EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IE0258

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-integrazzjoni u l-Aġenda Soċjali” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

OJ C 347, 18.12.2010, p. 19–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 347/19


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-integrazzjoni u l-Aġenda Soċjali”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2010/C 347/03)

Relatur: is-Sur PARIZA CASTAÑOS

Korelatur: is-Sur ALMEIDA FREIRE

Nhar l-16 ta’ Lulju 2009, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

L-integrazzjoni u l-Aġenda Soċjali

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-26 ta’ Jannar 2010.

Matul l-460 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-17 u t-18 ta’ Frar 2010 (seduta tas-17 ta’ Frar 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’158 vot favur, 3 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Bħala istituzzjoni li hija impenjata b’mod qawwi favur il-promozzjoni u l-iżvilupp tal-Aġenda tal-Politika Soċjali kif ukoll favur il-promozzjoni tal-integrazzjoni tal-immigranti u l-minoranzi etniċi, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jħejji din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja sabiex l-Unjoni Ewropea ssaħħaħ ir-rabtiet bejn il-politiki ta’ integrazzjoni u l-Aġenda tal-Politika Soċjali.

1.2   L-2010 ser tkun sena importanti ħafna għall-politiki soċjali tal-UE: ser tkun is-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali; ser titfassal l-Istrateġija tal-UE 2020; u ser tiġi adottata wkoll Aġenda Soċjali ġdida.

1.3   Il-KESE jemmen li r-reviżjoni tal-Aġenda Soċjali għal wara l-2010 għandha tagħti aktar importanza lill-effetti soċjali tal-immigrazzjoni.

1.4   Billi l-immigrazzjoni/integrazzjoni u l-Aġenda Soċjali huma kompetenzi ta’ Kummissarji u Direttorati Ġenerali differenti, il-KESE jipproponi li tittejjeb il-kooperazzjoni politika u amministrattiva fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea.

1.5   Il-politiki ta’ integrazzjoni għandhom ikunu marbutin mal-objettivi ewlenin tal-politika soċjali tal-UE; b’hekk in-nies kollha, inklużi ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, iċ-ċittadini Ewropej minn sfond ta’ immigrazzjoni u l-minoranzi, ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-opportunitajiet li joffru. Barra minn hekk, il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali għandha tikkunsidra n-nies kollha, inklużi l-immigranti, kemm jekk ikunu ċittadini tal-UE kif ukoll jekk ikunu ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

1.6   Il-KESE jagħti prijorità lit-tisħiħ tal-integrazzjoni fil-livell Ewropew, filwaqt li jitqiesu l-kriżi ekonomika, is-sitwazzjoni tal-immigranti u l-minoranzi b’rabta mal-impjieg, l-inklużjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-faqar, l-edukazzjoni u t-taħriġ, is-saħħa, il-protezzjoni soċjali u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni.

1.7   Il-perspettiva tad-diversità li tkun ġejja mill-immigrazzjoni għandha tiġi inkluża b’mod orizzontali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki soċjali, u fl-istess ħin għandhom jiġu żviluppati politiki u miżuri speċifiċi mmirati lejn l-integrazzjoni tal-persuni immigranti u tal-minoranzi etniċi.

1.8   Konsegwentement, u fid-dawl tal-esperjenza miksuba f’politiki oħra, il-Kumitat jipproponi li jinħoloq proċess ta’ “mainstreaming” tal-integrazzjoni fid-diversi strumenti politiċi, leġiżlattivi u finanzjarji tal-UE, sabiex jiġu promossi l-integrazzjoni, it-trattament indaqs u n-nondiskriminazzjoni.

2.   Preżentazzjoni

2.1   L-Unjoni Ewropea qed tfassal u timplimenta politika komuni tal-immigrazzjoni, li għaliha l-Kumitat qed jagħti l-kontribut tiegħu permezz tal-opinjonijiet tiegħu, fejn jenfasizza l-importanza tal-integrazzjoni bħala “iċ-ċavetta għal immigrazzjoni b'suċċess”. Il-Kumitat jirrikonoxxi l-ħtieġa li s-soċjetajiet Ewropej itejbu l-kapaċità tagħhom li jindirizzaw id-diversità inerenti fl-immigrazzjoni sabiex tiżdied il-koeżjoni soċjali.

2.2   Matul dawn l-aħħar għaxar snin l-immigranti taw kontribut importanti għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Ewropa (1). Bosta persuni, irġiel u nisa, minn pajjiżi terzi daħlu fis-swieq tax-xogħol Ewropej u qed jgħinu fit-tkabbir tal-ekonomija, l-impjieg, il-kontributi tas-servizzi soċjali u d-dħul mit-taxxi.

2.3   Il-KESE ppropona l-kunċett tal-“integrazzjoni ċivika” li huwa bbażat fuq “l-armonizzazzjoni progressiva tad-drittijiet u d-dmirijiet tal-immigranti, kif ukoll tal-aċċess għall-prodotti, għas-servizzi u għall-mezzi ta’ parteċipazzjoni ċivika sabiex dawn isiru aktar konformi ma’ dawk tal-bqija tal-popolazzjoni, f’kondizzjonijiet ta’ opportunitajiet u trattament indaqs” (2).

2.4   Fl-2010 għandhom jiġġeddu l-Istrateġija ta’ Lisbona, l-Istrateġija tal-UE 2020 u l-Aġenda Soċjali, u ser jiġi evalwat il-Fond għall-Integrazzjoni. Barra minn hekk, l-UE ser ikollha għad-dispożizzjoni tagħha t-Trattat ta’ Lisbona u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ser ikollha Kummissjoni (3) ġdida, u l-Parlament ser ikun fl-ewwel parti tal-leġiżlatura attwali.

2.5   L-2010 ser tkun ukoll is-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali, li ser tipprovdi opportunità biex inġeddu l-impenn tagħna għas-solidarjetà, il-ġustizzja soċjali u aktar inklużjoni.

2.6   Il-politiki ta’ integrazzjoni għandhom ikunu marbutin mal-objettivi ewlenin tal-politika soċjali tal-UE. Il-KESE jipproponi li tittejjeb il-kooperazzjoni politika u amministrattiva fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea.

2.7   Bil-kriżi ekonomika, ħafna immigranti qed isibu ruħhom fost l-iktar gruppi soċjali vulnerabbli, u qed ikunu l-ewwel vittmi: huma l-ewwel li jitkeċċew mix-xogħol, għandhom diffikultajiet ikbar biex jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol, u huma fil-periklu li jisfaw foqra. Din is-sitwazzjoni tkompli tiggrava fil-każ tan-nisa immigranti (4).

2.8   Barra minn dan, ħafna drabi jkun hemm ċans ikbar li ulied l-immigranti ma jirnexxux fl-iskola.

2.9   Il-KESE jemmen li hemm bżonn li jiżdiedu l-isforzi għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni billi jiġu żviluppati l-istrumenti leġiżlattivi eżistenti u jissaħħu l-politiki pubbliċi u l-impenji soċjali favur l-integrazzjoni.

