EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AE1628

“Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-‘Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Aġenda Diġitali għall-Ewropa” COM (2010) 245 finali

OJ C 54, 19.2.2011, p. 58–64 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 54/58


“Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-‘Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Aġenda Diġitali għall-Ewropa”

COM (2010) 245 finali

(2011/C 54/17)

Relatur: is-Sur McDONOGH

Nhar id-19 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Aġenda Diġitali għall-Ewropa

COM(2010) 245 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-16 ta’ Novembru 2010.

Matul l-467 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-8 u 9 ta’ Diċembru 2010 (seduta tat-8 ta’ Diċembru 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni bi 83 vot favur, u astensjoni waħda.

1.   Konklużjonijiet

1.1   Il-Kumitat jilqa’ l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Aġenda Diġitali għall-Ewropa. Bħall-Kummissjoni, il-Kumitat jinsab imħasseb rigward il-ħsara li saret lill-progress ekonomiku u soċjali Ewropew mill-kriżi finanzjarja. Huwa jaqbel li l-potenzjal kbir tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tat-telekomunikazzjoni (ICT) jista’ jiġi użat biex jimmobilizza l-ekonomija diġitali sabiex jingħata l-istimulu tant meħtieġ għat-tkabbir u biex jiżdied l-istandard tal-għajxien taċ-ċittadini Ewropej. Barra minn hekk, il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li d-diversi inizjattivi ta’ politika li jkopru l-qasam tal-ICT u l-Aġenda Diġitali għandhom jingħaqdu u jiġu ġestiti fi ħdan pjan ta’ azzjoni koerenti.

1.2   Madankollu, għalkemm xi partijiet tal-Komunikazzjoni huma miktubin tajjeb u jispjegaw b’mod ċar l-inizjattivi li għandhom jittieħdu, partijiet oħra – pereżempju l-parti dwar il-benefiċċji tal-ICT għas-soċjetà tal-UE u l-parti dwar l-aspetti internazzjonali tal-Aġenda Diġitali – għadhom vagi dwar il-pjan ta’ azzjoni. Il-Kumitat jittama li ser ikun hemm elaborazzjoni tajba tal-elementi kollha tal-Aġenda Diġitali eventwalment u konsultazzjoni sħiħa dwar l-inizjattivi dettaljati, li fihom eventwalment ser jieħu sehem.

1.3   Il-Kumitat jieħu nota tal-problemi identifikati mill-Kummissjoni, li qed ixekklu l-iżvilupp ta’ ekonomija diġitali dinamika fl-Ewropa – b’mod partikolari l-problemi ta’ frammentazzjoni kummerċjali, kulturali u legali f’Unjoni li tħaddan 27 pajjiż, u n-nuqqas persistenti ta’ investiment fin-netwerks, fl-edukazzjoni fil-qasam tal-ICT u fir-riċerka u l-innovazzjoni.

1.4   Iżda dawn il-problemi kienu fil-qalba tat-tħassib tal-UE għal żmien twil, u minkejja snin ta’ enfasi politika u pjani ta’ azzjoni, il-progress ma laħaqx il-livell mistenni. Illum il-ġurnata, fl-2010, mhuwiex aċċettabbli li 30 % tad-djar tal-UE għad m’għandhomx aċċess għall-internet (1); u li, f’nofs kriżi ekonomika, l-Ewropa sabet ruħha f’qagħda fejn ma tistax tiddependi b’mod suffiċjenti mit-tkabbir fl-ekonomija diġitali biex jgħinha tirkupra malajr.

1.5   Għalkemm l-Ewropa hija fost ir-reġjuni dinjija bl-iktar netwerk intensiv, il-kumplessità, in-nuqqas ta’ aċċessibbiltà u kemm huwa faċli li jintużaw ħafna mill-prodotti u servizzi tal-ICT għal ħafna nies jirrappreżentaw ostaklu kbir għall-inklużjoni, speċjalment għall-anzjani u l-persuni b’diżabbiltà fiżika. L-Ewropa għandha tiffoka fuq kif tista’ tfassal prodotti u servizzi tal-ICT li jistgħu jirreaġġixxu għall-bżonnijiet ta’ soċjetà li qed tixjieħ u għall-persuni b’diżabbiltà, bil-konsiderazzjoni tal-għanijiet tal-Konvenzjoni rispettiva tan-Nazzjonijiet Uniti.

1.6   Huwa frustranti għall-Kumitat li dejjem jagħmel appelli, għalxejn, biex tiddaħħal il-konnettività tal-internet fl-obbligu tas-Servizzi Universali. Jekk l-UE trid tieħu l-Aġenda Diġitali u l-prinċipju tal-inklużjoni diġitali bis-serjetà, trid tittieħed azzjoni malajr fuq din il-kwistjoni. Il-Kumitat jagħraf l-isfidi tal-finanzjament ikkawżati minn din il-miżura u jirrakkomanda li l-finanzjament tal-UE jkun disponibbli għall-fornituri tal-infrastruttura skont kriterji trasparenti, oġġettivi u proporzjonali.

