell nazzjonali u Ewropew fuq il-bażi tad-djalogu socjali, il-ħolqien tal-impjiegi u l-miżuri meħtieġa sabiex tkun stimulata d-domanda (34).

6.6   Il-Kumitat enfasizza l-importanza tal-promozzjoni tal-attività intraprenditorjali u ta’ mentalità intraprenditorjali sabiex jiġi inkoraġġut it-tkabbir ekonomiku meħtieġ biex jinżamm b’suċċess il-mudell soċjali tal-Ewropa. Għandha ssir distinzjoni bejn l-intraprenditorija reali u l-ħaddiema għal rashom li huma ekonomikament dipendenti. F’ħafna każijiet, il-bidla fl-istatus ta’ ħaddiem għal rasu u ekonomikament dipendenti mhijiex strettament għażla volontarja, iżda waħda li saret bilfors b’riżultat ta’ fatturi esterni bħall-esternalizzazzjoni (outsourcing) tal-produzzjoni jew ir-ristrutturar ta’ kumpanija bis-sensji li jirriżultaw minn dan (35).

6.7   Is-sistemi tal-protezzjoni soċjali mhux biss ipproteġew lill-Ewropej mill-aktar konsegwenzi gravi tal-kriżi finanzjarja iżda wkoll kellhom rwol kontraċikliku fl-istabbilizzazzjoni tal-ekonomija. Fin-nuqqas ta’ politiki ambizzjużi ta’ konverġenza, dawn is-sistemi jistgħu jitqiegħdu f’periklu b’mod partikolari permezz ta’ prattiki ta’ kompetizzjoni żviluppati minn ċerti Stati Membri li għalihom it-tnaqqis tal-infiq soċjali huwa lieva biex jiġbdu l-investiment barrani. Dan il-proċess, li diġà huwa realtà fil-livell fiskali u dak tal-pagi, għandu tendenza li jespandi fil-qasam tal-affarijiet soċjali (36).

6.8   Il-Kumitat laqa’ l-fatt li, fil-bidu tal-kriżi tal-impjiegi preżenti, ħafna pajjiżi tal-UE implimentaw strumenti attivi ta’ politika tal-impjieg b’sussidji pubbliċi, li għenu sabiex l-impjegati jibqgħu impjegati u jipparteċipaw f’taħriġ addizzjonali minflok jitkeċċew. Il-mudelli li jippermettu lill-kumpaniji biex jibqgħu jħaddmu lill-impjegati tagħhom waqt il-kriżi, flimkien ma’ appoġġ b’saħħtu għad-dħul tal-impjegati li tnaqqsilhom il-ħin tax-xogħol, huma mod ħafna aktar intelliġenti kif tiġi ttrattata l-kriżi milli sempliċiment jitkeċċew impjegati tas-sengħa malli jonqsu l-ordnijiet, peress li dan jiżgura li dawn l-impjegati se jkunu disponibbli malli l-ekonomija tirkupra. Dawn il-mudelli għandhom jiġu żviluppati anke f’dawk il-pajjiżi tal-UE fejn għalissa għadhom ma jeżistux u għandhom jiġu estiżi għal impjegati li għandhom kuntratti mhux standard (37).

7.   L-ibbilanċjar tas-sigurtà u l-flessibbiltà

7.1   Il-flessigurtà m’għandhiex tinfiehem bħala mod kif il-ħaddiema li bħalissa għandhom xogħol ikunu jistgħu jitkeċċew aktar faċilment jew miżura li tpoġġi fil-periklu s-sigurtà soċjali b’mod ġenerali jew ta’ dawk li mhux qed jaħdmu b’mod speċifiku. Il-miżuri maħsuba biex itejbu l-aspett tas-“sigurtà” tal-flessigurtà bħalissa għandhom jingħataw l-ogħla prijorità (38).

7.2   L-użu ta’ mudelli ta’ impjieg fuq medda qasira ta’ żmien juri li f’bosta pajjiżi hemm biżżejjed flessibbiltà fis-swieq tax-xogħol biex il-kumpaniji jkunu jistgħu jirreaġixxu malajr meta jkun hemm tnaqqis fl-ordnijiet. M’hemmx raġunijiet validi għat-talbiet biex jitnaqqsu r-regoli eżistenti għall-protezzjoni tal-impjieg (39).

7.3   Il-bidliet fis-suq tax-xogħol wasslu għal żieda fix-xogħol part-time u dak b’kuntratt fiss. Jista’ jkun li dawn it-tipi ta’ impjieg għamluha iktar faċli sabiex in-nies isibu impjieg u b’hekk żdiedu r-rati tal-impjieg fl-Ewropa. Iżda l-ħaddiema fl-impjieg temporanju għandhom tendenza li jkunu inqas produttivi, jirċievu inqas taħriġ appoġġjat minn min iħaddimhom u għandhom iktar ċans li jkollhom inċidenti relatati max-xogħol. Dawn jirriskjaw ukoll li jeħlu f’impjieg temporanju. Għandhom jitqiesu r-riskji ġodda u t-transizzjonijiet għandhom ikunu kumpensati fl-implimentazzjoni tal-flessigurtà, iżda l-kuntratti permanenti m’għandhomx jitneħħew sistematikament. L-imsieħba soċjali Ewropej ħeġġu li jkun hemm sigurtà adegwata għall-ħaddiema b’kull xorta ta’ kuntratt (40).

7.4   Il-flessigurtà taħdem biss jekk l-impjegati jkunu mħarrġa tajjeb. Hemm rabta mill-qrib bejn il-kompetenzi ġodda u l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda. Huwa kompletament fl-interess tal-kumpaniji li jinvestu fit-taħriġ kontinwu tal-persunal tagħhom, filwaqt li hija r-responsabbiltà tal-ħaddiema li jkomplu jieħdu t-taħriġ (41).

7.5   Strateġija tal-impjieg ibbażata fuq ekonomija sostenibbli tista’ tinbena fuq l-għarfien u n-know-how żviluppati tajjeb fl-Istati Membri. L-UE għandha bżonn l-impjiegi tas-sengħa u għandha tuża dawn il-punti b’saħħithom għall-benefiċċju tagħha. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jinvestu iktar fis-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ kontinwu tagħhom, kif ukoll fil-promozzjoni tax-xjenzi, t-teknoloġija u l-inġinerija. Il-livell attwali ta’ investiment pubbliku fl-edukazzjoni huwa għalkollox inadegwat u għandu jagħmel parti minn strateġija koerenti ta’ tagħlim tul il-ħajja (42).

