Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010XC0630(01)

Avviż ta’ Tnedija ta' investigazzjoni ta' salvagwardja skont ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 260/2009 u (KE) Nru 625/2009 dwar importazzjonijiet ta' modems bla wajer ta' netwerk fuq żona wiesgħa (WWAN)

OJ C 171, 30.6.2010, p. 6–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 171/6


Avviż ta’ Tnedija ta' investigazzjoni ta' salvagwardja skont ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 260/2009 u (KE) Nru 625/2009 dwar importazzjonijiet ta' modems bla wajer ta' netwerk fuq żona wiesgħa (WWAN)

2010/C 171/07

Il-Kummissjoni rċeviet talba mingħand il-Gvern Belġjan skont l-Artikolu 2 tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 260/2009 (1) u (KE) Nru 625/2009 (2) (“ir-Regolamenti ta' Salvagwardja”).

It-talba tikkonċerna modems bla wajer ta' netwerk fuq żona wiesgħa (WWAN) b'antenna tar-radju u li jipprovdu konnettività ta' dejta tal-Protokoll tal-Internet (IP) għal tagħmir tal-kompjuters u li jinkludu Wi-Fi routers bil-modem WWAN (WWAN/Wi-Fi routers).

Il-Kummissjoni analizzat jekk il-kundizzjonijiet għat-tnedija tal-investigazzjonijiet skont ir-Regolamenti (KE) Nru 260/2009 u (KE) Nru 625/2009 humiex sodisfatti.

1.   It-talba

Fit-talba tiegħu, il-Belġju informa lill-Kummissjoni li jidher li x-xejriet fl-importazzjonijiet tal-modems WWAN jeħtieġu miżuri ta' salvagwardja., u pprovda l-evidenza disponibbli, kif iddeterminat fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 260/2009 u l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 625/2009.

2.   Il-prodott ikkonċernat

Il-prodott ikkonċernat jikkonsisti f'modems bla wajer ta' netwerk fuq żona wiesgħa (WWAN) b'antenna tar-radju u li jipprovdu konnettività ta' dejta tal-Protokoll tal-Internet (IP) għal tagħmir tal-kompjuters u li jinkludu Wi-Fi routers bil-modem WWAN (WWAN/Wi-Fi routers) (“il-prodott ikkonċernat”).

Il-prodott ikkonċernat attwalment jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM ex 8517 62 00 u ex 8471 80 00. Dawn il-kodiċi NM qegħdin jingħataw biss bħala informazzjoni.

3.   Żieda fl-importazzjonijiet u dannu

Skont l-ilment, fl-Unjoni hemm produttur wieħed li jipproduċi prodott simili jew f'kompetizzjoni diretta li jinsab fil-Belġju b'xi produzzjoni oħra fi Stati Membri oħra tal-Unjoni.

Il-Belġju pprovda evidenza li l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott ikkonċernat qegħdin jiżdiedu b'ritmu mgħaġġel f'termini assoluti, u b'mod relattiv għall-produzzjoni u l-konsum tal-Unjoni, u, b'mod partikolari, li l-importazzjonijiet żdiedu b'aktar minn 4 100 punt perċentwali mill-2006 għall-2009.

Qed jiġi allegat li l-volumi u l-kundizzjonijiet tal-importazzjonijiet ikkonċernati kellhom, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq il-prezzijiet ta' prodotti simili jew dawk f'kompetizzjoni diretta fl-Unjoni, u fuq is-sehem mis-suq, il-kwantitajiet mibjugħa u l-livell tal-prezzijiet mitluba mill-produtturi tal-Unjoni (3), li rriżulta f'dannu serju għall-produtturi tal-Unjoni.

4.   Il-proċedura

Wara d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 260/2009 u l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 625/2009, il-Kummissjoni kkonsultat lill-Kumitati Konsultattivi stabbiliti skont l-Artikolu 4 tar-Regolamenti (KE) Nru 260/2009 u (KE) Nru 625/2009 rispettivament. Wara l-konsultazzjoni, il-Kummissjoni jidhrilha li hemm evidenza biżżejjed li tiġġustifika t-tnedija tal-investigazzjoni, u l-Kummissjoni b'dan qiegħda tniedi investigazzjoni skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 260/2009 u l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 625/2009.