1.7   Kuljum, l-UE qed issir inqas kompetittiva mill-Istati Uniti, il-Ġappun u l-Korea t’Isfel fil-qasam tal-infrastruttura avvanzata tal-ICT, fl-infiq fl-ICT u r-Riċerka u l-Iżvilupp u fil-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fl-ekonomija diġitali. Dan it-tnaqqis fil-kompetittività globali jrid jinqaleb b’inizjattivi ta’ politika aggressivi, implimentati b’mod effettiv.

1.8   Il-Kumitat jemmen li l-progress xejn sodisfaċenti lejn il-ksib tal-objettivi Ewropej fil-qasam tal-ICT u l-ekonomija diġitali huwa primarjament riżultat tat-twettiq inadegwat tal-inizjattivi ta’ politika fil-livell Ewropew u nazzjonali: konna nafu x’kellu jsir imma m’għamilnihx. Il-Kumitat jappella lill-Istati Membri biex jimplimentaw b’urġenza d-direttivi u r-rakkomandazzjonijiet rigward l-Aġenda Diġitali.

1.9   Il-Kumitat jemmen li s-suq waħdu ma jistax jirregola lilu nnifsu sew għall-benefiċċju tal- interess pubbliku. Għalhekk, hemm bżonn qafas regolatorju bilanċjat biex jiġu promossi l-interessi tal-maġġoranza taċ-ċittadini, skont il-ħsieb wara l-istrateġija 2020.

1.10   Il-Komunikazzjoni hija espressjoni f’waqtha ta’ tmexxija u approċċ maniġerjali meħtieġa ħafna biex tinkiseb l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa bħala parti mill-Istrateġija għall-Ewropa 2020 (2). Il-Kumitat jikkumplimenta lill-Kummissjoni għad-dispożizzjonijiet ta’ governanza u amministrazzjoni inklużi fil-Komunikazzjoni biex tiġi żgurata implimentazzjoni adatta u f’waqtha ta’ din l-aġenda kruċjali. Madankollu, il-Kummissjoni issa trid tipproduċi dokument dettaljat dwar l-istrateġija ta’ implimentazzjoni sabiex l-Aġenda Diġitali tiffoka fuq it-twettiq effettiv.

1.11   Il-Kumitat jappoġġja l-pjan ta’ azzjoni tas-“Seba’ Pilastri” spjegat fil-Komunikazzjoni u jikkumplimenta lill-Kummissjoni għal ħidmitha. Għalkemm id-dettalji ser jeħtieġu ħafna iktar elaborazzjoni biex il-pjan jiġi kkunsidrat sew, il-Kumitat jemmen li l-pjan ta’ livell għoli huwa komprensiv biżżejjed u fil-biċċa l-kbira tiegħu korrett.

1.12   Madankollu, il-Kumitat huwa sorpriż li l-programm Galileo, investiment importanti fil-futur tal-ICT tal-Ewropa, ġie eskluż mill-Komunikazzjoni. Il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni biex tiżgura li Galileo jiġi inkluż b’mod espliċitu fil-pjan ta’ azzjoni tal-Aġenda Diġitali u jirreferi lill-Kummissjoni għall-opinjonijiet tal-KESE li jikkonċernaw il-programm (3).

1.13   Il-Kumitat bi pjaċir qed jantiċipa l-konsultazzjoni eventwali tiegħu dwar il-Komunikazzjonijiet speċifiċi tal-Kummissjoni rigward kull aspett dettaljat tal-Aġenda Diġitali.

Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni, hija u tfassal dawn il-Komunikazzjonijiet, għall-ħafna Opinjonijiet preċedenti tal-KESE (4) li kkummentaw fuq il-bżonn ta’ soċjetà ta’ informazzjoni sigura u dinamika, industrija Ewropea tal-ICT u ekonomija diġitali produttiva b’rata ta’ tkabbir għolja.

2.   Rakkomandazzjonijiet

2.1   Il-konnettività veloċi u kullimkien għandha tiddaħħal fl-ambitu tad-definizzjoni tas-servizzi universali (5), b’mekkaniżmi ta’ finanzjament adatti.

2.2   Għandu jiżdied il-finanzjament għall-iżvilupp tal-ħiliet fl-ICT u l-programmi tal-għarfien u s-sensibilizzazzjoni għaċ-ċittadini u l-SMEs. Il-funzjonijiet tal-informazzjoni u l-appoġġ għandhom jiġu stabbiliti fl-Istati Membri biex jgħinu lill-SMEs u liċ-ċittadini jifhmu u jipparteċipaw fl-ekonomija diġitali.

2.3   Minħabba l-impenn tal-inklużjoni diġitali fl-Aġenda Diġitali, il-Kunsill għandu jappoġġja inizjattivi fl-UE kollha kemm hi biex it-tfal tal-iskola, iċ-ċittadini avvanzati fl-età, u ċ-ċittadini soċjalment żvantaġġati jsiru jafu dwar l-użu tat-teknoloġija broadband (pereżempju, it-tagħlim ibbażat fuq l-internet, il-video-conferencing, is-servizzi pubbliċi fuq l-internet, eċċ.). Kull programm edukattiv għandu jkun ibbażat fuq l-aħjar prattika.

