EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE0541

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-provvista tal-enerġija: x’tip ta’ politika ta’ viċinat għandna bżonn biex niggarantixxu s-sigurtà tal-provvista għall-UE?” (opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Ungeriża)

OJ C 132, 3.5.2011, p. 15–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 132/15


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-provvista tal-enerġija: x’tip ta’ politika ta’ viċinat għandna bżonn biex niggarantixxu s-sigurtà tal-provvista għall-UE?”

(opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Ungeriża)

2011/C 132/04

Relatur: is-Sur IOZIA

Nhar il-15 ta’ Novembru 2010, il-Presidenza tal-UE Ungeriża futura ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-provvista tal-enerġija: x’tip ta’ politika ta’ viċinat għandna bżonn biex niggarantixxu s-sigurtà tal-provvista għall-UE?

(opinjoni esploratorja)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta’ Marzu 2011.

Matul l-470 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Marzu 2011 (seduta tal-15 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’ 86 vot favur, 4 voti kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jitlob:

1.1.1

tisħiħ rapidu u gradwali ta’ politika estera komuni tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-enerġija, is-sigurtà tal-provvista, il-kooperazzjoni mal-pajjiżi produtturi, ta’ tranżitu u l-pajjiżi konsumaturi, fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, marbuta u integrata mal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li tqis l-importanza strateġika tal-provvista tal-enerġija;

1.1.2

li jinħatar Rappreżentant Għoli għall-Politika tal-Enerġija, flimkien mar-Rappreżentant Għoli għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà, peress li s-suġġett tas-sigurtà tal-enerġija għandu jagħmel parti minn dawn il-politiki. Il-Kummissarju għall-Enerġija jista’ jiġi inkarigat formalment biex jaqdi dan ir-rwol;

1.1.3

l-adozzjoni ta’ approċċ integrat bejn il-politiki interni u esteri u l-politiki relatati bħal dawk tal-viċinat u l-prossimità u dawk marbutin mal-ħarsien tal-ambjent;

1.1.4

tmiem l-unilateraliżmu fl-enerġija, li jhedded fundamentalment il-prinċipju tas-solidarjetà bejn l-Istati Membri, u jesponi lil dawk il-pajjiżi li m’għandhomx saħħa adegwata biex jinnegozjaw għal diffikultajiet serji biex jiżguraw il-provvista tagħhom bi prezzijiet ġusti u sostenibbli;

1.1.5

l-iżvilupp tal-Komunità tal-Enerġija, u t-twessigħ tal-mudell ta’ din is-sħubija għall-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran, b’mandat partikolari għall-appoġġ tal-iżvilupp tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, tal-enerġiji rinnovabbli, tal-interkonnessjonijiet u l-interoperabbiltà tan-netwerks. L-għan tal-Komunità tal-Enerġija l-ġdida għandu jkun il-promozzjoni ta’ Karta tal-Enerġija ġdida u ta’Protokoll ġdid dwar l-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija.

1.1.6

li jkollu aċċess għall-pjattaforma 3 dwar is-sigurtà tal-enerġija tas-Sħubija tal-Lvant u l-inklużjoni sistematika f’din il-pjattaforma, ta’ rappreżentanti tal-grupp ta’ ħidma 3 dwar “L-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u s-Sigurtà tal-Enerġija” tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant, peress li leħen is-soċjetà ċivili, inkluż tal-imsieħba soċjali, ta’ sikwit għadu marġinalizzat jew saħansitra mwaqqaf;

1.1.7

impenn istituzzjonali ġdid fil-qasam tal-enerġija; bla dubju t-trattati attwali saħħew il-kompetenza tal-Unjoni f’dan il-qasam, iżda għadhom iżommu l-enerġija f’ambitu komplementari għall-politiki fil-livell nazzjonali, fejn trid tinżamm ir-responsabbiltà dwar l-għażla tat-taħlita interna ta’ enerġiji differenti. Għaldaqstant, jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-fattibbiltà ta’ trattat tal-Unjoni dwar l-enerġija bbażat fuq il-mudell tat-Trattat Euratom;

1.1.8

li jsiru sforzi biex jintlaħaq ftehim multilaterali u kumplessiv mar-Russja bil-għan li jitħarsu l-interessi ġenerali tal-Unjoni. Din il-politika għandha tindirizza wkoll il-pajjiżi tal-Kawkażu, li fil-futur ser jiksbu dejjem aktar importanza fil-provvista tal-enerġija tal-Ewropa;

