EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IE0355

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-aċċess għall-materja prima sekondarja (ruttam tal-ħadid, karti riċiklati, eċċ.)” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

OJ C 107, 6.4.2011, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 107/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-aċċess għall-materja prima sekondarja (ruttam tal-ħadid, karti riċiklati, eċċ.)” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2011/C 107/01

Relatur: is-Sur ZBOŘIL

Korelatur: is-Sur GIBELLIERI

Nhar it-15 ta' Lulju 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

L-aċċess għall-materja prima sekondarja (ruttam tal-ħadid, karti riċiklati, eċċ.).

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-13 ta' Jannar 2011.

Matul l-469 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta' Frar 2011 (seduta tas-16 ta' Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni bi 88 vot favur u astensjoni waħda (1).

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat japprezza ħafna l-analiżi tal-assoċjazzjonijiet industrijali individwali li jispjegaw is-sitwazzjoni attwali u x-xenarji futuri li x’aktarx iseħħu u li jistgħu jwasslu għal żbilanċi serji fil-provvista u d-domanda fis-suq tal-materja prima sekondarja.

1.2   Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-disponibbiltà tal-materja prima hija meqjusa u trattata bħala kwistjoni strateġika f’xi pajjiżi (l-Istati Uniti, iċ-Ċina). Naturalment, il-materja prima sekondarja mhijiex eskluża minn skema simili aktar stretta f’dawn il-pajjiżi. Għalhekk il-KESE jilqa’ l-fatt li l-effiċjenza tal-materjali saret prijorità ewlenija tad-DĠ Ambjent.

1.3   Jeżistu differenzi konsiderevoli fl-aċċess għall-materja prima partikolari bejn industrija u oħra, kif hemm ukoll fil-flussi tal-materjali stess skont in-natura tagħhom u l-użi tradizzjonali tal-materja prima meħtieġa. F’ċertu każijiet, bħall-industriji tal-ħġieġ u tal-azzar, l-għan li l-materjal jintuża b’effiċjenza jista’ jintlaħaq sempliċiment billi jiġu rfinuti u bbilanċjati s-sistemi u l-proċessi ta' produzzjoni eżistenti bil-għajnuna ta' inċentivi definiti sew. Il-KESE jwissi li m’għandhomx jiġu kompromessi la l-għadd u lanqas il-kwalità tal-impjiegi fl-industriji tar-riċiklaġġ u l-ipproċessar minħabba dawn l-inċentivi.

1.4   Hemm volumi kbar ta' materja prima sekondarja miġbura li bħalissa qed jiġu esportati minkejja li hemm għatx kbir għalihom fl-industriji bażiċi u tal-ipproċessar Ewropej. Din it-tendenza tpoġġi serjament fil-periklu l-impjiegi fl-industriji kollha tal-ipproċessar.

1.5   Il-pressjoni li ġejja mill-volumi eċċessivi ta' skart miġbur mis-sistemi maħsuba għall-ġbir li jeżistu diġà ta' sikwit titħaffef billi sempliċiment dawn il-kategoriji ta' skart jinbiegħu kif ikunu, mingħajr l-ebda pproċessar addizzjonali u mingħajr ma jiġi assigurat li l-użu finali se jsir fl-UE.

1.6   Sfortunatament, ta' spiss jintużaw prattiki kummerċjali illegali biex jiġi evitat il-kontroll dirett tal-flussi ta' materja prima sekondarja importanti. Pereżempju, l-iskart fid-dwana jiġi ddikjarat b’mod falz bħala merkanzija użata (second-hand) biex jiġi evitat ir-Regolament dwar Vjeġġi ta' Skart għal flussi speċifiċi ta' materja prima sekondarja.

1.7   B’dan il-mod, il-flussi tal-iskart miġbur f’isem dawk li jħallsu t-taxxi fl-UE ma jiggarantixxux il-benefiċċji mixtieqa, anzi jnaqqsu l-kompetittività tal-industriji rispettivi billi jrażżnu l-provvista tal-materja prima sekondarja u/jew jagħmluha aktar għalja bla bżonn.

1.8   Fl-istess ħin, huwa ċar li għadd kbir ta' regolamenti speċifiċi li jirregolaw ir-riċiklaġġ ma ngħatawx qafas koerenti. Hemm tendenza li dawn jiffukaw fuq aspetti individwali u iżolati tal-ġbir u r-riċiklaġġ u ma jqisux il-forzi tas-suq fis-sistemi u l-proċessi.

1.9   Ir-regolament REACH ukoll qiegħed jikkawża l-problemi f’ċerti industriji tar-riċiklaġġ għax m’hemmx distinzjoni ċara bejn l-oġġetti li jkunu waslu fi tmiem ħajjithom (l-iskart) u l-oġġetti użati. Għalhekk, sfortunatament dan il-kunċett ma laħaqx l-għan tiegħu minkejja li kellu intenzjonijiet tajbin. Ċerti industriji li ġew affettwati, bħal dik tal-karti, sabu mod kif jegħlbu l-ostakli filwaqt li oħrajn għadhom qed ifittxu soluzzjonijiet li jistgħu jaħdmu bihom. Dan huwa eżempju serju ta' nuqqas ta' koerenza fil-qafas legali li dwaru l-industrija kienet wissiet minn qabel!

