EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011AE0352
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Central Bank, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions: Enhancing economic policy coordination for stability, growth and jobs — Tools for stronger EU economic governance’ — COM(2010) 367 final
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – It-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika għall-istabilità, it-tkabbir u l-impjiegi – Għodda għal governanza ekonomika tal-UE isħaħ” COM(2010) 367 finali
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – It-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika għall-istabilità, it-tkabbir u l-impjiegi – Għodda għal governanza ekonomika tal-UE isħaħ” COM(2010) 367 finali
OJ C 107, 6.4.2011, p. 7–15
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
6.4.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 107/7 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – It-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika għall-istabilità, it-tkabbir u l-impjiegi – Għodda għal governanza ekonomika tal-UE isħaħ”
COM(2010) 367 finali
2011/C 107/02
Relatur: is-Sur PALMIERI
Nhar il-30 ta' Lulju 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - It-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika għall-istabilità, it-tkabbir u l-impjiegi - Għodda għal governanza ekonomika tal-UE isħaħ
COM(2010) 367 finali
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-7 ta' Frar 2011
Matul l-469 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta' Frar 2011 (seduta tas-17 ta' Frar 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’240 vot favur, 2 voti kontra u 14-il astensjoni.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Il-KESE japprova l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea fehmet il-ħtieġa li tipprovdi għal integrazzjoni akbar fil-koordinazzjoni tal-politika ekonomika Ewropea, billi ddaħħal fl-aġenda tagħha stess il-ħtieġa li jiġi implimentat it-tisħiħ tal-governanza ekonomika tal-Unjoni.
1.2 Il-KESE jirrikonoxxi li l-kriżi ekonomika attwali fil-fatt ippreżentat sfidi kbar lis-sistema ekonomika, soċjali u saħansitra dik politika tal-Unjoni Ewropea b’mod ġenerali, u tal-Unjoni Monetarja u Ekonomika (UME) b’mod partikolari, filwaqt li wriet il-kapaċità dgħajfa ta' koordinazzjoni bejn l-Istati Membri. Dan deher biċ-ċar kemm fl-interventi ta' emerġenza biex jiġu limitati l-effetti finanzjarji u reali tal-kriżi, kif ukoll fl-azzjonijiet tat-tfassil mill-ġdid tal-istruttura globali – u taż-żona tal-euro b’mod partikolari – sabiex jiġi evitat li terġa’ tiġri l-istess sitwazzjoni fil-futur qrib. Barra minn hekk, jidher biċ-ċar li d-dejn pubbliku kbir ta' xi wħud mill-Istati Membri - li parzjalment huwa dovut għas-salvataġġi estiżi tal-banek minn diffikultajiet finanzjarji - jillimita l-investimenti pubbliċi u s-sostenibilità tal-infiq soċjali.
1.3 Il-KESE jħeġġeġ li t-tisħiħ tal-governanza ekonomika Ewropea jsir realtà, filwaqt li jkun żgurat li tingħata attenzjoni ugwali lill-ħtiġijiet tal-istabilità u ta' tkabbir li jġib miegħu impjiegi ġodda.
1.4 Il-KESE beħsiebu jikkontribwixxi biex jinħoloq il-qbil mifrux li hu meħtieġ biex tissaħħaħ b’mod effikaċi l-governanza ekonomika, filwaqt li minn naħa jenfasizza xi limiti u riskji inerenti għall-approċċ adottat mill-Kummissjoni, u min-naħa l-oħra l-potenzjal importanti li ġej minnu.
1.5 L-ewwel nett, jeħtieġ li tingħeleb il-fażi attwali ta' staġnar tal-UE, li ġejja mid-diffikultajiet tal-Kostituzzjoni Ewropea u mit-tkabbir għal 27 Stat Membru kollha kemm huma b’sitwazzjonijiet u perspettivi politiċi li jvarjaw ħafna, u b’hekk huwa diffiċli li jiġu identifikati l-għanijiet komuni fuq livell ekonomiku, soċjali u ambjentali li għandhom ikunu l-bażi tal-governanza ekonomika.
1.6 Fl-istess ħin, ir-regoli għall-futur għandhom ikunu bbażati fuq l-analiżi tal-passat li hemm qbil dwarha, b’mod partikolari fuq x’kienu l-limiti tal-għodod ta' koordinazzjoni diġà eżistenti li wasslu għal applikazzjoni mhux effettiva tal-Patt ta' Stabilità u Tkabbir (il-Patt) u għall-ksib insuffiċjenti tal-għanijiet stabbiliti f’Lisbona.
1.7 It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-iskedar, ġie deċiż li jinbeda s-Semestru Ewropew – mill-1 ta' Jannar 2011 – mingħajr ma ġew stabbiliti r-regoli u l-kontenut li għandhom jiġu applikati minn qabel. U, barra minn hekk, mingħajr ma ġew sinkronizzati b’mod effettiv il-proposti bejn l-entitajiet istituzzjonali differenti involuti.
1.8 Il-parteċipazzjoni limitata tal-istituzzjonijiet li jirrappreżentaw liċ-ċittadini Ewropej (il-Parlament u l-Kumitati) kemm fid-diskussjoni kif ukoll fl-implimentazzjoni tal-governanza l-ġdida tirriskja li t-tisħiħ tar-regoli, li ġej mit-tnaqqis tad-diskrezzjoni politika u l-użu akbar tas-sistemi awtomatiċi previsti, jidher f’għajnejn iċ-ċittadini bħala “nuqqas ta' leġittimità” tal-għażliet tal-Unjoni, u dan flimkien mat-telf ta' fiduċja lejn l-UE li joħroġ mir-riżultati tal-Ewrobarometru.
1.9 Il-KESE jsostni li, l-istabbiliment tal-leġittimità demokratika tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika Ewropea bilfors irid jgħaddi minn idejn il-Parlament Ewropew. F’dan il-kuntest, il-KESE jawgura li l-Parlament Ewropew jista’ jkollu rwol kruċjali fil-proċess li nbeda b’rabta mas-Semestru Ewropew, kemm fil-fażi ta' kontroll kif ukoll f’dik ta' valutazzjoni tal-azzjonijiet korrettivi previsti mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea.
1.10 Huwa biss jekk tinżamm il-koerenza bejn l-għanijiet tat-tkabbir u tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020 – li għalihom huma meħtieġa livelli ta' investiment li probabbli jkunu inkompatibbli mar-restrizzjonijiet baġitarji – u l-ħtiġijiet tal-istabilità monetarja u finanzjarja msemmija fil-Patt, li jkun possibbli li jintlaqgħu aktar ir-restrizzjonijiet baġitarji min-naħa tal-opinjoni pubblika.