1.1.9

l-iżvilupp ta’ sħubijiet strateġiċi mal-Istati Uniti, il-Ġappun, il-Brażil, l-Indja u ċ-Ċina dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u bil-għan li, fid-dawl tal-ġlieda kontra l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, jintlaħaq ftehim globali għal wara Kyoto; it-tiġdid tal-ftehimiet eżistenti mad-demokraziji emerġenti tal-Afrika ta’ Fuq u tal-Lvant Nofsani, billi jitqiesu l-bżonnijiet tagħhom marbutin mal-iżvilupp;

1.1.10

li titqies it-tħejjija ta’ konferenza internazzjonali dwar is-suġġett, bil-għan li jiġu definiti karta tal-enerġija u protokoll dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija li tkun aktar effikaċi, aktar parteċipattiva, imxerrda u marbuta mal-iżviluppi ekonomiċi u politiċi li kiseb il-qasam tal-enerġija;

1.1.11

it-tnaqqis gradwali tad-dipendenza enerġetika tal-Ewropa, permezz ta’ politiki aktar sodi u vinkolanti fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, u ta’ appoġġ għall-iżvilupp ta’ sorsi tal-enerġija alternattivi u sostenibbli, b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju;

1.1.12

li tingħata prijorità lill-proġetti ta’ diversifikazzjoni enerġetika mwettqa fil-pajjiżi ġirien, bħall-kuritur enerġetiku tal-UE li jmur mill-Baħar Kaspju sal-Baħar l-Iswed, u b’mod partikolari l-pajp tal-gass Nabucco, l-infrastruttura tal-gass naturali f’forma likwida (LNG), l-interkonnessjoni tan-netwerks tal-elettriku u għat-tlestija tal-konnessjonijiet Ewro-Mediterranji tal-infrastruttura elettrika (Med-ring) u tal-gass, kif ukoll it-twettiq ta’ proġetti ġodda ta’ infrastruttura taż-żejt ta’ interess Ewropew, bħall-proġetti Odessa-Gdańsk, Costanza-Trieste u n-“Nord Stream”, li huwa pajp importanti ħafna għall-Finlandja, u li għalih ser ikun hemm bżonn ta’ negozjar mill-ġdid tal-possibbiltajiet ta’ interkonnessjoni mal-pajjiżi Baltiċi u l-Polonja;

1.1.13

li l-istituzzjonijiet Ewropej ikunu mħejjija biex jiffaċċjaw b’mod serju u bi spirtu ta’ solidarjetà s-suġġett tal-provvista tal-enerġija; il-KESE jistieden lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni biex jieħdu l-miżuri kollha possibbli biex jużaw id-diplomazija enerġetika bħala strument għall-ħarsien u l-protezzjoni tal-ħaddiema, tal-intrapriżi u tal-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Ewropej.

2.   Daħla

2.1   It-talba tal-Presidenza tal-Unjoni lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tikkonċerna wieħed mill-aktar punti sensittivi u fundamentali tal-istrateġija tal-Ewropa ta’ 27 pajjiż fil-qasam tal-enerġija: is-sigurtà tal-provvista bl-użu ta’ wieħed mill-istrumenti ta’ kooperazzjoni tal-Unjoni, il-Politika tal-Viċinat.

2.2   Sa minn xi snin ilu, is-suġġett tal-enerġija sar wieħed mis-suġġetti kruċjali u prijoritarji tal-politiki ekonomiċi, soċjali u ambjentali. L-iżvilupp sostenibbli tal-preżent u tal-futur jiddependi mid-disponibbiltà tal-enerġija, mill-użu b’attenzjoni u kuxjenzjuż tagħha, mir-riċerka dwar l-enerġiji ġodda u b’rabta mal-għan ta’ soċjetà b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju.

2.3   Il-qafas legali

2.3.1   It-Trattat ta’ Lisbona dwar il-Funzjonament tal-Unjoni (TFUE) wassal għall-approvazzjoni ta’ Artikolu ġdid, l-Artikolu 194, li jistabbilixxi li “il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija għandha timmira li, fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri:

tassigura l-funzjonament tas-suq tal-enerġija;

tassigura s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-Unjoni;

tippromwovi l-effiċjenza fl-enerġija u l-iffrankar fl-użu tal-enerġija kif ukoll l-iżvilupp ta’ forom ta’ enerġija ġodda u rinnovabbli; u,

tippromwovi l-interkonnessjoni ta’ netwerks tal-enerġija.”

2.3.2   L-Artikolu 4(2)(i) tat-TFUE jipprevedi kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri fis-settur tal-enerġija.

2.3.3   Fil-qasam tal-ftehimiet internazzjonali, l-Artikolu 216 tat-TFUE jagħti lill-Unjoni s-setgħat meħtieġa biex jiġu definiti ftehimiet maħsuba biex tkompli l-ħidma għall-ksib tal-għanijiet tal-Unjoni.

