EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE0529

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Futur tal-Fond Soċjali Ewropew wara l-2013” (opinjoni esploratorja)

OJ C 132, 3.5.2011, p. 8–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 132/8


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Futur tal-Fond Soċjali Ewropew wara l-2013”

(opinjoni esploratorja)

2011/C 132/03

Relatur: is-Sur VERBOVEN

Korelatur: is-Sur CABRA DE LUNA

Nhar is-7 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Futur tal-Fond Soċjali Ewropew wara l-2013

(opinjoni esploratorja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-24 ta’ Frar 2011.

Matul l-470 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Marzu 2011 (seduta tal-15 ta’ Marzu 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’172 voti favur, vot kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew huwa tal-fehma li:

1.1

Il-prinċipji tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali kif ukoll tas-solidarjetà huma stabbiliti fit-Trattat u huma tnejn mill-iktar pilastri importanti għall-integrazzjoni taċ-ċittadini u t-territorji. Għalhekk dawn il-prinċipji għandhom ikunu fil-qalba tad-dibattiti dwar il-baġit li jmiss tal-Unjoni Ewropea.

1.2

Il-politika ta’ koeżjoni m’għandhiex biss telimina d-differenzi bejn ir-reġjuni iżda għandha tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi soċjali li jolqtu lil gruppi speċifiċi tal-popolazzjoni billi tħeġġeġ soċjetà ċċentrata fuq l-impjieg sħiħ, l-opportunitajiet indaqs, l-integrazzjoni u l-koeżjoni soċjali, jiġifieri fuq livell iktar ġenerali, il-mudell soċjali Ewropew. Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) għandu jibqa’ jkun fond strutturali li jagħmel parti mill-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni Ewropea.

1.3

Il-FSE huwa l-istrument maħsub b’mod speċifiku biex jappoġġja l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi u jeħtieġ li fil-futur jibqa’ strument effikaċi sabiex isir investiment fir-riżorsi umani u jinkiseb livell għola ta’ impjiegi ta’ kwalità u ta’ inklużjoni soċjali fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020. Konsegwentement, fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika attwali, il-FSE għandu jibqa’ strument strateġiku u finanzjarju importanti u għandu jiġi allokat iktar riżorsi skont l-isfidi li żdiedu u li ser ikollu jiffaċċja (rati ta’ qgħad għola), li għandhom jirriflettu ruħhom f’żieda fil-baġit ġenerali tal-UE b’minn tal-anqas 5,9 % b’konformità maż-żieda globali proposta mill-Kummissjoni Ewropea fil-baġit tal-UE għall-2011.

1.4

F’dan iż-żmien ta’ kriżi ekonomika, id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li jsaħħaħ ir-rwol tal-FSE hija partikolarment importanti. Il-politiki tas-suq tax-xogħol u l-politiki soċjali għandhom ikomplu jkunu l-qafas globali tal-FSE. L-investimenti għandhom ikunu mmirati kemm fuq l-iżvilupp tar-riżorsi umani, it-titjib tal-kompetenzi kif ukoll fuq l-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema li tilfu xogħolhom. Madanakollu l-prijorità għandha tingħata lill-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, it-tkabbir sostenibbli u l-inklużjoni fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà tal-gruppi soċjali vulnerabbli, fost oħrajn iż-żgħażagħ, in-nisa, il-migranti, dawk li ilhom żmien twil qiegħda, dawk li huma l-iktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol, il-persuni avvanzati fl-età, il-persuni b’diżabilità u l-minoranzi etniċi sabiex titjieb il-kompetittività tal-UE u jinkisbu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020.

1.5

Għandhom jinsiltu tagħlimiet mill-użu tal-FSE sabiex jiġi appoġġjat kemm l-irkupru kif ukoll it-tkabbir ekonomiku tal-Unjoni Ewropea u dan permezz tat-titjib fl-appoġġ tal-SMEs, tal-intrapriżi żgħar ħafna (VSEs) u tal-atturi tal-ekonomija soċjali b’konformità mal-għanijiet tal-FSE kif ukoll permezz tat-titjib soċjali kemm f’termini taż-żamma u l-ħolqien tal-impjiegi ta’ kwalità kif ukoll l-inklużjoni soċjali permezz tax-xogħol.

1.6

Il-FSE, bħala strument tal-UE għall-investiment fir-riżorsi umani, għandu jappoġġja t-tliet prijoritajiet tal-Istrateġija Ewropa 2020: it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Fil-fatt l-impjieg, it-taħriġ, l-edukazzjoni, l-inklużjoni attiva u l-politiki li jappoġġjaw l-opportunitajiet indaqs huma elementi ċentrali li jsaħħu l-kapaċiajiet tan-nies bl-iżvilupp tal-għarfien u l-kwalifiki tagħhom filwaqt li jippromovu kultura tal-innovazzjoni billi jżidu l-livell tal-impjieg u jħeġġu suq tax-xogħol inklużiv.