1.10   Il-kunflitt bejn il-forzi tas-suq u l-qafas regolatorju eżistenti għandu jiġi analizzat bir-reqqa biex jinkisbu riżultati bbilanċjati aħjar. Suġġeriment wieħed jista’ jkun li jiġu applikati dazji fuq l-esportazzjoni biex jipproteġu kontra r-riskju li jintilfu materjali ta' valur. Bla dubju, dawn il-miżuri jkollhom jirrispettaw ir-regoli tad-WTO. Possibbilment l-UE għandha tinnegozja termini ta' emerġenza mad-WTO, bit-twaqqif ta' kundizzjonijiet ċari u trasparenti rigward ir-restrizzjonijiet/dazji fuq l-esportazzjoni għall-iskart ta' importanza strateġika.

1.11   Alternattiva oħra tista’ tkun li jintlaħaq qbil dwar miri flessibbli tar-riċiklaġġ li jiddependu mill-iżviluppi tas-suq ta' dak iż-żmien, jiġifieri matul perjodi ta' tnaqqis fl-attività ekonomika (tnaqqis fid-domanda), il-miri tar-riċiklaġġ jistgħu jitnaqqsu, filwaqt li f’fażijiet intensi ta' domanda għolja, dawn jogħlew. Fl-istess waqt, għandha ssir riflessjoni dwar modi intelliġenti kif jiġi żgurat li jinżammu livelli kritiċi ta' impjiegi matul iċ-ċiklu kummerċjali fil-katina kollha tal-valur fis-setturi rilevanti, bħal dawk tal-iskart tal-imballaġġ, tal-karti, eċċ.

1.12   Alternattiva oħra tista’ tkun li jiġu stabbiliti miri/kwoti għar-riċiklaġġ li jkunu ekwivalenti biss għall-volumi ta' skart li jista’ jerġa’ jintuża fl-UE, u ma jiġix inkluż l-iskart mibjugħ barra mill-UE li ma jkunx jista’ jintuża fil-faċilitajiet tal-UE. Madanakollu, miżura bħal din titlob li jerġgħu jiġu stabbiliti l-miri/kwoti biex ikunu jaqblu mal-veri kapaċitajiet ta' riċiklaġġ tal-UE.

1.13   Il-KESE jappoġġja bil-qawwi l-appell li l-industrija qed tagħmel lill-UE biex tiżviluppa politika komprensiva u konsistenti dwar l-aċċess sostenibbli fit-tul għall-materja prima u l-użu tar-riżorsi. Din il-politika għandha tappoġġja l-industrija Ewropea fl-isforzi tagħha biex tuża r-riżorsi minn nieqa sa nieqa. Ir-riċiklaġġ għandu jingħata appoġġ billi tittejjeb l-infrastruttura tal-ġbir, jinħolqu ċertezza legali u kundizzjonijiet ugwali, kif ukoll billi jitneħħew il-piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa. Dan ir-rekwiżit essenzjali jeħtieġ bilanċ u konsistenza tajbin mal-firxa kollha tar-regolamenti, direttivi u deċiżjonijiet.

1.14   Ir-regolamenti tal-UE dwar l-iskart jistabbilixxu obbligi legali għall-partijiet kollha fil-flussi tal-iskart, u din ir-responsabbiltà għandha tiġi ċċekkjata b’mod strett u mitluba mill-awtoritajiet rispettivi. L-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom huma prerekwiżiti importanti fil-ġlieda kontra kull prattika illegali minn xi partijiet mingħajr skrupli, l-aktar fil-kummerċ internazzjonali.

1.15   L-elementi individwali kollha tal-politika tal-UE dwar it-Tibdil fil-Klima (ECCP) għandhom iqisu l-benefiċċji ambjentali tal-materja prima sekondarja, u l-inkonsistenzi għandhom jiġu evitati: pereżempju, l-iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ma tirriflettix l-iffrankar tal-enerġija u tal-karbonju li jseħħ minħabba l-użu tal-materja prima rekuperabbli f’setturi industrijali u tal-bini oħra, u tpoġġi piżijiet mhux meħtieġa fuq dawn is-setturi permezz ta' spejjeż żejda.

1.16   Fl-aħħar, il-ġestjoni ta' qafas kumpless bħal dan għandha ssir fl-isfond ta' djalogu soċjali serju kontinwu biex jitħeġġu impjiegi ġodda u ta' kwalità li jimxu id f’id mal-katini tal-valur rilevanti.

2.   Introduzzjoni

2.1   L-aċċess sostenibbli għall-materja prima u l-użu sostenibbli tagħha huma elementi ċentrali fil-politika ta' sostenibbiltà tal-UE. Huma jiffurmaw il-bażi għall-kompetittività preżenti u futura tal-industriji tal-manifattura tal-UE (1). Il-katini tal-provvista tal-materja prima - kemm primarja kif ukoll sekondarja - huma setturi ekonomiċi ġenwini li jipprovdu l-impjiegi u joħolqu l-ġid fl-Ewropa. Ir-riċiklaġġ huwa attività ekonomika li tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-PDG tal-UE. Il-ġbir ta' materjali u prodotti użati jinvolvi ċ-ċittadini, il-muniċipalitajiet u l-awtoritajiet pubbliċi li investew f’sistemi effiċjenti biex ilaħħqu mad-domanda li qed tikber għas-sostenibbiltà fit-tul.