7.6   Il-miżuri temporanji tas-suq tax-xogħol għandhom jiżguraw li l-impjieg għal perjodu qasir ikun marbut ma’ taħriġ adatt, l-aktar rigward is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, u b’livelli garantiti ta’ pagi (43).

7.7   Huwa urġenti u fundamentali li ż-żgħażagħ jiġu orjentati mill-ġdid lejn is-suġġetti teknoloġiċi u xjentifiċi fil-livelli edukattivi u ta’ taħriġ kollha, sabiex jagħmlu tajjeb għat-tnaqqis mogħti lill-valur tal-attivitajiet tal-produzzjoni favur dawk finanzjarji u spekulattivi (44).

7.8   Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex issaħħaħ il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u biex iżżid il-viżibbiltà tal-ħiliet li jinkisbu barra mis-sistema ta’ edukazzjoni formali (pereżempju permezz tal-Passaport Ewropew tal-Ħiliet).

7.9   Il-KESE jappella għal ġestjoni professjonali aħjar fl-innovazzjoni edukattiva. Huwa essenzjali li jsir titjib fis-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ tal-UE sabiex tiżdied l-impjegabilità u titnaqqas l-inugwaljanza. Il-bidliet istituzzjonali fl-edukazzjoni bilkemm jistgħu jżommu l-pass mal-ħtiġijiet tas-soċjetà. L-istituzzjonijiet għandhom iqisu l-ħtieġa ta’ relazzjoni mill-qrib bejn il-bidliet, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ (45).

7.10   Il-KESE jappella għall-integrazzjoni mill-ġdid tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-ħajja reali, biex tkun eqreb tal-ħtiġijiet tal-pubbliku u tad-drawwiet ta’ ġenerazzjonijiet ġodda ta’ nies li qed jitħarrġu u jitgħallmu (46).

7.11   Il-Kumitat jappoġġja l-idea li jitwaqqfu kunsilli settorjali għall-impjiegi u l-ħiliet f’livell Ewropew, bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati fil-ġestjoni tal-bidliet settorjali u fit-tbassir tal-impjiegi u l-ħtiġijiet il-ġodda li jkunu adattati għall-provvista u d-domanda (47).

7.12   Il-kunsilli settorjali Ewropej jistgħu jappoġġjaw il-ġestjoni tal-bidliet settorjali u jgħinu biex jintlaħqu l-għanijiet tal-inizjattiva “ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda” u jistgħu jkunu utli meta jittieħdu deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-bidliet settorjali fil-livell Ewropew (48).

8.   L-isfruttar tal-potenzjal tas-suq uniku

8.1   Suq uniku dinamiku huwa prerekwiżit u jservi ta’ sostenn għal Strateġija Ewropa 2020 li jkolha suċċess. Għaldaqstant, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni tal-UE u lill-Istati Membri biex jieħdu l-passi neċessarji importanti u deċiżivi bil-għan li jitlesta s-suq uniku, filwaqt li jiġu mħarsa u żviluppati aktar l-istandards ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Il-KESE huwa tal-fehma li r-regoli professjonali tal-professjonijiet liberi huma regoli għall-protezzjoni tal-konsumatur li bis-saħħa tagħhom kemm is-suq uniku Ewropew kif ukoll is-swieq internazzjonali jibqgħu operattivi, u li jevitaw id-distorsjonijiet tas-suq, speċjalment dawk li wasslu għall-kriżi finanzjarja internazzjonali (49).

8.2   Huwa importanti li d-Direttiva dwar is-Servizzi tiġi implimentata b’konformità sħiħa mal-ispirtu u r-regoli tas-suq uniku. Hemm bżonn regoli implimentattivi ċari u effettivi għall-applikazzjoni adatta u t-twettiq tal-għanijiet tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema, jiġifieri l-kompetizzjoni ġusta bejn l-intrapriżi, ir-rispett għad-drittijiet tal-ħaddiema u li jiġi evitat id-dumping soċjali (50).

8.3   Ir-rwol importanti li jaqdi s-settur tas-servizzi fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali għandu jiġi rikonoxxut bħala kwistjoni urġenti. Il-prijoritajiet għandhom jiġu stabbiliti f’din l-ordni:

Azzjoni dwar il-politiki b’rabta mas-servizzi lin-negozju u Grupp ta’ Livell Għoli. Għandu jitwaqqaf Grupp ta’ Livell Għoli dwar is-Servizzi lin-Negozju biex jagħmel analiżi iktar profonda tas-settur;

Politika tas-suq tax-xogħol fis-servizzi lin-negozju. Minn perspettiva soċjali, huwa meħtieġ studju profond fil-livell settorjali tal-isfidi li qed joħolqu t-tipi ġodda ta’ impjiegi ġenerati mill-interazzjonijiet bejn is-servizzi lin-negozju u l-industrija tal-manifattura. Din l-analiżi għandha tinkludi l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja, kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema, inklużi dawk involuti fil-proċessi ta’ esternalizzazzjoni. Biex jintlaħaq dan l-objettiv, l-aġenda għad-djalogu soċjali għandha tiġi estiża biex tanalizza l-bidliet speċifiċi fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-opportunitajiet ta’ impjieg li jirriżultaw minn bidliet strutturali li jaffettwaw is-servizzi lin-negozju;

Servizzi lin-negozju fil-politiki marbuta mal-innovazzjoni. Il-programmi fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni u l-azzjonijiet maħsuba għall-innovazzjoni fil-qasam tas-servizzi għandhom jiġu promossi bil-qawwa;

Żvilupp tal-istandards tas-servizzi lin-negozju. L-intrapriżi għandhom jitħeġġu jagħtu l-kontribut tagħhom għat-twaqqif ta’ standards permezz tal-awtoregolazzjoni wara konsultazzjoni intensiva mal-utenti tas-servizzi lin-negozju;

Promozzjoni tax-xjenza tas-servizzi bħala dixxiplina ġdida fl-edukazzjoni u t-taħriġ;

Is-suq intern u r-regolamentazzjoni li taffettwa s-servizzi lin-negozju. Ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt tad-Direttiva dwar is-Servizzi fuq is-servizzi lin-negozju. Dan jistħoqqlu sforz kbir, speċjalment ġaladarba d-direttiva tkun trasposta fil-leġislazzjoni nazzjonali.