2.10   Flimkien mal-kriżi ekonomika, fid-dibattitu politiku u soċjali ta’ xi Stati Membri qed jinbtu attakki verbali li dejjem qed jiħraxu fuq id-drittijiet tal-immigranti, u dawn qed iwasslu biex tiħrax il-leġiżlazzjoni u tiżdied il-ksenofobija.

2.11   Xi gvernijiet qed inaqqsu wkoll ir-riżorsi pubbliċi allokati għall-politiki ta’ integrazzjoni minkejja li fi żminijiet ta’ kriżi, l-investiment fil-politiki soċjali għandu jiżdied u mhux jonqos.

2.12   Il-KESE huwa tal-fehma li politika ta’ integrazzjoni adegwata hija fattur ta’ effiċjenza ekonomika u koeżjoni soċjali, fil-qafas ta’ politika komuni adegwata tal-immigrazzjoni.

2.13   Il-politiki ta’ integrazzjoni jvarjaw ħafna madwar l-Ewropa minħabba d-differenzi bejn il-kulturi soċjali u politiċi u s-sistemi legali. Madankollu, f’kull Stat Membru l-objettivi tal-integrazzjoni huma marbuta mal-politiki soċjali.

2.14   Fl-Unjoni Ewropea l-immigranti huma integrati b’rati differenti. Bħalissa, il-proċessi migratorji huma inqas fl-Istati Membri l-ġodda fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, u iktar fl-Istati Membri tan-Nofsinhar u tal-Punent. Però l-esperjenza tgħallimna li fil-ġejjieni l-pajjiżi Ewropej kollha ser jesperjenzaw livelli għoljin ta’ immigrazzjoni.

2.15   Il-Kumitat jixtieq ifakkar li fi ħdan politika tal-immigrazzjoni komprensiva Ewropea, ir-rabtiet bejn l-immigrazzjoni u l-iżvilupp għandhom jissaħħu. Il-KESE fassal żewġ opinjonijiet abbażi ta’ dan l-approċċ (5).

3.   L-integrazzjoni

3.1   Il-proċess soċjali tal-integrazzjoni jiżvolġi f’oqsma varji fil-ħajja tal-bniedem: fil-familja, fl-inħawi lokali u fil-belt, fuq il-post tax-xogħol, fit-trejdjunjin, fl-organizzazzjoni tan-negozju, fl-iskola, fiċ-ċentru tat-taħriġ, fl-assoċjazzjonijiet, fl-istituzzjonijiet reliġjużi, fil-klabbijiet tal-isports, fil-forzi armati, eċċ.

3.2   Billi l-integrazzjoni hija proċess li jsir fl-istrutturi soċjali, hemm bżonn ta’ governanza tajba sabiex jiġi żgurat li dan il-proċess soċjali jiġi appoġġjat u akkumpanjat minn politiki adegwati min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi. Fil-qafas tal-kompetenzi li għandhom fl-Istati Membri differenti, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom strumenti politiċi, leġiżlattivi u finanzjarji li jridu jużaw b’mod adegwat fil-politiki ta’ integrazzjoni.

3.3   Il-Prinċipju Bażiku Komuni numru 10 (Appendiċi 1) jipproponi li l-integrazzjoni tagħmel parti mill-aġendi politiċi kollha fil-livelli kollha tal-gvern (mainstreaming).

3.4   Il-KESE fassal diversi opinjonijiet (6) fuq inizjattiva proprja u fihom appella għal politiki ta’ integrazzjoni proattivi fl-UE, b’approċċ bidirezzjonali, immirati lejn is-soċjetajiet ospitanti u lejn l-immigranti, bil-għan li tissawwar soċjetà fejn iċ-ċittadini kollha, irrispettivament mill-oriġini tagħhom, ikollhom l-istess drittijiet u l-istess obbligi, u jaqsmu l-valuri tas-soċjetajiet demokratiċi, miftuħa u pluralisti.

3.5   Il-KESE huwa tal-fehma li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom rwol kruċjali fl-integrazzjoni. Kemm l-immigranti kif ukoll is-soċjetajiet ospitanti għandhom juru li huma lesti jaċċettaw l-integrazzjoni. L-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom ikunu impenjati għall-politiki ta’ integrazzjoni u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni.

3.6   L-integrazzjoni hija proċess soċjali li jinvolvi lill-immigranti u s-soċjetà ospitanti. L-amministrazzjonijiet pubbliċi differenti u l-partijiet soċjali għandhom jimpenjaw ruħhom. L-awtoritajiet Ewropej, nazzjonali, reġjonali u muniċipali għandhom ifasslu programmi fl-ambitu tal-kompetenzi tagħhom. Sabiex tiġi garantita l-effikaċja tagħhom u tinżamm konsistenza globali, il-programmi u l-azzjonijiet għandhom jikkomplementaw lil xulxin u jiġu kkoordinati b’mod adegwat.

3.7   F’opinjoni (7) oħra, il-KESE ppropona impenn akbar min-naħa tal-awtoritajiet lokali, billi l-integrazzjoni hija fuq kollox sfida fil-livell lokali u reġjonali. Dawn il-politiki jirnexxu aktar jekk fihom jiġu involuti l-awtoritajiet reġjonali u lokali u jikkollaboraw b’mod attiv l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

3.8   L-integrazzjoni hija proċess bidirezzjonali bbażat fuq id-drittijiet u l-obbligi taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u tas-soċjetà ospitanti, li tippermetti l-parteċipazzjoni sħiħa tal-immigranti. F’opinjoni oħra l-KESE ddefinixxa “l-integrazzjoni bħala l-armonizzazzjoni progressiva tad-drittijiet u d-dmirijiet tal-immigranti, kif ukoll tal-aċċess għall-prodotti, għas-servizzi u għall-mezzi ta’ parteċipazzjoni ċivika sabiex dawn isiru aktar konformi ma’ dawk tal-bqija tal-popolazzjoni, f’kondizzjonijiet ta’ opportunitajiet u trattament indaqs” (8).

3.9   Il-KESE jemmen li l-immigranti għandhom ikollhom attitudni favur l-integrazzjoni; u li l-approċċ bidirezzjonali jimplika li l-integrazzjoni ma taffettwax biss lill-immigranti, iżda wkoll lis-soċjetà ospitanti.

3.10   Il-politiki ta’ integrazzjoni u ta’ inklużjoni soċjali għandhom jiffokaw fuq oqsma varji: fosthom il-wasla inizjali, it-tagħlim tal-lingwa, il-liġijiet u d-drawwiet, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, il-politiki tal-impjieg u tat-taħriġ, l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-edukazzjoni tal-minorenni, il-politika tal-familja, il-politika taż-żgħażagħ, id-djar, il-kura tas-saħħa, il-ġlieda kontra l-faqar, l-estensjoni tas-servizzi soċjali, u l-fatt li jsir iktar faċli li persuni minn sfond ta’ immigrazzjoni jsiru ċittadini attivi.

3.11   Dawn il-politiki għandhom jagħmluha iktar faċli biex il-persuni minn sfond ta’ immigrazzjoni jgħixu fl-armonija fis-soċjetajiet ospitanti Ewropej, soċjetajiet fejn id-diversità etnika u kulturali qiegħda dejjem tikber.