2.4   Fill-programm ta’ riċerka fl-ICT taħt l-FP7 għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-iżvilupp ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ prodotti u servizzi li jissodisfaw il-ħtiġijiet speċjali tal-anzjani, il-persuni b’diżabbiltà u l-persuni bi problemi ta’ analfabetiżmu.

2.5   It-tħeġġiġ u l-appoġġ għall-istandards miftuħa għall-prodotti u s-servizz tal-ICT fl-Ewropa għandhom ikunu komponent espliċitu tal-Aġenda Diġitali. L-istandards miftuħa jiffaċilitaw il-kompetizzjoni u jagħmluha possibbli biex l-SMEs jikbru u jikkompetu fuq livell internazzjonali.

2.6   Barra milli żżid il-fondi għall-innovazzjoni u r-riċerka u l-iżvilupp fl-ICT, il-Kummissjoni għandha tiżgura li jkun hemm responsabbiltà adatta u li jingħata valur lill-flus investiti. Għandhom jiġu applikati prattiki ta’ ġestjoni ta’ investimenti adatti: l-investimenti għandhom jingħataw skont ir-ritorn ekonomiku u/jew soċjali mistenni, u kull investiment għandu jkun soġġett għal amministrazzjoni rigoruża biex jiġi żgurat li l-benefeċċji antiċipati jsiru realtà.

2.7   Il-governanza tal-investiment fir-Riċerka u l-Iżvilupp għandha tiżgura li jkun hemm koordinazzjoni tajba fil-programmi u l-proġetti kollha sabiex jinħarġu l-ikbar ammont ta’ benefiċċji possibbli u sabiex tiġi evitata l-ħela minħabba xogħol doppju.

2.8   L-isforzi fir-Riċerka u l-Iżvilupp għandhom jagħtu prijorità għolja lis-sostenibbiltà billi jinvestu fit-teknoloġiji li jeqirdu r-rabta bejn it-tkabbir ekonomiku u l-ħsara ambjentali.

2.9   Għandha tingħata prijorità lill-finanzjament tat-teknoloġiji innovattivi li jespandu fuq it-tmexxija dinjija tal-Ewropa fil-komunikazzjoni mingħajr fil u mobbli, biex jipprovdu konnettività veloċi mal-internet, possibbilment bl-użu ta’ spettru tar-radju li jsir disponibbli hekk kif ix-xandir u attivitajiet oħra jnaqqsu d-domanda tagħhom għall-bandwidth tar-radju (l-hekk imsejjaħ “spazju abjad”) (6).

2.10   Il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni biex tinkludi b’mod ċar il-programm Galileo fl-objettivi u r-riżorsi tal-Aġenda Diġitali. Għandhom isiru disponibbli wkoll fondi biex tiġi xprunata t-teknoloġija u l-applikazzjonijiet li ser ikunu jistgħu jużaw is-sinjali ferm preċiżi tan-navigazzjoni globali pprovduti mis-servizzi ta’ Galileo (7).

2.11   L-UE għandha tkompli tiffinanzja r-Riċerka u l-Iżvilupp marbuta mal-Internet tal-Oġġetti (8), permezz ta’ avvanzi teknoloġiċi fit-teknoloġiji mingħajr fil, l-internet u Galileo.

2.12   L-investiment fir-Riċerka u l-Iżvilupp relatat mal-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika ta’ Informazzjoni (CIIP) għandu jiżdied b’mod konsiderevoli (9).

2.13   L-Unjoni Ewropea għandha tafda r-responsabbiltà lil awtorità regolatorja adatta, li tkun tinkludi membri tal-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, biex timplimenta ħarsien effettiv tal-infrastrutturi kritiċi ta’ informazzjoni madwar l-UE (10).

2.14   Fl-Ewropa għandha tiġi żviluppata industrija tas-sigurtà tal-informazzjoni b’saħħitha u koordinata, li jkollha kompetenza ugwali għal dik fl-Istati Uniti li hija ffinanzjata tajjeb ħafna (11).

2.15   Il-Kummissjoni għandha żżomm quddiem għajnejha li għandha tħares l-interessi taċ-ċittadini hija u taħdem mal-kumpaniji internazzjonali tal-ICT biex timplimenta Aġenda Diġitali.

2.16   Bħala prinċipju ta’ politika ġenerali, l-interess pubbliku – “il-ġid pubbliku” – għandu jiġi bbilanċjat mal-interessi privati u kummerċjali.

2.17   Il-Kummissjoni għandha tieħu kwalunkwe miżura possibbli biex tiżgura li l-Istati Membri jinfurzaw b’mod rigoruż il-qafas regolatorju għall-Komunikazzjonijiet elettroniċi (12) u li l-implimentazzjoni tkun konsistenti, ibbilanċjata u universali f’kull wieħed mis-27 Stat Membru.

2.18   Sabiex tiġi żgurata l-konformità adatta mar-regolamenti, is-setgħat tar-regolaturi tal-komunikazzjoni fl-Istati Membri u fil-livell tal-UE għandhom jissaħħu, hekk kif issaħħew is-setgħat u l-awtorità tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) (13).