Iktar titjib fl-istatistika b’rabta mas-servizzi lin-negozju. L-Istati Membri huma mitluba jikkollaboraw aktar biex l-istatistika dwar is-servizzi lin-negozju tittejjeb (51).

8.4   L-aspirazzjonijiet għall-ħarsien tal-konsumatur fis-suq intern tas-servizzi għandhom jaqdu rwol ikbar. L-inċertezza evidenti fir-rigward tas-sitwazzjoni legali tas-servizzi transkonfinali għandha tiġi indirizzata permezz ta’ strateġija ta’ informazzjoni fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE. Ix-xewqa għal infomazzjoni eżatta dwar is-servizzi u l-fornituri m’għandhiex tiġi ssottovalutata (52).

8.5   Fir-rigward tal-industrija tal-bejgħ bl-imnut, huwa importanti li s-suċċess kummerċjali ma jiġix penalizzat, ħlief f’każijiet fejn ikunu involuti prattiki li mhumiex kompatibbli mal-kompletar tas-suq intern, b’mod partikolari meta jkun hemm provi ċari ta’ abbuż tal-poter tas-suq jew ħsara lill-konsumaturi bi ksur tal-Artikolu 81 tat-Trattat tal-UE (53).

8.6   Fir-rigward tal-qafas Ewropew tal-proprjetà intellettwali, il-Kumitat jappoġġja l-istabbiliment ta’ Osservatorju Ewropew tal-Falsifikazzjoni u l-Piraterija, li jiġbor u jxerred l-informazzjoni utli dwar il-prattiki tal-falsifikaturi u jagħti appoġġ speċifiku lill-SMEs u l-SMIs. Il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport b’mod regolari dwar id-data miġbura mill-Osservatorju u dwar l-attivitajiet tiegħu (54).

8.7   Il-Kumitat jirrifjuta l-idea ta’ kwalunkwe sett ta’ regoli speċjali bħal dawk introdotti fil-leġislazzjoni ta’ xi Stati Membri fir-rigward tal-eżerċizzju tad-dritt tal-awtur fuq l-internet, li jistgħu jiksru l-privatezza tal-individwu. Minflok, jirrakkomanda li jittieħdu miżuri attivi ta’ edukazzjoni u taħriġ għall-konsumaturi, speċjalment iż-żgħażagħ (55).

8.8   B’mod speċjali għax-xogħlijiet orfni, il-Kumitat jirrakkomanda sistema armonizzata ta’ reġistrazzjoni tad-dritt tal-awtur u tad-drittijiet relatati, li tiġġedded kull tant żmien, sabiex ikunu jistgħu jinsabu b’mod faċli dawk li jkollhom dawn id-drittijiet. Din is-sistema għandha tispeċifika n-natura, it-titolu tax-xogħol u d-diversi detenturi tad-drittijiet. Jitlob lill-Kummissjoni tistudja l-fattibbiltà ta’ idea bħal din (56).

8.9   Il-Kumitat itenni t-talba tiegħu li tinħoloq il-privattiva tal-Unjoni Ewropea u tiġi implimentata b’mod adatt fl-Istati Membri kollha (57).

8.10   Id-dimensjoni globali tas-suq intern teħtieġ aktar sforzi konġunti. Pjan ta’ Azzjoni tal-UE xieraq għandu jkun immirat lejn:

l-iżvilupp tal-politiki esterni tal-UE u l-aspetti esterni tal-politiki l-oħrajn tagħha skont loġika strutturali li ssaħħaħ il-koerenza ġenerali tagħhom u żżid l-unità li biha jaġixxu l-Istati Membri;

l-iżgurar ta’ ftuħ bilanċjat tas-swieq, inkluż ir-rispett tal-istandards tax-xogħol prinċipali tal-ILO permezz tal-konklużjoni taċ-ċiklu ta’ Doha u djalogu strutturat mal-imsieħba ewlenin tagħha;

it-tisħiħ tar-rwol tal-UE bħala setgħa regolatorja internazzjonali u s-segwitu tal-politika internazzjonali fuq il-bażi tal-promozzjoni tad-drittijiet;

il-ħarsien tal-interess tal-ħaddiema, konsumaturi u produtturi lokali fis-swieq tal-imsieħba kummerċjali;

it-tisħiħ tad-dimensjoni internazzjonali tal-euro;

l-adozzjoni tal-objettiv li tinbena żona wiesgħa ta’ żvilupp u tkabbir ekonomiku speċjali, bl-involviment tal-kompletar malajr tat-tkabbir tal-Unjoni, il-Politika tal-Viċinat, l-Unjoni għall-Mediterran, u sħubija iktar b’saħħitha mal-Afrika (58).

8.11   Għadhom jeżistu xi impedimenti għall-iżvilupp tal-kunsinna diġitali li għandhom jiġu investigati fil-fond u għandhom jinsabu soluzzjonijiet għalihom sabiex l-intrapriżi Ewropej li joperaw fis-settur tas-servizzi lin-negozju jkunu aktar aggressivi u jespandu aktar lil hinn mill-fruntieri tal-UE. Impedimenti ta’ dan it-tip jinkludu n-nuqqas ta’ standards, ta’ interoperabbiltà, ta’ fiduċja u sigurtà fil-kummerċ elettroniku, in-nuqqas ta’ investiment fl-intrastruttura fissa u mobbli tal-broadband, l-użu li għadu baxx tal-ICT (Teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni) mill-SMEs (59).

8.12   L-ostakli l-kbar għall-inklużjoni elettronika għandhom jiġu indirizzati permezz ta’ konnettività veloċi mal-internet, ta’ ħiliet fl-ICT u tal-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi li huma adatti għall-bżonnijiet ta’ soċjetà li qed tixjieħ u għall-persuni b’diżabbiltà, ta’ finanzjament għat-titjib tal-koordinazzjoni tal-innovazzjoni tal-ICT, ta’ appoġġ għall-prodotti u s-servizzi tal-ICT fuq il-bażi ta’ standards miftuħa, tal-programm Galileo fl-Aġenda Diġitali, u tal-iżvilupp u d-disponibbiltà ta’ kontenut u servizzi onlajn siewja, filwaqt li tiġi garantita l-privatezza u li d-data personali tinħażen b’mod sikur (60).

8.13   L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw programmi nazzjonali ta’ Riċerka u Żvilupp b’saħħithom u tagħhom stess fl-oqsma tal-ICT u tal-FET (Teknoloġiji Futuri u Emerġenti) sabiex isiru msieħba b’saħħithom għall-kooperazzjoni Ewropea u internazzjonali. Għandha tiġi investita parti akbar mill-Fondi Strutturali għal dan il-għan (61).