3.12   Fl-2002, waqt konferenza (9) organizzata bil-kollaborazzjoni tal-Kummissjoni, il-KESE ppropona li l-istituzzjonijiet tal-UE jfasslu Programm Ewropew għall-Integrazzjoni u jwaqqfu fond Komunitarju. Il-Kummissjoni nediet programm pilota fil-qasam tal-integrazzjoni (INTI), u fl-2006 pproponiet it-twaqqif ta’ Fond għall-Integrazzjoni, li ġie adottat mill-Kunsill u issa huwa inkluż fil-baġit tal-2007–2013.

3.13   F’Novembru 2004, il-Kunsill stabbilixxa għadd ta’ ““Prinċipji Bażiċi Komuni għall-politika tal-intergrazzjoni tal-immigranti fl-Unjoni Ewropea” (10). Dawn il-prinċipji jikkomplementaw l-oqfsa leġiżlattivi dwar id-drittijiet tal-bniedem, in-nondiskriminazzjoni u l-opportunitajiet indaqs, u l-inklużjoni soċjali.

3.14   Il-KESE jixtieq jenfasizza l-importanza ta’ approċċ komuni Ewropew għaliex dan iġib miegħu valur miżjud sostanzjali għall-politiki u l-proċessi tal-integrazzjoni: ir-relazzjoni trasversali mal-politiki l-oħra tal-UE, bħall-Istrateġija tal-UE 2020, l-Aġenda Soċjali u l-politika ta’ koeżjoni (fost oħrajn). Approċċ bħal dan isaħħaħ ukoll ir-rabtiet bejn l-integrazzjoni u l-valuri u l-prinċipji tal-UE kif stabbiliti fil-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

3.15   Il-Fond għall-Integrazzjoni huwa strument finanzjarju li għandu l-għan li jiżviluppa l-politiki ta’ integrazzjoni b’approċċ u valur miżjud Ewropej, fil-kuntest tal-prinċipji bażiċi komuni. Il-politiki ta’ integrazzjoni huma bbażati fuq l-Artikolu 63 tat-Trattat, u huma mmirati lejn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, waqt li l-FSE huwa mmirat lejn il-popolazzjoni kollha tal-UE, inklużi l-immigranti. Għalhekk, il-Fond għall-Integrazzjoni u l-FSE jikkomplementaw lil xulxin.

3.16   Il-KESE jappoġġja s-sitt objettivi politiċi tal-Fond għall-Integrazzjoni, u qed jistenna l-valutazzjoni ta’ nofs it-term tal-Fond fl-2010 sabiex jipproponi ċerti bidliet.

3.17   Dan l-aħħar ġie stabbilit il-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni sabiex is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tal-immigranti jipparteċipaw fil-politiki ta’ integrazzjoni tal-UE. Il-Kumitat huwa involut ħafna fl-attivitajiet tal-forum.

3.18   Fil-Konklużjonijiet tiegħu ta’ Ġunju 2007 dwar l-integrazzjoni, il-Kunsill Ewropew ħass li hemm bżonn li jsir progress fl-Aġenda Komuni tal-Integrazzjoni tal-2005 billi jiġu żviluppati l-prinċipji bażiċi komuni.

3.19   Il-KESE jixtieq jiżviluppa dan l-approċċ u jagħti prijorità lit-tisħiħ tal-integrazzjoni fil-livell Ewropew filwaqt li jitqiesu s-sitwazzjoni tal-immigranti u l-minoranzi b’rabta mal-impjieg, l-inklużjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-faqar, l-edukazzjoni u t-taħriġ, is-saħħa, il-protezzjoni soċjali u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni.

4.   L-Aġenda tal-Politika Soċjali

4.1   Il-kriżi finanzjarja internazzjonali wasslet għal kriżi ekonomika serja fl-UE, li qed tikkawża deterjorazzjoni sinifikanti fis-sitwazzjoni soċjali. Il-kriżi qed ikollha impatt negattiv ħafna fuq l-integrazzjoni.

4.2   Minħabba l-mument li tfasslet fih, l-Aġenda Soċjali Mġedda (11) (2008) ma setgħetx tqis l-evoluzzjoni tant negattiva tal-kriżi ekonomika, iż-żieda fil-qgħad, it-tnaqqis fil-finanzi pubbliċi u s-sitwazzjoni soċjali.

4.3   Il-Kummissjoni Ewropea tipprevedi li r-rilanċ ekonomiku ser isir bil-mod u li l-impjiegi ser idumu ma jinħolqu.

4.4   Il-KESE jemmen li l-irkupru soċjali ser idum ħafna iktar mir-rilanċ ekonomiku. F’dan il-kuntest, il-kontribut tal-politika soċjali Ewropea ser ikun fundamentali.

4.5   L-2010 ser tkun sena importanti ħafna għall-politiki soċjali tal-UE: ser tkun is-Sena Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali; ser titfassal l-Istrateġija tal-UE 2020 għal wara l-2010 u ser tiġi adottata wkoll Aġenda Soċjali ġdida, bil-miżuri u l-istrumenti neċessarji.

4.6   L-Aġenda Soċjali Mġedda (2008), li tirrikonoxxi l-kontribut importanti tal-immigrazzjoni għall-impjieg fl-Ewropa, tipproponi li l-integrazzjoni tittejjeb u l-politiki soċjali jiġu implimentati fl-oqsma tal-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u d-djar.

4.7   Fl-opinjoni (12) tiegħu ta’ Jannar 2009 dwar l-Aġenda Soċjali Mġedda, il-KESE għaraf is-suċċess ta’ dan l-approċċ il-ġdid u ressaq xi kummenti dwar il-problemi kkawżati miż-żieda fil-flussi migratorji u mill-fatt li l-politiki soċjali mhumiex suffiċjenti.

4.8   Il-Presidenza Franċiża tal-UE kienet talbet lill-Kumitat ifassal opinjoni esploratorja (13) dwar “Programm ta’ Azzjoni Soċjali Ewropew ġdid”, li ġiet adottata f’Lulju 2008. Il-KESE jemmen li l-programm ta’ azzjoni soċjali l-ġdid għandu jkun utli biex tiġi ffaċċjata s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali diffiċli. Il-Kumitat ippropona li l-programm il-ġdid iqis il-politiki ta’ integrazzjoni, it-trattament indaqs, l-iżvilupp tal-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni, u ż-żieda fir-riżorsi allokati lill-Fond għall-Integrazzjoni.

4.9   Fis-6 ta’ Mejju 2009, il-Parlament adotta Riżoluzzjoni (14) dwar l-Aġenda Soċjali, u fiha ddikjara li l-politika tal-immigrazzjoni għandha tkun imsejsa fuq id-drittijiet tal-bniedem, issaħħaħ il-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni u tippromovi strateġija għall-integrazzjoni u l-opportunitajiet indaqs.

4.10   Il-persuni f’sitwazzjoni amministrattiva irregolari (mingħajr dokumenti) huma vulnerabbli ħafna, u jistgħu jisfaw vittmi tal-isfruttament fuq ix-xogħol, tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali l-aktar estrema. Għal din ir-raġuni, il-Kumitat ippropona li fil-qafas tal-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil tiġi regolarizzata s-sitwazzjoni amministrattiva ta’ dawn il-persuni, filwaqt li titqies l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol. Min-naħa l-oħra, il-KESE jemmen li l-politiki soċjali tal-UE m’għandhomx jeskludu lill-persuni mingħajr dokumenti mill-objettivi u l-programmi tal-inklużjoni soċjali u mill-FSE.