2.2   Il-komplementaritajiet bejn il-materja prima primarja u sekondarja jeħtieġu li jiġu rikonoxxuti: filwaqt li l-materja sekondarja hija mod ekoloġikament effiċjenti kif jerġgħu jiddaħħlu r-riżorsi ta' valur fl-ekonomija, ġeneralment (għadha) mhijiex biżżejjed biex tlaħħaq mad-domanda li qed tikber għall-materjali (karti, metall u minerali). It-tnejn huma bżonnjużi u jikkomplementaw lil xulxin. It-titjib fis-sistemi tal-ġbir u l-użu tal-materja prima sekondarja fl-UE ser jagħtu kontribut biex jintlaħqu l-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020.

2.3   L-industrija tappella lill-UE biex tiżviluppa politika komprensiva u konsistenti dwar l-aċċess sostenibbli fit-tul għall-materja prima u l-użu tar-riżorsi. Din il-politika għandha tappoġġja l-industrija Ewropea fl-isforzi tagħha biex tuża r-riżorsi minn nieqa sa nieqa. L-inizjattiva tas-swieq tal-materja prima, l-Istrateġija tematika għall-prevenzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart, l-Istrateġija tematika għall-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-inizjattiva ewlenija tal-Kummissarju Potočnik “Ewropa b’użu effiċjenti ta' riżorsi” huma kollha inizjattivi marbutin ma' xulxin li għandhom ikunu konsistenti u integrati. Inizjattivi oħra bħall-komunikazzjoni dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli, id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart jew politiki oħra marbutin mar-riċiklaġġ u r-riżorsi għandhom jitqiesu wkoll.

3.   L-identifikazzjoni tal-flussi ewlenin tal-materjali tal-materja prima sekondarja  (2)

3.1   Jeżistu prodotti tradizzjonali għar-riċiklaġġ bħall-iskart ferruż u mhux ferruż, l-iskart tal-karti u tal-kartun, kif ukoll tal-ħġieġ, li għandhom storja u tradizzjoni twila ta' riċiklaġġ f’ċiklu li tista’ tgħid huwa magħluq. Dawn l-industriji partikolari ma jistgħux jibqgħu ħajjin mingħajr provvista konsistenti ta' materjali rkuprati u oġġetti użati. Xi oħrajn, bħall-plastik, huma relattivament ġodda għar-riċiklaġġ u, meta mqabbla mal-prodotti tradizzjonali, il-proċess tal-użu mill-ġdid tal-materjal hawnhekk mhux bilfors jispiċċa f’ċirku magħluq.

3.2   Il-karatteristiċi tar-riċiklaġġ tal-materjali sekondarji ewlenin jiddeterminaw minn qabel il-flussi tal-materjal partikolari tagħhom u l-elementi tal-katini tal-valur tagħhom.

3.2.1   Ruttam tal-ħadid u l-azzar: B’mod ġenerali, ir-ruttam tal-ħadid u l-azzar jiġi riċiklat billi jinġabar, jiġi sseparat, jitqiegħed f’balal, jitqiegħed f’pakketti, jitqatta’, jiġġeżżeż, jitqatta’ f’biċċiet żgħar u/jew jingħażel skont id-daqs, u fl-aħħar nett jiddewweb fil-fabbriki tal-azzar. Il-fdalijiet ta' metalli ferrużi jinġabru jew separatament jew imħalltin u mbagħad jiġu separati f’postijiet fejn jintrema r-ruttam (scrap yard) u jinbiegħu lill-impjanti tat-trattament tal-fdalijiet jew jintbagħtu direttament lill-fabbriki tal-azzar. Meta l-fdalijiet jaslu fl-impjant tat-trattament tar-ruttam, it-tipi differenti ta' metalli jiġu separati u mħejjija biex jitqattgħu f’biċċiet żgħar jew biex jingħażlu skont id-daqs. It-tqattigħ f’biċċiet żgħar u l-għażla skont id-daqs ta' sikwit huma meħtieġa għal stadju ieħor ta' separazzjoni. Fil-każ tal-istainless steel, biċċiet ikbar jinġabru separatament jew jiġu ssortjati fil-postijiet fejn jintrema’ r-ruttam qabel ma jitqattgħu f’biċċiet żgħar. Partikoli iżgħar ta' stainless steel jiġu separati permezz ta' proċessi ta' separazzjoni f’diversi fażijiet. Fil-fabbriki tal-azzar, ir-ruttam tal-ħadid u tal-azzar normalment jintefa’ direttament fil-forna.

3.2.1.1   L-industrija Ewropea tal-irkupru tal-azzar (fil-fażi tat-trattament) hija pjuttost ikkonċentrata, b’seba’ kumpaniji li jipprovdu 40 % tal-iskart totali tal-azzar li jitwassal lill-fabbriki tal-azzar. Skont l-Uffiċċju Internazzjonali tar-Riċiklaġġ (BIR, Bureau of International Recycling) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Irkupru u r-Riċiklaġġ tal-Materjali Ferrużi (EFR, European Ferrous Recovery & Recycling Federation), hemm madwar 42 000 scrap yard madwar is-27 Stat Membru tal-UE. Is-settur tar-ruttam jikkalkula li fost dawn hemm madwar 250 li jitqiesu bħala kumpaniji kbar, 9 000 huma kumpaniji medji jew kbar li jipproċessaw aktar minn 120 000 tunellata kull sena, u l-bqija, madwar 36 000 kumpanija, huma żgħar jew ta' daqs medju.