1.7

Il-prinċipju tas-sħubija, li jinvolvi l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili organizzata, huwa l-garanzija essenzjali ta’ tħaddim tajjeb tal-miżuri marbuta mal-fondi strutturali u b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew.

1.8

Huwa importanti li jinsiltu t-tagħlimiet meħtieġa mir-rwol tal-imsieħba soċjali fil-qafas tad-djalogu soċjali u mir-rwol tal-NGOs fil-qafas tas-sħubija sabiex ikunu jistgħu jiġu miġġielda l-effetti tal-kriżi u jinkisbu r-riżultati.

1.9

Il-prinċipji tas-sħubija, tan-nondiskriminazzjoni, tal-aċċessibbiltà u tal-iżvilupp sostenibbli (1) għandhom jinżammu u jissaħħu sabiex ikomplu jibnu fuq ir-riżultati tajbin li nkisbu matul l-aħħar perjodu ta’ programmazzjoni.

1.10

Ir-regoli tal-fondi strutturali għandhom jiddefinixxu b’mod ċar il-prinċipju tas-sħubija kif ukoll il-prinċipji li ssemmew hawn fuq milli jirreferu biss għar-“regoli u l-prattiki nazzjonali attwali”, u għandu jiġi definit ukoll ir-rwol ta’ kull imsieħeb. Jeħtieġ li tissaħħaħ tajjeb il-pożizzjoni tal-kumitat ta’ segwitu mal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali kompetenti fil-qafas tal-kompiti tagħhom tal-programmazzjoni, tal-implimentazzjoni u ta’ segwitu.

1.11

Il-KESE huwa tal-fehma li għandhom jittejbu l-evalwazzjoni, l-effiċjenza u r-riżultati tal-użu tal-fondi. Madanakollu sabiex dan ikun jista’ jseħħ jeħtieġ li jiġu identifikati l-indikaturi u li jiġu stabbiliti standards kwantitattivi u kwalitattivi bħala parti minn qafas usa’ li jkopri l-proċedura sħiħa ta’ implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni.

1.12

Għandha tiġi żgurata l-koerenza bejn il-prijoritajiet definiti fid-diversi livelli: Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali.

1.13

Għandhom jissaħħu s-sinerġiji mal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u fondi oħra fi ħdan liema għandhom jissaħħu l-prinċipji tas-sħubija, tan-nondiskriminazzjoni u tas-sostenibbiltà. Għandu jiġi evitat ix-xogħol doppju bejn il-FSE u l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEAG) u għandha tiġi żgurata l-koerenza peress li fid-dawl tar-ristrutturar, il-miżuri tal-FSE huma ta’ prevenzjoni u tal-FEAG huma ta’ natura kurattiva.

1.14

Hemm bżonn ta’ titjib fl-implimentazzjoni tal-proċeduri u l-aspetti prattiċi tal-aċċess għall-finanzjament tal-FSE, l-ewwel u qabel kollox billi titnaqqas b’mod konsiderevoli l-burokrazija, billi s-sistema tal-ħlas issir iktar rapida sabiex jitnaqqas il-piż finanzjarju għal dawk li jimplimentaw il-programmi, u billi jiġu semplifikati l-proċeduri tal-fatturazzjoni u tar-regolarizzazzjoni tal-kontijiet, pereżempju permezz tal-lump sums.

1.15

Il-FSE li jmiss għandu jiggarantixxi biżżejjed riżorsi għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 permezz ta’ mezzi innovattivi ta’ finanzjament (2) bħal pereżempju l-allokazzjoni diretta tal-fondi għall-interventi mmirati fl-oqsma tal-impjieg u l-inklużjoni soċjali tal-gruppi l-iktar vulnerabbli u dawk fir-riskju tal-esklużjoni.

1.16

L-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili għandhom rwol essenzjali x’jaqdu fil-proċess tar-reviżjoni, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-FSE. Konsegwentement, fil-futur il-KESE ser jiżgura segwitu permanenti tal-użu tal-FSE u hekk kif meħtieġ ser jikkontribwixxi għat-titjib ta’ dan l-element essenzjali tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet li jikkonsisti f’komunikazzjoni bejn l-istituzzjonijiet Ewropej, l-imsieħba soċjali u l-atturi tas-soċjetà ċivili.

2.   Kuntest: id-dibattitu mniedi mill-Kummissjoni dwar il-ġejjieni tal-Fond Soċjali Ewropew

2.1   L-implimentazzjoni tal-programmi finanzjati mill-FSE għall-perjodu 2007-2013 waslet f’nofs it-triq.

2.2   Il-Kummissjoni preżentat il-linji gwida prinċipali tagħha dwar il-ġejjieni tal-qafas finanzjarju tal-UE fil-Komunikazzjoni dwar “Ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE”, (COM(2010) 700) u dwar il-fondi strutturali fil-“Konklużjonijiet tal-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali” (COM (2010) 642).