4.11   Fis-snin li ġejjin ser tiżdied il-mobilità interna taċ-ċittadini Ewropej u l-immigrazzjoni ta’ ħafna ċittadini ta’ pajjiżi terzi lejn l-Ewropa. Dawn il-proċessi ser iżidu d-diversità nazzjonali, etnika, reliġjuża u kulturali tal-Unjoni Ewropea.

4.12   Madankollu, l-Aġenda Soċjali Mġedda tqis biss b’mod limitat id-diversità tas-soċjetajiet Ewropej, l-integrazzjoni tal-immigranti u tal-minoranzi, it-trattament indaqs u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni. Il-KESE jemmen li r-reviżjoni tal-Aġenda Soċjali għal wara l-2010 għandha tagħti aktar importanza lill-effetti soċjali tal-immigrazzjoni, kemm fuq l-immigranti kif ukoll fuq is-soċjetajiet ospitanti.

4.13   Konsegwentement għandhom jissaħħu r-rabtiet bejn l-Aġenda Soċjali u l-integrazzjoni. Għal dan il-għan, il-KESE jipproponi li l-mainstreaming tal-integrazzjoni jiġi inkluż fid-diversi strumenti politiċi, leġiżlattivi u finanzjarji tal-UE sabiex tiġi promossa l-integrazzjoni.

5.   Xi oqsma ta’ politika

5.1   It-tfal u ż-żgħażagħ

5.1.1   Il-politiki taż-żgħażagħ għandhom jikkunsidraw il-ħtiġijiet u ċ-ċirkustanzi tal-immigranti żgħażagħ fil-proċess tat-tranżizzjoni tagħhom għall-ħajja adulta u fl-integrazzjoni soċjali tagħhom.

5.1.2   Bosta żgħażagħ, ulied l-immigranti, jirnexxu mil-lat professjonali u jsiru ċittadini attivi ħafna fil-komunità tagħhom; però huma ħafna ż-żgħażagħ, inklużi dawk tat-tieni u t-tielet ġenerazzjoni, li jsibu ruħhom f’sitwazzjoni vulnerabbli ħafna jew jesperjenzaw l-esklużjoni soċjali, u li jkollhom livelli għoljin ta’ falliment akkademiku u b’hekk riskju ikbar li ma jsibux impjieg.

5.1.3   L-appoġġ għall-familji huwa fundamentali; kif ippropona l-Kumitat (15), l-UE għandu jkollha politika tal-familja iktar attiva.

5.1.4   Il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni fi kwistjonijiet relatati maż-żgħażagħ għandu jinkludi indikaturi li jikkunsidraw il-perspettiva tad-diversità, l-immigrazzjoni u n-nondiskriminazzjoni.

5.1.5   Huwa importanti li wieħed jibbenefika mill-opportunitajiet li joffru l-programmi Ewropej għat-tagħlim tul il-ħajja, il-mobilità, l-ispirtu intraprenditorjali u ċ-ċittadinanza fost iż-żgħażagħ sabiex jingħelbu l-ostakli speċifiċi li jiffaċċjaw l-immigranti żgħażagħ, u jiġi promoss l-iskambju tal-esperjenzi.

5.2   L-edukazzjoni u t-taħriġ

5.2.1   Il-politiki ta’ integrazzjoni tal-Istati Membri jinkludu l-edukazzjoni u t-taħriġ bħala elementi fundamentali fil-proċess. Madankollu, l-immigranti tfal u żgħażagħ, u l-minoranzi, jiffaċċjaw ostakli u sfidi speċifiċi li jirrikjedu attenzjoni partikolari.

5.2.2   F’ħafna każi ċ-ċentri edukattivi jkollhom tant problemi u sfidi li ma jkunux jistgħu jsolvuhom b’mod adegwat. Għandhom jittejbu r-riżorsi tal-iskejjel, li għandhom ikunu aktar miftuħa; u għandu jingħata appoġġ lill-għalliema fit-taħriġ interkulturali u l-ġestjoni tad-diversità.

5.2.3   Għandhom jiġu żviluppati indikaturi tal-kwalità tal-edukazzjoni li jkunu flessibbli biżżejjed biex jiġu adattati għall-bżonnijiet tal-istudenti, li qed ikunu dejjem iktar diversi.

5.2.4   Il-qafas provdut mill-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni għandu jservi biex jidentifika prattiki tajbin fir-rispons għall-falliment akkademiku fost iż-żgħażagħ minn sfond ta’ immigrazzjoni.

5.2.5   Dan ifisser li ser ikun hemm bżonn jiġu definiti indikaturi: bħall-istatus soċjoekonomiku; l-ikkompletar tal-istudji (skola obbligatorja) miż-żgħażagħ; id-diversità tal-għalliema; il-ħiliet interkulturali tal-għalliema; il-kapaċità tas-sistema edukattiva li tippermetti l-mobilità soċjali; il-konċentrazzjoni ta’ studenti minn sfond ta’ immigrazzjoni; il-promozzjoni tal-multilingwiżmu fis-sistema edukattiva; il-ftuħ tas-sistemi edukattivi għat-tfal u ż-żgħażagħ kollha, eċċ.

5.2.6   Fl-opinjoni tiegħu dwar il-migrazzjoni, il-mobilità u l-integrazzjoni (16), il-KESE enfasizza l-influwenza li għandha s-sitwazzjoni żvantaġġata tal-immigranti jew ta’ persuni minn sfond ta’ immigrazzjoni fuq l-edukazzjoni tal-adulti: jipparteċipaw inqas fit-taħriġ kontinwu, u l-korsijiet li jiġu offruti huma biss korsijiet għall-ksib ta’ ħiliet lingwistiċi. Sabiex tittejjeb l-integrazzjoni, it-taħriġ kontinwu għandu jiġu estiż għall-popolazzjoni kollha, b’enfasi fuq l-aċċess ugwali għall-persuni li jkunu ġejjin mill-immigrazzjoni.

5.2.7   Il-programmi edukattivi u ta’ taħriġ fl-Ewropa għandhom jinkludu skemi li jwasslu d-drawwiet, l-istorja, il-valuri u l-prinċipji tad-demokraziji Ewropej, kif ukoll l-għarfien tal-kultura u l-valuri tas-soċjetajiet tal-oriġini tal-popolazzjoni ta’ immigranti (meta n-numru tagħhom jippermetti dan).

5.3   L-impjieg

5.3.1   Il-KESE qed iħejji opinjoni esploratorja (17) mitluba mill-Presidenza Spanjola dwar “L-integrazzjoni tal-ħaddiema immigranti”, li tinkludi wkoll proposti għall-Aġenda Soċjali Ewropea.