3.2.1.2   Is-sistema tal-ġbir tista’ tvarja skont it-tip tal-prodott u l-pajjiż. Prodotti ta' daqs kbir li jkunu waslu fi tmiem żmienhom u dawk li jsiru fi kwantitajiet kbar, bħal dawk mill-bini u t-twaqqigħ, normalment jiġu ttrasportati direttament lejn l-iscrap yards jew lejn impjanti tat-trattament tar-ruttam. Kemm id-Direttiva dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw kif ukoll id-Direttiva dwar skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) jitfgħu r-responsabbiltà tal-irkupru, u għaldaqstant tal-ġbir tar-ruttam, fuq il-produtturi. Prodotti żgħar bħall-materjali tal-imballaġġ jinġabru mill-awtoritajiet lokali, li jfisser li f’dan il-każ il-ġbir mhuwiex f’idejn l-industrija tar-ruttam tal-metall, għalkemm l-industrija tieħu xi inizjattivi fil-każ tal-kontenituri użati tax-xorb, eż. ċentri għall-ġbir, stazzjonijiet tar-ruttam fejn il-laned tal-azzar u tal-aluminju jiġu separati u imballati għat-trasport lejn l-impjanti tat-trattament jew ir-raffineriji.

3.2.1.3   Ir-ruttam huwa wieħed mill-ftit materji primi sekondarji li minnu l-Ewropa tista’ tistenna disponibbiltà kontinwa u saħansitra xi ftit żejjed; il-kummerċ fi ħdan l-UE, kif ukoll l-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra u l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi oħra ilhom stabbiliti għexieren ta' snin. Fi ħdan l-UE, huwa diffiċli li tikkalkula l-kwantità totali ta' ruttam li jinġarr bil-baħar. L-istima tal-informazzjoni dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet għall-2008 hija ta' 5,3 miljun tunnellata fis-sena u 12,9 miljun tunnellata fis-sena rispettivament, filwaqt li l-konsum totali tar-ruttam laħaq il-112-il miljun tunnellata fis-sena fl-istess sena.

3.2.2   Ruttam mhux ferruż u flussi oħra ta' skart li jkun fihom dawn il-metalli: Meta nqabblu din il-kategorija tal-mhux ferruż mal-ħadid u l-azzar, hemm varjazzjonijiet ħafna ikbar: (a) fil-metalli involuti, (b) fir-riżorsi disponibbli u (c) fil-metodi li jridu jintużaw għas-separazzjoni u l-estrazzjoni ta' metalli partikolari mill-flussi tal-iskart. L-aktar metalli importanti u li għandhom l-ikbar volum huma l-aluminju, iż-żingu, iċ-ċomb u r-ram; hemm ukoll metalli bħal-landa u l-metall prezzjuż fil-flussi tal-iskart li jistgħu jiġu estratti bil-metodi adatti.

3.2.2.1   Is-sistemi tal-ġbir huma jew l-istess jew simili għal dawk użati għar-ruttam ferruż. Biex jinkiseb ruttam tal-ħadid irkuprat ta' kwalità tajba minn prodotti fi tmiem l-użu tagħhom (Direttivi dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw u l-WEEE) jintużaw teknoloġiji sofistikati. B’kuntrast ma' dan, il-metalli bażiċi mhux ferrużi jiġu “mfittxija” fil-flussi tal-iskart b’rata ta' rkupru għolja ħafna u r-rati tal-użu tagħhom ukoll huma għoljin ħafna.

3.2.2.2   L-irmied u l-gagazza wkoll huma importanti għall-irkupru ta' metalli mhux ferrużi li jeħtieġu teknoloġiji speċjali. Fir-residwi tal-minjieri l-antiki fiż-żoni tal-UE fejn kien isir it-tħaffir għall-minerali hemm riżorsi tal-metalli mhux ferrużi li ħafna minnhom għadhom ma ntużawx. Għalkemm dan l-iskart mill-minjieri (3) huwa eżentat mil-leġislazzjoni ġenerali tal-UE dwar l-iskart, għandha tingħata attenzjoni lil din il-materja prima wkoll jekk dan ikun ekonomikament fattibbli.

3.2.3   Karta riċiklata: L-industrija tal-karti hija settur li minn dejjem kien ibbażat fuq ir-riżorsi rinnovabbli u r-riċiklaġġ; fil-fatt l-ewwel materja prima użata biex isiru l-karti kienet ċraret miġbura. Ir-riċiklaġġ tal-karti kien relattivament faċli s’issa u l-użu li jagħmel mill-materjali kien wieħed predominanti. Hemm żewġ tipi ta' riżorsi ewlenin tipiċi (bħal fil-każ tal-metalli ferrużi) - karta industrijali rkuprata (l-industriji tal-imballaġġ u tal-istampar, fost oħrajn) u l-iskart (muniċipali) wara l-konsum. Il-karti separati huma ppreferuti, għalhekk l-iskart muniċipali jeħtieġ s-separazzjoni tal-karti użati u operazzjonijiet bażiċi tas-separazzjoni.