4.1.    L-ambitu tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-miżuri ta' salvagwardja humiex ġustifikati skont ir-Regolamenti (KE) Nru 260/2009 u (KE) Nru 625/2009. B'mod speċifiku, l-investigazzjoni se tiddetermina jekk, bħala riżultat ta' żviluppi mhux previsti, il-prodott ikkonċernat qiegħedx jiġi importat fl-Unjoni fi kwantitajiet sostanzjalment miżjuda jew skont termini jew kondizzjonijiet tali li jikkawża, jew jhedded li jikkawża, dannu serju lill-produtturi tal-Unjoni.

(a)   Kwestjonarji

Biex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li hu meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi magħrufa tal-prodotti simili jew dawk f'kompetizzjoni diretta fl-Unjoni; lill-esportaturi/produtturi magħrufa u importaturi tal-prodott ikkonċernat; lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta' esportaturi/produtturi u importaturi tal-prodott ikkonċernat.

Fi kwalunkwe każ, il-partijiet kollha għandhom jikkuntattjaw lill-Kummissjoni minnufih bil-fax, mhux aktar tard mil-limitu ta' żmien imsemmi fil-paragrafu 5(a) ta' dan l-avviż, u jekk meħtieġ, jitolbu kwestjonarju.

(b)   Ġbir ta' informazzjoni u seduti ta’ smigħ

Il-partijiet kollha interessati huma b'dan mistiedna li jwasslu fehmiethom, iressqu informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Din l-informazzjoni u din l-evidenza ta' sostenn għandha tasal għand il-Kummissjoni fil-limitu ta' żmien stipulat fil-paragrafu 5(b) ta' dan l-avviż.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tisma' lill-partijiet interessati, sakemm dawn jagħmlu talba fejn juru li huma x'aktarx li jiġu affettwati bir-riżultat tal-investigazzjoni u li hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu. Din it-talba trid issir sal-limitu ta' żmien stipulat fil-paragrafu 5(c) ta' dan l-avviż.

4.2.    Il-proċedura għall-evalwazzjoni tal-interess tal-Unjoni

Fil-każ li jiġi ddeterminat li l-prodott ikkonċernat qiegħed jiġi importat fl-Unjoni fi kwantitajiet sostanzjalment miżjuda u/jew skont termini jew kondizzjonijiet tali li jikkawża, jew jhedded li jikkawża dannu serju lill-produtturi tal-Komunità li jiġġustifikaw it-teħid ta' miżuri ta' salvagwardja, għandha tittieħed deċiżjoni dwar jekk fl-interess tal-Unjoni għandux isir intervent abbażi tal-apprezzament tal-interessi varji meħuda globalment, inklużi l-interessi tal-industrija domestika u l-utenti u l-konsumaturi.

Sabiex tiġi provduta bażi soda li fuqha l-Kummissjoni tista' tikkunsidra l-fehmiet u l-informazzjoni kollha fid-deċiżjoni dwar jekk l-impożizzjoni jew le ta' miżuri tkunx fl-interess tal-Unjoni, il-produtturi u l-importaturi, tal-Unjoni u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti rapreżentattivi u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rapreżentattivi jistgħu, sakemm juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attività tagħhom u l-prodott ikkonċernat, fil-limiti ta' żmien speċifikati fil-paragrafu 5(c) ta' dan l-avviż, jippreżentaw rwieħhom u jipprovdu l-informazzjoni lill-Kummissjoni. Dawk il-partijiet li ppreżentaw rwieħhom fil-limitu ta' żmien jistgħu jitolbu wkoll smigħ billi jfissru r-raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jinstemgħu fil-limitu ta' żmien stipulat fil-paragrafu 5(c) ta' dan l-avviż. Ta' min jinnota illi kull informazzjoni ppreżentata tista' biss titqies jekk tkun issostanzjata minn evidenza fattwali fiż-żmien meta tiġi ppreżentata.