1.11 Għal dan il-għan, jeħtieġ ukoll li tiġi adottata sensiela adegwata ta' indikaturi li jmorru lil hinn mill-Prodott Domestiku Gross (PDG), adatti biex jinkludu fihom il-kisbiet u t-telf soċjali u ambjentali, u b’hekk jirriflettu l-preokkupazzjonijiet reali taċ-ċittadini, billi jimplimentaw il-ħames azzjonijiet previsti fi ħdan l-inizjattiva “Lil Hinn mill-PDG”. Dawn jirrigwardaw l-użu ta' indikaturi ambjentali u soċjali, id-disponibilità ta' informazzjoni kważi fil-ħin reali u ta' data preċiża dwar id-distribuzzjoni u l-inugwaljanza, it-tfassil ta' “tabella” Ewropea tal-iżvilupp sostenibbli, l-estensjoni tal-kontijiet nazzjonali għall-kwistjonijiet ambjentali u soċjali.
1.12 Il-KESE, fir-rwol tiegħu ta' korp konsultattiv, jista’ jikkontribwixxi għal tħaddim aħjar tas-Semestru Ewropew, b’sessjoni annwali ddedikata għad-diskussjoni dwar ir-rakkomandazzjonijiet u l-mod kif jinħoloq il-kunsens dwar ir-riformi fil-livell nazzjonali, b’kunsiderazzjoni tal-impatt soċjali tal-miżuri adottati. Diskussjoni ta' dan it-tip tista’ ssir fil-ħarifa, wara l-adozzjoni formali tar-rakkomandazzjonijiet mill-Istati Membri, u l-konklużjonijiet tagħhom jistgħu jservu ta' bażi għad-diskussjoni mal-kumitati ekonomiċi u soċjali nazzjonali rispettivi, il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew.
1.13 B’mod partikolari, l-attenzjoni dejjem tikber mogħtija lin-negozjati bejn l-imsieħba soċjali, l-aktar fiż-żona tal-euro fejn l-Istati Membri m’għadx għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-għodda tal-iżvalutazzjoni, twassal biex ir-relazzjonijiet bejn l-għaqdiet tal-ħaddiema u l-assoċjazzjonijiet intraprenditorjali jsiru parti integrali mill-istrateġija mfassla mill-Kummissjoni. Waħda mis-soluzzjonijiet tista’ tkun l-użu aktar intensiv u funzjonali tad-Djalogu Makroekonomiku (MED), li jġib miegħu valutazzjoni kondiviża effettiva bejn il-gvernijiet u l-imsieħba soċjali tal-qagħda ekonomika fil-livell tal-UE u tal-interventi li għandhom isiru, b’rabta mill-qrib mal-proċess tad-djalogu soċjali fil-livell nazzjonali.
1.14 It-twettiq ta' koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi Ewropej jeħtieġ il-kondiviżjoni neċessarja tal-qafas makroekonomiku ta' referenza u dak provviżorju. Għal dan il-għan, il-KESE jawgura li jiġu żgurati l-kundizzjonijiet sabiex l-Eurostat ikollha bażijiet tal-informazzjoni adegwati b’tali mod li l-Kummissjoni Ewropea tkun tista’ tfassal proposti provviżorji korretti, u tistabbilixxi appoġġ effettiv bejn il-korpi l-oħra interessati: il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Ewropew, il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali.
1.15 Il-KESE jħeġġeġ li l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika Ewropea, għall-inqas għall-pajjiżi taż-żona tal-euro, tkun l-ewwel pass lejn politika ekonomika komuni ġenwina u lejn il-koordinazzjoni tal-politika baġitarja.
1.16 Jekk il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika ma tinkludix biss il-politika fiskali u monetarja, iżda anke politika tal-pagi iktar stretta fiż-żona tal-euro, l-awtonomija tan-negozjar kollettiv trid tiġi rispettata – mhuwiex aċċettabbli li l-Istati jistabbilixxu l-miri tan-negozjar kollettiv, u inqas u inqas li jiddettaw it-tnaqqis fil-pagi, u dan għandu jiġi rrifjutat.
2. It-tisħiħ tal-governanza ekonomika Ewropea fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (1)
2.1 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tirrappreżenta żvilupp ieħor tal-ideat imfassla fil-Komunikazzjoni dwar It-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika (2) u tal-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill Ewropew EUCO 13/10, li jsegwu r-riżultati li ntlaħqu s’issa mill-grupp ta' ħidma dwar il-governanza ekonomika (it-Task Force ta' VAN ROMPUY).
2.2 Id-dokument li tfassal mill-Kummissjoni huwa bbażat fuq ir-rikonoxximent impliċitu tal-fatt li l-effetti tal-kriżi finanzjarja u ekonomika ġabu magħhom sensiela ta' pressjonijiet fir-rigward tas-sistema ekonomika u soċjali tal-UE b’mod ġenerali, u tal-UEM b’mod partikolari, filwaqt li wrew kapaċità ta' koordinazzjoni dgħajfa tal-politika ekonomika Ewropea.
2.3 F’dan il-kuntest, il-Komunikazzjoni għandha l-għan li tfassal qafas ta' azzjonijiet li kapaċi jiżguraw koordinazzjoni aħjar tal-politika ekonomika Ewropea bejn is-27 Stat Membru tal-UE u b’mod partikolari bejn is-16-il Stat Membru tal-UEM, li għalihom huma previsti standards speċifiċi. L-istruttura hija maħsuba biex tintegra l-Patt ta' Stabilità u Tkabbir mal-Istrateġija Ewropa 2020.
2.4 Fil-proċess ta' tisħiħ tal-governanza ekonomika Ewropea, il-Kummissjoni beħsiebha essenzjalment tilħaq tliet għanijiet.
2.4.1 L-ewwel għan huwa koordinazzjoni u sorveljanza akbar tal-politiki ekonomiċi billi:
— |
jonqsu l-iżbilanċi nazzjonali permezz ta' sorveljanza makroekonomika isħaħ ibbażata fuq il-mekkaniżmi ta' twissija u ta' sanzjonijiet, |
— |
l-oqfsa baġitarji nazzjonali jsiru aktar omoġenji permezz tal-adozzjoni ta' ħtiġijiet minimi uniformi bejn l-Istati Membri u jkun hemm ċaqliq minn ippjanar baġitarju annwali għal wieħed multiannwali, |
— |
il-Patt ikun aktar effettiv billi jiffoka fuq il-kwistjoni tad-dinamika tad-dejn u tal-iżbilanċi. |
2.4.2 It-tieni għan huwa dak li tiġi pprovduta sistema ta' korrettivi, preventivi u ta' sanzjonijiet li jkunu jistgħu jiġu applikati meta jseħħ xi ksur min-naħa tal-Istati Membri tal-UE.
2.4.3 It-tielet u l-aħħar għan jistabbilixxi Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni bil-quddiem tal-politiki ekonomiċi applikabbli wkoll għar-riformi strutturali u għall-elementi ta' tisħiħ tat-tkabbir ekonomiku previsti mill-Ewropa 2020.
2.5 Dawn l-għanijiet ġew tradotti fil-leġislazzjoni sekondarja mill-Kummissjoni, bil-pakkett sħiħ ippreżentat fid-29 ta' Settembru 2010, dwar l-adozzjoni ta' sitt komunikazzjonijiet (3) li jittrattaw fid-dettall il-proċeduri konkreti biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. Dawn ser jiġu diskussi f’żewġ opinjonijiet speċifiċi tal-KESE - waħda dwar ir-riforma tal-Patt u l-oħra dwar l-iżbilanċi makroekonomiċi. Għalhekk, l-opinjoni attwali tillimita ruħha għall-kummenti ġenerali dwar is-sistema globali ta' governanza proposta mill-Kummissjoni, bla ma tidħol fil-qasam tal-pakkett leġislattiv li se jiġi ttrattat b’mod speċifiku miż-żewġ opinjonijiet indikati hawn fuq.