3.2.3.1   Il-flussi tal-materjali ġew affettwati serjament mir-riċessjoni riċenti; l-użu tal-karta rkuprata niżel b’7,6 % għal 44,9 miljun tunnellata fl-2009. Għall-ewwel darba l-ġbir niżel bi 3,6 % għal 56,6 % miljun tunnellata, filwaqt li l-konsum tal-karta naqas b’10,1 % fl-istess perjodu. L-esportazzjonijiet tal-karta rkuprata lejn pajjiżi barra mill-UE, in-Norveġja u l-Isvizzera komplew jogħlew, u laħqu t-12,8 miljun tunnellata, b’96,3 % ta' dan jintbagħat lejn is-swieq Asjatiċi. Fl-Asja, il-maġġoranza tal-materjal mar lejn iċ-Ċina (71,4 % tal-esportazzjonijiet Ewropej). B’riżultat tal-iżviluppi osservati matul din is-sena ta' eċċezzjoni, ir-rata tar-riċiklaġġ żdiedet għal livell rekord ta' 72,2 % fl-2009 wara li kienet laħqet is-66,7 % s-sena ta' qabel. Meta l-ekonomija tirkupra, tista’ sseħħ bidla temporanja fid-direzzjoni opposta għax ir-riċiklaġġ jista’ ma jkunx kapaċi jlaħħaq immedjatament mal-konsum tal-karta li jkun qed jerġa’ jaqbad ir-ritmu. Minħabba l-iżviluppi riċenti fl-istruttura tal-industrija, il-karta rkuprata tirrappreżenta 44,2 % u l-polpa mill-injam (wood pulp) 40,4 % tal-fibra użata fl-għamla tal-karti fil-pajjiżi CEPI.

3.2.4   Ħġieġ: Il-ħġieġ jista’ jiġi riċiklat 100 % ripetutament mingħajr l-ebda telf fil-kwalità biex jiġi prodott kontenitur tal-ħġieġ ieħor. Il-ħġieġ miġbur jintuża biex isir ħġieġ ġdid tal-istess kwalità. Minħabba f’hekk il-ħġieġ huwa tassew materjal tar-riċiklaġġ minn “nieqa sa nieqa”. Sa 99 % tal-iskart tal-ħġieġ jista’ jintuża biex jiġu manifatturati kontenituri ġodda tal-ħġieġ; l-uniku limitu veru għall-użu tal-iskart tal-ħġieġ huwa l-ammont ta' ħġieġ irkuprat u d-disponibbiltà tal-ħġieġ mormi fl-Ewropa.

3.2.4.1   Is-sistema tal-irkupru tal-ħġieġ hija pjuttost sempliċi - il-maġġoranza tal-ħġieġ irkuprat jiġi mill-iskart tal-imballaġġ (kontenituri tal-ħġieġ użati) u ammont żgħir jiġi rkuprat mill-iskart tal-bini (ħġieġ ċatt). Ir-rata medja tal-ġbir għar-riċiklaġġ ta' ħġieġ tal-kontenituri tilħaq il-65 % għas-27 pajjiż tal-UE; fl-2008 nġabar kważi 11,5 miljun tunnellata ta' imballaġġ tal-ħġieġ minn madwar l-Ewropa kollha (inklużi n-Norveġja, l-Isvizzera u t-Turkija).

3.2.4.2   L-isfida għar-riċiklaġġ tal-ħġieġ hija li jiġu rriċiklati s-7 miljun tunnellata ta' ħġieġ l-oħra, li tqiegħdu fis-suq fl-2008 iżda ma ġewx riċiklati. Huwa importanti immens li r-riċiklaġġ jittejjeb u li jingħata appoġġ lis-sistemi ta' riċiklaġġ adatti fl-Unjoni Ewropea.

3.2.4.3   Is-sistemi tal-ġbir u tal-irkupru tal-ħġieġ ċatt u tal-ħġieġ minn vetturi li waslu fl-aħħar ta' żmienhom (ELVs) għadhom ma ġewx żviluppati biżżejjed, għalhekk din ir-riżorsa siewja għadha pjuttost piż ambjentali.

3.2.5   L-iskart tal-plastik jammonta għal madwar 25 % tal-iskart solidu kollu akkumulat fil-miżbliet. Minħabba r-reżistenza tal-materjal tal-plastik għad-degradazzjoni, il-proċess ta' dekompożizzjoni jieħu żmien twil wara li jkun intrema fil-miżbliet. Il-ħruq tal-plastik għall-irkupru tal-enerġija għandu jiġi kkontrollat f’faċilitajiet adatti minħabba l-livell għoli ta' emissjonijiet perikolużi.

3.2.5.1   Is-setturi ewlenin li jikkonsmaw il-plastik, u li huma wkoll is-sorsi ewlenin tal-iskart tal-plastik, huma: l-imballaġġ (38,1 %), il-plastik fid-djar u dak domestiku (22,3 %), u l-bini u l-kostruzzjoni (17,6 %). L-imballaġġ iġġenerat mis-settur tad-distribuzzjoni u tal-bejgħ bl-imnut jirrappreżenta aktar minn 80 % tal-iskart tal-plastik li jista’ jinġabar (potenzjalment). Il-ġbir u l-ipproċessar tal-iskart tal-plastik minn skart mid-djar li jkun imħallat jidher li huwa wieħed mill-aktar tipi ta' skart li hu diffiċli li jiġi mmaniġġjat. Il-biċċa l-kbira tal-plastik fil-kostruzzjoni jintuża għal applikazzjonijiet fit-tul.

3.2.5.2   Xi partijiet tal-iskart tal-plastik mhumiex adatti għar-riċiklaġġ, eż. l-imballaġġ tal-ikel jew il-plastik imħallat ma' materjali oħra, minħabba li t-tindif tal-plastik ikkontaminat f’dan il-każ jiswa aktar flus mill-valur tal-prodotti, minħabba l-ammont kbir ta' enerġija kkonsmata. Minkejja dan, jistgħu jintużaw għall-irkupru tal-enerġija.