2.19   Fid-dawl tal-importanza dejjem akbar tal-ICT mobbli, l-Ewropa għandha timxi b’pass imħaffef lejn approċċ iktar ibbażat fuq is-suq fl-amministrazzjoni tal-ispettru, li jkabbar is-setgħa mogħtija lill-parteċipanti tas-suq, li jintroduċi kummerċ iktar mifrux tal-ispettru u jnaqqas il-preskrizzjoni burokratika nazzjonali fuq l-allokazzjoni tal-bandwidth (14).

2.20   L-Istati Membri għandhom jitħeġġu mill-Kummissjoni biex jaffermaw l-interessi nazzjonali tagħhom fl-iżvilupp u l-użu ta’ kanali ta’ trasmissjoni (trunk-level) u tat-tibdil tan-netwerks (netwerks switching) sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ politika nazzjonali: bħall-għeluq tad-distakk tal-broadband. Dan jista’ jinkiseb billi jsir sforz konġunt mal-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni fi Sħubijiet Pubbliċi Privati (15).

2.21   Fiż-żoni tal-Unjoni b’konċentrazzjoni kbira ta’ nies, għandhom jingħataw inċentivi lill-fornituri tal-infrastruttura biex jinstallaw il-fibra għad-djar (FTTH – Fibre To The Home).

2.22   Id-disponibbiltà ta’ kontenut u servizzi utli fuq l-internet hija xprun ewlieni tal-attività fuq l-internet. Il-gvernijiet, l-awtoritajiet pubbliċi, il-kumpaniji tas-servizzi u intrapriżi oħra għandhom iħaffu l-iżviluppi tagħhom tal-internet u l-migrazzjoni tal-klijenti għal relazzjoni online.

2.23   Għandhom jinstabu mezzi biex titħaffef il-provvista ta’ esperjenzi tal-utenti online mill-intrapriżi għall-klijenti tagħhom. F’dan ir-rigward, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-iżvilupp fl-użu tal-kontenut tal-films online.

2.24   L-għan tal-investiment għandu jkun li jinstabu soluzzjonijiet innovattivi għall-isfidi kkawżati mid-diversità lingwistika fl-UE. L-Istati Uniti u ekonomiji kbar oħra b’lingua-franca għandhom vantaġġ fil-kuntest tal-iżvilupp ta’ suq uniku u koerenti għall-prodotti u s-servizzi. Id-diversità lingwistika hija sfida speċjali għall-viżjoni 2020.

2.25   Għandha tiġi kkunsidrata l-implimentazzjoni ta’ identità elettronika Ewropea (eID) għal kull ċittadin, implimentazzjoni li għandha tiffaċilita t-twettiq tas-servizzi diġitali u l-kummerċ online.

2.26   Il-Kummissjoni għandha timplimenta skema pan-Ewropea għaċ-ċertifikazzjoni u t-tikkettar tan-negozjanti diġitali sabiex il-konsumaturi jkollhom protezzjoni universali huma u jixtru l-prodotti u s-servizzi mill-internet, irrispettivament mill-fruntieri nazzjonali. Skema bħal din iżżid il-fiduċja tal-konsumatur fil-kummerċ diġitali.

2.27   Meta jixtru minn fuq l-internet, iċ-ċittadini għandu jkollhom fiduċja li d-data personali tagħhom u flushom huma siguri; il-privatezza għandha tiġi ggarantita u d-data personali għandha tinħażen b’mod sigur.

2.28   Il-Kummissjoni għandha toħloq sistema ta’ permessi għaċ-ċentri tal-informazzjoni biex tiġi ggarantita l-protezzjoni tad-data privata u ta’ flus iċ-ċittadini tal-UE meta n-negozju jsir permezz taċ-ċentri tal-informazzjoni, b’mod partikolari dawk iċ-ċentri li jinsabu barra mill-UE.

2.29   Għandha tiġi kkunsidrata wkoll l-implimentazzjoni ta’ protezzjoni għall-konsumaturi li jieħdu żball meta jikkonfermaw xirja online. Għadu faċli wisq bħalissa li l-konsumatur jieħu żball li jqum il-flus meta jikkonferma riservazzjoni ta’ vjaġġ bl-ajruplan jew xirja oħra. Forsi kull transazzjoni ta’ dan it-tip għandha tinkludi buttuna li tippermetti li l-azzjoni titħassar (undo).

2.30   Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-kummerċ elettroniku li jinvolvi t-tfal, b’regoli u Kodiċi tal-Kondotta adatti.

2.31   L-UE għandha tiffinanzja t-tisħiħ tal-kapaċità tal-Europol li jiġġieled kontra ċ-ċiberkriminalità. L-UE trid tkun determinata fil-prosekuzzjoni taċ-ċiberkriminalità b’miżuri punittivi uniformi fl-Unjoni għal min iwettaq dawn ir-reati.