2.4   Id-dipendenza tal-Unjoni mill-fornituri minn pajjiżi terzi.

2.4.1   Fir-rigward tal-enerġija, l-Unjoni Ewropea kienet tiddependi b’mod qawwi mill-provvisti mill-pajjiżi terzi fil-perjodu 1997-2007 (Eurostat, indikaturi dwar l-enerġija, it-trasport u l-ambjent, Ed. 2009), u minkejja li l-intensità tal-enerġija naqset bi 17-il punt perċentwali, id-dipendenza minn pajjiżi terzi telgħet minn 45 % għal 53,1 %. Hija biss id-Danimarka li baqgħet esportatur nett tal-enerġija, b’25,4 % ta’ dak li għandha bżonn. Id-dipendenza tal-Polonja żdiedet minn 6,4 % fl-1997 għal 25,5 % fl-2007.

2.4.2   Malta, il-Lussemburgu, Ċipru, l-Irlanda, l-Italja u l-Portugall huma l-pajjiżi li għandhom l-ogħla persentaġġ ta’ dipendenza, b’rati li jvarjaw bejn it-82 % u l-100 %.

2.4.3   Fir-rigward tas-sorsi, id-dipendenza tal-UE ta’ 27 pajjiż fil-każ taż-żejt telgħet minn 75,8 % għal 82,6 % għaż-żejt. Id-Danimarka hija l-uniku pajjiż li żied notevolment l-esportazzjoni tiegħu, filwaqt li l-pajjiżi l-oħra kollha huma importaturi netti.

2.4.4   Fir-rigward tal-gass naturali, id-dipendenza kibret notevolment bi 33 %, meta minn 45,2 % telgħet għal 60,3 %. Id-Danimarka u l-Pajjiżi l-Baxxi huma l-uniċi żewġ pajjiżi esportaturi filwaqt li l-Irlanda għandha l-ogħla rata ta’ tkabbir, peress li bejn l-1997 u l-2007 telgħet minn 31,2 % għal 91,4 %.

2.4.5   Il-produzzjoni primarja tal-enerġija fl-Ewropa niżlet minn 962 384 (ktoe) fl-1997 għal 849 592 (ktoe) fl-2007, b’distribuzzjoni bejn is-sorsi differenti li tvarja: 10 % faħam, 12 % linjite (faħam artab), 14 % żejt, 20 % gass naturali u 28 % enerġija nukleari. Is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jgħoddu għal 16 %.

2.4.6   Il-konsum domestiku gross żdied b’6 % u għadda minn 1 704 473 (ktoe) għal 1 806 378 (ktoe) b’kontribut ta’ 13 % mill-faħam, 6 % mil-linjite, 36 % miż-żejt, 24 % mill-gass naturali, 13 % mill-enerġija nukleari u 8 % mis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. F’dawn l-aħħar għaxar snin, fid-dawl tal-istabbiltà sostanzjali taż-żejt, tan-nukleari u tal-linjite, u t-tnaqqis ta’ 7 % fl-użu tal-faħam, il-gass naturali żdied b’20 % u s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli b’50 %, iżda r-rata – ta’ 8 % – meta mqabbla mat-total xorta waħda għadha baxxa ħafna.

2.5   L-importazzjonijiet skont il-pajjiż tal-oriġini

2.5.1   Il-fornituri ewlenin tal-fjuwil għall-produzzjoni tal-enerġija huma (fl-2007):

Għall-gass naturali:

Għaż-żejt:

Għall-faħam:

Għall-uranju (2009)

Ir-Russja 39 %

Ir-Russja 33 %

Ir-Russja 25 %

L-Awstralja 22 %

In-Norveġja 26 %

In-Norveġja 15 %

L-Afrika t’Isfel 21 %

Ir-Russja 21 %

Algeria 16 %

Il-Libja 10 %

L-Awstralja 13 %

Il-Kanada 19 %

Il-Libja 5 %

L-Arabja Sawdija 7 %

Il-Kolombja 13 %

In-Niġer 11 %

 

L-Iran 6 %

l-Istati Uniti 9 %

Il-Kazakistan 9 %

 

 

L-Indonesja 8 %

L-Afrika t’Isfel-in-Namibja 5 %

2.5.2   Mill-evalwazzjoni ta’ din it-tabella joħroġ li hemm konċentrazzjoni għolja ta’ importazzjonijiet minn ftit pajjiżi. Hemm 86 % tal-gass naturali li jiġi minn 4 pajjiżi, 71 % taż-żejt minn 5 pajjiżi, 89 % tal-karbonju minn 6 pajjiżi u 87 % tal-uranju minn 6 pajjiżi.