3. Kummenti ġenerali
3.1 Għandha tiġi approvata d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tniedi proċess ta' tisħiħ reali fil-koordinazzjoni tal-politika ekonomika Ewropea. Fil-fatt, din hi ħtieġa li ilha tiġi enfasizzata minn bosta korpi istituzzjonali Ewropej (fosthom il-Parlament Ewropew) u minn oħrajn. B’mod partikolari, l-importanza li tikber l-integrazzjoni tal-governanza tal-Unjoni ssemmiet ħafna drabi mill-KESE fl-opinjonijiet li fil-passat ittrattaw dan is-suġġett (4).
3.2 Il-kriżi finanzjarja u ekonomika ppreżentat sfidi kbar għas-sistema produttiva, soċjali u politika tal-UE b’mod ġenerali, u tal-UEM b’mod partikolari (5).
3.3 Il-kuntest soċjali u ekonomiku jidher instabbli u inċert, u b’konsegwenza ta' dan jeħtieġ li l-istituzzjonijiet ikunu organizzati b’mod effikaċi u jkunu jaħdmu tajjeb. Qed isir dejjem aktar ċar li, fin-nuqqas ta' kooperazzjoni bejn l-atturi tal-politika ekonomika nazzjonali, mhux possibbli li l-Istati Membri jimxu kollha f’direzzjoni komuni quddiem l-isfidi li tippreżenta l-globalizzazzjoni tal-produzzjoni u tal-finanzi u l-bidliet teknoloġiċi kbar li qed iseħħu.
3.4 Fin-nuqqas ta' koordinazzjoni tal-politika ekonomika, il-kriżi diġà pproduċiet sensiela ta' konsegwenzi soċjali partikolarment serji għall-UE, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-opportunitajiet tat-tkabbir u tal-impjieg. Dawn l-effetti ġew identifikati b’mod ċar fl-abbozz ta' rapport dwar il-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali ppreżentat lill-Parlament Ewropew mir-relatur Pervenche BERÈS (6).
3.4.1 Il-Prodott Domestiku Gross (PDG) għall-UE, wara li żdied b’diffikultà fl-2008 (+0,5 %), naqas b’mod ċar fl-2009 (-4,2 %) u għandu jerġa’ jiżdied bil-mod fl-2010 u fl-2011 (previżjoni ta' +1 u +1,7 % rispettivament). It-tnaqqis hu partikolarment serju fit-tliet pajjiżi Baltiċi (il-Latvja se tkun tilfet 22 % tal-PDG tal-2007 sa tmiem l-2011) u fl-Irlanda, u fuq skala iżgħar fl-Italja, fil-Greċja u fil-Finlandja. Fl-istess ħin, l-esportazzjonijiet tal-Istati Membri – kemm lejn l-Istati Membri l-oħra kif ukoll ’il barra mill-UE – naqsu bi 12 % bejn l-2007 u l-2009, b’livelli li jisbqu l-15 % għall-Finlandja, Malta, il-Bulgarija, l-Isvezja, l-Estonja u r-Renju Unit (7).
3.4.2 Għalhekk, għall-maġġoranza tal-Istati Membri l-objettivi stabbiliti mill-Istrateġija ta' Lisbona għas-suq tax-xogħol tbiegħdu: ir-rata tal-impjieg għall-UE niżlet minn 65,4 % fl-2007 għal 64,6 % fl-2009, bi tnaqqis ta' iktar minn ħames punti perċentwali fl-Estonja, l-Irlanda, Spanja u l-Latvja; fl-istess żmien, ir-rata tal-qgħad fl-UE żdiedet minn 7,1 % għal 8,9 %, u qabżet l-10 % fi Spanja (li laħqet it-18 %), is-Slovakkja, l-Irlanda u fit-tliet pajjiżi Baltiċi.
3.5 Quddiem sitwazzjoni tassew kritika bħal din, li titlob soluzzjonijiet daqstant ieħor b’saħħithom, jibqgħu xi dubji fir-rigward tal-approċċ u l-iskadenzi adottati mill-Kummissjoni fil-proċess tat-tisħiħ tal-governanza ekonomika Ewropea. Dawn il-fatturi, minbarra li jostakolaw il-possibbiltà li jintlaqa’ l-proċess li tnieda - fl-aktar sens wiesa’ possibbli – mill-istituzzjonijiet Komunitarji u mill-opinjoni pubblika, jistgħu jwasslu sabiex l-oġġettiv stess tal-koordinazzjoni proposta ma jkunx ċar.
3.6 L-ewwel nett, l-azzjoni tal-UE fir-rigward tat-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika ma tistax tiddependi mill-identifikazzjoni – li fil-fatt hi komuni bejn l-Istati Membri – ta' xi tfisser effettivament il-“governanza ekonomika”, flimkien ma' valutazzjoni bir-reqqa tar-raġunijiet li wasslu – matul id-deċennju li għadda - kemm għal applikazzjoni mhux effettiva tal-Patt kif ukoll għall-ksib insuffiċjenti tal-għanijiet stabbiliti f’Lisbona.
3.6.1 Minn naħa, it-terminu “governanza” jfakkar fi struttura istituzzjonali deċentralizzata, fejn ma jeżistix poter ċentrali wieħed bħal fl-istati nazzjonali, iżda numru ta' partijiet ikkonċernati, governattivi u mhux, li jikkooperaw bejniethom biex jiksbu l-iskopijiet komuni tagħhom. Iżda l-UE għadha f’fażi ta' staġnar, li ġejja mid-diffikultajiet relatati mal-Kostituzzjoni Ewropea u mit-tkabbir għal 27 Stat Membru, kollha kemm huma b’sitwazzjonijiet u b’perspettivi politiċi li jvarjaw ħafna. Minn hawn ġejja l-ħtieġa li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri fil-fatt ikollhom għanijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali komuni ġodda, iżda dawn l-għanijiet bilkemm qed jirnexxielhom jinħolqu wara l-isforz kbir li sar fit-tmeninijiet u fid-disgħinijiet għall-ħolqien tas-suq uniku u l-adozzjoni tal-euro.
3.6.2 Min-naħa l-oħra, il-previżjoni ta' regoli għall-futur ma tidhirx li hija bbażata fuq analiżi li hemm qbil fuqha dwar il-passat. Fil-fatt, huwa importanti li jiġi stabbilit jekk l-aspetti kruċjali li ħarġu mill-Patt humiex ġejjin minn żbalji inizjali ta' ppjanar tar-restrizzjonijiet fl-UEM quddiem kriżi serja, jew minn għażliet politiċi mhux adatti li saru waqt l-applikazzjoni tiegħu, jew inkella minn perspettivi differenti tal-għanijiet u l-istrateġiji relattivi li għandhom jiġu segwiti (l-inflazzjoni baxxa, it-tkabbir ekonomiku u tal-impjiegi, ir-rwol tal-euro bħala munita ta' riżerva, eċċ.) (8). Anke fil-każ ta' verżjonijiet preċedenti tal-Patt, kienu jeżistu għal aktar minn deċennju regoli ta' kondotta għall-Istati Membri fl-Unjoni, iżda dawn ma evitawx li jinħolqu sitwazzjonijiet kruċjali b’mod frekwenti u ripetut.