2.32   “Il-Kummissjoni għandha tipproduċi dokumenti dwar l-istrateġija tal-implimentazzjoni biex telabora l-parti dwar l-‘Implimentazzjoni u Gvernanza” fil-komunikazzjoni. Il-Kumitat jemmen li mingħajr pjan ta’ implimentazzjoni dettaljat u koordinat l-għanijiet tal-Aġenda Diġitali mhux ser jinkisbu.

2.33   Il-Kummissjoni għandha tifrex kemm jista’ jkun l-użu tal-istrumenti ICT ta’ governanza biex tappoġġja t-twettiq tal-Aġenda Diġitali.

2.34   Il-KESE ser iwaqqaf grupp permanenti biex jiffoka b’mod kontinwu fuq l-iżvilupp u t-twettiq ta’ importanza kruċjali tal-Aġenda Diġitali.

3.   Kuntest

3.1   L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa hija waħda mis-seba’ inizjattivi prominenti tal-Istrateġija tal-Ewropa 2020, stabbiliti biex jiddefinixxu r-rwol ewlieni ta’ faċilitatur li l-użu tal-ICT ser ikollu jaqdi sabiex l-Ewropa tkun tista’ tikseb l-ambizzjonijiet tagħha għall-2020. Din l-inizjattiva ta’ politika importanti rċeviet l-appoġġ tal-Ministri reponsabbli għall-Politika dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni tal-UE waqt il-Laqgħa Ministerjali Informali li saret fi Granada, Spanja, f’April 2010 (16).

3.2   Il-ħtieġa li jkun hemm “Aġenda Diġitali għall-Ewropa”

3.2.1   L-objettiv tal-Aġenda Diġitali huwa li tistabbilixxi mappa ta’ direzzjoni biex jiġi sfruttat kemm jista’ jkun il-potenzjal soċjali u ekonomiku tal-ICT.

Il-potenzjal kbir tal-ICT jista’ jiġi mobilizzat permezz ta’ ċiklu virtuż ta’ attività li jaħdem sew, spjegat fiċ-ċirku ta’ barra fl-Istampa 1 hawn taħt.

Stampa 1:

Iċ-ċiklu virtuż tal-ekonomija diġitali

Image

3.2.3   Madankollu, filwaqt li s-setgħa ta’ trasformazzjoni tal-ICT hija ċara, iridu jiġu kkonfrontati wkoll sfidi serji biex din tiġi użata. Il-Kummissjoni identifikat l-iktar seba’ ostakli sinifikanti. Dawn huma elenkati fiċ-ċirku ta’ ġewwa tal-Istampa 1.

3.2.4   Minħabba dawn l-ostakli l-Ewropa għadha lura meta mqabbla mal-imsieħba industrijali tagħha: 30 % taċ-ċittadini Ewropej għadhom qatt ma użaw l-internet; l-Ewropa għandha penetrazzjoni ta’ 1 % biss tan-netwerks veloċi bbażati fuq il-fibra filwaqt li l-Ġappun għandu 12 % u l-Korea t’Isfel għandha 15 %; u l-infiq tal-UE fir-riċerka u l-iżvilupp tal-ICT huwa biss 40 % ta’ dak li jintefaq fl-Istati Uniti.

3.3   L-Aġenda Diġitali tipproponi l-azzjoni li trid tittieħed b’mod urġenti biex jiġu indirizzati l-iktar seba’ oqsma problematiċi li jolqtu lill-potenzjal ta’ trasformazzjoni tal-ICT biex l-Ewropa taqbad it-triq tat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

3.4   L-Aġenda Diġitali tinkludi iktar minn mitt azzjoni u 13-il mira ta’ prestazzjoni essenzjali li għandhom jipprogressaw tul l-għaxar snin li ġejjin. Dawn jinkludu ’l fuq minn tletin inizjattiva leġislattiva. L-Aġenda hija organizzata f’seba’ pilastri ta’ politika u tirrikonoxxi d-dimensjoni kritika u globali biex jinkisbu l-objettivi tagħha.

3.5   Implimentazzjoni u governanza

L-istampa li ġejja turi l-istruttura ta’ governanza proposta biex tiġi amministrata l-Aġenda Diġitali:

Stampa 2:

Iċ-ċiklu ta’ governanza tal-Aġenda Diġitali Ewropea

Image

4.   Kummenti

4.1   “It-twettiq inadegwat tal-inizjattivi ta’ politika żiedu l-inerzja fl-ekonomija diġitali Ewropea kkawżata mill-frammentazzjoni u l-livell insuffiċjenti ta’ investiment. Huwa kruċjali li l-Kummissjoni tuża l-‘mudell prominenti” tal-Aġenda Diġitali biex tixpruna tmexxija u prattika ta’ ġestjoni tajbin biex twassal lill-Ewropa l-ekonomija diġitali bir-rata għolja ta’ tkabbir li teħtieġ.

4.2   Hekk kif l-iskala u l-intensità tal-investiment fl-ICT u l-ixprunar tal-ekonomija diġitali jiżdiedu, huwa importanti li l-pjani ta’ nfiq tal-UE jkunu akkumpanjati minn amministrazzjoni stretta u responsabbiltà ikbar li jkunu ta’ kwalità ogħla.