8.14   Fir-rigward tal-SMEs, il-Kumitat itenni l-proposti tiegħu għal Att Ewropew dwar in-Negozji ż-Żgħar ambizzjuż li jinkludi:

strument legali vinkolanti li jirregola l-prinċipju “Aħseb l-ewwel fiż-Żgħir” sabiex tiġi żgurata, bl-aktar mod obbligatorju possibbli, implimentazzjoni effettiva u konkreta ta’ dawn il-prinċipji ta’ governanza fil-livell tal-UE kif ukoll fl-Istati Membri u fir-reġjuni;

pjan direzzjonali b’kalendarju preċiż u mezzi adegwati għall-implimentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet konkreti b’firxa wiesgħa tal-Att Ewropew dwar in-Negozji ż-Żgħar;

impenji ċari biex jitnaqqas il-piż burokratiku, b’mod partikolari rigward il-prinċipju ta’ “darba biss” għall-formalitajiet amministrattivi kollha;

riorganizzazzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea sabiex l-SMEs ikollhom imsieħeb ġenwin u strumenti li jgħinu lill-intrapriżi jsiru dejjem iżjed Ewropej (l-“Ewropanizzazzjoni” tal-intrapriżi);

għodod Ewropej li jservu ta’ lieva biex jippromovu l-kapitalizzazzjoni, in-netwerking, l-investimenti u t-tagħlim tul il-ħajja fl-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju;

qafas politiku koerenti għall-politiki kollha tal-UE sabiex l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju jitqiesu bħala r-regola u mhux bħala l-eċċezzjoni;

l-interpretazzjoni nazzjonali tal-objettivi tal-Att Ewropew dwar in-Negozji ż-Żgħar, inkluż permezz tal-leġislazzjoni; u

l-użu mill-ġdid tal-konsultazzjoni permanenti mal-organizzazzjonijiet intermedjarji u l-imsieħba soċjali (62).

8.15   Il-Kumitat isejjaħ għall-introduzzjoni ta’ bażi fiskali korporattiva komuni u konsolidata (CCCTB) (63), bil-għan li l-prattiki fiskali fl-Istati Membri kollha jsiru aktar sempliċi, ekwi u trasparenti. Huwa importanti wkoll li tiġi kkunsidrata l-estensjoni tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni dwar it-taxxa fuq il-kumpaniji (64).

8.16   Il-Kumitat jenfasizza l-ħtieġa ta’ sistema tat-taxxa indiretta armonizzata u sempliċi, li tnaqqas il-piż amministrattiv u li ġġib benefiċċji ċari għall-intrapriżi u l-individwi, li tiggarantixxi tassazzjoni ġusta u dħul ċert għall-finanzi pubbliċi, li tnaqqas ir-riskju ta’ frodi fiskali u li tikkontribwixxi għall-kompletar tas-suq intern (65).

8.17   Fir-rigward tal-frodi tal-VAT, ir-reżistenza għall-bidla qed tħalli effetti negattivi fuq il-finanzi tal-Istati Membri u tal-UE; l-interessi partikolari qed jieħdu preċedenza fuq il-ġid komuni (66).

9.   L-attrazzjoni ta’ kapital privat biex jiffinanzja t-tkabbir

9.1   Il-proposti tal-Kummissjoni maħsuba biex jattiraw aktar kapital privat biex jiffinanzja t-tkabbir huma daqsxejn tentattivi. Fi żmien meta ħafna mill-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri huma jew ristretti b’mod sever jew inkella qed jitnaqqsu, il-bżonn li jinsabu sorsi alternattivi ta’ finanzjament biex jiġi stimolat it-tkabbir għandhom jingħataw prijorità ħafna akbar. Il-proposta li jiġu introdotti bonds ta’ proġetti tal-UE (EU project bonds) ser tgħin f’xi investimenti infrastrutturali importanti, iżda għandu jkun hemm ukoll sforz aktar sistematiku biex jiġi mobilizzat l-investiment f’fond tal-pensjoni Ewropew. Dan jista’ jinkiseb billi l-Istati Membri jiġu inkoraġġuti jinċentivizzaw il-fondi tal-pensjoni tagħhom biex jiġu investiti fl-infrastrutturi nazzjonali u biex jikkofinanzjawhom.

9.2   Jekk il-BEI jitħalla joħroġ il-Eurobonds, jew aħjar bonds tal-UE li jkopru s-27 Stat Membru, jista’ jinħoloq kapital ġdid għas-settur pubbliku mingħajr id-dipendenza għalkollox mis-settur finanzjarju privat. Ir-riżorsi finanzjarji għandhom jinstabu iktar ’il fuq fil-katina (upstream), pereżempju fl-Istituzzjonijiet li jipprovdu Irtirar Okkupazzjonali (IORP), sabiex il-BEI jsir l-interfaċċja bejn dawn ir-riżorsi kapitali u l-investimenti tiegħu. Il-Eurobonds huma strumenti li jistgħu jintużaw ukoll għat-tfaddil privat fit-tul. Il-Kumitat jilqa’ l-introduzzjoni rapida tal-bonds ta’ proġetti, iżda din m’għandhiex tkun alternattiva jew sostitut għall-ħolqien tal-Eurobonds (67).

9.3   Fir-rigward tal-istrutturi tal-finanzjament għall-SMEs fil-kuntest tas-sitwazzjoni finanzjarja attwali, il-proposta li jiġu liberalizzati l-fondi tal-kapital ta’ riskju (venture capital) biex ikunu jistgħu joperaw madwar l-Unjoni hija apprezzata iżda jmissha ilha ħafna li saret. Għandha ssir riflessjoni wkoll biex jinsabu modi kif tiżdied il-provvista tal-finanzjament ta’ riskju hekk kif is-suq Ewropew qed jikber. Pereżempju, il-ħolqien ta’ pjattaformi żgħar reġjonali kkoordinati minn netwerk Ewropew joħloq strument ġdid li jista’ jintuża biex jiżdied il-kapital ġdid għall-kumpaniji żgħar. Dan iħeġġeġ aktar finanzjament fil-forma ta’ kapital ta’ riskju, u jgħin ukoll lill-investituri żgħar ta’ kapital ta’ riskju biex jassistu lin-negozji żgħar (68).