3.6.3 Fl-istess ħin, in-nuqqas ta' ksib tal-biċċa l-kbira tal-għanijiet kwantitattivi li ġew deċiżi fl-Istrateġija ta' Lisbona – irrispettivament mill-kriżi ekonomika – iqajjem dubji kbar dwar l-għażla tal-indikaturi u l-ħila tagħhom li jiġbru fil-qosor b’mod effettiv it-triq li twassal għat-tkabbir tal-kompetittività u d-dinamiżmu.
3.7 It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-iskedar, ġie deċiż li jinbeda s-Semestru Ewropew – mill-1 ta' Jannar 2011 – mingħajr ma ġew stabbiliti r-regoli u l-kontenut li għandhom jiġu applikati minn qabel. U, barra minn hekk, mingħajr ma nkisbet sinkronizzazzjoni effettiva bejn id-diversi partijiet interessati: il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, it-Task Force dwar il-governanza ekonomika ppreseduta mis-Sur VAN ROMPUY, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), il-KESE, il-Kumitat tar-Reġjuni. Il-proċess ta' diskussjoni għandu jiġi konkluż bl-approvazzjoni tal-Parlament, li tingħata mhux qabel is-sajf tal-2011.
3.8 Quddiem sitwazzjoni tassew kruċjali, bħal dik tar-rebbiegħa tal-2010, jidher evidenti li l-Kummissjoni kienet aktar preokkupata li toħroġ mill-kriżi kemm jista’ jkun malajr - biex tipperswadi lis-swieq finanzjarji globali u lill-opinjoni pubblika – milli kemm ir-risposta tista’ tkun effettiva fuq perjodu ta' żmien medju u twil, mhux biss fuq il-livell finanzjarju, iżda wkoll fuq dak produttiv, soċjali u politiku.
3.9 Il-ħruġ mill-kriżi – skont il-Kummissjoni – jeħtieġ regoli aktar stretti u sanzjonijiet aktar ċerti, b’inqas diskrezzjoni politika u aktar sistemi awtomatiċi. Iżda l-ebda ġabra ta' regoli ma tista’ tiffaċċja b’mod effettiv is-sitwazzjonijiet ta' kriżi serja, billi dawn jiġu kkawżati kważi dejjem minn avvenimenti straordinarji u imprevedibbli li la l-persun tekniki m’għandhom il-ħila jipprevedu u lanqas ir-regoli stabbiliti m’għandhom il-ħila jirreaġixxu għalihom. L-utopja ta' “gvern tar-regoli” – li teħles lill-politika mill-piż illi jkollha tagħmel ċerti għażliet – diffiċilment tista’ tintlaħaq u hi saħansitra perikoluża, peress li tagħti sens illużorju ta' sigurtà u ta' protezzjoni minn kwalunkwe sors ta' inċertezza (9). Barra minn hekk, approċċ ta' dan it-tip jikkawża żewġ tipi ta' problemi li għandhom jiġu eżaminati bir-reqqa.
3.9.1 L-ewwel problema hija r-riskju li jiġu sottovalutati l-vantaġġi tal-approċċ Komunitarju, bil-parteċipazzjoni tal-istituzzjonijiet li l-aktar jirrappreżentaw liċ-ċittadini Ewropej, meta mqabbla mal-loġika intergovernattiva, b’deċiżjonijiet li jittieħdu essenzjalment mill-Kunsill, bi rwol limitat għall-Parlament u l-Kumitati. L-unika eċċezzjoni hi rrappreżentata mill-involviment pożittiv, fis-Semestru Ewropew, tal-Parlament Ewropew, li l-Kummissjoni se tippreżentalu l-analiżi annwali tat-tkabbir, f’Jannar, b’mod li jitnieda d-dibattitu dwar il-linji gwida tal-koordinazzjoni.
3.9.1.1 Il-prevalenza tal-loġika intergovernattiva tista’ ġġib magħha l-istess sottovalutazzjoni tan-nuqqas taċ-ċittadinanza Ewropea diġà mġarrba fl-Istrateġija ta' Lisbona. Din hija sfida għas-sistema ekonomika, soċjali u politika tal-UE bl-istess mod tal-kriżi globali, li tista’ tagħti lok għall-illużjoni li tiġi restawrata s-sovranità nazzjonali permezz tar-rinunzja tal-euro (u saħansitra tal-Unjoni stess) sabiex jerġa’ jitnieda żvilupp nazzjonali improbabbli, ħieles mir-restrizzjonijiet u mit-teknokrati Ewropej. Mhux b’kumbinazzjoni li osservatur attent tal-Unjoni Ewropea – Charles KUPCHAN (10) – ippreveda riskju ta' “nazzjonalizzazzjoni mill-ġdid” tal-proġett Ewropew f’artiklu tal-Washington Post tad-29 ta' Awwissu 2010: “L-Ewropa għaddejja minn esperjenza ta' rinazzjonalizzazjoni tal-ħajja politika u l-pajjiżi qed jerġgħu lura għall-istat ta' sovranità li darba kienu ssagrifikaw volontarjament għall-ideal kollettiv” (11).
3.9.1.2 Jidher li ċ-ċittadini Ewropej juru proprju dan it-telf ta' fiduċja, mhux daqstant fil-konfront tal-istituzzjonijiet Komunitarji nnifishom, iżda fil-konfront ta' kemm huwa utli li jagħmlu parti mill-UE. L-istudji tal-Ewrobarometru (12) juru kif fil-fatt – bejn ir-rebbiegħa tal-2007 u l-2010 – il-perċentwal tal-Ewropej li jikkunsidraw bħala fattur pożittiv li pajjiżhom jagħmel parti mill-UE niżel minn 57 % għal 49 %, għall-benefiċċju ta' min jikkunsidra dan bħala fattur negattiv (illum 18 %) u ta' min jinsab f’dubju (29 %). Bl-istess mod, il-perċentwal taċ-ċittadini li jaħsbu li pajjiżhom ibbenefika b’mod ġenerali mis-sħubija mal-UE naqas minn 59 % għal 53 %, filwaqt li l-perċentwal ta' dawk li jwieġbu li ma kienx hemm benefiċċji tela’ għal 35 %.
3.9.2 It-tieni problema hi r-riskju li jiġi segwit approċċ tradizzjonali sabiex tinstab soluzzjoni għall-problemi, ibbażat fuq ir-rikors għad-dixxiplina finanzjarja fir-rigward tas-suġġetti tat-tkabbir, tal-ugwaljanza soċjali u tad-degradazzjoni ambjentali, minkejja li dawn issa saru argumenti innovattivi, imxerrdin u konvinċenti (13).