4.3   L-effiċjenza u l-effikaċja tal-infiq tal-UE tar-Riċerka u l-Iżvilupp fl-ICT huwa ta’ importanza kruċjali għax irridu nisfruttaw kemm jista’ jkun il-benefiċċji li jinġabru mill-investimenti sostanzjali li ser isiru. Huwa importanti li l-programmi u l-proġetti tar-Riċerka u l-Iżvilupp ikunu differenti minn xulxin u li tiġi evitata l-ħela minħabba proġetti doppji fil-livell nazzjonali, internazzjonali jew fil-livell tas-settur teknoloġiku.

4.4   L-Ewropa għadha tiddependi wisq mill-kumpaniji internazzjonali l-kbar tal-ICT għas-software u s-servizzi. Hemm kumpanija Ewropea waħda biss fost l-għaxar kumpaniji internazzjonali ewlenin tal-ICT – Nokia – u kumpanija waħda biss fost l-għaxar kumpaniji internazzjonali ewlenin fis-settur tas-software – SAP.

L-UE għandha toħloq ambjent ekonomiku fl-Ewropa li jħeġġeġ l-iżvilupp ta’ kumpaniji tal-ICT li jkunu innovattivi u b’saħħithom, li eventwalment ikunu jistgħu jikkompetu fuq livell dinji.

4.4.2   “Suq domestiku” tajjeb huwa essenzjali biex l-SMEs dinamiċi jsiru l-ġganti dinjin t’għada; il-problemi tas-swieq diġitali frammentati u n-nuqqas ta’ interoperabbiltà jridu jiġu indirizzati biex jappoġġjaw il-potenzjal mistur tal-kumpaniji tal-ICT fl-Ewropa.

4.5   L-istandards miftuħa kellhom rwol kruċjali fl-iżvilupp u s-suċċess tal-Internet. L-Ewropa għandha tħeġġeġ b’mod ċar l-istandards miftuħa biex tiffaċilita l-kompetizzjoni u tnaqqas l-ostakli għad-dħul fis-suq tal-istart-ups, bis-settur privat u l-intraprendituri tal-ekonomija soċjali inklużi. Appoġġ b’saħħtu għall-istandards miftuħa taħt il-pjan ta’ azzjoni tal-Interoperabbiltà u l-Istandards jgħin ukoll biex jiġu żviluppati kumpaniji Ewropej tal-ICT li jkunu jistgħu jikkompetu fuq livell dinji.

4.6   L-infiq enormi tal-Istati Uniti fl-ICT qed iwassal għal brain-drain fl-Ewropa. Is-suq federali tal-IT fl-Istati Uniti huwa mistenni li jkollu valur kumulattiv ta’ USD 530 biljun bejn l-2011 u l-2015, u li jilħaq livell ta’ infiq annwali ta’ USD 115-il biljun sal-2015. L-Ewropa għandha timmira l-infiq fl-ICT b’mod aggressiv jekk tixtieq tlaħħaq mar-ritmu tal-iżvilupp fl-Era Diġitali.

Bl-aħbar tal-virus ta’ Stuxnet li qed jattakka l-proċessi essenzjali tal-kontroll industrijali (17), il-kwistjoni taċ-ċibersigurtà u l-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika ta’ Informazzjoni qed tingħata importanza fl-aġendi tal-gvernijiet.

4.7.1   Illum il-ġurnata, l-Ewropa diġà tiddependi mhux ftit mill-ICT għall-ħolqien tal-ġid u l-kwalità tal-ħajja tagħna. Huwa importanti li d-dipendenza dejjem ikbar mill-ICT tkun akkumpanjata minn sofistikazzjoni dejjem ikbar ta’ miżuri ta’ sigurtà li jħarsu l-infrastruttura kritika ta’ informazzjoni (id-dawl, l-ilma, it-trasport, is-sistemi ta’ sigurtà, eċċ.) u li jipproteġu liċ-ċittadini miċ-ċiberkriminalità.

4.7.2   Il-Kumitat jirreferi lill-Kummissjoni għall-opinjoni tiegħu dwar il-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika ta’ Informazzjoni (18). B’mod partikolari, il-Kumitat jemmen li l-Ewropa għandha bżonn tmexxija b’saħħitha b’setgħa mogħtija lil awtorità adatta biex tħares lill-UE b’mod adegwat mill-attakki.

4.8   Il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar it-Tibdiliet Demografiċi tenfasizza l-bidla demografika li qed isseħħ fl-Ewropa bit-tixjiħ mgħaġġel taċ-ċittadini li jikkoinċidi ma’ għadd ta’ żgħażagħ dejjem jonqos. Għalkemm din il-qagħda tippreżenta ħafna sfidi, jeżistu wkoll opportunitajiet li jinvolvu l-innovazzjoni teknoloġika li jistgħu jtejbu l-kwalità tal-ħajja għal persuni avvanzati fl-età jew b’diżabbiltà, inaqqsu l-problemi ekonomiċi relatati ma’ popolazzjoni li qed tixjieħ, u joħolqu opportunitajiet ekonomiċi u kummerċjali ġodda fl-Ewropa. Dan huwa bbażat fuq il-kunċett li l-ICT il-ġdida għall-anzjani ser taqdi rwol importanti f’kif jiġu solvuti ċerti problemi futuri. Għalhekk, l-Ewropa għandha tippjana kif it-teknoloġija tista’ tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ soċjetà li qed tixjieħ, billi l-ICT tista’ tgħin biex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani, billi dawn jibqgħu iżjed b’saħħithom, jgħixu b’mod indipendenti għal żmien itwal u jibqgħu attivi f’xogħolhom jew fil-komunità tagħhom. Tista’ tiġi offruta firxa wiesgħa ta’ servizzi fil-qasam tal-komunikazzjoni, ix-xiri u s-saħħa u s-sigurtà, biex insemmu xi wħud.