9.4   Huwa rikonoxxut li s-suq ma rnexxilux jipprovdi l-kapital bikri għall-ispin outs u l-istart-ups fil-qasam tat-teknoloġija. L-isforz li sar biex jirrimedja din is-sitwazzjoni permezz ta’ inizjattivi bħall-investituri privati (business angels) u l-fondi għall-kapital inizjali għenhom, iżda l-universitajiet u ċ-ċentri tar-riċerka fl-Ewropa għad qed ikollhom id-diffikultajiet biex jittrasferixxu l-għarfien lejn is-suq. It-talba għall-kapital bikri qed tikber, iżda l-provvista għadha sa ċertu punt l-istess. Għandu jsir sforz akbar biex jiġu inċentivizzati l-individwi u l-istituzzjonijiet li għandhom ħafna kapital biex jipprovdu aktar finanzjament ta’ riskju għall-istart-ups fil-qasam tat-teknoloġija u għall-attività prototipika.

9.5   Metodi prattiċi għall-għajnuna tal-SMEs, bħall-medjazzjoni, ħelsien mit-taxxa, ħlas fil-pront u miżuri li jiffaċilitaw it-tixrid malajr ta’ fondi permezz ta’ eżenzjonijiet għall-għajnuna mill-Istat għandhom jitħeġġu, b’mod partikolari għal dawk is-setturi li huma esposti l-iktar għall-globalizzazzjoni u l-effetti attwali tal-kriżi ekonomika u finanzjarja (69).

10.   Il-ħolqien ta’ aċċess kosteffikaċi għall-enerġija

10.1   Il-miżuri li jinsabu fit-Tielet Pakkett tal-Enerġija għandhom jiġu implimentati sabiex jistabbilixxu suq ġenwin tal-enerġija bbażat fuq il-kooperazzjoni bejn l-Istati, interkonnessjoni mtejba bejn in-netwerks u l-operaturi u aktar setgħat għar-regolaturi nazzjonali (70).

10.2   L-effiċjenza fil-qasam tal-enerġija tiġi qabel il-qabża teknoloġika li tippermetti t-tranżizzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju. Diġà sar progress, madankollu l-Istati Membri jridu jaħdmu iktar sabiex jiżviluppaw is-sorsi rinnovabbli tal-enerġija fil-pjani ta’ investiment tagħhom sabiex jiżguraw li l-kumpaniji privati li jaħdmu fuq il-prodotti u s-servizzi relatati mal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija jkollhom il-qafas stabbli adatt ta’ regolamentazzjoni u inċentivi (71).

10.3   Il-Kumitat ressaq proposta lill-Kunsill tal-Enerġija tal-4 ta’ Frar 2011 biex jiġu stabbiliti għanijiet fil-qafas tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija għal setturi prinċipali speċifiċi bħat-trasport u l-industrija tal-bini, inklużi miżuri bħal:

l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tal-forom kollha tal-enerġija sabiex is-suq, b’mod naturali, idur fuq il-forom li jipproduċu l-inqas emissjonijiet ta’ diossidu tal-karbonju;

spinta fil-qasam tal-informazzjoni u t-taħriġ fejn jidħlu teknoloġiji ġodda u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, eż. fis-settur tal-bini, ix-xogħlijiet pubbliċi u t-trasport;

l-użu iktar effettiv tal-potenzjal tal-ICTs sabiex tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija f’kull livell tal-produzzjoni u l-konsum;

10.4   Il-Kumitat ifakkar li l-bini, li jgħodd għal 40 % tad-domanda aħħarija għall-enerġija fl-Unjoni Ewropea, jirrappreżenta l-ikbar konsumatur uniku tal-enerġija. Daqs nofs il-potenzjal għall-qligħ mill-effiċjenza tal-enerġija jista’ jiġi assigurat mill-bini u bi spiża ekonomika negattiva. B’dan l-iffrankar biss, l-UE tista’ tissodisfa l-impenji tagħha fil-Protokoll ta’ Kjoto. Barra minn hekk, dan l-iffrankar tal-enerġija jista’ jinkiseb bl-użu ta’ teknoloġiji li jeżistu diġà. B’żieda ma’ dan, it-titjib fil-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini jkollu biss effetti pożittivi, li joħloq l-impjieg utli, inaqqas l-ispejjeż operattivi, iżid il-kumdità u joħloq ambjent iktar nadif. Dan għandu jkun prijorità assoluta għall-Unjoni Ewropea. Il-Kumitat jagħraf ukoll l-importanza ta’ materjali bażiċi ġodda u iktar żviluppati fit-tagħmir li jintuża fid-djar u l-uffiċini kif ukoll l-importanza ta’ setturi oħra bħall-enerġija u t-trasport (72).

10.5   L-industriji li jużaw ħafna enerġija għandhom tabilħaqq jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-politika dwar il-klima u l-enerġija. L-istrumenti tal-politika tal-ambjent u l-enerġija għandhom jiġu eżaminati bir-reqqa u għandhom jitfasslu f’termini ta’ kemm għandhom impatt fuq il-kompetittività ta’ dawn l-industriji (73).

10.6   Il-prestazzjoni ambjentali eċċellenti ta’ ħafna prodotti tal-ħġieġ u taċ-ċeramika (materjali tal-insulazzjoni, twieqi bi ħġieġ doppju, eċċ.) għandha tiġi promossa bħala valur ta’ referenza tal-iffrankar tal-enerġija fl-industrija tal-kostruzzjoni fl-UE. Barra minn hekk, din it-teknoloġija għandha tiġi inkluża f’kull trasferiment previst tat-teknoloġija għal dawk il-pajjiżi li huma barra mill-UE b’potenzjal kbir għall-iffrankar tal-enerġija (74).

10.7   Il-Kumitat jipproponi li jiġi studjat jekk, fil-kuntest tal-kriżi attwali u fid-dawl tal-ħtieġa li jiġi adottat approċċ sostenibbli, id-dispożizzjonijiet attwalment fis-seħħ (fis-setturi tat-telekomunikazzjoni, is-servizzi tal-posta, l-elettriku) humiex biżżejjed biex jiġu evitati t-tnaqqis tal-kwalità tas-servizzi offruti u l-iżvilupp ta’ fenomeni bħall-esklużjoni, il-frammentazzjoni soċjali u l-faqar. Bl-istess mod ikun utli li jiġi stabbilit jekk hemmx bżonn li l-oqsma ġodda jridu jiġu koperti minn “livell għoli f’termini ta’ kwalità, sigurtà u affordability, it-trattament indaqs u l-promozzjoni ta’ aċċess universali u tad-drittijiet tal-utenti”, definiti bħala prinċipji Komunitarji mill-Protokoll Nru. 26, anness mat-Trattat ta’ Lisbona (75).