2.3   Il-ġejjieni tal-FSE għandu jitfassal b’kunsiderazzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona. B’konformità mal-Artikolu 9 l-ġdid, l-Unjoni “għandha tieħu kont tal-ħtiġijieti marbuta mal-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjiegi, mal-garanzija ta’ protezzjoni soċjali xierqa, mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali kif ukoll ma’ livell għoli ta’ edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

2.4   L-Artikolu 175 emendat issa jkopri l-koeżjoni territorjali. Il-FSE, bħala strument finanzjarju Ewropew prinċipali maħsub biex jappoġġja r-riżorsi umani ser ikompli jikkontribwixxi sabiex tinkiseb il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali hekk kif stipulat fl-Artikolu 162 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

2.5   Nhar is-17 ta’ Ġunju 2010, il-Kunsill Ewropew adotta l-qafas politiku ġdid għall-għaxar snin li ġejjin, jiġifieri l-Istrateġija Ewropa 2020. B’rabta ma’ dan, l-UE impenjat ruħha sabiex tilħaq livell ta’ impjieg ta’ 75 % fost il-popolazzjoni ta’ bejn 20 u 64 sena, li tnaqqas ir-rati ta’ dawk li jħallu l-iskola qabel iż-żmien għal taħt l-10 %, li tiggarantixxi li minn tal-anqas 40 % taż-żgħażagħ ikollhom diploma minn istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja, li tnaqqas in-numru ta’ nies fir-riskju tal-faqar b’20 miljun u li żżid l-investiment pubbliku u privat fir-riċerka u l-iżvilupp b’3 % tal-PDG (3).

2.6   Fl-2011, il-Kummissjoni ser tipproponi qafas baġitarju ġdid għal wara l-2013 li ser jiġi akkumpanjat minn proposti leġislattivi dwar il-fondi strutturali, inkluż il-FSE. Dwar dan il-Kummissjoni preżentat, nhar id-19 ta’ Ottubru 2010, Komunikazzjoni intitolata “Ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE”. Din għandha tkun l-okkażjoni sabiex il-FSE jingħata ħajja ġdida u jsiru xi tibdiliet. Għandhom jissaħħu l-viżibilità u n-natura unika tal-FSE fil-qafas baġitarju l-ġdid tal-UE.

2.7   Il-ħames rapport tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, li ġie ppublikat fl-10 ta’ Novembru 2010, jippreżenta xi għażliet għall-futur politiku tal-koeżjoni.

2.8   F’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-futur tal-FSE, ir-riflessjonijiet tnedew permezz ta’ studji speċifiċi.

2.9   Min-naħa tiegħu, il-Kumitat tal-FSE adotta opinjoni nhar it-3 ta’ Ġunju 2010 u l-Kummissjoni organizzat konferenzi relatati fit-23 u l-24 ta’ Ġunju 2010.

2.10   Nhar is-7 ta’ Ottubru 2010 il-Kummissjoni talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għal opinjoni esploratorja li tanalizza l-kwistjonijiet li tqajmu fl-opinjoni tal-Kumitat tal-FSE.

2.11   Dawn ir-riflessjonijiet differenti jiffukaw fuq ħames temi:

X’inhu l-valur miżjud tal-FSE meta mqabbel mal-valur li għandhom l-istrumenti finanzjarji nazzjonali?

X’għandhom ikunu l-missjonijiet u l-prijoritajiet tal-FSE fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020?

Kif jista’ jiġi żgurat li l-FSE jiffoka fuq żoni ġeografiċi u fuq għanijiet partikolari?

Kif tista’ tiġi żviluppata sinerġija massima mal-fondi l-oħra, b’mod partikolari l-fondi Ewropej għall-iżvilupp reġjonali?

Liema sistema ta’ implimentazzjoni għandha tiġi stabbilita għal ġestjoni iktar effikaċi u sempliċi?

2.12   Barra minn hekk fid-dawl tat-tendenzi attwali fl-Unjoni Ewropea li jintilfu l-impjiegi, il-FSE huwa mitlub jaqdi rwol iktar prominenti fil-kuntest tal-politika tal-koeżjoni Ewropea. Huwa għalhekk li għandu jiżdiedlu l-baġit b’mod konsiderevoli, jiġifieri b’minn tal-inqas 5,9 % hekk kif ipproponiet il-Kummissjoni Ewropea għall-baġit sħiħ tal-UE għall-2011.

3.   Osservazzjonijiet ġenerali dwar il-futur tal-Fond Soċjali Ewropew

3.1   Il-prinċipji tal-koeżjoni u tas-solidarjetà huma stabbiliti fit-Trattat u huma tnejn mill-iktar pilastri importanti għall-integrazzjoni taċ-ċittadini u t-territorji. Għalhekk dawn il-prinċipji għandhom ikunu fil-qalba tad-dibattiti dwar il-baġit li jmiss tal-Unjoni Ewropea.

3.2   It-Trattat ta’ Lisbona jikkonferma mill-ġdid dawn il-prinċipji u b’konformità mal-Artikolu 174 jgħid li “Sabiex tippromwovi l-iżvilupp armonjuż tagħha in ġenerali, il-Komunità għandha tiżviluppa u tfittex li twettaq l-azzjonijiet tagħha li jwasslu biex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fi ħdanha.”

