EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AE1626

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċedimenti kriminali” COM(2010) 392 finali – 2010/0215 (COD)

OJ C 54, 19.2.2011, p. 48–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 54/48


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċedimenti kriminali”

COM(2010) 392 finali – 2010/0215 (COD)

(2011/C 54/15)

Relatur ġenerali: is-Sur PEZZINI

Nhar id-29 ta’ Settembru 2010, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċedimenti kriminali

COM(2010) 392 finali – 2010/0215 (COD).

Nhar l-20 ta’ Ottubru 2010, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-467 Sessjoni Plenarja tiegħu tat-8 u d-9 ta’ Diċembru 2010 (seduta tat-8 ta’ Diċembru 2010) li jaħtar lis-Sur Pezzini bħala relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’161 vot favur, l-ebda (0) vot kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħidma li saret mill-Kummissjoni biex jiġi żviluppat pakkett komprensiv ta’ leġislazzjoni li jiggarantixxi sett komuni ta’ drittijiet proċedurali fil-proċedimenti kriminali tal-Istati Membri.

1.2   Id-dritt għal informazzjoni f’waqtha u preċiża huwa parti mit-tradizzjoni legali tal-Unjoni Ewropea u qed isir dejjem iktar importanti hekk kif iċ-ċittadini tal-UE qed jiċċaqalqu minn Stat Membru għal ieħor.

1.3   Ċittadini ta’ pajjizi li mhumiex imsieħba fl-UE, u li issa qed jidħlu fl-UE f’ammonti dejjem jikbru, għandhom ukoll ikunu jistgħu jidentifikaw qafas legali tal-UE, kif ukoll proċedimenti ċari li jirriflettu r-rispett għall-individwi, anke meta soġġetti għal proċedimenti legali.

1.4   Il-KESE jemmen li l-approssimazzjoni fil-leġislazzjonijiet nazzjonali, li hija l-bażi tad-Direttiva, għandha ssir il-pedament fundamentali tal-kooperazzjoni ġudizzjarja, anke sabiex tiġi enfasizzata l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li ġiet inkorporata fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TFUE u TUE).

1.5   Il-KESE huwa tal-fehma li m’hemmx dubju li l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali, permezz ta’ proċedimenti mħaddna minn kulħadd, jirrappreżenta element qawwi ta’ koeżjoni u jsaħħaħ il-moviment ħieles fl-UE.

2.   Konsiderazzjonijiet ġenerali

2.1   Sabiex jiġi ggarantit id-dritt għal proċedimenti kriminali “ġusti”, b’konformità mal-istat tad-dritt, l-UE ħadet azzjoni speċifika biex issaħħaħ id-drittijiet proċedurali ta’ persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali.

2.2   L-azzjoni tinkludi wkoll it-tisħiħ tad-dritt għal difiża. Din l-azzjoni konġunta għandha titqies bħala waħda importanti ħafna, b’mod speċjali sabiex tiżdied il-fiduċja fiż-żona Ewropea tal-ġustizzja, kif ukoll sabiex titjieb l-effikaċja tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonjiet ġudizzjarji f’materji kriminali.

2.3   Fil-fatt, l-abolizzjoni tal-fruntieri interni u l-mod kif iċ-ċittadini qed jeżerċitaw dejjem iżjed id-dritt għall-moviment ħieles u l-libertà fl-għażla tar-residenza qed iwasslu għal żjieda fl-ammont ta’ nies involuti fi proċedimenti kriminali fi Stat Membru li mhuwiex dak fejn huma residenti.

2.4   Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill 2009/C 295/01 tat-30 ta’ Novembru 2009, li ttenni

il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere tal-1999,

il-Programm tal-Aja tal-2004, u

l-Programm ta’ Stokkolma ta’ Diċembru 2009 għall-2010-2014,

tipproponi inġenerali li jiġu żgurati – fi stadji gradwali – l-implimentazzjoni u r-rispett sħiħ għad-“dritt għal proċess ġust”.

2.4.1   Dan huwa konformi mal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, li għaldaqstant qed titqies bħala l-bażi komuni għall-ħarsien tad-drittijiet tal-persuni suspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali.

2.5   Barra minn hekk, id-dritt għal proċess ġust u għal difiża huma mħaddna fl-Artikolu 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (1).