10.8   Għandhom isiru studji dwar il-fattibbiltà ta’ servizz ta’ interess ġenerali Ewropew tal-enerġija li jista’ jintuża mill-politika komuni tal-enerġija. Minħabba li huma maqbuda bejn differenzi nazzjonali u l-ħtieġa komuni li jitwaqqaf suq uniku Ewropew, l-istituzzjonijiet Ewropej u l-gvernijiet nazzjonali jew l-Istati Membri, madankollu, qed ibatu biex jiffamiljarizzaw ruħhom mal-idea ta’ servizzi Komunitarji ta’ interess ġenerali (ekonomiċi jew le). Pereżempju, l-idea li jinħolqu servizzi Ewropej tal-enerġija għadha ma ntlaqgħetx tajjeb minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi. Madankollu, is-SIĠ Komunitarji huma neċessarji biex jitkompla l-proċess tal-integrazzjoni Ewropea. Is-servizzi ta’ dan it-tip ser ikunu t-turija tas-solidarjetà Ewropea biex tilqa’ l-isfidi li qed ikollha tiffaċċja l-Unjoni. Għandhom jiġu stabbiliti “Grilja Unika Ewropea” kif ukoll strutturi u proġetti konġunti biex din tiġi ppjanata u amministrata. Il-grilja trid ikun kapaċi tamministra u topera b’mod intelliġenti fil-livelli kollha sabiex tqabbel bl-aħjar mod il-provvista mad-domanda (76).

10.9   L-industriji li jużaw ħafna enerġija jeħtieġu provvisti tal-enerġija sikuri, imfassla minn taħlita xierqa tal-enerġija Ewropea, li m’għandha teskludi l-ebda sors tal-enerġija (il-faħam, l-enerġija rinnovabbli u l-enerġija nukleari), u li tkun ibbażata fuq kompetizzjoni effiċjenti fis-swieq tal-gass u l-elettriku, li fl-aħħar mill-aħħar tirriżulta fi prezzijiet raġonevoli tal-provvista tal-enerġija. L-interessi tal-politiki nazzjonali tal-enerġija għandhom jintisġu aħjar f’kunċett Ewropew integrat billi s’issa s-suq tal-enerġija ma żammx l-istess ritmu mas-suq uniku tal-prodotti industrijali. Għalkemm xi Stati Membri għażlu li ma jużawx l-enerġija nukleari, il-preservazzjoni tal-ġenerazzjoni tal-elettriku bbażata fuq il-fissjoni fl-UE tfisser ukoll iż-żamma tan-know-how dwar din it-teknoloġija fl-Ewropa. Ovvjament, it-tkomplija tal-għażla nukleari teħtieġ livell għoli ta’ sigurtà u impjegati mħarrġa sewwa (77).

10.10   Fir-rigward tal-iżvilupp ta’ standards tal-UE għal prodotti effiċjenti fl-użu tal-enerġija, il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-inizjattivi tal-Kummissjoni bħar-Regolament tal-“Energy Star”, li l-istandards tiegħu issa saru obbligatorji għall-akkwist pubbliku tat-tagħmir għall-uffiċċji, l-istandards armonizzati dwar il-konsum tal-enerġija tal-bini u l-poteri miżjuda tar-regolaturi nazzjonali fil-qasam tal-effiċjenza tal-enerġija. Huwa jqis li l-ftehimiet volontarji mal-operaturi nazzjonali tal-enerġija huma siewja, iżda l-ftehimiet li jiġu approvati għandhom juru biċ-ċar li jekk l-objettivi ma jintlaħqux, jiġu imposti standards obbligatorji (78).

10.11   Fl-istess kuntest, il-Kumitat iqis essenzjali li jiġu evalwati bir-reqqa l-impatti ta’ prezzijiet għalja tal-enerġija fuq familji ifqar u persuni vulnerabbli, u li l-politiki tal-UE u tal-Istati Membri jitfasslu skont il-ħtieġa. Dawn id-djar għandhom ikunu l-kandidati ta’ prijorità għall-għajnuna għall-istallazzjoni ta’ miżuri ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija (79).

10.12   Il-KESE jappoġġja l-isforzi li saru favur komodalità effikaċi u t-titjib u l-inklużjoni tal-modi differenti tat-trasport f’netwerk wieħed sabiex tinkiseb sistema tat-trasport integrata u tiġi żgurata fluwidità massima tat-trasport (80).

10.13   Il-KESE jagħraf li s-settur tat-trasport jiddependi mill-karburanti fossili u li dan għandu konsegwenzi rigward l-emissjonijiet u s-sigurtà u l-indipendenza tal-provvista. Il-Kumitat jaf ukoll li r-riżorsi, b’mod partikolari ż-żejt, huma limitati. Għaldaqstant, jemmen li, filwaqt li tħares il-kompetittività tas-settur fil-qafas tal-istrateġija għall-2020, il-politika Ewropea tat-trasport tal-ġejjieni għandha tindirizza erba’ objettivi ewlenin: il-promozzjoni tal-modi tat-trasport b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, is-sigurtà u l-indipendenza tal-provvista kif ukoll it-tnaqqis tal-konġestjoni tat-traffiku (81).

10.14   L-isfidi ewlenin li għandhom jiġu ffaċċjati u l-kwistjonijiet li għandhom jiġu integrati f’politika sostenibbli tat-trasport huma: (i) l-urbanizzazzjoni dejjem tikber u d-domanda għall-kumdità fil-vjaġġi li jsiru kuljum, (ii) il-ħarsien tas-saħħa pubblika li jitlob tnaqqis tal-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu u tal-gassijiet b’effett ta’ serra, (iii) iż-żamma ta’ ekonomija tal-iskambji li tinkludi l-ħtieġa li jitnaqqsu l-emissjonijiet, (iv) id-definizzjoni ta’ territorji omoġeni biex titfassal politika verament integrata tat-trasport, (v) l-inklużjoni tal-atturi ekonomiċi u l-pubbliku inġenerali biex jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta’ politiki ġodda u għal imġiba ġdida fil-qasam tal-mobbiltà (82).