3.9.2.1 Ir-rabtiet bejn l-infiq pubbliku, il-prestazzjoni ekonomika u l-għanijiet soċjali huma aktar kumplessi mill-impressjoni li tipprova toħloq l-ipoteżi sempliċistika ta' kompromess (trade-off) bejn l-ugwaljanza u l-effettività. Sistemi ta' benesseri u ta' regolazzjoni ambjentali mfassla sew jippermettu wkoll it-tisħiħ tal-effettività u l-kompetittività, sal-punt li jitqiesu bħala fattur produttiv li jikkontribwixxi għall-istabilità u għad-dinamika ekonomika fl-ekonomiji postindustrijali.
3.9.2.2 Dan jgħodd aktar fil-fażi ta' kriżi li l-ekonomiji Ewropej qed jgħaddu minnha. Fil-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku (14), il-Kummissjoni rrikonoxxiet kemm il-ħtieġa li “jitnaqqas il-prezz uman tat-tnaqqis ekonomiku u l-impatt tiegħu fuq dawk li huma l-aktar vulnerabbli”, kif ukoll il-fatt li l-kriżi għandha tiġi kkonsidrata bħala opportunità biex “isseħħ aktar malajr il-bidla favur ekonomija b’livell baxx ta' karbonju” billi tiġi stabbilita strateġija “li se tistimola l-innovazzjoni, toħloq impjiegi ġodda ambjentali u tiftaħ opportunitajiet ġodda fi swieq mondjali li qed jikbru malajr”.
3.9.2.3 Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-kriżi ma twelditx fis-settur pubbliku, iżda f’dak privat, minħabba l-iżbilanċi bejn it-tkabbir globali tal-forniment ta' provvisti u servizzi u t-tnaqqis fit-tkabbir tal-poter tal-akkwist tal-konsumaturi (15). Il-biċċa l-kbira tad-deterjorament tal-baġits tal-Istati Membri fir-rigward tal-PDG kienet biss konsegwenza tal-azzjonijiet ta' emerġenza, li ttieħdu minħabba t-tnaqqis tad-denominatur (id-dħul nazzjonali) u ż-żieda tan-numeratur (l-infiq pubbliku kemm għas-salvataġġ tas-sistema finanzjarja u produttiva, kif ukoll għall-istabbilizzaturi awtomatiċi mfassla biex jikkontrollaw l-effetti potenzjalment drammatiċi tal-kriżi) (16). Bħalma kiteb FITOUSSI: “Il-problemi baġitarji tal-Ewropa mhux ġejjin daqstant mill-azzjoni ta' diskrezzjoni tal-gvernijiet, daqs kemm mill-konsegwenzi kkawżati awtomatikament mit-tfaqqir tas-soċjetajiet għall-finanzi pubbliċi” (17).
4. Kummenti speċifiċi
4.1 In-nuqqas ta' ċarezza dwar xi tfisser “governanza ekonomika”, kif wkoll dwar l-għanijiet li fuqhom tibbaża ruħha, flimkien man-nuqqas ta' għarfien dwar il-limiti tal-Patt u tal-Istrateġija ta' Lisbona, iwasslu għall-ħtieġa li tiġi identifikata strateġija komuni bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE. Strateġija li ma tillimitax ruħha li tiddikjara r-regoli u l-proċeduri formali, iżda li tidħol fid-dettall tal-politiki konkreti - aktar u aktar fil-kuntest dgħajjef ta' wara l-kriżi ekonomika - biex ittejjeb il-kwalità ta' għajxien taċ-ċittadini Ewropej, iżżid ir-rata tal-impjieg (inkluż fost il-gruppi żvantaġġati fosthom il-persuni b’diżabbiltà u l-minoranzi etniċi) u ssaħħaħ il-ħiliet kompetittivi tas-sistema produttiva Ewropea (inklużi l-intrapriżi ż-żgħar u dawk medji u l-ekonomija soċjali).
4.2 Għal dan il-għan, ma nistgħux nillimitaw ruħna għar-regoli ta' kontabilità, li xorta waħda huma indispensabbli, sabiex tiġi vverifikata l-koerenza tad-dħul u l-ħruġ. Sabiex jissaħħu l-fiduċja u l-aspettattivi taċ-ċittadini Ewropej fir-rigward tal-UE, hemm bżonn azzjonijiet fuq perjodu medju u twil, li jippermettu bilanċ bejn id-dixxiplina meħtieġa fil-kontijiet u l-ħila daqstant ieħor importanti li jitfasslu u jiġu implimentati pjanijiet ta' żvilupp ekonomiku u soċjali. Għaldaqstant, għandha tiżdied is-sensibilizzazzjoni fl-Ewropa dwar l-Unjoni Ewropea intiża bħala entità politika, li għandha l-ambizzjoni li tikkoordina – sabiex jintlaħaq għan ġenwinament komuni – il-politiki nazzjonali differenti, bħala suġġett ħaj fid-dinja globali.
4.3 Ewropa li tkun aktar konxja tiddependi minn istituzzjonijiet li jirrappreżentaw liċ-ċittadini u lill-imsieħba soċjali – il-Parlament u l-Kumitati – ikollha rwol iktar b’saħħtu u tkun iktar kapaċi tifhem l-iżviluppi li qed iseħħu, sabiex il-proċess ta' koordinazzjoni previst mill-Kummissjoni jista’ jislet leġittimità demokratika b’saħħitha u jista’ jsib rikonoxximent akbar li jidher li hu meħtieġ għall-applikazzjoni effettiva tiegħu.
4.4 Iżda bħalissa r-rwol tal-Parlament fis-Semestru Ewropew jidher modest, limitat għall-fażi inizjali ta' dibattitu u tal-ewwel orjentament tal-proċess ta' koordinazzjoni, iżda jista’ jkollu sehem akbar u aktar effettiv jekk jiġi kkoordinat mal-attività tal-parlamenti nazzjonali msejħa biex jiddiskutu u japprovaw il-baġits tal-Istati Membri individwali. Il-Parlament jista’ jkun kruċjali fid-definizzjoni ta' liema governanza ekonomika għandha ssegwi l-Unjoni u sabiex jiggarantixxi l-leġittimità demokratika tal-proċeduri preventivi u korrettivi, inklużi s-sanzjonijiet finanzjarji għall-Istati Membri.
4.5 Il-KESE, fir-rwol tiegħu ta' korp konsultattiv, jista’ jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-governanza ekonomika Ewropea permezz tal-parteċipazzjoni effettiva f’sessjoni annwali speċifika, fejn jistgħu jiġu diskussi r-rakkomandazzjonijiet u l-mod kif jinħoloq il-kunsens dwar ir-riformi fil-livell nazzjonali, b’kunsiderazzjoni tal-impatt soċjali tal-miżuri adottati. Il-valur miżjud tal-KESE huwa proprju li jirrappreżenta l-organizzazzjonijiet li fuq livell nazzjonali jiddeterminaw il-qbil soċjali mal-politika ekonomika; dan jista’ jippermetti lill-KESE li jagħti kontribut importanti sabiex mhux biss il-mexxejja politiċi, iżda wkoll aktar u aktar iċ-ċittadini tal-Istati Membri jimpenjaw ruħhom u jsiru responsabbli.