4.9   Billi l-interessi taċ-ċittadini Ewropej u dawk tal-kumpaniji internazzjonali tal-ICT mhumiex dejjem allinjati, l-interessi taċ-ċittadini jridu jkunu bbilanċjati ma’ dawk tal-kummerċ.

4.10   Id-diversità lingwistika hija sfida speċjali għall-Ewropa hija u tipprova toħloq suq uniku dinamiku għall-prodotti u s-servizzi online. Hemm bżonn iktar investiment biex jinħolqu soluzzjonijiet innovattivi għal din l-isfida.

4.11   Id-disponibbiltà ta’ kontenut u servizzi ta’ kwalità għolja fuq l-internet hija xprun fundamentali għall-adozzjoni mill-utenti. L-implimentazzjoni trasversali tas-servizzi mill-gvernijiet u l-awtoritajiet pubbliċi fl-UE kollha kemm hi mhijiex konsistenti u hemm bżonn li jsir iktar biex dawk li għadhom lura jiġu megħjuna jmexxu l-programmi tagħhom ’il quddiem; b’mod partikolari, hemm ħafna iktar xi jsir fil-qasam tal-akkwist pubbliku diġitali għall-prodotti u s-servizzi pubbliċi.

4.12   It-trawwim ta’ ekonomija transkonfinali tal-kummerċ diġitali fl-UE huwa proċess ferm kumpless. Sabiex immorru lil hinn mill-kunċett ta’ adozzjoni bikrija (“early adopters”), il-kummerċ diġitali jrid ikun faċli u sigur. Illum il-ġurnata, il-frammentazzjoni legali, lingwistika, kulturali u teknoloġika bejn is-27 Stat Membru tal-UE toħloq ostakli konsiderevoli għall-iżvilupp ta’ ekonomija tal-kummerċ diġitali pan-Ewropea miftuħa. Dawn il-problemi jridu jiġu indirizzati waħda waħda, iżda l-introduzzjoni ta’ identità elettronika (e-ID) għal kull ċittadin u ċ-ċertifikazzjoni pan-Ewropea ta’ negozjanti diġitali jistgħu jkunu ta’ ħafna ġid biex jittaffew il-problemi.

4.13   Il-Pajjiżi l-Baxxi joffru eżempju tajjeb ta’ ċertifikazzjoni ta’ negozjanti diġitali. L-assoċjazzjoni tal-bejjiegħa online waqqfet istitut ta’ ċertifikazzjoni b’bord indipendenti għall-monitoraġġ. Kull membru tal-assoċjazzjoni jrid jirrispetta kodiċi ta’ kondotta u juża kuntratt standard għall-klijenti, miftiehma mal-Organizzazzjoni Olandiża għall-Konsumatur – Consumentenbond. Bis-saħħa ta’ negozjanti diġitali ċertifikati, il-klijenti għandhom aċċess għal proċedura strutturata għall-ilmenti biex jiġi solvut it-tilwim. Il-livell ta’ sensibilizzazzjoni taċ-ċertifikazzjoni huwa għoli: 83 % tal-konsumaturi online jagħrfu t-tikketta ta’ ċertifikazzjoni. Il-Kumitat jistenna li l-Kummissjoni tieħu azzjoni biex timplimenta skema pan-Ewropea ta’ ċertifikazzjoni għan-negozjanti diġitali.

4.14   Meta n-nies jibdew jużaw l-internet għall-ewwel darba, ikunu vulnerabbli b’mod partikolari għaċ-ċiberkriminalità u għan-negozjanti mingħajr skrupli. Dawn l-utenti vulnerabbli, ikunux adulti jew tfal, iridu jingħataw kull protezzjoni li tgħinhom igawdu ambjent sigur fuq l-internet (19).

4.15   Il-Kummissjoni tista’ tintroduċi sezzjoni speċifika għad-diżabbiltà fir-Rapport ta’ Progress Annwali, bil-għan li jiġi identifikat u mkejjel il-progress li jkun sar f’dan ir-rigward fi ħdan l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa.

4.16   Fil-kuntest ta’ ekonomija diġitali Ewropea mingħajr fruntieri huwa importanti li l-Europol ikun mgħammar b’tali mod li jkun jista’ jgħasses l-attività kummerċjali u soċjali u jżommha sigura għal kulħadd.

Brussell, 8 ta’ Diċembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Stqarrija għall-istampa mill-Eurostat STAT/09/176.