2.5.3   L-imsieħeb ewlieni għall-fjuwil kważi kollu hija r-Russja, li mingħandha l-UE timporta madwar 30 % tal-bżonn ta’ enerġija tagħha, u l-importazzjonijiet qed jiżdiedu b’mod kostanti. L-imsieħba l-oħra li jipprovdu l-ikbar parti tal-provvista tal-enerġija huma n-Norveġja, l-Alġerija u l-Libja għall-idrokarburi likwidi, u l-Awstralja, il-Kanada, il-Kolombja u n-Niġer għall-faħam u l-uranju.

2.5.4   L-elettriku jippreżenta fluttwazzjonijiet sostanzjali. Fl-għaxar snin evalwati fir-rapport tal-Eurostat 2009, kien hemm tliet snin li fihom saru esportazzjonijiet netti, tliet snin fejn kien hemm suq sostanzjalment ibbilanċjat bejn domanda u offerta u ħames snin fejn kien hemm żidiet fid-domanda lejn il-fornituri ta’ pajjiżi terzi. L-Italja hija l-akbar importatur b’46 283 GWh u Franza hija l-akbar esportatur b’56 813 GWh. Fl-2007, il-kwota tal-elettriku importat mill-UE ta’ 27 pajjiż kienet ta’ 10,5 TWh.

3.   Il-politika tal-Unjoni

3.1   Fl-2008, iż-żieda kontinwa fil-prezzijiet taż-żejt u tal-idrokarburi marbutin magħhom wasslet biex il-kwotazzjoni fis-swieq telgħet minn USD 90 fi Frar għal USD 147,27 fil-11 ta’ Lulju bħala l-ogħla prezz fl-istorja. Xi snin ilu, il-kriżijiet tal-provvista tal-gass, li laħqu l-quċċata tagħhom f’Jannar 2006 bl-imblukkar tal-provvista tal-gass minn Gazprom għall-kontroparti Ukraina tiegħu Naftogaz, wasslu biex is-suġġett tal-enerġija u tas-sigurtà tal-provvista ikun fiċ-ċentru tad-dibattitu politiku. Il-kriżi tal-2009 kienet saħansitra agħar għall-pajjiżi tal-Lvant tal-Ewropa. Il-Kummissarju Ewropew għall-Enerġija, Andris Piebalgs, għaraf jaffronta l-kriżi b’mod sod u intelliġenti u rnexxielu jipproteġi r-regolarità tal-provvista, minkejja li f’dak iż-żmien ġie rreġistrat tnaqqis fil-provvista lejn il-pajjiżi tal-Unjoni ta’ madwar 30 %, biex b’hekk tnaqqset il-pressjoni tal-pajpijiet tal-gass.

3.2   L-enerġija diġà kienet fil-qalba kemm tat-Trattati KEFA (Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar) sa mill-1952 kif ukoll tal-Euratom fl-1957, u fid-diskussjonijiet li saru qabel it-Trattat ta’ Ruma, xi wħud qiesu li l-enerġija kellha tidħol b’mod sħiħ fl-attivitajiet tas-suq komuni u tkun ankrata b’mod sod ma’ kompetenza Ewropea.

3.3   Huwa biss wara diversi snin, issa li qed niffaċċjaw kriżi serja ħafna, li ndunajna li d-dipendenza enerġetika tal-Ewropa kellha valur importanti ħafna mhux biss mil-lat ekonomiku, iżda fuq kollox, li l-provvista tal-enerġija setgħet tintuża faċilment bħala arma ta’ pressjoni politika.

3.4   Joħroġ b’mod ċar li d-dipendenza li qed tikber tal-provvista tal-UE fuq provvista li ġejja minn żoni u pajjiżi mhux demokratiċi u instabbli fejn ta’ sikwit ma jiġux rispettati d-drittijiet umani u soċjali, u d-dipendenza fuq il-provvista Russa, l-aktar tal-gass, huma inkwetanti ħafna u jistgħu, fuq tul ta’ żmien, joħolqu ħafna diffikultajiet għall-Istati Membri, iżda l-aktar għas-sigurtà globali tal-Unjoni.

3.5   Ix-xenarju internazzjonali nbidel profondament. Ir-rwol ekonomiku u politiku taċ-Ċina, l-Indja u l-Brażil, l-istrateġiji fit-tul tal-Istati Uniti biex iżommu r-riżervi interni tagħhom għall-aktar żmien twil possibbli, biex b’hekk iżidu d-domanda tagħhom għall-enerġija fis-swieq internazzjonali, l-instabbiltà li qed tikber u r-radikalizzazzjoni tal-kunflitti fir-reġjuni li jesportaw joħolqu bżonn assolut ta’ bidla kbira fil-politiki Ewropej. Is-sigurtà tal-enerġija saret fattur li jmur id f’id mas-sigurtà nazzjonali u mal-iżvilupp ekonomiku.