10.15   Il-Kumitat appoġġja wkoll l-inizjattivi tal-UE għal vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija u rrakommanda azzjonijiet oħra. Huwa jenfasizza li hemm kompetizzjoni ħarxa bejn l-operaturi tal-industrija fis-settur tal-karozzi, tal-batteriji u tal-provvista tal-enerġija biex jiżviluppaw l-aħjar teknoloġiji bl-aħjar prezzijiet. Fiha nnifisha, din il-kompetizzjoni hija xprun b’saħħtu għall-innovazzjoni u m’għandhiex titrażżan, iżda hemm bżonn ta’ inċentivi tas-suq sabiex nimxu ’l quddiem b’mod deċiviż lejn il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ ibridi rikarikabbli (plug in hybrids) u vetturi totalment elettriċi (83).

Brussell, 15 ta’ Marzu 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar L-implikazzjonijiet tal-kriżi tad-dejn sovran għall-governanza tal-UE, ĠU C 51, 17.2.2011, p.15.

(2)  Ara l-ktejjeb tal-KESE Programm għall-Ewropa: Proposti tas-soċjetà ċivili, CESE 593/2009, Fiche 1, it-tieni punt.

(3)  F’punt 8 jsiru aktar proposti ta’ politika rigward it-tassazzjoni.

(4)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar it-Taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji, ĠU C 44, 11.2.2011, p. 81.

(5)  ĠU C 51, 17.2.2011, p.15, op. cit.

(6)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar L-Istrateġija ta’ Lisbona wara l-2010, ĠU C 128, 18.5.2010, u dik dwar L-irkupru ekonomiku: is-sitwazzjoni attwali u l-inizjattivi prattiċi, ĠU C 48, 15.2.2011, p. 57.

(7)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar ir-Riżultati tas-Summit dwar l-Impjiegi, ĠU C 306, 16.12.2009, p. 70.

(8)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – It-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika għall-istabilità, it-tkabbir u l-impjiegi – Għodda għal governanza ekonomika tal-UE isħaħ, ĠU C 107, 6.4.2011, p. 7.

(9)  Ara l-opinjoni tal-KESE Wara l-kriżi: sistema finanzjarja ġdida għas-suq intern, ĠU C 48, 15.2.2011, p. 38.

(10)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu, ĠU C 54, 19.2.2011, p. 37.

(11)  ĠU C 54, 19.2.2011, p. 37, op. cit.

(12)  ĠU C 54, 19.2.2011, p. 37, op. cit.

(13)  Ara l-opinjoni tal-KESE Wara l-kriżi: sistema finanzjarja ġdida għas-suq intern, ĠU C 48, 15.2.2011, p. 38.

(14)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Bejgħ bin-Nieqes u ċerti aspetti tas-Swaps ta’ Inadempjenza tal-Kreditu, ĠU C 84, 17.3.2011, p. 34.

(15)  ĠU C 54, 19.2.2011, p. 37, op. cit.

(16)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni – Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2009, ĠU C 84, 17.3.2011, p. 7.

(17)  ĠU C 48, 15.2.2011, p. 57, op. cit.

(18)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar L-inklużjoni soċjali, ĠU C 128, 18.5.2010, p. 10.

(19)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar il-Kura u l-Edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija, ĠU C 339, 14.12.2010, p. 1.

(20)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar il-Green Paper li timmodernizza l-liġi dwar ix-xogħol sabiex taffaċċa l-isfidi tas-seklu 21, ĠU C 175, 27.7.2007, p. 65.

(21)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar L-impatt tat-territorjalità tal-liġi fiskali fuq il-bidliet industrijali, ĠU C 120, 16.5.2008, p. 51.

(22)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar il-Green Paper – lejn sistemi ta’ pensjonijiet Ewropej adegwati, sostenibbli u siguri, ĠU C 84, 17.3.2011, p. 38.

(23)  ĠU C 84, 17.3.2011, p. 38, op. cit.

(24)  ĠU C 128, 18.5.2010, p. 10, op. cit.

(25)  ĠU C 84, 17.3.2011, p. 38, op. cit.

(26)  ĠU C 84, 17.3.2011, p. 38, op. cit.

(27)  CESE 72/2011, op. cit., u ara l-opinjoni tal-KESE dwar Il-pjan direzzjonali għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2006-2010) u l-istrateġija ta’ segwitu, ĠU C 354, 28.12.2010, p. 1.

(28)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar L-impatt tal-fondi tal-private equity, il-hedge funds u l-fondi sovrani fuq il-bidliet industrijali fl-Ewropa, ĠU C 128, 18.5.2010, p. 56.

(29)  Op. cit. ĠU C 84, 17.3.2011, p. 38.

(30)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għall-politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri – it-Tieni Parti tal-Linji Gwida Integrati tal-Istrateġija Ewropa 2020, ĠU C 21, 21.1.2011, p. 66.

(31)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar L-iżvilupp tal-benefiċċji soċjali, ĠU C 44, 11.2.2011, p. 28, CESE 977/2010.

(32)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar Ix-xogħol u l-faqar: lejn l-approċċ olistiku meħtieġ, ĠU C 318, 23.12.2009, p. 52.

(33)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 dwar l-istabbiliment tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, ĠU C 228, 22.9.2009, p. 103.

(34)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar L-impatt tal-kriżi dinjija fuq is-setturi ewlenin Ewropej tal-manifattura u tas-servizzi, ĠU C 318, 23.12.2009, p. 43.

(35)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta’ Liżbona: Inkattru inklinazzjonijiet intraprenditorjali bl-edukazzjoni u t-tagħlim, ĠU C 309, 16.12.2006, p. 110 (mhux disponibbli bil-Malti); u l-opinjoni tal-KESE dwar Tendenzi ġodda fil-qasam tax-xogħol indipendenti: il-każ speċifiku tax-xogħol indipendenti ekonomikament dipendenti, ĠU C 18, 19.1.2011, p. 44.

(36)  ĠU C 44, 11.2.2011, p. 28, op. cit.

(37)  ĠU C 306, 16.12.2009, p. 70, op. cit.

(38)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar Kif il-flessigurtà tista’ tintuża għar-ristrutturar fil-kuntest tal-iżvilupp dinji, ĠU C 318, 23.12.2009, p.1.

(39)  ĠU C 306, 16.12.2009, p. 70, op. cit.

(40)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn Prinċipji Komuni ta’ Flessigurtà: Aktar impjiegi u impjiegi aħjar permezz tal-flessibbiltà u s-sigurtà, ĠU C 211, 19.8.2008, p. 48.

(41)  ĠU C 318, 23.12.2009, p. 1, op. cit.