5.3.2   L-aċċess għas-suq tax-xogħol huwa punt ewlieni, u huwa parti essenzjali mill-proċess tal-integrazzjoni għaliex l-impjiegi deċenti huma vitali għall-awtosuffiċjenza ekonomika tal-immigranti, u jiffaċilitaw ir-relazzjonijiet soċjali u l-fehim reċiproku bejn is-soċjetà ospitanti u l-immigranti.

5.3.3   Madankollu, il-ħaddiema immigranti ta’ spiss isibu ruħhom żvantaġġati, u jħabbtu wiċċhom ma’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta. Jiffaċċjaw ukoll diffikultajiet legali biex il-kwalifiki tagħhom jiġu rrikonoxxuti, waqt li xi leġiżlazzjonijiet tal-immigrazzjoni jirrestrinġu l-iżvilupp tal-karriera u l-bidla tal-attività.

5.3.4   Bħala riżultat, il-ħaddiema immigranti ta’ sikwit ikollhom impjiegi ta’ kwalità baxxa, b’inqas paga u kondizzjonijiet prekarji. In-nisa b’mod partikolari jsibu ruħhom f’din is-sitwazzjoni diffiċli.

5.3.5   Dawk mingħajr dokumenti u f’sitwazzjoni irregolari jħabbtu wiċċhom mal-aktar kondizzjonijiet prekarji: jaħdmu f’impjieg informali u f’ċerti każi jisfaw vittmi tal-isfruttament fuq ix-xogħol.

5.3.6   Il-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ politiki tal-impjieg kif ukoll l-inizjattivi tal-Fond Soċjali Ewropew u tal-programm Progress għandhom jinkludu kriterji u indikaturi speċifiċi għat-titjib tal-aċċess tal-immigranti għal opportunitajiet integrati ta’ dħul fl-isfera soċjali u tax-xogħol, inkluż li jimpjegaw lilhom innifishom. Dawn l-opportunitajiet jistgħu jinkludu, fost kwistjonijiet oħra u flimkien mat-taħriġ lingwistiku u kulturali, miżuri biex jissaħħaħ it-taħriġ tal-immigranti fl-oqsma tat-teknoloġiji l-ġodda u l-prevenzjoni tar-riskji fuq il-post tax-xogħol.

5.3.7   Il-KESE jemmen li l-leġiżlazzjoni u l-politiki pubbliċi għandhom jikkomplementaw lil xulxin permezz tal-kooperazzjoni tal-imsieħba soċjali, għaliex l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol hija wkoll kwistjoni tal-attitudini soċjali u tal-impenji min-naħa tat-trejdjunjins u ta’ min iħaddem.

5.3.8   Il-ħaddiema immigranti huma iktar lesti għall-mobilità, iżda xi leġiżlazzjonijiet nazzjonali jwaqqfuha u jirrestrinġuha. Id-Direttiva dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (18) (li ġiet trasposta b’mod ħażin f’xi leġiżlazzjonijiet nazzjonali) tista’ tiffaċilita l-mobilità. In-netwerk EURES jista’ jintuża wkoll b’mod iktar effettiv biex isaħħaħ il-mobilità tal-ħaddiema immigranti fl-UE.

5.4   L-ispirtu intraprenditorjali tal-immigranti

5.4.1   Ħafna drabi l-ħsieb tal-migrazzjoni jkun imsejjes fuq ix-xewqa li wieħed jaħdem għal rasu jew jiftaħ intrapriża. In-numru ta’ intrapriżi mwaqqfa minn persuni minn sfond ta’ immigrazzjoni qiegħed dejjem jiżdied.

5.4.2   Il-KESE jemmen li l-ispirtu intraprenditorjali tal-immigranti għandu jiġi appoġġjat mill-UE, u għalhekk l-istrumenti tal-FSE għall-promozzjoni tal-ispirtu intraprenditorjali għandhom iqisu l-popolazzjoni minn sfond ta’ immigrazzjoni.

5.4.3   Anke l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u l-kmamar tal-kummerċ għandhom jiftħu l-bibien tagħhom għall-intraprendituri minn sfond ta’ immigrazzjoni, u jippromovu b’mod attiv l-aċċess tagħhom għall-korpi li jmexxu.

5.4.4   Barra minn hekk, ħafna inizjattivi intraprenditorjali tal-immigranti jiġu żviluppati fi ħdan l-ekonomija soċjali, u għaldaqstant il-Kumitat jaħseb li jridu jiġu appoġġjati mill-istrumenti tal-FSE u l-awtoritajiet nazzjonali.

5.5   Il-protezzjoni soċjali

5.5.1   Fl-Ewropa jeżistu sistemi nazzjonali tal-pensjoni differenti. Għandu jiġi żgurat li l-ħaddiema immigranti jikkontribwixxu għas-sistemi tal-pensjoni u jkunu intitolati biex jirċievu l-benefiċċji korrispondenti mingħajr diskriminazzjoni.

5.5.2   Għandha tiġi garantita l-possibbiltà li jiġu ttrasferiti l-pensjonijiet sabiex tittejjeb il-mobilità; u għandu jiġi żgurat li fil-proċeduri ta’ ritorn jiġu rispettati d-drittijiet tal-pensjoni korrispondenti.

5.5.3   Il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni għandu jinkludi indikaturi biex jiġi evalwat jekk il-ħaddiema immigranti jipparteċipawx fis-sistemi tal-pensjoni mingħajr esklużjoni jew diskriminazzjoni.

5.6   Id-djar

5.6.1   B’konsegwenza tal-kriżi ekonomika, f’ħafna bliet qed jikber in-numru ta’ persuni mingħajr saqaf fuq rashom u parti kbira minnhom huma persuni minn sfond ta’ immigrazzjoni.

5.6.2   Bħalissa ħafna nies, l-aktar żgħażagħ, qed jiffaċċjaw il-problemi u d-diffikultajiet biex ikollhom aċċess għal dar.

5.6.3   L-immigranti u l-minoranzi għandhom ukoll ħafna diffikultajiet speċifiċi biex ikollhom aċċess għal djar deċenti. Għaldaqstant, il-KESE jemmen li l-politika tad-djar tal-Istati Membri għandha tagħmel parti mill-politiki ta’ integrazzjoni, il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali.

5.6.4   Ħafna Ewropej, inklużi l-immigranti u l-minoranzi, jgħixu f’ambjenti urbani. F’opinjoni oħra (7), il-KESE enfasizza r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-politiki ta’ integrazzjoni. Politika urbana tajba tista’ tinkoraġġixxi l-integrazzjoni u tevita li f’xi bliet jifformaw gettos urbani mitluqin.

5.6.5   Għaldaqstant, il-politiki tad-djar għandhom jinkludu kriterji, miżuri u indikaturi sabiex jitneħħew l-ostakli li jeżistu. Għal dan il-għan għandu jintuża approċċ proattiv li jinvolvi kull lat tas-soċjetà flimkien mal-awtoritajiet pubbliċi u l-imsieħba soċjali.

5.7   Is-saħħa u servizzi oħrajn

5.7.1   F’xi Stati Membri, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, ħafna immigranti m’għandhomx aċċess għas-sistemi tal-kura tas-saħħa u għaldaqstant qed ibatu minn nuqqas serju ta’ protezzjoni.