4.   Xenarji ġodda

4.1   Meta tiġi kkunsidrata r-rilevanza strateġika tas-sigurtà tal-enerġija, ix-xenarju l-ġdid għandu jqis kull alternattiva possibbli fil-pajjiżi ġirien fil-Lvant, fin-Nofsinhar, fil-Mediterran u fil-Lvant Nofsani. Hemm bżonn li nħabirku iżjed biex is-sħubija fl-enerġija bejn l-UE u l-Afrika tiġi implimentata bis-sħiħ, u li tinbeda t-tħejjija ta’ konferenza internazzjonali ewlenija dwar l-aċċess għall-enerġija u s-sigurtà tal-enerġija bil-għan li jitfasslu regoli komuni ġodda. F’każ li jintlaħaq patt globali ġdid dwar is-sigurtà tal-enerġija, l-aġenziji internazzjonali speċjalizzati għandhom ikunu inkarigati jikkontrollaw l-applikazzjoni tiegħu. Fid-dawl tal-importanza vitali tas-suġġett, l-istituzzjonijiet internazzjonali l-kbar għandhom ikunu parti fundamentali mill-proċess.

4.2   L-UE għandha tqis is-sigurtà tal-provvista bħala waħda mill-prijoritajiet tal-politika estera u tas-sigurtà tagħha, billi toħloq rwol ġdid ta’ Rappreżentant Għoli għall-Politiki tal-Enerġija flimkien ma’ dak tar-Rappreżentant Għoli għall-Politika Estera. Minkejja li fil-qasam tal-politika komuni diġà saru xi passi ’l quddiem, għadha għaddejja t-tendenza min-naħa tal-Istati Membri li jżommu magħfusa sew f’idejhom ir-riedni permezz ta’ relazzjonijiet bilaterali mal-pajjiżi produtturi.

4.3   Minkejja l-modifiki li saru lit-Trattat u lill-Artikolu 194 il-ġdid tat-TFUE, għadu mhux ċar kif l-Unjoni ser teżerċita l-kompetenzi tagħha u fuq kollox kif l-“ispirtu ta’ solidarjetà” ser jiġi implimentat fil-prattika. Saru xi passi ’l quddiem, pereżempju fil-qasam tar-riżervi strateġiċi tal-gass fejn għall-ewwel darba qed jidher impenn solidali. Il-Kummissjoni qed tipprova tistabbilixxi politika estera serja. Din is-sena, ser tiġi ppubblikata komunikazzjoni dwar il-politiki internazzjonali u s-sigurtà tal-enerġija. Minkejja dan, xi Stati Membri xorta waħda qed jiżviluppaw politika estera awtonoma għall-provvista tal-enerġija, b’mod partikolari mar-Russja u ma’ xi pajjiżi tal-baċir tal-Mediterran, li jpoġġi lil pajjiżi oħra f’diffikultajiet serji, billi tiddgħajjef il-kapaċità li l-Unjoni teżerċita l-influwenza tagħha b’mod kollettiv.

4.4   Joħroġ biċ-ċar li l-formulazzjoni attwali tat-Trattat hija kompromess utli iżda mhux biżżejjed biex jiġu ffaċċjati l-isfidi futuri. Il-politika tal-enerġija kollha għandha tiġi kkunsidrata mill-ġdid fi trattat speċifiku bbażat fuq il-mudell Euratom, b’enfasi istituzzjonali qawwija fuq il-politika ta’ sigurtà li tkun tinkludi anke l-politika ta’ sigurtà tal-enerġija. Għandu jintemm l-unilateraliżmu fl-enerġija permezz ta’ politika komuni b’saħħitha dwar is-solidarjetà tal-enerġija, ibbażata fuq id-diversifikazzjoni, fuq taħlita ta’ tipi ta’ enerġija adattata għall-kundizzjonijiet u l-karatteristiċi ta’ kull Stat Membru, iżda l-aktar fuq is-sostenibbiltà ambjentali, peress li s-setturi ewlenin marbutin mal-ħtiġijiet tal-enerġija, bħall-produzzjoni, it-trasport u d-distribuzzjoni tal-elettriku, tat-trasport u t-tisħin huma dawk li b’mod assolut jikkontribwixxu l-ogħla emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra.