4.5.1 Diskussjoni ta' dan it-tip tista’ ssir fil-ħarifa, wara l-adozzjoni formali tar-rakkomandazzjonijiet mill-Istati Membri, u l-konklużjonijiet tagħhom jistgħu jservu ta' bażi għad-diskussjoni mal-kumitati ekonomiċi u soċjali nazzjonali rispettivi, il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew, u biex b’hekk l-istrateġiji adottati jkunu jistgħu jiġu analizzati u mbagħad mxerrda u promossi fil-livell nazzjonali.
4.6 L-involviment akbar tal-Parlament u tal-Kumitati jnaqqas ir-riskju lil-għan tat-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali jiġi sottovalutat meta mqabbel mal-ħtieġa tal-istabilità monetarja u finanzjarja, u jippermetti li l-Patt u l-Istrateġija Ewropa 2020 jibqgħu koerenti bejniethom. Fil-fatt, għalkemm l-istabilità ekonomika – speċjalment fi żminijiet ta' kriżi – hija l-bażi tat-tkabbir u taż-żamma tal-istandards tal-għejxien taċ-ċittadini Ewropej, it-tiftix ta' stabilità akbar m’għandux isir bi ħsara għad-dħul u d-drittijiet taċ-ċittadini. L-implimentazzjoni konġunta tar-riforma tal-governanza ekonomika u tal-Ewropa 2020 b’hekk tiffaċilita l-aċċettazzjoni tar-restrizzjonijiet baġitarji min-naħa tal-opinjoni pubblika.
4.6.1 Bħalissa, minkejja li l-Kummissjoni tidher tassew attenta li tpoġġi ż-żewġ strateġiji fuq l-istess livell, qed iqumu dubji kbar dwar l-intenzjonijiet effettivi tagħha li tipproċedi lejn integrazzjoni reali bejniethom, billi dawn baqgħu kompletament separati. Pjuttost qed jirriżulta żbilanċ li jnaqqas id-dimensjonijiet soċjali b’vantaġġ għall-fatturi tal-produttività u l-flessibilità tax-xogħol, li jintqal li jistgħu jżidu l-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej.
4.6.2 L-ipotesi hi li s-sorveljanza makroekonomika – flimkien mas-sorveljanza tematika tar-riformi strutturali mitluba mill-Kummissjoni – toħloq kuntest li xorta waħda jiffavorixxi l-iżgurar tat-tkabbir ekonomiku sostenibbli, b’vantaġġ kemm għall-Ewropa 2020 kif ukoll għall-Patt. Iżda l-esperjenza ta' aktar minn għaxar snin ta' sperimentazzjoni tal-munita unika – u għalhekk għaż-żona tal-euro bin-nuqqas ta' possibilità li tuża l-għodda tal-iżvalutazzjoni - ma tagħtix sinjali evidenti li d-differenzi tal-kompetittività fl-UE u fl-UEM jistgħu jiġu rimedjati f’waqthom.
4.7 Sabiex ittejjeb il-kompetittività tal-kwalità, l-Ewropa 2020 tidher li miexja fid-direzzjoni t-tajba, billi tipprevedi azzjonijiet fil-qasam tal-għarfien, tal-innovazzjoni u tas-sostenibilità ambjentali. Madankollu, qed tinħoloq kontradizzjoni bejn l-għanijiet tal-Ewropa 2020 u t-tisħiħ tal-Patt, aktar u aktar fil-kuntest ekonomiku u soċjali Ewropew li għadu ħiereġ bil-mod mill-kriżi.
4.7.1 Il-ksib tal-għanijiet ambizzjużi tal-Istrateġija Ewropa 2020 – tkabbir intelliġenti (ibbażat fuq l-għarfien u l-innovazzjoni), sostenibbli (aktar effettiv, ekoloġiku u kompetittiv) u inklużiv (koeżjoni soċjali u territorjali permezz tal-impjieg, b’attenzjoni partikolari għall-ħaddiema żvantaġġati) – fil-fatt iwassal għall-ħtieġa li jkunu ffinanzjati livelli adegwati ta' investimenti. Iżda fl-istess ħin azzjonijiet bħal dawn, li jeħtieġu aktar infiq pubbliku dirett jew inċentivi anki fiskali għas-settur privat, jistgħu jkunu inkompatibbli mar-restrizzjonijiet baġitarji li l-Kummissjoni beħsiebha ssaħħaħ sabiex dawn jikkonformaw mal-Patt u b’hekk tittejjeb il-governanza ekonomika.
4.7.2 Barra minn hekk, fir-rigward tal-PDG, huwa minnu li s-saħħa tal-kontijiet pubbliċi u tal-euro jiffurmaw il-bażi meħtieġa li fuqha jinbnew politiki ta' żvilupp fit-tul. Minkejja dan, ir-regoli tal-kontabilità waħedhom ma jiżgurawx l-evoluzzjoni pożittiva tal-finanzi tal-Istati Membri fuq perjodu ta' żmien twil. Fil-fatt, skont il-“prinċipju ta' invarjabilità” propost minn STIGLITZ, SEN u FITOUSSI (18), il-valur tal-kontijiet totali fuq livell nazzjonali m’għandux ivarja skont id-differenzi istituzzjonali, ekonomiċi, soċjali u politiċi bejn il-pajjiżi differenti, iżda għandhom jiġu mqabbla sitwazzjonijiet kemm jista’ jkun omoġenji. Fi kliem ieħor, sabiex tiġi vverifikata s-sostenibilità fuq perjodu ta' żmien twil tal-kontijiet pubbliċi, mhux biżżejjed li jiġu sorveljati d-defiċit u d-dejn minn sena għall-oħra, iżda huwa meħtieġ li jiġu kkunsidrati l-prospetti futuri anki tas-swieq privati, l-ewwel nett ta' dawk finanzjarji, tal-beni immobbli u tas-sigurtà soċjali, li f’sitwazzjonijiet ta' kriżi u ta' emerġenza jistgħu jaffettwaw b’mod sinifikanti s-saħħa tal-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri, pereżempju permezz tas-salvataġġi tal-istituzzjonijiet finanzjarji u tal-intrapriżi l-kbar.
4.7.3 Barra minn hekk, l-enfasi fuq l-iżbilanċi kompetittivi timplika kontroll kostanti tad-dinamika tal-ispejjeż unitarji tax-xogħol, li min-naħa tiegħu jitlob attenzjoni li dejjem tiżdied fuq in-negozjar bejn il-partijiet soċjali, b’mod partikolari fiż-żona tal-euro fejn l-Istati Membri m’għadx għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-għodda tal-iżvalutazzjoni. Ir-relazzjonijiet bejn it-trejdjunjins u l-assoċjazzjonijiet intraprenditorjali b’hekk għandhom ikunu parti integrali mill-istrateġija tal-Kummissjoni, parti importanti li hi nieqsa mill-Komunikazzjoni tal-KE.