3.2.5.3   L-UE-27 hija esportatur nett tal-iskart, il-bċejjeċ u r-ruttam tal-plastik. Mill-1999, id-differenza bejn l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet żdiedet b’mod kostanti. Wara żieda ċkejkna bejn l-1999 u l-2002, l-esportazzjonijiet sparaw 'l fuq għal 2.1 Mt bejn l-2002 u l-2006. Mill-1999 sal-2006, l-importazzjonijiet telgħu minn 55 000 għal 256 000 tunnellata.

3.2.5.4   Għall-fibri diskontinwi tal-poliester, il-PET riċiklat jirrappreżenta 70 % tal-materja prima pproċessata fl-UE. Għaldaqstant, id-disponibbiltà tal-fliexken tal-poliester hija kruċjali. Minkejja dan, il-produtturi fl-Ewropa issa qed jiffaċċjaw problemi serji minħabba t-tendenza dejjem tikber tan-negozjanti li jittrasportaw il-PET bil-baħar, jew fil-forma ta' frak (biċċiet minn fliexken imqattgħin f’partijiet żgħar) jew inkella bħala fliexken imballati, lejn il-Lvant Imbiegħed u speċjalment iċ-Ċina. Dan il-pajjiż bħalissa qed ineħħi r-restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni tal-iskart tal-PET biex jiffaċilita fluss akbar ta' din il-materja prima sekondarja importanti mill-UE.

4.   Qafas legali għar-riċiklaġġ

4.1   Regolamentazzjoni diretta fl-UE

4.1.1   Ir-riċiklaġġ għandu jingħata appoġġ billi tittejjeb l-infrastruttura tal-ġbir, jinħolqu ċertezza legali u kundizzjonijiet ugwali, kif ukoll billi jitneħħew il-piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa. Dan ir-rekwiżit essenzjali jeħtieġ bilanċ u konsistenza tajbin mal-firxa kollha tar-regolamenti, direttivi u deċiżjonijiet. Minkejja li d-Direttiva Qafas dwar l-Iskart (2008/98/KE) qabdet it-triq it-tajba kif mixtieq, għandha titqies bħala l-ewwel fażi li ser teħtieġ monitoraġġ regolari dwar kif qed taħdem fir-realtà u eventwalment li jsirilha titjib.

4.1.2   Leġislazzjonijiet ewlenin oħra huma d-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ fl-istat attwali tagħha, id-Direttiva 2000/53/KE dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw, ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 dwar vjeġġi ta' skart u d-Direttiva 2002/96/KE dwar skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE). Id-direttivi msemmija hawn fuq jistabbilixxu miri ta' riċiklaġġ arbitrarji li joħolqu distorsjonijiet fis-suq ħieles tal-materja prima sekondarja. Fid-dawl tat-tibdil u l-emendi tista’ tgħid kostanti li jsirulu, dan il-qafas jeħtieġ attenzjoni permanenti għall-effetti tiegħu.

4.2   Regolamentazzjoni indiretta: il-proċessi ta' rkupru u ta' riċiklaġġ huma regolati mhux biss minn firxa wiesgħa ta' leġislazzjoni dwar l-iskart, iżda wkoll minn restrizzjonijiet u kontrolli li ġejjin mil-leġislazzjoni li tirregola setturi speċifiċi tal-industrija jew l-industrija b’mod ġenerali. L-aktar importanti f’dan il-qasam huma l-effetti tar-Regolament REACH (KE 1907/2006) dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi u l-politika tal-UE dwar it-tibdil fil-klima.

4.2.1   Fil-każ tar-REACH, l-iskart mhuwiex soġġett għal dan ir-Regolament, iżda s-sustanza jew it-taħlita rkuprata tista’ ssir soġġetta għar-REACH hekk kif ma tibqax skart. Il-Kummissjoni indirizzat din il-problema u l-gruppi ta' ħidma tekniċi rilevanti ressqu suġġerimenti ftit jew wisq sodisfaċenti biex dan l-ostaklu jingħeleb. Madanakollu, għad fadal l-inċertezzi u hemm studji utli ħafna disponibbli fiċ-Ċentru tal-Kummissjoni JRC-IPTS f’Sevilja, flimkien ma' tagħrif disponibbli mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) li jistgħu jgħinu biex jissolvew il-problemi. Minkejja dan, it-theddida relatata mar-reġistrazzjoni mhijiex evitata kompletament, anke f’każijiet fejn ir-reġistrazzjoni ma jista’ jkollha l-ebda benefiċċju.

4.2.2   Il-politika tal-UE dwar it-tibdil fil-klima għandha tiffaċilita firxa ta' inċentivi li għandhom iwasslu biex is-soċjetà kollha tibdel b’mod konsistenti u sostenibbli minn sorsi ta' enerġija fossili primarja għal sorsi ta' enerġija alternattivi. Il-Programm Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima jikkonsisti f’elementi individwali li jingħad li huma integrati, iżda sfortunatament l-integrazzjoni hija aktar fil-kliem milli fil-fatti. Uħud mill-komponenti tiegħu jaffettwaw serjament il-proċessi ta' rkupru u riċiklaġġ: l-iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet (ETS), li ġiet aġġornata għall-perjodu ta' wara Kjoto, ixxekkel lill-operaturi ta' faċilitajiet tal-produzzjoni bl-approċċ amministrattiv tagħha għall-istabbiliment tal-allokazzjonijiet għall-perjodu 2013-2020. Barra minn hekk, sistema ta' rkant introdotta gradwalment tnixxef ir-riżorsi finanzjarji tal-operaturi li mbagħad ikollhom inqas flus għall-proċessi futuri tat-tnaqqis tal-karbonju. Min-naħa l-oħra, is-sistema tal-UE tal-iskambju tal-kwoti ta' emissjonijiet ma tirriflettix l-iffrankar tal-enerġija u l-karbonju li jirriżulta mill-użu ta' materja prima li tista’ tiġi rkuprata f’setturi oħra tal-industrija u tal-kostruzzjoni.

