Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CN0032

Kawża C-32/10: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven kasatsionen sad (Il-Bulgarija) fl- 20 ta’ Jannar 2010 — Tony Georgiev Semerdjiev vs Del-Pi-Krasimira Mancheva

OJ C 100, 17.4.2010, p. 18–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/18


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven kasatsionen sad (Il-Bulgarija) fl-20 ta’ Jannar 2010 — Tony Georgiev Semerdjiev vs Del-Pi-Krasimira Mancheva

(Kawża C-32/10)

2010/C 100/28

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Varhoven kasatsionen sad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Tony Georgiev Semerdjiev

Konvenuti: ET “Del-Pi-Krasimira Mancheva” u ZPAD “Bulstrad”

Domandi preliminari

(1)

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 90/314 (1) huma applikabbli għall-każ ineżami [għas-suġġett tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali]?

(2)

Liema hija l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-kunċett ta’ “servizzi turistiċi oħra” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Diretttiva Nru 90/314 u dan il-kunċett jinkludi l-obbligu tal-organizzatur li jassigura lill-konsumatur?

Liema riskji għandhom ikunu koperti mill-kuntratt ta’ assigurazzjoni konkluż, f’isem il-konsumatur, bejn l-organizzatur u l-kumpannija ta’ assigurazzjoni?

Liema tip ta’ assigurazzjoni għandha tiġi pprovduta: polza ta’ assigurazzjoni għal grupp li tkopri l-parteċipanti kollha fil-vjaġġ kollox kompriż jew polza ta’ assigurazzjoni individwali li tkopri individwalment lil kull parteċipant?

(3)

L-obbligu tal-organizzatur li jipprovdi lill-konsumatur, qabel ma jibda l-vjaġġ, informazzjoni dwar il-konklużjoni volontarja ta’ polza ta’ assigurazzjoni sabiex ikopri l-ispejjeż ta’ ripatrijazzjoni, fil-każ ta’ aċċident, għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-obbligu tal-organizzatur li jikkonkludi kuntratt ta’ assigurazzjoni individwali mal-konsumatur li jkopri l-ispejjeż ta’ assistenza, inkluża r-ripatrijazzjoni, fil-każ ta’ aċċident?

(4)

L-organizzatur għandu l-obbligu taħt id-Direttiva 90/314/KEE li jipprovdi lill-konsumatur bil-polza ta’ assigurazzjoni oriġinali qabel ma jibda l-vjaġġ?

(5)

Kif għandu jiġi interpretat it-terminu “danni” li l-konsumatur isostni minħabba n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew l-eżekuzzjoni żbaljata tal-kuntratt, fis-sens tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 90/314?

(6)

Il-kunċett ta’ “danni” li l-konsumatur isostni minħabba n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew l-eżekuzzjoni żbaljata tal-kuntratt, fis-sens tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 90/314 jinkludi wkoll ir-responsabbiltà għad-danni morali subiti mill-konsumatur?

(7)

Kif għandhom jiġu interpretati t-tielet u r-raba’ paragrafi tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 90/314 fil-każ ta’ talbiet għal kumpens għad-danni morali li jirriżultaw minn danni fuq il-persuna minħabba n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew eżekuzzjoni żbaljata tas-servizzi inklużi fil-vjaġġ kollox kompriż, b’mod partikolari meta ma tingħatax il-polza ta’ assigurazzjoni oriġinali lill-konsumatur, fil-każ fejn din tal-aħħar ma tipprovdix limitu għal kumpens għad-danni?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE, tat-13 ta’ Ġunju 1990, dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 10, p. 132)


Top