2.6   Iktar speċifikament, il-pjan direzzjonali fuq sitt punti mfisser fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill imsemmi hawn fuq jidentifika dawn il-prijoritajiet li ġejjin:

Miżura A: billi wieħed għandu jkun jaf id-drittijiet għal difiża tiegħu stess biex jeżerċitahom bis-sħiħ, persuna suspettata jew akkużata li ma titkellimx jew ma tifhimx il-lingwa użata fil-proċedimenti ser tkun teħtieġ interpretu u traduzzjoni ta’ dokumenti proċedurali essenzjali (2);

Miżura B: persuna li hija suspettata jew akkużata b’reat għandha tingħata informazzjoni korretta dwar id-drittijiet fundamentali tagħha bil-fomm jew bil-miktub, pereżempju permezz ta’ Ittra tad-Drittijiet. Barra minn hekk, dik il-persuna għandha wkoll tirċievi informazzjoni minnufih dwar in-natura u r-raġuni tal-akkuża kontriha. Persuna li tkun ġiet ikkundannata għandha tkun intitolata, fil-ħin xieraq, għall-informazzjoni meħtieġa għat-tħejjija tad-difiża tagħha.

3.   Il-qofol tal-Komunikazzjoni

3.1   F’konformità mal-mandat stipulat fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill imsemmija hawn fuq, il-Kummissjoni ppubblikat il-Proposta għal Direttiva dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċedimenti kriminali (COM(2010) 392 finali) nhar is-27 ta’ Lulju 2010.

3.2   L-għan tal-Proposta għal Direttiva huwa li tiġi mfissra l-implimentazzjoni ddettaljata ta’ Miżura B fil-pjan direzzjonali msemmi hawn fuq, billi jiġu stipulati standards minimi komuni fir-rigward tad-dritt għall-informazzjoni fi proċedimenti kriminali madwar l-Unjoni Ewropea.

3.3   Bħala riżultat ta’ dan, b’konformità ma’ dawn ir-regoli, l-awtorità tal-prosekuzzjoni hija meħtieġa mhux biss tagħmel disponibbli lill-akkużat l-informazzjoni kollha neċessarja iżda wkoll li b’mod proattiv tiġbed l-attenzjoni tad-difiża għal din l-informazzjoni.

3.4   Barra minn hekk, fil-prattika, dawn il-miżuri pożittivi u raġjonevoli huma mistennija jnaqqsu t-tul u l-ispiża tal-proċedimenti legali u l-ammont ta’ żbalji ġudizzjarji u għaldaqstant tal-appelli.

3.5   F’dan ir-rigward, jista’ jsir “kumpens” pożittiv għall-piż finanzjarju żejjed li bla dubju jkun hemm, anke jekk biss permezz tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni prattika tal-miżuri ta’ informazzjoni.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Premessa 18: jistgħu jitqajmu xi dubji dwar il-frażi “għandha tingħata lill-persuni kollha suspettati u akkużati fil-pront hekk kif jibdew il-proċedimenti kriminali”, u għaldaqstant, għandu jiġi speċifikat il-mument preċiż meta n-notifika bil-fomm jew bil-miktub tingħata lill-persuna akkużata.

4.2   Premessa 19: fl-ewwel sentenza, il-frażi “għandha tingħata informazzjoni dwar dawn id-drittijiet proċedurali immedjatament relevanti” tidher li mhijiex speċifika, u għaldaqstant in-natura u l-ambitu ta’ dawn id-drittijiet proċedurali għandhom jiġu spjegati b’mod ċar, l-iktar fl-interess ta’ difiża effettiva.

4.3   Premessa 21: fl-aħħar sentenza, il-frażi “jista’ jwassal għal riskju serju […] lis-sigurtà interna …” tidher vaga. Minkejja dan, l-aġġettiv “serju” għandu jitqies bħala kondizzjoni irrevokabbli sabiex tiġi evitata l-possibilità futura li Stati Membri jeżerċitaw diskrezzjoni “politika” bl-iskuża ta’ “sigurtà interna”.

4.4   Premessa 22: il-frażi “mekkaniżmu li jivverifika li l-persuni suspettati jew akkużati” tista’ tiġi espressa aħjar f’termini ta’ trasparenza u ambitu, billi tiżdied il-frażi “permezz ta’ atti formali” wara l-kelma “jivverifika”.

4.5   Artikolu 3(1): il-kelma “minnufih” tista’ tinbidel bil-frażi “mill-bidu nett”.

4.6   Artikolu 3(2), l-aħħar inċiż: il-frażi “tinġieb quddiem il-qorti minnufih” għandha tkun konformi mal-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (Nota tat-traduttur: it-test tal-Konvenzjoni mhuwiex disponibbli bil-Malti; il-verżjoni bil-Malti tal-frażi msemmija hija “tinġieb quddiem il-qorti mill-aktar fis”).

4.7   Artikolu 4(1): l-espressjoni “fil-pront” għandha tiġi sostitwita bl-espressjoni “dak il-ħin stess”.

4.8   Artikolu 6: billi d-Direttiva tikkonċerna wkoll id-dritt għal informazzjoni dwar l-akkuża matul il-proċess u matul il-perijodu ta’ qabel il-proċess, l-artikolu għandu jispeċifika li informazzjoni dwar l-akkuża għandha tingħata anke waqt l-investigazzjonijiet tal-pulizija jew tal-inqas f’każijiet ta’ delega tal-awtorità ġudizzjarja jew fejn jitressqu l-akkużi inizjali.