5.7.2   Is-sistema ta’ koordinazzjoni fil-qasam tal-kura tas-saħħa u l-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-immigrazzjoni għandhom jiggarantixxu li l-popolazzjoni tal-immigranti jkollha aċċess għas-servizzi tas-saħħa pubbliċi u għall-kura tas-saħħa ta’ kwalità tajba b’kondizzjonijiet indaqs. Is-sistemi tal-kura tas-saħħa għandhom ikunu adattati għad-diversità soċjali.

5.7.3   Il-Kumitat jenfasizza li f’xi Stati Membri, il-parti l-kbira tal-persunal tal-kura tas-saħħa u ta’ dawk li joffru l-assistenza lill-persuni dipendenti huma immigranti.

5.7.4   Għandhom jissaħħu wkoll l-isforzi fil-qasam tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol, għaliex il-ħaddiema immigranti ta’ spiss ikunu esposti għal riskji kbar u ma jkunux jafu sew il-liġijiet u l-programmi ta’ prevenzjoni.

5.7.5   F’xi Stati Membri n-nies minn sfond ta’ immigrazzjoni m’għandhomx aċċess sħiħ għas-servizzi soċjali, u dawn is-servizzi mhumiex preparati għad-diversità tal-popolazzjonijiet. Il-Kumitat jipproponi li l-Kummissjoni tevalwa l-kwalità tas-servizzi pubbliċi mil-lat tal-integrazzjoni, id-diversità u n-nondiskriminazzjoni.

5.7.6   Il-KESE jemmen li l-immigranti m’għandhomx jiġu diskriminati fil-politiki tas-saħħa u fil-politiki soċjali għaliex huma jħallsu t-taxxi u l-kontributi soċjali bħall-bqija tal-popolazzjoni. Fil-kuntest attwali tal-kriżi ekonomika u tad-diffikultajiet baġitarji għandu jiġi żgurat li kulħadd iħallas it-taxxi u l-kontributi soċjali sabiex tiġi garantita s-sostenibbiltà tas-servizzi pubbliċi.

5.8   Il-faqar u l-esklużjoni soċjali

5.8.1   Ħafna nies minn sfond ta’ immigrazzjoni jgħixu fil-faqar jew huma fil-periklu li jaqgħu fil-faqar. Il-kriżi ekonomika attwali, iż-żieda fil-qgħad u l-impjieg ta’ livell baxx qed jiggravaw dawn is-sitwazzjonijiet. Huwa essenzjali li n-nies minn sfond ta’ immigrazzjoni u l-minoranzi jkollhom aċċess għall-programmi ta’ riorjentazzjoni professjonali, għall-protezzjoni mill-qgħad, għad-djar u għas-servizzi soċjali pubbliċi l-oħra.

5.8.2   Fl-2010 l-UE ser tiċċelebra s-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Esklużjoni u l-Faqar. Il-Kumitat jemmen li għandha tittejjeb l-inklużjoni attiva mmirata lejn l-immigranti u l-minoranzi, sabiex jiġu garantiti l-pagi minimi, jissaħħaħ l-aċċess għar-riżorsi u s-servizzi pubbliċi, u jkun hemm aċċess għas-suq tax-xogħol.

5.8.3   Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-azzjonijiet ta’ xi netwerks kriminali li jisfruttaw lill-migranti irregolari b’rabta max-xogħol, b’mod partikolari fit-traffikar u l-prostituzzjoni tan-nisa u l-minorenni. Flimkien mal-pulizija u l-miżuri legali sabiex jiġu miġġielda dawn il-gruppi kriminali, irid ikun hemm politiki li jgħinu u jħarsu lill-vittmi.

5.9   Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni

5.9.1   Reċentement, il-Parlament Ewropew (19) adotta Riżoluzzjoni dwar id-Direttiva l-ġdida kontra d-diskriminazzjoni, li tikkomplementa t-tliet Direttivi (20) li diġà huma fis-seħħ. Il-KESE wkoll ħareġ opinjoni (21) u fiha approva l-proposta tal-Kummissjoni u rrakkomanda li titqies id-diskriminazzjoni multipla.

5.9.2   Meta tiġi adottata, id-Direttiva l-ġdida, li timplimenta l-Artikolu 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ser testendi l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni għal oqsma bħall-edukazzjoni, is-saħħa, il-protezzjoni soċjali u d-djar. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kunsill jadotta din id-Direttiva fid-dawl tal-opinjoni tiegħu.

5.9.3   Il-persuni minn sfond ta’ immigrazzjoni, sew nisa, irġiel, anzjani jew żgħażagħ, ta’ sikwit jiffaċċjaw sitwazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni, li jiħraxu minħabba l-fatt li l-istatus legali ta’ dawn l-individwi bħala ċittadini ta’ pajjiżi terzi joffrilhom inqas protezzjoni legali. Ħafna nies jgħaddu minn sitwazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni multipla.

5.9.4   Il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni tfassal Pjan ta’ Azzjoni kontra d-diskriminazzjoni multipla, u huwa lest jikkollabora fit-tfassil ta’ dan il-Pjan.

5.9.5   L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (22) għandha tkomlpi telabora r-rapporti tagħha dwar is-sitwazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta li jġarrbu ħafna immigranti.

5.10   L-ugwaljanza bejn is-sessi

5.10.1   In-nisa minn sfond ta’ immigrazzjoni għandhom diffikultajiet speċifiċi minħabba li huma nisa; għalhekk jeħtieġ li l-politiki ta’ integrazzjoni jinkludu perspettiva tas-sessi adegwata.

5.10.2   Il-KESE jemmen li kemm fil-Prinċipji Bażiċi Komuni għall-integrazzjoni kif ukoll fl-Aġenda Soċjali hemm bżonn li jissaħħaħ l-approċċ ibbażat fuq is-sessi bil-għan li n-nisa immigranti u n-nisa li jagħmlu parti minn minoranza etnika jkollhom opportunijiet indaqs u ma jiġux diskriminati.

5.11   L-immigrazzjoni u l-iżvilupp

5.11.1   F’opinjonijiet oħra l-KESE ppropona (23) li l-politika tal-immigrazzjoni tikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi tal-oriġini, u li konsegwentement l-UE għandha tagħmel il-leġiżlazzjoni dwar l-immigrazzjoni iktar flessibbli.

5.11.2   Fil-kuntest tal-politika barranija, l-Unjoni Ewropea għandha tippromovi, fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti, qafas leġiżlattiv internazzjonali għall-migrazzjoni u tiffirma l-Konvenzjoni (24) li hija fis-seħħ bħalissa.

6.   L-istrumenti tal-Aġenda Soċjali

6.1   Mainstreaming

6.1.1   Il-mainstreaming tal-integrazzjoni jimplika l-organizzazzjoni (l-organizzazzjoni mill-ġdid), l-iżvilupp u l-valutazzjoni tal-proċessi politiċi b’tali mod li l-perspettiva tal-integrazzjoni, l-opportunitajiet u t-trattament indaqs u n-nondiskriminazzjoni tal-immigranti tiġi inkluża fl-objettivi, l-azzjonijiet u l-istrumenti kollha tal-Aġenda Soċajli, f’kull livell u f’kull stadju, mill-partijiet involuti kollha fl-adozzjoni tagħha.