4.7.3.1 Waħda mis-soluzzjonijiet tista’ tkun l-użu aktar intensiv u funzjonali tad-Djalogu Makroekonomiku (MED), li jġib miegħu valutazzjoni konġunta effettiva bejn il-gvernijiet u l-imsieħba soċjali tal-qagħda ekonomika fil-livell tal-UE u tal-interventi li għandhom isiru, b’rabta mill-qrib mal-proċess tad-djalogu soċjali fil-livell nazzjonali. Dan jista’ jseħħ permezz ta' qabża fil-kwalità li tippermetti li jittieħed ir-rwol ta' strument li jiffaċilita l-involviment effettiv tal-partijiet soċjali flimkien mal-Bank Ċentrali Ewropew, mal-Kummissjoni u mal-Kunsill, u li kapaċi joħloq koerenza bejn id-dinamiċi Komunitarji u dawk nazzjonali (19).
4.8 L-adozzjoni ta' koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi Ewropej titlob ftehim unanimu – min-naħa tas-27 Stat Membru – dwar il-qafas makroekonomiku ta' referenza u tal-qafas makroekonomiku ppjanat, billi huwa fuq dawn l-oqfsa li ser jissejjes it-tfassil tal-politiki ekonomiċi u fiskali tal-Istati Membri u li ser jiġu kkomunikati tul is-Semestru Ewropew. f’dan il-kuntest partikolari, il-valutazzjonijiet tal-Eurostat, il-proposti ppjanati tal-Kummissjoni Ewropea, ir-rwol ta' appoġġ tal-Bank Ċentrali Ewropew u r-reazzjonijiet tal-Kunsill Ewropew u tal-Parlament Ewropew ilkoll għandhom rwol ta' importanza fundamentali.
4.9 Minħabba l-interrelazzjonijiet b’saħħithom li jeżistu bejn l-għanijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali, huwa meħtieġ ukoll li jiġu adottati indikaturi tat-tkabbir aktar komprensivi mill-PDG waħdu. Ta’ min wieħed ifakkar li fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata b’mod sinifikanti Il-PDG u lil hinn – inkejlu l-progress f’dinja li dejjem tinbidel (20), fil-fatt jiġi mħeġġeġ l-użu ta' indikaturi ġodda “li jinkorporaw fil-qosor il-kisbiet soċjali u ambjentali (bħall-koeżjoni soċjali akbar, l-aċċessibilità u l-affordabilità tal-oġġetti u s-servizzi bażiċi, l-edukazzjoni, is-saħħa pubblika u l-kwalità tal-arja) u t-telfiet (pereżempju, iż-żieda tal-faqar, aktar kriminalità, riżorsi naturali li dejjem jonqsu)” u li għalhekk “jirriflettu l-preokkupazzjonijiet taċ-ċittadini”.
4.10 Biex ikun effikaċi u jilħaq l-għanijiet tiegħu, it-tisħiħ tal-governanza, jeħtieġ li jiġu implimentati b’mod effettiv il-ħames azzjonijiet previsti biex immorru lil hinn mill-PDG: (i) l-użu ta' indikaturi ambjentali u soċjali; (ii) il-ksib ta' informazzjoni kważi fil-ħin reali bħala sostenn għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet; (iii) id-disponibilità ta' data aktar preċiża dwar id-distribuzzjoni u l-inugwaljanza; (iv) it-tfassil ta' “tabella” Ewropea tal-iżvilupp sostenibbli; u (v) l-estensjoni tal-kontijiet nazzjonali għall-kwistjonijiet ambjentali u soċjali.
4.11 Il-proċess attwali ta' tisħiħ tal-governanza ekonomika Ewropea huwa proċess li, bħal oħrajn li seħħew fl-istorja tal-UE, żgur se jirriżulta wieħed kumpless. Min-naħa l-oħra, din hija karatteristika impliċita tal-Unjoni stess. Huwa tassew minnu li – kif fakkar ġurnalista Taljan - “l-Ewropa tbati (meta mqabbla mal-Istati Uniti) minn nuqqas ta' definizzjoni, fattur li wassalha sabiex minn twelidha tista’ titqabbel ma' vjaġġ ta' tiftix għad-destinazzjoni” (21), iżda llum huwa daqstant ieħor importanti li dan il-vjaġġ ikollu destinazzjoni preċiża u ċara u li għandha l-qbil taċ-ċittadini Ewropej, il-parlamenti tagħhom u l-entitajiet istituzzjonali nazzjonali u Ewropej. Hekk biss se jkun possibbli li tintlaħaq il-mira li l-Unjoni Ewropea stabbiliet għaliha nnifisha sa mill-ewwel ġranet tat-twaqqif tagħha.
Brussell, 17 ta’ Frar 2011.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) COM(2010) 367 finali
(2) COM(2010) 250 finali
(3) COM(2010) minn 522 sa 527; għal iktar dettalji ara http://ec.europa.eu/economy_finance/articles/eu_economic_situation/2010-09-eu_economic_governance_proposals_en.htm
(4) Opinjonijiet tal-KESE dwar is-suġġetti li ġejjin: L-implikazzjonijiet tal-kriżi tad-dejn sovran għall-governanza tal-UE, ĠU C 51, 17.2.2011, p. 15; L-irkupru ekonomiku: is-sitwazzjoni attwali u l-inizjattivi prattiċi, ĠU C 48, 15.2.2011, p. 57; Il-kriżi finanzjarja u l-impatt tagħha fuq l-ekonomija reali, ĠU C 255, 22.9.2010, p. 10; Politiki ekonomiċi li jikkontribwixxu għall-istrateġija industrijali Ewropea, ĠU C 10, 15.1.2008, p. 106; Il-linji gwida ġeneral għall-politika ekonomika u l-governanza ekonomika – il-kondizzjonijiet għal iktar koerenza fit-tfassil tal-politika ekonomika fl-Ewropa (mhux disponibbli bil-Malti), ĠU C 324, 30.12.2006, p. 49; It-tisħiħ tal-governanza ekonomika – Ir-riforma tal-Patt tal-Istabilità u t-Tkabbir (mhux disponibbli bil-Malti), ĠU C 88, 11.4.2006, p. 68.
(5) Kif enfasizza l-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji Olli REHN, fis-seduta tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2010: “Il-kriżi żvelat dgħufijiet sistemiċi importanti fil-politika ekonomika u monetarja attwali. Fi ftit kliem: neħtieġu koordinazzjoni aħjar u iżjed strett tal-politika ekonomika tal-UE. Neħtieġu wkoll applikazzjoni iktar rigoruża tar-regoli tal-UEM. Ir-regoli ma jfissru xejn jekk ma jiġux rispettati. (REHN O., Insaħħu l-fiduċja ekonomika fl-Ewropa, Diskors lill-Kummissjoni ECON tal-Parlament Ewropew, Strasburgu, 5 ta' Lulju 2010).
(6) Il-Parlament Ewropew, abbozz ta' rapport dwar il-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali: rakkomandazzjonijiet dwar il-miżuri u l-inizjattivi li għandhom jiġu adottati (rapport ta' nofs it-term) (Mhux disponibbli bil-Malti). Kummissjoni speċjali għall-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali. Relatur: Pervenche BERÈS, 6.5.2010.