4.5   Id-dimensjoni tal-Lvant tal-politika estera tal-UE

4.5.1   Fl-ambitu tal-politika tal-viċinat, pereżempju, fir-rigward tal-pajjiżi tal-Lvant, bħall-Moldova, l-Ukraina u l-Bjelorussja, minkejja d-diffikultajiet politiċi magħrufin, hemm bżonn jiġu intensifikati l-kooperazzjoni u s-sehem ta’ dawn il-pajjiżi f’politiki komuni, naturalment f’qafas ta’ garanzija u rispett tar-regoli demokratiċi u tad-drittijiet umani, li dan l-aħħar sfaw taħt pressjoni kbira fil-Bjelorussja fid-dawl tar-repressjoni vjolenti tal-opponenti. L-esperjenza tal-Komunità tal-Enerġija mal-pajjiżi tal-Balkani u tal-Lvant kienet waħda pożittiva. Il-Komunità nħolqot bħala għajnuna għall-integrazzjoni potenzjali tal-pajjiżi tal-eks-Jugoslavja, u kibret gradwalment, u d-dħul riċenti tal-Ukraina ser iqarreb il-proġett iżjed lejn il-ġirien tagħna u l-pajjiżi tal-Asja Ċentrali bħall-Uzbekistan u l-Kirgiżistan.

4.5.2   Fl-2008, il-Polonja u l-Isvezja ssuġġerew li titwaqqaf Sħubija tal-Lvant bħala inizjattiva tal-UE mmirata lejn sitt pajjiżi ġirien (l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Bjelorussja, il-Ġeorġja, il-Moldova u l-Ukraina), bil-għan li jissaħħu l-kooperazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika u jinħolqu strutturi ta’ kooperazzjoni multilaterali fir-reġjun. L-ewwel laqgħa għolja uffiċjali tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant li nediet l-attivitajiet tas-sħubija, saret fi Praga fis-7 ta’ Mejju 2009.

4.5.3   Il-KESE kien involut fi tlieta mill-erbgħa pjattaformi tematiċi tas-Sħubija tal-Lvant u jitlob b’urġenza li jkollu aċċess għall-pjattaforma 3 dwar is-sigurtà tal-enerġija li tindirizza t-tisħiħ tal-Komunità tal-Enerġija u l-Karta tal-Enerġija, żieda fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u r-rwol tar-riżorsi rinnovabbli. It-tisħiħ tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fl-ekonomiji tal-imsieħba tal-Lvant tal-UE u l-promozzjoni tal-użu tar-riżorsi tal-enerġija rinnovabbli fil-pajjiżi ġirien għandhom ikunu tnejn mill-azzjonijiet prinċipali fil-qafas tas-sħubija. Hemm bżonn ukoll li jittieħdu aktar passi biex tiġi promossa l-kooperazzjoni, tiġi modernizzata l-infrastruttura tad-distribuzzjoni tal-enerġija u jitħeġġu rabtiet reċiproċi oħra bejn in-netwerks għall-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija.

4.5.4   Dawn il-kwistjonijiet huma ta’ importanza vitali għas-soċjetà ċivili u m’għandhomx jitħallew jitqiesu biss mill-awtoritajiet pubbliċi u l-istituzzjonijiet finanzjarji. Il-KESE jitlob li l-pjattaforma 3 tas-Sħubija tal-Lvant tinkludi b’mod sistematiku, u mhux fuq bażi ad-hoc biss, rappreżentanti tal-grupp ta’ ħidma 3 dwar “L-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u s-Sigurtà tal-Enerġija” tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant, peress li leħen is-soċjetà ċivili, inkluż tal-imsieħba soċjali, ta’ sikwit għadu marġinalizzat jew saħansitra mwaqqaf. L-inizjattiva biex jinħoloq forum tal-intrapriża fi ħdan il-qafas tas-Sħubija tal-Lvant hija sforz biex jissaħħaħ id-djalogu soċjali dwar l-ekonomija u għalhekk dwar l-enerġija.

4.6   Id-dimensjoni Euromed tal-politika estera tal-UE

4.6.1   It-tibdil politiku li għaddej f’ħafna pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran jiddetta li dawk li jfasslu l-politika jridu jikkonsultaw u jinvolvu lis-soċjetà ċivili fuq iż-żewġ xtut tal-Mediterran fil-politiki komuni tal-enerġija tal-futur sabiex jiżguraw li dawn il-politiki ma jitqisux li ġew imposti minn fuq jew minn barra, iżda li, minflok, dawn ikunu ġenwinament appoġġjati mill-pubbliku in ġenerali. Il-KESE qed jaħdem biex jistabbilixxi Assemblea ta’ Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali mir-reġjun tal-Mediterran sal-Ħarifa 2011. Din l-Assemblea tista’ tipprovdi forum vitali għall-iskambji tas-soċjetà ċivili dwar il-politika tal-enerġija.