3.3   B’mod partikolari, it-Trattat jenfasizza li “l-Unjoni għandha jkollha l-għan li tnaqqas id-diverġenzi bejn il-livelli ta’ żvilupp tar-reġjuni varji u r-ritard ta’ dawk ir-reġjuni li huma anqas favoriti”. Dan l-għan kiseb iktar importanza wara l-aħħar żewġ proċessi ta’ tkabbir tal-Unjoni Ewropea.

3.4   Min-naħa l-oħra, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, li saret vinkolanti wara li ġiet inkorporata fit-Trattat, tiddikjara li flimkien mal-koeżjoni territorjali, l-UE għandha tippromovi l-koeżjoni soċjali billi tiggarantixxi d-drittijiet soċjali taċ-ċittadini kollha indipendentement mir-reġjun jew in-nazzjonalità tagħhom billi tipprojbixxi d-diskriminazzjoni u tieħu azzjonijiet favur, fost kwistjonijiet oħra, l-opportunitajiet indaqs.

3.5   Il-politika ta’ koeżjoni m’għandhiex biss tnaqqas id-differenzi bejn ir-reġjuni iżda għandha tippromovi wkoll, permezz ta’ approċċ ibbażat fuq in-nies, soċjetà ikkaratterizzata minn impjieg sħiħ, l-opportunitajiet indaqs, l-integrazzjoni u l-koeżjoni soċjali tal-UE, jiġifieri fuq livell iktar ġenerali, il-mudell soċjali Ewropew.

3.6   Il-Kunsill Ewropew iddeċieda li l-fondi strutturali kienu l-istrumenti finanzjari neċessarji għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta’ Lisbona li ffukat il-ħidma tagħha fuq il-persuni l-inqas kwalifikati u dawk li jiffaċċjaw l-iktar problemi biex jaċċessaw il-politiki nazzjonali attivi tal-impjieg (4). F’dan il-kuntest, il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) huwa l-istrument maħsub b’mod speċifiku biex jappoġġja l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi u jeħtieġ li fil-futur jibqa’ strument effikaċi sabiex jiżgura livell għoli ta’ impjiegi ta’ kwalità u ta’ inklużjoni soċjali fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020.

3.7   Il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali għandha tibqa’ fiċ-ċentru tal-Istrateġija Ewropa 2020 sabiex tiżgura li l-enerġiji u l-kapaċitajiet kollha jiġu mobilizzati u jintużaw għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija. Il-fondi strutturali huma l-istrumenti ċentrali sabiex jintlaħqu l-prijoritajiet tal-hekk imsejjaħ “tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv” fl-Istati Membri, ir-reġjuni u t-territorji. F’dan ir-rigward, il-FSE għandu jibqa’ jkun strument strateġiku u finanzjarju importanti sabiex jiżdiedu l-impjiegi u l-inklużjoni soċjali.

3.8   Il-prinċipju tas-sħubija, li jinvolvi lill-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili organizzata (5), huwa l-garanzija essenzjali ta’ tħaddim tajjeb tal-miżuri marbuta mal-fondi strutturali u b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew.

3.9   Huwa importanti li jinsiltu t-tagħlimiet meħtieġa mir-rwol tal-imsieħba soċjali fil-qafas tad-djalogu soċjali u mir-rwol tal-NGOs fil-qafas tas-sħubija sabiex ikunu jistgħu jiġu miġġielda l-effetti tal-kriżi u jinkisbu r-riżultati.

3.10   Hemm bżonn li jittejbu l-evalwazzjoni, l-effiċjenza u r-riżultati tal-użu tal-fondi. Madanakollu sabiex dan ikun jista’ jseħħ jeħtieġ li jiġu identifikati l-indikaturi u li jiġu stabbiliti standards kwantitattivi u kwalitattivi bħala parti minn qafas usa’ li jkopri l-proċedura sħiħa ta’ implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni. Attwalment, il-proċedura tiffoka fuq li tiżgura nefqa regolari iktar milli waħda effiċjenti. Jeħtieġ li dawn iż-żewġ approċċi jiġu rikonċiljati u li l-piż amministrattiv jitnaqqas għal livell raġonevoli b’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

3.11   Fil-kuntest attwali tal-kriżi ekonomika, l-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi għandha terġa’ titpoġġa fiċ-ċentru tal-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea u jeħtieġ li jkun hemm iktar fondi disponibbli għall-ħolqien u ż-żamma ta’ iktar impjiegi u ta’ impjiegi aħjar għal kulħadd. Il-politiki tas-suq tax-xogħol għandhom jibqgħu l-qafas globali tal-FSE.

3.12   Id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew dwar il-kontribut tal-politika ta’ koeżjoni fil-pjan tal-irkupru ekonomiku hija sinjal pożittiv. Il-fondi strutturali li jirrappreżentaw iktar minn terz tal-baġit Ewropew għandhom ikunu sors finanzjarju li permezz tiegħu jiġu ffaċjati l-isfidi fuq perjodu qasir, medju u twil.