6.1.2   Billi l-mudelli kulturali huma differenti fl-Unjoni Ewropea, l-applikazzjoni tal-“mainstreaming” għandha tiggarantixxi, f’qafas globali, l-integrazzjoni tal-esperjenzi, il-kompetenzi, l-interessi u l-ħtiġijiet tal-persuni mil-lat tal-integrazzjoni u d-diversità f’kull xorta ta’ inizjattiva, irrispettivament mill-ambitu soċjali tagħha, kif ukoll fil-valutazzjoni tal-azzjonijiet.

6.1.3   Il-proċess għandu jibda b’valutazzjoni tal-impatt li permezz tagħha jkunu jistgħu jiġu identifikati minn qabel il-ħtiġijiet, sabiex tiġi garantita l-integrazzjoni adegwata tad-diversità soċjali fl-oqsma previsti kollha. Għal dan il-għan, ikun siewi li jitħaffef il-proċess tad-definizzjoni tal-indikaturi tal-integrazzjoni, b’mod komplementari għal dawk koperti mill-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni għall-inklużjoni soċjali. Il-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni jista’ jgħin fit-tfassil ta’ dawn l-indikaturi.

6.1.4   Il-kriterji ewlenin għall-applikazzjoni tal-“mainstreaming” huma r-rwol mexxej tar-responsabbli politiċi u l-parteċipazzjoni tal-partijiet pubbliċi u privati kkonċernati. Għal dan il-għan għandu jitfassal qafas ta’ kooperazzjoni li permezz tiegħu jiġu żviluppati l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet sabiex tinkiseb il-bidla.

6.2   Il-leġiżlazzjoni

6.2.1   Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-kwalità tal-leġiżlazzjoni komuni Ewropea dwar l-immigrazzjoni għandha tittejjeb u li d-direttivi għandhom iħarsu b’mod adegwat lill-immigranti. Għal dan il-għan, il-KESE fassal opinjoni (25) fuq inizjattiva proprja li tipproponi li l-politiki u l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-immigrazzjoni jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem.

6.2.2   Wara l-adozzjoni tal-Programm ta’ Stokkolma, il-KESE jemmen li ser ikun iktar faċli li jsir progress bl-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-immigrazzjoni u l-asil.

6.2.3   Il-leġiżlazzjoni l-ġdida kontra d-diskriminazzjoni li qed titħejja fuq il-bażi tal-Artikolu 13 tat-Trattat għandha tiġi kkunsidrata fit-tfassil tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-immigrazzjoni.

6.3   Id-djalogu soċjali

6.3.1   L-imsieħba soċjali għandhom ir-responsabbiltà li jippromovu, permezz tad-djalogu u n-negozjar, it-trattament indaqs fil-kumpaniji. Il-KESE u d-Dublin Foundation kellhom seduta bħala parti mill-proċess tal-abbozzar tal-opinjoni (7). Il-konklużjonijiet ta’ din is-seduta, inklużi fl-Appendiċi 3, jistgħu jkunu siewja ħafna għall-imsieħba soċjali u għall-Kummissjoni, sabiex l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol issir f’kondizzjonijiet indaqs u mingħajr diskriminazzjoni bejn il-ħaddiema mill-pajjiż ospitanti u l-immigranti.

6.3.2   Id-djalogu soċjali f’oqsma differenti jista’ jippromovi l-inklużjoni attiva tal-ħaddiema minn sfond ta’ immigrazzjoni u mill-minoranzi. Fil-qasam tan-negozju, huwa iktar faċli li tinkiseb il-parteċipazzjoni attiva tal-ħaddiema minn sfond ta’ immigranti.

6.3.3   L-imsieħba soċjali Ewropej għandhom jiġu kkonsultati b’mod adegwat u għandhom jagħtu l-fehma tagħhom matul it-tħejjija tal-Aġenda Soċjali l-ġdida.

6.3.4   Il-Presidenza Spanjola tal-UE talbet lill-KESE jfassal opinjoni (26) esploratorja dwar l-integrazzjoni tal-ħaddiema immigranti. F’din l-opinjoni l-KESE ppropona għadd ta’ inizjattivi sabiex tittejjeb l-integrazzjoni fil-qasam tax-xogħol.

6.4   Id-djalogu ċivili

6.4.1   Flimkien mad-djalogu soċjali, id-djalogu ċivili huwa proċedura ta’ governanza eċċellenti li tagħmel parti mill-mudell soċjali Ewropew u, fil-fehma tal-KESE, huwa strument essenzjali għall-iżvilupp tal-Aġenda Soċjali Ewropea u għall-integrazzjoni.

6.4.2   Fil-livell Ewropew, hemm bżonn li fil-politika ta’ integrazzjoni u fl-Aġenda Soċjali tittejjeb il-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili speċjalizzati fid-drittijiet tal-bniedem u l-għajnuna lill-immigranti u lill-minoranzi.

6.4.3   Il-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni għandu jiġi kkonsultat u għandu jipparteċipa b’mod attiv fit-tfassil tal-Aġenda Soċjali l-ġdida tal-UE.

6.4.4   L-Unjoni Ewropea għandha tkompli tħeġġeġ id-djalogu interkulturali, li jikkomplementa l-integrazzjoni u l-objettivi tal-politika soċjali.

6.5   Il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni

6.5.1   Kif ġie rakkomandat mill-Kummissjoni Ewropea u l-KESE, għandu jiġi stabbilit Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni fil-qasam tal-politika tal-integrazzjoni.

6.5.2   Il-Kunsill iddeċieda li jtejjeb l-għamla attwali tal-koordinazzjoni u jagħti lill-Kummissjoni rwol iktar sostanzjali. Il-KESE jappoġġja din id-deċiżjoni, iżda jemmen li għandha tkun iktar ambizzjuża.

6.5.3   Dan il-metodu ta’ koordinazzjoni għandu jinkludi indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi speċifiċi, li jistgħu jitfasslu bil-kollaborazzjoni tal-KESE u tal-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni.

6.5.4   Id-diversi Metodi Miftuħa ta’ Koordinazzjoni li jeżistu fil-politika soċjali għandhom itejbu l-għanijiet u l-indikaturi tal-integrazzjoni fil-politiki tal-impjieg, il-protezzjoni soċjali, il-kura tas-saħħa, il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali.

6.6   Il-finanzjament

6.6.1   Fil-fehma tal-Kumitat, is-sinerġiji u l-komplementarjetà bejn il-Fond Soċjali u l-Fond għall-Integrazzjoni għandhom jiġu żviluppati iktar.

6.6.2   Il-Fond Soċjali Ewropew huwa mmirat lejn dawk li għandhom diffikultajiet partikolari biex isibu xogħol, bħan-nisa, iż-żgħażagħ u l-ħaddiema avvanzati fiż-żmien. Jgħin ukoll lill-intrapriżi u lill-ħaddiema jadattaw ruħhom għall-bidliet li jġibu magħhom it-teknoloġiji l-ġodda u t-tixjiħ tas-soċjetà. L-FSE għandu jinkludi b’mod iktar sħiħ il-perspettiva tad-diversità li tkun ġejja mill-immigrazzjoni fl-għanijiet u l-programmi tiegħu matul il-programmazzjoni attwali (2007–2013) u fil-ġejjieni.