4.6.2   L-Unjoni għandha tipproponi s-sħubija f’Komunità tal-Enerġija speċifika anke lill-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran. It-tlestija tal-Med-ring, iċ-ċirku tan-netwerk tal-elettriku, il-proġetti li għadhom qed jitħejjew bħad-Desertec, il-Pjan Solari Mediterranju, u l-kooperazzjoni Mediterranja nnifisha għandhom iwasslu biex, fil-Magreb pereżempju, tinbeda kooperazzjoni msaħħa fl-oqsma tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, tas-sorsi rinnovabbli, tat-trasport u tal-interkonnessjoni tan-netwerks, tal-modernizzazzjoni tas-sistemi ta’ ġenerazzjoni u ta’ distribuzzjoni.

4.6.3   Il-benefiċċji għall-Unjoni huma ovvji. It-tisħiħ infrastrutturali tal-imsieħba Mediterranji tagħna ser jgħinhom ikomplu jsegwu għadd kbir ta’ għanijiet komuni: żvilupp sostenibbli, tnaqqis fid-domanda ġenerali għall-enerġija (li għandu jgħin fl-istabilizzazzjoni tas-sigurtà tal-enerġija u tal-prezzijiet tal-materja prima), u tnaqqis tal-emissjonijiet.

4.6.4   Dawn il-kontributi, li huma wkoll ta’ natura finanzjarja, bl-appoġġ tal-Bank Ewropew tal-Investiment fil-każ tal-Mediterran u tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (EBRD) għal xi pajjiżi li huma fil-kompetenza tiegħu, jistgħu jagħmlu parti mill-għajnuniet ekonomiċi li l-Unjoni għandha timpenja ruħha li tipprovdi għall-ekonomiji inqas żviluppati biex dawn ikunu jistgħu jiżviluppaw b’mod sostenibbli u b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju.

4.7   Fil-futur qarib, il-linja strateġika li fuqha l-Komunità ser tappoġġja lill-pajjiżi msieħba ser tkun magħmula minn programmi mmirati biex itejbu sostanzjalment l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Dan il-proġett jorbot ukoll mal-kooperazzjoni ambjentali u l-objettivi l-ġodda ta’ wara Kyoto.

4.8   L-għanijiet ta’ “diplomazija dwar l-enerġija” ġdida li għandha titwettaq mal-pajjiżi produtturi, dawk ta’ tranżitu u dawk konsumaturi, għandhom jidħlu f’qafas istituzzjonali Ewropew ġdid u inkorporati fi ftehimiet u trattati mfassla fuq il-mudell tat-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija u l-Protokoll dwar l-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija: dawn l-istrumenti ta’ kooperazzjoni u tar-riżoluzzjoni tal-kontroversji internazzjonali, li issa ilhom jeżistu għoxrin sena, ma kinux partikolarment effikaċi.

4.9   L-Unjoni Ewropea għandha tippromovi Karta u Protokoll ġodda mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran u terġa’ tniedi reviżjoni u tisħiħ tal-Karta attwali, bil-għan li l-Istati Membri jintrabtu b’politika ta’ solidarjetà fil-qasam tal-enerġija. F’dan id-dawl, jikseb importanza partikolari l-iżvilupp tal-integrazzjoni tal-Pajjiżi Baltiċi.

4.10   Il-Baħar Baltiku u l-Baħar Barents ser isiru waħda mill-aktar żoni dinamiċi fl-iżvilupp ekonomiku tal-UE, u żona ta’ importanza kruċjali għan-Norveġja, ir-Russja, l-Istati Uniti u l-Kanada. L-interessi ta’ dan ir-reġjun, kemm lokalment kif ukoll globalment, huma kwistjoni Ewropea li tista’ tiġi indirizzata biss bħala parti minn politika b’saħħitha u realistika min-naħa tal-UE.

4.11   L-unilateraliżmu naqqas drastikament il-potenzjal tal-piż tal-Unjoni u għamilha possibbli li l-pajjiżi fornituri, speċjalment ir-Russja, teżerċita influwenza determinanti fuq l-għażliet demokratiċi ta’ xi wħud mill-ġirien tagħhom. Fil-fatt, l-Unjoni hija d-destinatarja ta’ aktar minn 67 % tal-esportazzjoni Russa ta’ prodotti tal-enerġija u, għal raġunijiet ovvji ta’ viċinanza u ta’ politika, diffiċli ssib swieq oħra aċċessibbli daqs tagħna.