3.13   Id-dimensjoni transnazzjonali, li hija karatteristika tal-inizjattivi ta’ qabel tal-UE (b’mod partikolari EQUAL), għandha tiġi introdotta mill-ġdid bħala prinċipju fundamentali tal-politika ta’ koeżjoni sabiex ma jiġix żgurat biss approċċ Ewropew iżda fuq kollox approċċ li huwa bbażat iktar fuq is-solidarjetà, b’mod partikolari minħabba l-fatt li dan l-aspett ma ġiex ikkunsidrat biżżejjed matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, b’konformità mal-aproċċ transversali l-ġdid (mainstreaming). B’rabta ma’ dan, jeħtieġ li terġa’ tiġi introdotta l-possibbiltà li jiġu allokati l-finanzi għal proġetti Ewropej b’mod partikolari l-proġetti innovattivi li jolqtu lin-netwerks transnazzjonali.

4.   Osservazzjonijiet speċifiċi u proposti dwar il-kwistjonijiet indirizzati

4.1   Valur miżjud tal-FSE

4.1.1   Sa minn meta nħoloq, il-FSE ta prova tal-valur miżjud tiegħu u dan jgħodd iktar u iktar issa fil-kuntest tal-kriżi ekonomika u sabiex jagħti spinta lit-tkabbir ekonomiku fl-UE.

4.1.2   Il-FSE huwa l-fond strutturali li jolqot b’mod dirett lill-individwi: ħaddiema, qiegħda, dawk esklużi mis-soċjetà, dawk li jiffaċċjaw diffikultajiet kbar sabiex jaċċessaw is-suq tax-xogħol, żgħażagħ, persuni avvanzati fl-età u gruppi oħra ta’ persuni vulnerabbli.

4.1.3   Il-FSE huwa l-istrument prinċipali li jappoġġja l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi. Konsegwentement dan għandu jiġi integrat b’mod konkret fil-politiki nazzjonali, reġjonali u lokali tas-suq tax-xogħol kif ukoll fl-għanijiet tal-FSE.

4.1.4   L-Ewropa għandha bżonn tinvesti mmens fir-riżorsi umani li huma valur importanti għall-kompetittività tas-soċjetà kollha. Dan l-investiment għandu jantiċipa bidliet soċjali, u fl-istess waqt, jirrispondi għall-problemi taż-żamma u l-ħolqien tal-impjiegi permezz tal-iżvilupp tal-kwalifiki u l-kompetenzi tal-ħaddiema, billi jiżdiedu l-livelli tal-produzzjoni tal-intrapriżi Ewropej u jinstabu mezzi innovattivi u iktar effikaċji tal-organizzazzjoni tax-xogħol permezz ta’ investimenti ġenwini fl-iżvilupp tal-kompetenzi tal-ħaddiema, l-integrazzjoni soċjali u l-promozzjoni tal-opportuntaijiet indaqs u tal-inizjattivi tal-ekonomija soċjali.

4.1.5   F’dan iż-żmien ta’ kriżi ekonomika, id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li jsaħħaħ ir-rwol tal-FSE hija partikolarment importanti.

4.1.6   L-investimenti għandhom ikunu mmirati kemm fuq l-iżvilupp tar-riżorsi umani kif ukoll fuq l-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema li tilfu xogħolhom fis-suq tax-xogħol u fuq il-ħolqien ta’ impjiegi u tkabbir sostenibbli sabiex jiġu żgurati sinerġiji u interazzjoni bejn iż-żewġ proċessi. Konsegwentement, għandhom jitqiesu l-kontributi li l-koeżjoni soċjali effettiva ser tagħti għall-kompetittività Ewropea. Permezz tal-FSE, il-finanzjament immirat għall-integrazzjoni tal-gruppi l-iktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol (bħal fil-każ tal-persuni b’diżabilità, iż-żgħażagħ bi problemi speċifiċi ta’ impjegabilità, il-persuni avvanzati fl-età fir-riskju li jibqgħu qiegħda u oħrajn f’sitwazzjoni ta’ esklużjoni soċjali) ser jikkontribwixxu b’mod sinifikanti sabiex iżidu l-kompetittività tal-UE u fil-perjodu medju sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020.

4.1.7   Il-prinċipju tas-sħubija huwa garanzija essenzjali għat-tħaddim tajjeb tal-miżuri marbuta mal-fondi strutturali.

4.1.8   Ir-regoli tal-fondi strutturali għandhom jiddefinixxu b’mod ċar il-prinċipju tas-sħubija iktar milli jirrikorru għar-regoli u l-prattiki nazzjonali attwali u r-rwol ta’ kull imsieħeb għandu jiġi definit ukoll.

4.1.9   L-imsieħba, inklużi l-organizzazzjonijiet fil-qasam tal-ekonomija soċjali għandu jkollhom aċċess għall-għajnuna teknika u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tagħhom (capacity building) għandu jkompli jiżdied permezz ta’ organizzazzonijiet speċifiċi għal kull settur bl-appoġġ tal-FES.