4.2.3   Hemm ukoll problemi oħra li joħorġu mid-Direttiva dwar l-enerġija rinnovabbli. Minħabba l-ispinta kbira lejn ir-rinnovabbli u l-appoġġ enormi u żbilanċat li qed jingħataw, hemm riskju serju ta' rilokazzjoni ta' kwantitajiet kbar ta' materja prima sekondarja rkuprata (kull tip ta' bijomassa, karti rkuprati) mill-użu mill-ġdid tal-materjal għall-enerġija - il-ġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana. Dawn ir-riskji kollha għandhom jiġu analizzati sew u jitnaqqsu kemm jista’ jkun sabiex l-aċċess għall-materja prima sekondarja jinżamm u saħansitra jiżdied kull fejn possibbli. Id-definizzjoni ta' “bijomassa” għandha tiġi rrispettata u, jekk ikun meħtieġ, imsaħħa biex jiġi evitat li tintuża ħażin f’isem il-ġenerazzjoni ta' enerġija rinnovabbli. F’ċerti każijiet, minħabba s-sussidji li joħolqu distorsjonijiet fis-suq, saħansitra l-materja prima (injam) qiegħda sempliċiment tinħaraq!

4.2.4   Ir-regolamenti tal-UE dwar l-iskart jistabbilixxu obbligi legali għall-partijiet kollha fil-flussi tal-iskart, u din ir-responsabbiltà għandha tiġi ċċekkjata b’mod strett u mitluba mill-awtoritajiet rispettivi. L-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom huma prerekwiżiti importanti fil-ġlieda kontra kull prattika illegali minn xi partijiet mingħajr skrupli, l-aktar fil-kummerċ internazzjonali.

5.   Il-katini tal-valur u l-atturi fil-flussi ewlenin tal-materja prima sekondarja

Huwa ovvju mill-identifikazzjoni fil-Kapitolu 3 li hemm differenzi kbar bejn il-flussi tal-materja prima sekondarja. Uħud minnhom kważi jaħdmu b’mod awtonomu fuq il-bażi naturali ta' sistemi li storikament jiffunzjonaw għall-ġbir, il-pretrattament u t-trattament (inkluża s-separazzjoni) tal-iskart qabel ma l-materjal irkuprat jingħata lil xi faċilità operattiva ewlenija. Hemm diversi karatteristiċi li jistgħu jinġabru flimkien biex jiġu identifikati u evitati r-riskji potenzjali fil-proċessi ta' rkupru u riċiklaġġ.

5.1   Il-valur kummerċjali tal-materja prima sekondarja huwa wieħed mill-fatturi ewlenin li jaffetwaw l-aċċessibbiltà finali tal-materjal. Il-ġbir u l-pretrattament tal-fluss tal-iskart huma fażijiet pjuttost irħas fil-każ ta' flussi ta' skart ikkonċentrat (ħadid, ħġieġ u karti) u l-materja prima sekondarja li toħroġ minn dan tibqa’ pjuttost aċċessibbli bi prezzijiet raġonevoli. Il-kundizzjonijiet tas-suq japplikaw tul iċ-ċiklu magħluq kollu. Min-naħa l-oħra, hemm parti li qiegħda dejjem tikber ta' riċiklaġġ li ma joperax bil-prezz tas-suq għall-materjali, iżda li jopera biex jikkonforma mal-politiki tal-iskart tal-UE. Il-biċċa l-kbira tal-iskart tal-imballaġġ, l-iskart elettroniku u elettriku jew dak bijodegradabbli jiġi pproċessat biex jilħaq il-miri ta' direttivi varji.

5.1.1   Il-produzzjoni tal-materja prima sekondarja minn dawn il-flussi tal-iskart mhijiex ekonomikament sostenibbli fis-suq globali. Il-ġbir, is-separazzjoni u l-ipproċessar tal-iskart iseħħu jew biex jiġu implimentati r-regoli tar-responsabbiltà estiża tal-produttur jew għax ikun hemm il-fondi pubbliċi diretti. Fiż-żewġ każijiet, huwa ċ-ċittadin Ewropew li jħallas għall-konverżjoni, jew bħala xi ħadd li jħallas it-taxxi jew bħala konsumatur.

5.1.2   L-Ewropa tiġġenera riżerva ta' materja prima sekondarja, li jista’ jkun hemm aċċess għaliha faċilment minn kull attur globali ikun liema żmien ikun, meta d-domanda tas-suq globali għall-materjal qed tikber. Volumi kbar ta' skart miġbur u mhux ipproċessat jiġu esportati, l-aktar lejn l-Asja. Peress li s-suq globali huwa volatili, il-livelli tal-prezzijiet huma volatili wkoll. Meta s-suq globali jkun għaddej minn żmien ta' dipressjoni, jiġġemmgħu mases ta' materja prima sekondarja, peress li l-miri tar-riċiklaġġ ikunu jridu jintlaħqu. Din is-sitwazzjoni toħloq distorsjonijiet tas-suq kritiċi ħafna fl-UE.