4.12   Ir-Russja għandha titħalla tidħol fid-WTO, bil-kundizzjoni li din tagħti garanziji preċiżi fir-rigward tal-imġiba monopolistika tagħha fl-enerġija, spiss ispirata u appoġġjata mis-setgħat politiċi, u, ovvjament, li ssolvi l-kunflitti tagħha mal-Ġeorġja permezz ta’ ftehim bilaterali.

5.   Sħubijiet strateġiċi mal-Istati Uniti, il-Ġappun, il-Brażil, l-Indja u ċ-Ċina

5.1   Ser ikun ta’ importanza fundamentali li jiġu żviluppati sħubijiet strateġiċi mal-partijiet ewlenin tas-suq tal-enerġija dinji: l-Istati Uniti, il-Ġappun, il-Brażil, l-Indja u ċ-Ċina. Il-kooperazzjoni u l-ftehim għandhom jinkludu s-suġġett speċifiku tal-provvista garantita u bi prezzijiet ġusti, il-prijorità fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u t-tnaqqis tal-emissjonijiet b’effett ta’ serra.

5.2   Is-suġġett tas-sigurtà tal-provvista li għandu riperkussjonijiet ovvji fuq is-suġġett tas-sigurtà inġenerali, fuq l-iżvilupp sostenibbli u fuq il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, jitlob kunsens multilaterali wiesa’. Il-kompetizzjoni ekonomika ma tistax tipperikola l-istabbiltà u l-paċi u jeħtieġ li nħabirku biex nilqgħu kontra l-possibbiltà li t-tensjonijiet internazzjonali li diġà jikkaratterizzaw bosta żoni li huma fornituri tal-idrokarburi jiggravaw.

5.3   L-enerġija ilha għal ħafna żmien parti mid-diskussjonijiet tal-G20. Hemm bżonn li dawn id-diskussjonijiet, li ta’ sikwit jibqgħu lista ta’ intenzjonijiet tajba, jiġu tradotti fi ftehimiet u sħubijiet strateġiċi. X’aktarx l-approċċ l-aktar realistiku huwa dak tal-ftehimiet bilaterali. L-Unjoni ta’ sikwit tinsa li hija l-ewwel żona ekonomika tad-dinja u ma jirnexxilhiex timponi l-aġenda tagħha fuq l-imsieħba tagħha. Din l-aġenda hija maħsuba biex issaħħaħ il-linji ewlenin tal-politika estera Ewropea li għandha tkompli tipprova xxerred il-prinċipji demokratiċi, ir-rispett tad-drittijiet umani, tal-awtodeterminazzjoni taċ-ċittadini, tar-rifjut tal-użu tal-gwerra bħala mezz għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti bejn il-popli, li jridu jissolvew billi jissaħħu l-istituzzjonijiet internazzjonali.

5.4   L-ekonomiji emerġenti l-ġodda huma interessati daqs l-Unjoni li jistabbilixxu qafas internazzjonali ta’ provvisti stabbli u garantiti, bi prezzijiet raġonevoli. L-azzjoni tal-Unjoni għandha tkopri wkoll it-twaqqif ta’ sħubijiet strateġiċi ma’ dawn il-pajjiżi, billi titħeġġeġ sistema ta’ regoli fl-ambitu ta’ ekonomija tas-suq li jsaħħu l-kooperazzjoni u li jevitaw tiġrijiet inutli u li jiswew il-flus biex jiġu kkapparrati l-materji primi.

Brussell, 15 ta’ Marzu 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


APPENDIĊI

għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emenda li ġejja, inċaħdet waqt id-diskussjoni iżda rċiviet mill-inqas kwart tal-voti:

Punt 1.1.12

Ħassar tmiem is-sentenza:

li tingħata prijorità lill-proġetti ta’ diversifikazzjoni enerġetika mwettqa fil-pajjiżi ġirien, bħall-kuritur enerġetiku tal-UE li jmur mill-Baħar Kaspju sal-Baħar l-Iswed, u b’mod partikolari l-pajp tal-gass Nabucco, l-infrastruttura tal-gass naturali f’forma likwida (LNG), l-interkonnessjoni tan-netwerks tal-elettriku u għat-tlestija tal-konnessjonijiet Ewro-Mediterranji tal-infrastruttura elettrika (Med-ring) u tal-gass, kif ukoll it-twettiq ta’ proġetti ġodda ta’ infrastruttura taż-żejt ta’ interess Ewropew, bħall-proġetti Odessa-Gdańsk, Costanza-Trieste u n-‘Nord Stream’;

Raġuni

Let national politicians and economists decide the importance of these projects for the abovementioned countries, especially as the route of Nord Stream is still the subject of dispute in connection with access to the port of Świnoujście.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

33

Kontra

:

46

Astensjonijiet

:

17


Top