5.   Il-limiti ta' żmien

(a)   Kwestjonarji

Il-partijiet kollha interessati għandhom jitolbu kwestjonarju malajr kemm jista' jkun, iżda mhux aktar tard minn 10 ijiem wara l-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(b)   Għall-partijiet li jridu jippreżentaw rwieħhom, biex jibagħtu t-tweġibiet għall-kwestjonarju u kull informazzjoni oħra

Il-partijiet interessati kollha, jekk għandhom jitqiesu r-rappreżentazzjonijiet tagħhom matul l-investigazzjoni, għandhom jippreżentaw rwieħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, jippreżentaw il-fehmiet tagħhom u jressqu t-tweġibiet għall-kwestjonarju jew kull informazzjoni oħra fi żmien 21 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Qed tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċizzju ta' ħafna mid-drittijiet proċedurali stipulati fir-Regolament (KE) Nru 260/2009, u r-Regolament Nru 625/2009 jiddependi milli l-parti tippreżenta ruħha fil-perjodu msemmi qabel.

(c)   Seduti

Skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KE) Nru 260/2009 u l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (KE) Nru 625/2009, il-partijiet interessati kollha jistgħu wkoll japplikaw biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

6.   Sottomissjonijiet bil-miktub, tweġibiet tal-kwestjonarju u korrispondenza

L-informazzjoni rilevanti kollha trid tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni. Kull sottomissjoni jew talba magħmula mill-partijiet interessati trid issir bil-miktub (mhux f'forma elettronika, sakemm mhux speċifikat mod ieħor) u għandha tindika l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-fax u/jew tat-telex tal-parti interessata.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: N-105 04/092

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGÏE

Fax +32 22956505

7.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni

Meta l-informazzjoni ma titressaqx fil-limitu ta' żmien stabbilit mill-Kummissjoni, jew l-investigazzjoni tiġi mxekkla b'mod sinifikanti, dak li jinstab mill-istħarriġ jista' jsir fuq il-bażi tal-fatti disponibbli.

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun forniet informazzjoni falza jew li tqarraq, l-informazzjoni għandha titwarrab u għandu jsir użu mill-fatti disponibbli.

8.   L-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ tad-DĠ Kummerċ. L-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ jaġixxi bħala medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ jirrevedi t-talbiet għal aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta' żmien u t-talbiet għal smigħ minn partijiet terzi. L-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ jista’ jorganizza seduta ta’ smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur biex jiżgura li d-drittijiet għad-difiża tal-partijiet interessati jiġu eżerċitati b’mod sħiħ.

Talba għal seduta mal-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ għandha issir bil-miktub u għandha tispeċifika għal liema raġunijiet tkun qiegħda titressaq. Għal smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni t-talba tista’ titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, talba għal smigħ għandha titressaq fil-limiti ta’ żmien speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

L-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ se jipprovdi wkoll opportunitajiet biex isir smigħ li jinvolvi lill-partijiet u li jippermetti li jiġu ppreżentati fehmiet differenti u li jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost oħrajn, iż-żieda fl-importazzjonijiet,, il-ħsara, ir-rabta kawżali u l-interess tal-Unjoni.

Għal aktar informazzjoni u dettalji ta’ kuntatt il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni tal-internet tal-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ fuq il-websajt tad-DĠ Kummerċ:

(http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/hearing-officer/index_en.htm)

9.   L-iskeda tal-investigazzjoni

Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 260/2009 u l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 625/2009 l-investigazzjoni għandha, jekk possibbli, tintemm fi żmien disa’ xhur mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

F’ċirkustanzi eċċezzjonali, l-investigazzjoni tista’ tiġi estiża b’perjodu massimu ieħor ta’ xahrejn. Jekk il-limitu ta' żmien jiġi estiż, il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li fih issemmi t-tul ta’ żmien tal-estensjoni u sommarju tar-raġuniijiet għal dan.


(1)  ĠU L 84, 31.3.2009, p. 1.

(2)  ĠU L 185, 17.7.2009, p. 1.

(3)  “Produtturi tal-Unjoni” tinkludi l-“Produtturi fil-Komunità’” kif iddefinit fl-Artikolu 5(3)(c) tar-Regolament (KE) Nru 260/2009 u “Produtturi tal-Komunità ta’ prodotti simili jew dawk f'kompetizzjoni diretta” kif imsemmi fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 625/2009.


Top