4.1.10   Jeħtieġ li jiġu implimentati sħubijiet ta’ kwalità għolja li jinvolvu lill-imsieħba soċjali u lis-soċjetà ċivili organizzata f’kull fażi ta’ implimentazzjoni tal-fondi, b’mod partikolari fid-dawl tar-rwol ċentrali tagħhom sabiex jilqgħu għall-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika.

4.1.11   Il-prinċipji fundamentali l-oħra sabiex jiġi massimizzat il-valur miżjud tal-FSE huma t-tkabbir sostenibbli għall-ħarsien u t-titjib tal-ambjent, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, l-età, l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità u l-orjentazzjoni sesswali matul l-implimentazzjoni tal-fondi kif ukoll l-aċċess għalih b’mod partikolari għall-persuni b’diżabilità jew dawk li jgħixu fil-marġni tas-soċjetà (6) .

4.2   Il-missjonijiet u l-prijoritajiet tal-FSE fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020

4.2.1   Il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali għandha tkun fil-qalba tal-Istrateġija Ewropa 2020 hekk kif tistipula d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew.

4.2.2   Il-livell ta’ allinjament bejn il-FSE u l-Istrateġija Ewropa 2020 jiddependi minn kemm jeżistu jew ma jeżistux linji gwida strateġiċi sabiex il-prijoritajiet strateġiċi jinbidlu fi programmi operattivi.

4.2.3   F’dan il-qafas, il-FSE għandu jibqa’ l-istrument għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi. B’rabta ma’ dan, il-FSE għandu jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, element essenzjali sabiex jiġi żgurat it-tkabbir ekonomiku tal-UE. Jekk għandha tingħata prijorità lill-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, għandha tingħata attenzjoni wkoll lill-ħolqien ta’ tipi oħra ta’ impjiegi bħall-impjiegi ekoloġiċi fid-dawl tal-bidla fil-mudell tal-produzzjoni, kif ukoll lil tkabbir sostenibbli u inklużiv.

4.2.4   Il-FSE jirrappreżenta l-istrument finanzjarju prinċipali tal-UE għall-investiment fir-riżorsi umani b’appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ integrazzjoni attiva, ta’ miżuri ta’ attivazzjoni, ta’ riċiklaġġ u ta’ taħriġ avvanzat.

4.2.5   Għandhom jinsiltu tagħlimiet mill-użu tal-FSE sabiex jappoġġjaw l-irkupru ekonomiku tal-Unjoni Ewropea.

4.2.6   Dan jinvolvi miżuri u prijoritajiet bħal:

l-appoġġ għall-inklużjoni attiva u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol b’mod partikolari taż-żgħażagħ, il-ħaddiema avvanzati fl-età, il-persuni b’diżabilità u gruppi vulnerabbli oħra bħall-migranti, kif ukoll il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni

iż-żieda fir-rata ta’ impjieg tan-nisa u l-ġlieda kontra l-inugwaljanzi fis-salarji

it-twaqqif ta’ osservatorju tas-suq tax-xogħol u l-użu ta’ fondi strutturali

it-tħeġġiġ tar-riċiklaġġ u tat-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema, iċċentrati fuq l-innovazzjoni u t-tranżizzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju

it-titjib fl-appoġġ tal-SMEs, tal-VSEsu tal-atturi tal-ekonomija soċjali li jirrappreżentaw minn 80 % sa 90 % tal-qasam industrijali tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li jinħolqu impjiegi ta’ kwalità

id-definizzjoni ta’ “taħriġ fi żmien ta’ kriżi” abbażi tad-diskussjonijiet dwar l-evoluzzjoni tas-setturi u tar-reġjuni

id-disseminazzjoni mtejba tal-prattiki tajba bħall-investiment fix-xogħol b’ħin imnaqqas assoċjat mat-taħriġ tal-ħaddiema

it-tisħiħ tad-djalogu soċjali permezz ta’ taħriġ konġunt tal-imsieħba soċjali

l-appoġġ għall-edukazzjoni u t-taħriġ tul il-ħajja

l-appoġġ għall-parteċipazzjoni diretta fil-programmazzjoni, il-ġestjoni u l-evalwazzjoni tal-fondi b’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) 1083/2006 b’mod partikolari billi jkomplu jissaħħu l-kapaċitajiet (capacity building)

l-iżgurar tal-kwalità tal-impjiegi u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol

il-promozzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà fil-post tax-xogħol

l-iżgurar tad-disponibbiltà tas-servizzi ta’ akkoljenza aċċessibbli f’termini kemm fiżiċi kif ukoll finanzjarji u t-teħid ta’ miżuri biex il-persuni li jirċievu servizz miċ-ċentri tal-kura, pereżempju l-persuni b’diżabbiltà, ma jibqgħux “ istituzzjonalizzati”

il-modernizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi tal-impjieg.