(7) Data pprovduta mill-bażi tad-data tal-Eurostat li ġiet ikkonsultata f’Settembru 2010 u inkorporata fit-Tabelli 1 u 2 tal-Anness.
(8) L-istess President tal-Kunsill Ewropew Herman VAN ROMPUY fl-20.9.2010 rrikonoxxa dan in-“nuqqas istituzzjonali”: “… irridu ngħixu bid-dilemma ta' unjoni monetarja mingħajr unjoni baġitarja avvanzata. Minn mindu daħlet l-euro, l-istituzzjonijiet Ewropej huma responsabbli mill-politika monetarja, filwaqt li l-Istati Membri baqgħu responsabbli mill-politika baġitarja tagħhom stess u jikkoordinaw il-politika ekonomika tagħhom stess. Dan joħloq tensjoni u minn hawn jirriżultaw id-deċiżjonijiet kumplessi li semmejt qabel …! Wieħed jista’ jikkundanna l-ippjanar difettuż, li huwa kkonsidrat minn xi wħud bħala l-ewwel żball tal-euro. Jien naħseb li hu aktar nuqqas strutturali. Iżda, f’dak iż-żmien tan-negozjati tat-Trattat ta' Maastricht, b’mod partikolari bejn il-Ġermanja u Franza, kellha ssir għażla. Kieku fil-bidu ma seħħx dan l-iżball, l-euro lanqas kienet titwieled!”. VAN ROMPUY H., “Mhux politika Ewropea li terġa’ ssir nazzjonali, imma politika nazzjonali li ssir Ewropea”, diskors fuq talba ta' Notre Europe, Pariġi, l-Anfiteatru l-Kbir tax-Xjenza Politika. (http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/fr/ec/116622.pdf).
(9) VEROLA N., L'Europa e la crisi: squilibri finanziari ed equilibri costituzionali, Paper for ASTRID, 2010, disponibbli fuq l-internet http://www.astrid-online.it/Riforma-de/Studi-e-ri/VEROLA---L-Europa-e-la-crisi---squilibri-finanziari-ed-equilibri-costituzionali.pdf (disponibbli biss bit-Taljan).
(10) Direttur tal-Istudji Ewropej tal-Kunsill għar-Relazzjonijiet Esterni u professur fl-Università ta' Georgetown.
(11) KUPCHAN, C., As nationalism rises, will the European Union fall, Washington Post, 29 Awwissu 2010. Ara wkoll l-osservazzjonijiet dwar it-tassazzjoni u rappreżentazzjoni ta' DE GRAUWE P., Why a tougher Stability and Growth Pact is a bad idea, VoxEU.org, disponibbli fuq l-internet: http://www.voxeu.com/index.php?q=node/5615.
(12) Data tal-Ewrobarometru 73 – L-ewwel riżultati, imsemmija fit-Tabelli 1 u 2 tal-Anness.
(13) Dwar is-sostenibilità ambjentali, ara DALY H., Beyond Growth: The Economics of Sustainable Development (Lil hinn mit-tkabbir – Edizioni di Comunità, 2001), 1996. Dwar il-benesseri u l-ekwità, ara BEGG I., FERRERA M., HODSON D., MADSEN P., MATSAGANIS M., SACCHI S., SCHELKE W., The Cost of Non Social Policy: Literature Review, (L-impatti negattivi tan-nuqqas ta' politika soċjali: ħarsa lejn il-letteratura marbuta mas-suġġett), Rapport lill-Kummissjoni Ewropea, Brussell, 2003. Dwar il-mudell tal-iżvilupp uman ara: SEN A., Inequality Reexamined (Ħarsa mill-ġdid lejn l-inugwaljanza – reviżjoni analitika, Il Mulino, 2010), 1992; u SEN A., Development as Freedom (L-iżvilupp bħala libertà, Mondadori, 2000), 1999.
(14) COM(2008) 800 finali – Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku, p. 5.
(15) ILO-FMI, The Challenges of Growth, Employment and Social Cohesion (L-isfidi tat-tkabbir, tal-impjieg u tal-koeżjoni soċjali), dokument ta' diskussjoni għall-konferenza konġunta ILO-FMI, Oslo, 13.9.2010, p. 67-73.
(16) Id-dejn pubbliku aggregat fiż-żona tal-euro naqas minn 72 % fl-1999 għal 67 % fl-2007 (Tabella 3 tal-Anness) u fl-istess perjodu żdied id-dejn tal-familji u tas-settur finanzjarju (Tabelela 4 tal-Anness). Id-dejn tas-settur pubbliku beda jiżdied sa mill-2008 (Tabella 5 tal-Anness), meta l-gvernijiet wettqu s-salvataġġi tas-sistema bankarja u sostnew l-attività ekonomika f’sitwazzjoni ekonomika ta' riċessjoni (tnaqqis tal-PDG u tnaqqis tad-dħul fiskali).
(17) FITOUSSI J.P., Crise et démocratie, le paradoxe européen (Kriżi u demokrazija, il-paradoss Ewropew), Le Monde, 16.10.2010. Ara wkoll DE GRAUWE P., What kind of governance for the eurozone? (Liema tip ta' governanza għaż-żona tal-euro) CEPS Policy Brief, Nru 214, 9.2010.
(18) STIGLITZ J.E., SEN A., FITOUSSI J.P., Report by the Commission on the Measurement of Economic Performance and Social Progress (Rapport tal-Kummissjoni dwar il-kejl tar-riżultati ekonomiċi u tal-progress soċjali), Rapport lill-President tar-Repubblika Franċiża, Pariġi, 2009 (p. 22-23).
(19) WATT A., Economic Governance in Europe: A Change of Course only after ramming the Ice (Il-Governanza ekonomika fl-Ewropa), Social Europe Journal, 30.7.2010, disponibbli onlajn http://www.social-europe.eu/2010/07/economic-governance-in-europe-a-change-of-course-only-after-ramming-the-ice/.
(20) COM(2009) 433 finali, p. 3-4
(21) BASTASIN C., Questo secolo può essere ancora europeo (Dan is-seklu għad jista’ jkun wieħed Ewropew), Il Sole 24 ore, 2.9.2010.
ANNESS
għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Din l-emenda ma ġietx aċċettata waqt is-sessjoni plenarja, iżda rċeviet minn tal-inqas kwart tal-voti mixħuta:
Punt 4.7.3.1 - Emenda 1 imressqa mis-sur Pálenik
Żid punt 4.7.4 ġdid wara punt 4.7.3.1:
“ |
” |
Raġuni
It-tielet parti tal-proposta tal-Kummissjoni ssemmi li jridu jiġu kkunsidrati l-impenji impliċiti. Iżda l-proposta tkun aktar utli jekk tispjega fid-dettall x'inhu involut u kif dan jista' jinkiseb fil-prattika.
Riżultat tal-votazzjoni:
Voti favur |
: |
69 |
Voti kontra |
: |
160 |
Astensjonijiet |
: |
19 |