5.1.3   Ir-riċiklaturi tal-UE jridu jinvestu ħafna aktar mill-kompetituri Asjatiċi tagħhom meta jkunu qed jibnu l-impjanti ta' riċiklaġġ għax iridu jżommu kemm il-kapaċità żejda tagħhom (overcapacity) kif ukoll l-istandards teknoloġiċi għoljin tagħhom. Imbagħad, meta s-swieq globali tal-materja prima jogħlew, il-kapaċitajiet tagħhom li jiswew il-flus ma jintużawx għax l-iskart miġbur qed jitlaq mill-Ewropa mhux ipproċessat. Għalhekk hemm ħtieġa kritika li jitqabblu l-forzi globali tal-materja prima u l-qafas regolatorju dwar l-iskart biex jiġu evitati distorsjonijiet tas-suq u jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-industriji tal-UE għall-materja prima sekondarja.

5.1.4   Ir-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ illegali jew semilegali tal-materja prima sekondarja jistgħu jiġu bbażati fuq it-talba stretta ta' ċertifikati rikonoxxuti internazzjonalment, bħal ċertifikati bbażati fuq l-istandards tal-ISO, mill-imsieħba li jkunu qed jirċievu l-materja prima sekondarja barra l-UE. L-Istati Membri wkoll għandhom jieħdu l-miżuri legali kollha meta jiċċekkjaw l-oriġini legali tal-iskart miġbur kull fejn jista’ jkun hemm problema.

5.1.5   Peress li l-politika dwar il-materja prima hija kwistjoni strateġika ta' sigurtà f’ħafna bnadi tad-dinja, l-appoġġ mill-Komunità flimkien mal-katini tal-valur kollha, partikolarment fir-rigward tal-kwalità għolja tal-materja prima sekondarja (“premium quality”) jistgħu jsolvu ħafna mill-problemi tal-aċċess għall-materja prima sekondarja. Naturalment hemm bżonn li ssir reviżjoni tal-ispeċifikazzjoni Ewropea tal-materja prima sekondarja għad-definizzjoni ta' “premium quality” għall-materja prima sekondarja.

5.2   L-impatt fuq l-ambjent ta' riċiklaġġ raġonevoli jrid ikun ta' benefiċċju għall-maġġoranza tal-industriji li jużaw kwantitajiet/ishma kbar ta' materja prima sekondarja. Anke l-użu ta' teknoloġiji sofistikati għall-ipproċessar għal flussi ta' skart impenjattivi ma jibdilx din l-istqarrija ġenerali. Normalment, il-konsum totali tal-enerġija jonqos, xi kultant anke għal frazzjon tal-konsum standard fil-każ tal-ipproċessar ta' materja prima mill-minjieri jew mill-ħsad. Dan ifisser ukoll inqas emissjonijiet ta' karbonju, speċjalment inqas emissjonijiet gassużi, eċċ. Minħabba l-impuritajiet fil-flussi tal-iskart, hemm skart ġdid li wieħed irid jieħu ħsieb u, f’ċerti każijiet, iridu jintużaw ukoll faċilitajiet tat-trattament tal-ilma maħmuġ li jkunu jaħdmu b’mod effiċjenti. Dawn il-flussi diffiċli ta' skart ifissru spejjeż ogħla għall-pretrattatment u t-trattament li jagħmlu l-proċess jiswa aktar flus.

5.3   Il-kompetizzjoni fl-użu tal-materja prima sekondarja barra l-industrija partikolari tippreżenta riskju kbir għal dawn l-industriji (ara 4.2.3). L-ambjent kompetittiv jiġi distort ħafna minn fondi mmirati biex iservu għan kompletament differenti, u dan jista’ jikkawża distorsjonijiet kbar fis-swieq tal-materja prima. L-industrija tal-karti ma tistax tikkompeti kemm għall-injam tajjeb għall-polpa mill-injam (bħala l-materja prima ewlenija) u l-karta rkuprata (it-tieni materja prima prinċipali) flimkien mal-faċilitajiet għall-elettriku rinnovabbli u l-ġenerazzjoni tas-sħana li jkunu jgawdu minn sussidji għall-enerġija rinnovabbli. Għandhom jittieħdu miżuri protettivi adatti biex jiġi żgurat l-aċċess għal materja prima bażika. Jekk dawn il-miżuri jfallu, waħda mill-industriji ċentrali tal-UE tiġi mhedda serjament. L-appoġġ għall-produzzjoni ta' materja prima sekondarja tal-iprem kwalità (premium quality) ser iżżid id-domanda għax-xogħol b’impatt soċjali pożittiv f’perjodi ta' kriżi fil-konsum tal-materja prima sekondarja.

Brussell, 16 ta’ Frar 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  L-Opinjoni tal-KESE dwar L-inizjattiva tas-swieq tal-materja prima – nilħqu l-ħtiġijiet kritiċi tagħna għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-Ewropa, ĠU C 277, 17.11.2009, p. 92.

(2)  Il-biċċa l-kbira tad-data nkisbet mill-istudji marbutin mal-iskart taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (JRC) (http://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/) u minn statistiċi tas-settur.

(3)  L-iskart mill-industriji ta' estrazzjoni huwa s-suġġett tad-Direttiva 2006/21/KE


Top