4.3   Il-prijoritajiet ġeografiċi u tematiċi tal-FSE

4.3.1   Il-fondi strutturali huma l-istrument prinċipali tal-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Istati Membri, li jappoġġjaw iż-żoni l-iktar żvantaġġati tal-Unjoni u l-gruppi soċjali l-iktar vulnerabbli sabiex jitnaqqsu d-differenżi soċjoekonomiċi bejn l-Istati Membri u ż-żoni territorjali differenti. Dan l-għan għandu jinżamm.

4.3.2   Barra minn hekk, il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, permezz tat-tnaqqis tad-disparitajiet soċjoekonomiċi fir-reġjuni u bejn ir-reġjuni (bħall-inugwaljanżi bejn il-gruppi soċjali differenti) għandhom ikunu prijoritajiet għall-FSE li jmiss bil-għan li l-Istrateġija Ewropa 2020 tiġi implimentata b’mod effettiv. L-Istati Membri kollha għandhom problemi f’oqsma differenti. Konsegwentement, ir-reġjuni kollha li jbatu minn rata ta’ qgħad li hija ogħla mill-medja komunitarja jew inugwaljanzi fis-suq tax-xogħol li jolqtu lill-gruppi l-iktar vulnerabbli għandhom jibbenefikaw mill-FSE inklużi r-reġjuni bi PDG ogħla bħar-reġjuni metropolitani jew dawk konfinali.

4.3.3   Il-FSE, li huwa ffukat fuq l-impjiegi, l-iżvilupp tar-riżorsi umani u l-promozzjoni tal-integrazzjoni soċjali, għandu jibqa’ l-istrument li jolqot b’mod dirett l-individwi u b’mod partikolari l-ħaddiema, l-persuni qiegħda, lil dawk esklużi mis-soċjetà, iż-żgħażagħ, il-persuni avvanzati fl-età u l-persuni vulnerabbli l-oħra.

4.3.4   Għandha tiġi żgurata l-koerenza bejn il-prijoritajiet definiti fid-diversi livelli: Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali.

4.3.5   Din il-koerenza għandha tiġi riflessa fil-qafas tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programmi operattivi

4.3.6   Kull Stat Membru għandu jiddefinixxi l-prijoritajiet u l-metodi ta’ tħaddim tiegħu b’konformità mal-kundizzjonijiet u l-potenzjal speċifiku tar-reġjuni tiegħu. Il-prijorijiet għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri b’konformità mal-pjani ta’ riforma nazzjonali rispettivi, il-kundizzjonijiet u l-potenzjal rispettiv tagħhom u għalhekk b’konformità mal-Istrateġija Ewropa 2020 u b’mod iktar speċifiku fl-oqsma li jikkonċernaw l-impjieg, it-taħriġ u l-inklużjoni soċjali.

4.3.7   Barra minn hekk għandhom jiġu studjati mekkaniżmi ta’ għajnuna finanzjarja oħra bħall-allokazzjoni diretta tal-fondi għall-miżuri mmirati lejn gruppi vulnerabbli bħall-persuni b’diżabilità (7) sabiex il-politika ta’ koeżjoni tkun orjentata lejn numru limitat ta’ prijoritajiet (8). Il-KESE fil-passat diġà stqarr li għandu jkun hemm fondi għall-għanijiet partikolari fil-qafas tal-inklużjoni soċjali (9).

4.4   Sinerġiji ma’ fondi strutturali oħra

4.4.1   Il-FSE huwa l-istrument prinċipali li jappoġġja l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi u dan għandu jibqa’ r-rwol tiegħu.

4.4.2   Madanakollu, għandhom jiżdiedu s-sinerġiji mal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fi ħdan liema għandhom jissaħħu l-prinċipji tas-sħubija, tal-ugwaljanza, tan-nondiskriminazzjoni u tas-sostenibbiltà, kif ukoll l-għanijiet tal-impjieg u l-inklużjoni soċjali. Għalhekk il-prinċipju tal-flessibbiltà għandu jiġi infurzat sabiex jittejbu kemm jista’ jkun il-komplementaritajiet u l-koordinazzjoni bejn il-FSE, il-FEŻR u fondi oħrajn (bħall-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija, FAEG), sabiex b’hekk ikun hemm finanzjament għal inizjattivi komplementari, bħal dawk imfassla biex jippromovu l-aċċess għat-taħriġ professjonali għall-persuni b’diżabbiltà kif ukoll l-aċċess għall-infrastrutturi għal dan il-grupp soċjali.

4.4.3   Għandu jiġi evitat ix-xogħol doppju bejn il-FSE u l-FEAG u għandha tiġi żgurata l-koerenza peress li fid-dawl tar-ristrutturar, il-miżuri tal-FSE huma ta’ prevenzjoni filwaqt li tal-FEAG huma ta’ natura kurattiva.

4.5   Sistema ta’ ġestjoni

4.5.1   Għandu jsir bosta titjib fl-implimentazzjoni tal-proċeduri u fl-aspetti prattiċi u l-aċċess għall-finanzjament tal-FSE.