(42)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar L-impatt tal-bidliet industrijali kkawżati mill-isfidi relatati mal-ekoloġija, l-enerġija u l-klima fuq l-impjiegi, ĠU C 44, 11.2.2011, p. 40.

(43)  ĠU C 318, 23.12.2009, p. 43, op. cit.

(44)  ĠU C 318, 23.12.2009, p. 43, op. cit.

(45)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar Tqabbil ta’ ħiliet mal-ħtiġijiet tal-industrija u s-servizzi li qed jgħaddu minn tibdil – B’liema mod it-twaqqif ta’ kunsilli settorjali għall-impjiegi u l-ħiliet f’livell Ewropew jista’ jikkontribwixxi għal dan il-għan? ĠU C 347, 18.12.2010, p. 1.

(46)  ĠU C 347, 18.12.2010, p. 1, ibid.

(47)  ĠU C 347, 18.12.2010, p. 1, ibid.

(48)  ĠU C 347, 18.12.2010, p. 1, ibid.

(49)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar L-Aġenda ta’ Lisbona u s-Suq Intern, ĠU C 347, 18.12.2010, p. 8.

(50)  ĠU C 347, 18.12.2010, p. 8, ibid.

(51)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar L-iżviluppi fis-settur tas-servizzi lin-negozju fl-Ewropa, ĠU C 27, 3.2.2009, p. 26.

(52)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar Is-suq intern għas-servizzi – ħtiġijiet fir-rigward tas-suq tax-xogħol u l-ħarsien tal-konsumaturi, ĠU C 175, 27.7.2007, p. 14.

(53)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar L-iżviluppi fl-industrija tal-bejgħ bl-imnut u l-impatt fuq il-fornituri u l-konsumaturi, ĠU C 175, 28.7.2009, p. 57.

(54)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: Li ssaħħaħ l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern, ĠU C 18, 19.1.2011, p. 105.

(55)  ĠU C 18, 19.1.2011, p. 105, ibid.

(56)  ĠU C 18, 19.1.2011, p. 105, ibid.

(57)  ĠU C 18, 19.1.2011, p. 105, op. cit.

(58)  ĠU C 347, 18.12.2010, p. 8, op. cit., u l-opinjoni tal-KESE dwar Id-dimensjoni esterna tal-istrateġija ta’ Lisbona mġedda, ĠU C 128, 18.5.2010, p. 41.

(59)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar Is-servizzi u l-industrija Ewropea tal-manifattura: Interazzjonijiet u impatti fuq l-impjieg, il-kompetittività u l-produttività, ĠU C 318, 23.12.2006, p.26 (mhux disponibbli bil-Malti).

(60)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Aġenda Diġitali għall-Ewropa, ĠU C 54, 19.2.2011, p. 58.

(61)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Inħarrku l-fruntieri fit-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) – strateġija għar-riċerka fit-teknoloġiji ġodda u tal-ġejjieni fl-Ewropa, ĠU C 255, 22.9.2010, p. 54.

(62)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir”: “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa, ĠU C 182, 4.8.2009, p. 30.

(63)  Ara l-Komunikazzjoi reċenti mill-Kummisjsoni dwar L-implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju għat-tisħiħ tat-tkabbir u l-impjieg u għat-titjib tal-kompetittività tan-negozju UE: Aktar Progress matul l-2006 u l-passi li jmiss lejn proposta għal Bażi Fiskali Korporattiva Komuni u Konsolidata (CCCTB) (COM(2007) 223 finali, 2.5.2007).

(64)  ĠU C 120, 16.8.2008, p. 51, op. cit.

(65)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar il-Proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KEE dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud f’dak li għandu x’jaqsam mal-perjodu ta’ obbligu li tiġi rispettata r-rata standard minima, ĠU C 51, 17.2.2011, p.67.

(66)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-koperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU C 347, 18.12.2010, p. 73.

(67)  Op. cit. ĠU C 48, 15.2.2011, p. 57.

(68)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar Strutturi ta’ finanzjament għall-SMEs fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja attwali, ĠU C 48, 15.2.2011, p. 33.

(69)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar Kif għandhom jiġu appoġġjati l-SMEs biex jadattaw għall-bidliet fis-swieq globali, ĠU C 255, 22.9.2010, p. 24.

(70)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar Il-faqar fl-enerġija fil-kuntest tal-liberalizzazzjoni u l-kriżi ekonomika, ĠU C 44, 11.2.2011, p. 53.

(71)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar L-Istrateġija tal-Enerġija għall-2011-2020, ĠU C 54, 19.2.2011, p. 1.

(72)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar L-impatt tal-iżvilupp kontinwu tas-swieq tal-enerġija fuq il-ktajjen tal-valur industrijali fl-Ewropa, ĠU C 77, 31.3.2009, p. 88.

(73)  ĠU C 77, 31.3.2009, p. 88, ibid.

(74)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar il-Kompetittività tal-industrija Ewropea tal-ħġieġ u taċ-ċeramika, b’referenza partikolari għall-pakkett tal-klima u l-enerġija tal-UE, ĠU C 317, 23.12.2009, p. 7.

(75)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar Liema servizzi ta’ interess ġenerali għandna bżonn sabiex nikkumbattu l-kriżi?, ĠU C 48, 15.2.2011, p. 77.

(76)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar Is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali: kif għandhom jinqasmu l-kompetenzi bejn l-UE u l-Istati Membri?, ĠU C 128, 18.5.2010, p. 65.

(77)  ĠU C 77, 31.3.2009, p. 88, op. cit.

(78)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-ewwel valutazzjoni ta’ pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija kif meħtieġ mid-Direttiva 2006/32/KE dwar effiċjenza fl-użu finali tal-enerġija u dwar servizzi ta’ enerġija - Nimxu ’l quddiem flimkien għal użu aktar effiċjenti tal-enerġija, ĠU C 77, 31.3.2009, p. 54.

(79)  ĠU C 54, 19.2.2011, p. 1, op. cit.

(80)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar il-Politika Ewropea tat-trasport fil-qafas tal-Istrateġija ta’ Lisbona wara l-2010 u tal-Istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli, ĠU C 354, 28.12.2010, p. 23.

(81)  ĠU C 354, 28.12.2010, p. 23, ibid.

(82)  ĠU C 354, 28.12.2010, p. 23, ibid.

(83)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar Lejn użu aktar mifrux tal-vetturi elettriċi, ĠU C 44, 11.2.2011, p. 47.


Top