6.6.3   Wara l-2013 ser ikun hemm bżonn li r-riżorsi finanzjarji tal-Fond għall-Integrazzjoni jiżdiedu u li l-Kummissjoni tingħata aktar kompetenzi fil-ġestjoni.

6.6.4   Il-programm Progress, li għandu l-għan li jipprovdi appoġġ finanzjarju sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-impjieg u l-affarijiet soċjali, għandu jsaħħaħ ukoll l-integrazzjoni u d-diversità fost il-ħames oqsma ta’ azzjoni ewlenin: l-impjieg, il-protezzjoni u l-integrazzjoni soċjali, il-kondizzjonijiet tax-xogħol, in-nondiskriminazzjoni u d-diversità, u l-ugwaljanza bejn is-sessi.

7.   Ċittadinanza Ewropea iktar inklużiva

7.1   Id-demokraziji Ewropej huma soċjetajiet ħielsa u miftuħa, u għandhom ikunu msejsa fuq l-inklużjoni ta’ kulħadd. Il-politiki ta’ integrazzjoni u l-leġiżlazzjoni dwar l-immigrazzjoni qatt m’għandhom jintużaw bħala skużi politiċi biex jiġu esklużi l-immigranti u l-minoranzi mid-dritt għaċ-ċittadinanza.

7.2   Il-KESE jemmen li l-bażi tad-demokraziji tagħna għandha titwessa’ biex tinkludi ċittadini ġodda bi drittijiet u obbligi ndaqs. Id-drittijiet taċ-ċittadinanza nazzjonali u Ewropea għandhom jinkludu d-diversità fl-għamliet kollha tagħha, mingħajr diskriminazzjoni.

7.3   Il-KESE jfakkar il-proposta li għamel f’opinjoni oħra (27) sabiex iċ-ċittadinanza tal-Unjoni tingħata liċ-ċittadini ta’ pajjiż terzi li jkollhom status ta’ resident għat-tul. Il-Kumitat jipproponi li l-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iqisu din il-proposta fl-objettivi tagħhom għall-mandat il-ġdid tagħhom.

7.4   Il-Kummissjoni Ewropea għandha tadotta inizjattiva ġdida għall-promozzjoni taċ-ċittadinanza ċivika taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u tippromovi l-parteċipazzjoni soċjali u politika tagħhom.

8.   Il-Kummissjoni Ewropea l-ġdida

8.1   Fid-dawl tal-objettiv tal-integrazzjoni, il-KESE jemmen li mhuwiex sew li fil-Kulleġġ il-ġdid tal-Kummissarji l-kwistjonijiet tal-immigrazzjoni jiġu koperti mill-istess dipartiment li jieħu ħsieb is-sigurtà, filwaqt li nħoloq portafoll separat għall-ġustizzja u d-drittijiet fundamentali.

8.2   L-irbit tal-immigrazzjoni mas-sigurtà jibgħat messaġġ negattiv lis-soċjetà Ewropea u lill-immigranti, li jmur kontra l-ewwel prinċipju bażiku komuni għall-integrazzjoni, jiġifieri n-natura bidirezzjonali tagħha. L-Ewropa hija miżgħuda b’wisq messaġġi li juru l-immigrazzjoni bħala reat!

8.3   Jista’ jitwassal messaġġ favur l-integrazzjoni billi l-immigrazzjoni u l-asil jitqiegħdu fil-portafoll tal-ġustizzja u d-drittijiet fundamentali, kif jipproponi l-Kumitat.

8.4   F’dan il-kuntest, huwa partikolarment neċessarju li jissaħħaħ il-“mainstreaming” tal-integrazzjoni fl-Aġenda Soċjali u fil-politiki Komunitarji l-oħra, b’mod speċjali fejn jidħlu d-difiża u l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tal-immigranti.

Brussell, 17 ta’ Frar 2010

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  COM(2008) 758 finali.

(2)  ĠU C 125, 27.5.2002 (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  Il-kwistjonijiet tal-integrazzjoni u dawk tal-Aġenda Soċjali huma kompetenzi ta’ Kummissarji u Direttorati Ġenerali differenti.

(4)  Eurostat.

(5)  Ara l-opinjonijiet tal-KESE li ġejjin:

ĠU C 44, 16.2.2008, p. 91.

ĠU C 120, 16.5.2008, p. 82.

(6)  Ara l-opinjonijiet tal-KESE li ġejjin:

ĠU C 27, 3.2.2009, p. 95.

ĠU C 125, 27.5.2002, p. 112 (mhux disponibbli bil-Malti).

ĠU C 80, 30.3.2004, p. 92 (mhux disponibbli bil-Malti).

ĠU C 318, 23.12.2006, p. 128 (mhux disponibbli bil-Malti).

(7)  ĠU C 318, 23.12.2006, p. 218 (mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  ĠU C 125, 27.5.2002, punt 1.4 (relatur: is-Sur Pariza Castaños) (mhux disponibbli bil-Malti).

(9)  Konferenza dwar l-“Immigrazzjoni: ir-rwol tas-soċjetà ċivili fl-integrazzjoni”, Brussell, id-9 u l-10 ta’ Settembru 2002.

(10)  Dokument 14615/04 tad-19 ta’ Novembru 2004.

(11)  COM(2008) 412 finali.

(12)  ĠU C 182, 4.8.2009, p. 65.

(13)  ĠU C 27, 3.2.2009, p. 99.

(14)  2008/2330 (INI).

(15)  ĠU C 161, 13.7.2007, p. 66 u ĠU C 120, 16.5.2008, p. 66.

(16)  ĠU C 218, 11.9.2009, p. 85.

(17)  Opinjoni esploratorja tal-KESE dwar l-integrazzjoni tal-ħaddiema immigranti.

(18)  Direttiva 2003/109/KE.

(19)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta’ April 2009 dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali.

(20)  Direttiva 2000/43/KE; Direttiva 2004/113/KE; Direttiva 2000/78/KE.

(21)  ĠU C 182, 4.8.2009, p. 19 u ĠU C 77, 31.3.2009, p. 102.

(22)  L-istħarriġ EU-MIDIS (Stħarriġ tal-Unjoni Ewropea dwar il-minoranzi u d-diskriminazzjoni) li sar fost iktar minn 23 000 persuna li jagħmlu parti minn minoranzi etniċi u grupp ta’ immigranti dwar l-esperjenzi tagħhom marbuta mad-diskriminazzjoni, delitti għal raġunijiet razzjali u azzjonijiet tal-pulizija fl-UE.

(23)  ĠU C 44, 16.2.2008, p. 91.

(24)  Il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema migranti.

(25)  ĠU C 128, 18.5.2010, p. 29.

(26)  Opinjoni esploratorja tal-KESE dwar l-integrazzjoni tal-ħaddiema immigranti, relatur: is-Sur Pariza Castaños.

(27)  Opinjoni fuq inizjattiva proprja, ĠU C 208, 3.9.2003 (mhux disponibbli bil-Malti).


Top