(2)  EWROPA 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv - COM(2010) 2020 finali.

(3)  ĠU C 256, 27.10.2007, p. 73; ĠU C 324, 30.12.2006, p. 41; ĠU C 324, 30.12.2006, p. 37; ĠU C 318, 23.12.2006, p. 210; ĠU C 221, 8.9.2005, p. 28; ĠU C 302, 7.12.2004, p. 35; ĠU C 48, 21.2.2002, p. 42.

(4)  “It-trasformazzjoni tad-dividend diġitali f’benefiċċji soċjali u fi tkabbir ekonomiku” - għadha mhux ippubblikata fil-ĠU; ĠU C 255, 22.9.2010, p. 116 u ĠU C 77, 31.3.2009, p. 60; “Titjib tal-mudelli tas-”sħubijiet parteċipattivi pubbliċi-privati “fl-iżvilupp ta’ ‘servizzi-e’għal kulħadd fl-UE 27”; għadha mhijiex ippubblikata fil-ĠU; ĠU C 255, 22.9.2010, p. 98; ĠU C 128, 18.5.2010, p. 69; ĠU C 317, 23.12.2009, p. 84; ĠU C 218, 11.9.2009, p. 36; ĠU C 175, 28.7.2009, p. 8; ĠU C 175, 28.7.2009, p. 92; ĠU C 175, 28.7.2009, p. 87; ĠU C 77, 31.3.2009, p. 63; ĠU C 224, 30.8.2008, p. 61; ĠU C 224, 30.8.2008, p. 50; ĠU C 97, 28.4.2007, p. 27; ĠU C 97, 28.4.2007, p. 21; ĠU C 325, 30.12.2006, p. 78; ĠU C 318, 23.12.2006, p. 222; ĠU C 110, 9.5.2006, p. 83; ĠU C 123, 25.4.2001, p. 36.

(5)  COM(2005) 203 finali, u d-Direttiva tal-PE u tal-Kunsill 2002/22/KE dwar is-servizz universali u d-drittijiet tal-utenti rigward is-servizzi u n-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika.

(6)  Ara l-opinjoni “It-trasformazzjoni tad-dividend diġitali f’benefiċċji soċjali u fi tkabbir ekonomiku” (għadha mhux ippubblikata fil-ĠU) u http://www.economist.com/blogs/babbage/2010/09/white-space_wireless

(7)  Is-servizzi ta’ Galileo ser jinkludu: in-Navigazzjoni b’Aċċess Miftuħ, in-Navigazzjoni Kummerċjali, in-Navigazzjoni tas-Sigurtà tal-Ħajja, in-Navigazzjoni Pubblika Regolata u t-Tfittxija u s-Salvataġġ.

(8)  Ara ĠU C 255, 22.9.2010, p. 116 u ĠU C 77, 31.3.2009, p. 60.

(9)  Ara ĠU C 255, 22.9.2010, p. 98.

(10)  Ibid.

(11)  Il-valur kumulattiv tas-suq taċ-Ċibersigurtà Federali tal-Istati Uniti huwa stmat għal madwar USD 55 biljun (2010-2015), rata ta’ tkabbir kompost annwali ta’ 6,2 % tul is-sitt snin li ġejjin - http://www.marketresearchmedia.com/2009/05/25/us-federal-cybersecurity-market-forecast-2010-2015/

(12)  Direttiva 2002/21/KE dwar qafas regolatorju komuni; Direttiva 2002/19/KE dwar l-aċċess u l-interkonnessjoni; u Direttiva 2002/77/KE dwar kompetizzjoni fis-swieq għas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika.

(13)  http://easa.europa.eu/

(14)  Ara l-opinjoni “It-trasformazzjoni tad-dividend diġitali f’benefiċċji soċjali u fi tkabbir ekonomiku” (għadha mhux ippubblikata fil-ĠU); ĠU C 97, 28.4.2007, p. 27 u ĠU C 224, 30.8.2008, p. 50.

(15)  Ara “Titjib tal-mudelli tas-‘sħubijiet parteċipattivi pubbliċi-privati’ fl-iżvilupp ta’ ‘servizzi-e’ għal kulħadd fl-UE 27” (għadha mhux ippubblikata fil-ĠU).

(16)  http://www.eu2010.es/export/sites/presidencia/comun/descargas/Ministerios/en_declaracion_granada.pdf

(17)  http://www.nytimes.com/2010/09/27/technology/27virus.html; u http://www.ft.com/cms/s/0/e9d3a662-c740-11df-aeb1-00144feab49a.html? ftcamp = rss

(18)  ĠU C 255, 22.9.2010, p. 98.

(19)  Il-KESE ħareġ bosta opinjonijiet dwar dan is-suġġett f’dawn l-aħħar 15-il sena. Biex tara l-iktar tnejn reċenti, ara ĠU C 128, 18.5.2010, p. 69 (“L-impatt tas-siti tan-netwerking soċjali”) u ĠU C 224, 30.8.2008, p. 61 (“Il-ħarsien tat-tfal li jużaw l-Internet”).


Top