4.9   Artikolu 6(1) għandu jinbidel kif ġej: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuna suspettata jew akkużata tingħata informazzjoni suffiċjenti dwar l-akkuża u r-raġunijiet għal din l-akkuża, sabiex tiġi garantita n-natura ekwa tal-proċedimenti kriminali”, u b’hekk jiġi rifless il-kunċett stabbilit fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (Artikolu 6(3)(a)), li jirreferi speċifikament għall-“kawża tal-akkuża”.

4.10   Artikolu 6(2): il-kelma “minnufih” għandha tiġi sostitwita bl-espressjoni “mill-aktar fis”, sabiex tkun aktar qrib l-espressjoni użata fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li diġà ġiet interpretata kemm-il darba fil-ġurisprudenza eżistenti (Nota tat-traduttur: it-test tal-Konvenzjoni mhuwiex disponibbli bil-Malti; il-verżjoni bil-Malti tal-frażi msemmija hija “tinġieb quddiem il-qorti mill-aktar fis”).

4.11   Artikolu 6(3)(a): il-frażi “… taċ-ċirkustanzi li fihom sar ir-reat …” għandha tinbidel hekk: “… taċ-ċirkustanzi li fihom ikun ingħad li seħħ ir-reat …” peress li meta ssir l-akkuża ma jkunx għadu ġie stabbilit li r-reat ikun seħħ effettivament, konklużjoni li hija possibbli biss wara s-sentenza.

4.12   Artikolu 6(3)a): il-frażi “inkluż il-ħin, il-post u l-livell ta’ parteċipazzjoni mill-persuna”, ikun iktar preċiż li kieku l-frażi “l-livell ta’ parteċipazzjoni” tinbidel bi “r-rwol effettiv li kellha l-persuna”.

4.13   Artikolu 6(3): għandhom jiżdiedu t-tliet inċiżi li ġejjin:

“c)

il-piena applikabbli għar-reat imsemmi hawn fuq;

d)

l-iskadenzi u l-mezzi ta’ difiża u l-istrumenti ta’ provi;

e)

il-valur relattiv tal-ammissjoni eventwali ta’ ħtija.”

4.14   Artikolu 7(2): il-mod kif qed tiġi applikata s-segretezza sabiex jinċaħad aċċess għal ċerti dokumenti wara li tintemm l-investigazzjoni tar-reat għandu jwaqqaf lill-awtoritajiet ġudizzjarji milli jeżerċitaw diskrezzjoni mhux meħtieġa, fid-dawl tal-fatt li, fi kwalunkwe każ, it-tmiem tal-investigazzjoni ġeneralment ifisser li l-atti proċedurali jsiru disponibbli.

4.15   Artikolu 7(3): għandu jiġi żgurat li l-verżjonijiet tad-Direttiva bil-lingwi kollha jirriferu għal “investigazzjonijiet preliminari” (fil-verżjoni Maltija: deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu qabel il-proċess quddiem il-qorti) u li jiġu evitati espressjonijiet bħal fit-Taljan “fase istruttoria” billi ħafna sistemi legali m’għadhomx jinkludu din il-fażi.

Brussell, 8 ta’ Diċembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (Dritt għal-libertà u għas-sigurtà) jipprevedi li: “Kull min ikun arrestat għandu jiġi infurmat minnufih, b’lingwa li jifhem, dwar ir-raġunijiet tal-arrest tiegħu u dwar kull akkuża kontra tiegħu” (Nota tat-traduttur: it-test tal-Konvenzjoni mhuwiex disponibbli bil-Malti).

Artikolu 6(3) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (Dritt għal proċess ġust) jipprevedi wkoll li: “Kull min ikun akkużat b’reat għandu d-drittijiet minimi li ġejjin: (a)) li jkun infurmat minnufih, b’lingwa li jifhem u fid-dettall, dwar in-natura u r-raġuni tal-akkuża kontra tiegħu; (b) li jkollu żmien u faċilitajiet xierqa għall-preparazzjoni tad-difiża tiegħu; (e) li jkollu assistenza b’xejn ta’ interpretu jekk ma jkunx jifhem jew jitkellem il-lingwa użata fil-qorti.” (Nota tat-traduttur: it-test tal-Konvenzjoni mhuwiex disponibbli bil-Malti).

Artikolu 111 tal-Kostituzzjoni Taljana, kif riveduta b’konformità mal-Liġi Kostituzzjonali Nru 2/1999, jipprevedi wkoll dawn il-garanziji għal proċess ġust.

(2)  Direttiva 2010/64/UE ġiet ippubblikata fil-ĠU L 280, 26 ta’ Ottubru 2010 u daħlet fis-seħħ nhar l-20 ta’ Ottubru 2010.


Top