EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AE1616

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tal-vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija” COM(2010) 395 finali – 2010/0212 (COD)

OJ C 54, 19.2.2011, p. 42–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 54/42


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tal-vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija”

COM(2010) 395 finali – 2010/0212 (COD)

(2011/C 54/13)

Relatur ġenerali: is-Sur JÍROVEC

Nhar is-7 ta’ Settembru 2010, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Proposta għal Regolament (UE) Nru …/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tal-vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija

COM(2010) 395 finali – 2010/0212 (COD).

Nhar l-14 ta’ Settembru 2010, il-Bureau tal-Kumitat inkariga lis-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità ma’ Artikolu 57 tar-Regoli ta’ Proċedura, matul l-467 Sessjoni Plenarja tiegħu tat-8 u d-9 ta’ Diċembru 2010 u (seduta tad-9 ta’ Diċembru) li jaħtar lis-Sur Jírovec bħala relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’142 vot favur, 2 voti kontra u 9 astensjonijiet.

1.   Introduzzjoni u kontenut essenjali tal-proposta

1.1   L-għan tal-Proposta għal Regolament huwa li jiġu stipulati regoli dettaljati dwar il-manifattura tal-vetturi għall-agrikoltura u l-forestrija. Il-leġisżlazzjoni eżistenti ser tiġi sostitwita biex tkun konformi mal-prinċipji tar-Regolamentazzjoni Aħjar u s-Semplifikazzjoni. Il-proposta tikkontribwixxi għall-kompetittività tal-industrija u għall-funzjonament tas-suq intern.

1.2   Fid-dawl tar-rakkomandazzjoni fir-rapport CARS 21, il-proposta tissemplifika konsiderevolment il-leġislazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip billi tissostitwixxi l-24 Direttiva bażika (u madwar 35 Direttiva li jemendaw li huma relatati ma’ dan is-suġġett) fil-qasam tar-rekwiżiti tekniċi għall-vetturi għall-agrikoltura u l-forestrija b’Regolament wieħed tal-Kunsill u l-Parlament.

1.3   Fil-fehma tal-Kumitat, il-kodifikazzjoni tat-testi eżistenti kollha f’forma ta’ Regolament uniku tkun eżerċizzju utli. Il-kodifikazzjoni proposta tinkludi l-garanzija li mhux ser tintroduċi tibdil sinifikanti u ser isservi biss biex tippreżenta l-leġislazzjoni tal-UE b’mod ċar u trasparenti. Il-Kumitat japprova bis-sħiħ dan il-għan u jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta fid-dawl ta’ din il-garanzija.

2.   Kummenti

2.1   Il-proċedura tal-approvazzjoni tat-tip tieħu ħafna ħin u l-KESE jibża’ li, minħabba din il-proċedura, il-makkinarju l-ġdid idum ma jiġi introdott, u dan ikollu konsegwenzi koroh ħafna għall-produtturi ta’ volumi żgħar. Ir-Regolament il-ġdid għandu għalhekk ikun flessibbli biżżejjed biex jagħmilha possibbli li l-magni eżistenti jibqgħu jiġu żviluppati u li jibqgħu jiġu introdotti tipi ġodda ta’ magni.

2.2   Għal ċerti tipi ta’ tratturi magħmulin għall-użu off-road biss, għandha tiġi eżaminata l-possibbiltà ta’ eżenzjonijiet għad-dispożizzjonijiet relatati mal-użu tat-triq. Din hija problema partikolari marbuta mal-vetturi speċjalizzati.

2.3   Il-KESE huwa tal-fehma wkoll li kull regolament għandu jkun ibbażat fuq għadd akbar ta’ klassijiet tal-veloċità, u mhux biss fuq iż-żewġ klassijiet ta’ bħalissa. Peress li t-teknoloġija kulma jmur qed ittejjeb l-istabbiltà u l-qawwa tal-brejkijiet tat-tratturi, il-veloċità tat-tratturi b’veloċità għolja maħsuba għas-sewqan fit-triq tiżdied. Għandhom jinħolqu opportunitajiet għal vetturi li jsuqu aktar bil-mod li jagħmlu parti mill-“kategorija tal-vetturi għall-agrikoltura u l-forestrija”. Fil-fehma tal-KESE, il-Proposta għal Regolament ixxekkel l-iżvilupp ta’ tratturi aktar żgħar billi żżid l-ispejjeż bla bżonn sabiex dawn ikunu konformi, u fl-istess ħin ma tirrikonoxxix it-tibdil meħtieġ fuq il-vetturi li jistgħu joperaw b’sa 65 km kull siegħa u bil-possibbiltà ta’ veloċitajiet aktar għoljin fil-ġejjieni.

2.4   Il-KESE jixtieq ukoll li l-Kummissjoni tindirizza l-kwistjonijiet periferiċi relatati mal-użu tal-vetturi għall-agrikoltura u l-forestrija fit-triq. B’mod partikolari, il-KESE jinkoraġġixxi li jiġu stabbiliti standards Ewropej għal-liċenzji tas-sewqan, l-ispezzjonijiet tal-vetturi u l-użu fit-triq. Dan jikkontribwixxi biex jiġi żgurat li r-regoli u r-regolamenti li jirregolaw l-użu tat-tratturi jkunu l-istess fl-Ewropa kollha, minflok il-qagħda attwali b’għadd ta’ regoli nazzjonali differenti.

2.5   Il-KESE jirrakkomanda li l-produtturi jkunu jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti relatati mad-dħul fis-seħħ tar-Regolament, inklużi r-rekwiżiti tekniċi. Fil-każi fejn dan ma jistax isir, għandu jkun hemm arranġamenti eċċezzjonali jew tranżizzjonali adatti.

2.6   Fil-fehma tal-KESE, ikun utli li, fir-rigward tal-Artikolu 8 “Rekwiżiti dwar is-sikurezza okkupazzjonali” ma jsirux aktar regolazzjonijiet permezz ta’ Direttivi tal-approvazzjoni tat-tip, iżda permezz tad-Direttiva 2006/42/KE dwar il-makkinarju.

Brussell, 9 ta’ Diċembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


Top