4.5.2   Sabiex jiġi garantit dan it-titjib, għandu jinżamm u jissaħħaħ fil-FSE tal-futur il-prinċipju tas-sħubija. Hemm bżonn li tinġibed attenzjoni għall-fatt li l-prinċipju tas-sħubija huwa strument fundamentali għall-implimentazzjoni effettiva tal-FSE fid-dawl tal-fatt li dan jippermetti l-mobilizzazzjoni ta’ riżorsi addizzjonali, fattur li ser ikun importanti ħafna matul il-promozzjoni tiegħu, fil-kuntest tat-tnaqqis fl-ispiża pubblika fl-Unjoni Ewropea.

4.5.3   Dan it-titjib jikkonsisti f’:

tnaqqis konsiderevoli tal-burokrazija qabel u matul l-implimentazzjoni tal-programm operattiv, billi l-proċedura għall-aċċess tal-fondi ssir iktar flessibbli, is-sistema tal-ħlas issir iktar rapida sabiex jitnaqqas il-piż finanzjarju għal dawk li jimplimentaw il-programmi u billi jiġu semplifikati l-proċeduri tal-fatturazzjoni u tar-regolarizzazzjoni tal-kontijiet, permezz ta’ pereżempju l-lump sums kif ukoll permezz tas-semplifikazzjoni tal-kontabilità għall-proġetti bbażati fuq riżultati speċifiċi iktar milli dokumenti finanzjarji;

limitazzjoni tal-possibbiltà li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi jew kundizzjonijiet amministrattivi addizzjonali li jfixklu l-aċċess għall-fondi tal-FSE;

tixrid aħjar tal-informazzjonali dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament billi, fost affarijiet oħra, jiġu stabbiliti standards minimi Ewropej dwar it-trasparenza u l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-possibiltajiet ta’ finanzjament fil-qafas tal-FSE, b’mod partikolari billi jiġi semplifikat il-lingwaġġ użat;

it-titjib tat-trasparenza u l-effikaċja tal-proċeduri ta’ għażla tal-proġetti li ser jiġu ffinanzjati, kemm fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll fir-reġjuni billi jiġi żgurat li l-proġetti innovattivi jingħataw attenzjoni speċjali;

Attenzjoni partikolari għandha tingħata wkoll lill-ambjent mibni, lit-teknoloġiji l-ġodda u lit-trasport (inklużi l-prodotti, is-servizzi u l-infrastrutturi) sabiex jitneħħew l-ostakli għall-aċċess sħiħ tal-azzjonijiet kollha kofinanzjati mill-FSE.

4.5.4   L-użu effikaċi tal-fondi għandu jiġi żgurat u evalwat f’termini ta’ riżultati kwantitattivi kif ukoll kwalitattivi.

4.5.5   Jeħtieġ li jiġu definiti l-indikaturi marbuta mal-finanzjament.

4.5.6   L-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili għandhom rwol essenzjali x’jaqdu f’dan il-proċess.

Brussell, 15 ta’ Marzu 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Hekk kif stipulat fl-Artikoli 11, 16 u 17 tar-Regolament (KE) 1083/2006 tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond tal-Koeżjoni.

(2)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Parlamenti Nazzjonali dwar “Ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE” (COM(2010) 700 finali) tad-19 ta’ Ottubru 2010.

(3)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010: “Ewropa 2020 – Strateġija għat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010) 2020 finali).

(4)  Opinjoni tal-KESE dwar “L-impjieg tal-kategoriji ta’ prijorità (l-Istrateġija ta’ Lisbona)”, ĠU C 256, 27.10.2007.

(5)  Hekk kif jistipula l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2006 dwar id-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond tal-Koeżjoni.

(6)  Hekk kif jistipulaw l-Artikoli 11, 16 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2006 dwar id-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni.

(7)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Strateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020: Impenn mill-Ġdid għal Ewropa Mingħajr Ostakoli” – (COM(2010) 636 finali) tal-15 ta’ Novembru 2010.

(8)  Opinjoni tal-KESE dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew”, ĠU C 234, 22.9.2005

(mhux disponibbli bil-Malti) Opinjoni tal-KESE dwar il“Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għall-Politika tal-Impjiegi tal-Istati Membri (skont Artikolu 128 tat-Trattat tal-KE)”, ĠU C 162, 25.6.2008, p. 92

Opinjoni tal-KESE dwar “Persuni b’diżabilità: l-impjieg u l-aċċessibbiltà fi stadji għal persuni b’diżabilità fl-UE. L-Istrateġija ta’ Lisbona wara l-2010”ĠU C 354, 28.12.2010, p. 8

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-15.11.2010 dwar Strateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020: Impenn mill-Ġdid għal Ewropa Mingħajr Ostakoli, COM 2010(636).

(9)  Opinjoni tal-KESE dwar “Ir-Raba’ Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali”, ĠU C 120, 16.5.2008, p. 73 & 4.5.2.


Top