Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AE0050

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku

OJ C 182, 4.8.2009, p. 71–74 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 182/71


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku

COM(2008)800 finali

(2009/C 182/04)

Rapporteur Ġenerali: is-Sur DELAPINA

Nhar is-26 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:

il-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku

COM(2008) 800 finali.

Fit-2 ta’ Diċembru l-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-450 sessjoni plenara tiegħu tal-14 u l-15 ta’ Jannar (seduta tal-15 ta’ Jannar) li jaħtar lis-Sur DELAPINA bħala rapporteur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’179 vot favur, vot wieħed kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Sinteżi u konklużjonijiet

1.1   Bil-programm globali għall-istabbilizzazzjoni tas-settur finanzjarju fid-diversi forom nazzjonali tiegħu, il-Komunità internazzjonali tat sinjal ċar: ħareġ fid-dieher li l-politika ekonomika qed terfa’ r-responsabbiltà għall-istabbiltà ekonomika globali. Bil-pjan Ewropew għall-irkurpu ekonomiku, l-Unjoni Ewropea wriet biċ-ċar li hija lesta u deċiża li tilqa’ għall-kriżi bil-mezzi disponibbli kollha.

1.2   L-effett psikoloġiku tal-pjan għall-irkupru għandu jiġi stmat daqs l-effett tal-flus involuti. Is-sinjali mogħtija mill-politika ekonomika għandhom iwasslu għal stabbilizzazzjoni konsiderevoli tal-fiduċja tal-konsumaturi u l-investituri. Madankollu għandhom isiru negozjati bejn il-partijiet ikkonċernati kollha — b’mod speċjali l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri — sabiex l-istennijiet pessimistiċi ma jiġux ikkonfermati.

1.3   Il-miżuri meħudin għall-irkupru tal-ekonomija reali ser ikunu jistgħu jwasslu għall-effett mistenni biss jekk il-funzjonament tas-settur finanzjarju jerġa’ jiġi stabbilit. Flimkien mad-diversi pakketti ta’ salvataġġ, dan jeħtieġ organizzazzjoni u regolazzjoni ġodda tas-swieq finanzjarji fil-livelli kollha sabiex terġa’ tissawwar il-fiduċja.

1.4   Il-politika ekonomika Ewropea għarfet il-bżonn li l-approċċ tagħha, li s’issa kien ibbażat fuq l-offerta, iħaddan politika makroekonomika attiva u antiċiklika. Barra minn hekk, il-KESE jilqa’ s-sejħa għal protezzjoni mtejba tal-iktar membri dgħajfa tas-soċjetà u għal koordinazzjoni effettiva tal-politika ekonomika. Madankollu l-pjan għall-irkupru ekonomiku tal-UE jidher relattivament fjakk meta mqabbel mal-pakketti ta’ miżuri f’reġjuni oħra tad-dinja.

1.5   Il-Kumitat jemmen li huwa importanti ferm li l-programmi ta’ investiment pubbliku u impuls finanzjarju li għandhom l-għan li jassistu l-irkupru ekonomiku jikkontribwixxu wkoll għat-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju li ser tkun indispensabbli fil-ġejjieni. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfasslu l-pjanijiet ta’ rkupru u l-programmi tagħhom konsegwentement.

2.   Mill-kriżi tas-subprimes għar-riċessjoni globali

2.1   Il-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali għandha diversi kawżi. Fid-dikjarazzjoni tagħhom waqt is-summit tal-15 ta’ Novembru, il-kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern tal-G-20 semmew dan li ġej: il-politiki monetarji u dawk tar-rati tal-kambju li wasslu għal likwidità eċċessiva, in-nuqqas ta’ regolazzjoni jew ir-regolazzjoni insuffiċjenti ta’ ċerti setturi jew atturi, il-kilba għal dħul esaġerat b’valutazzjoni jew għarfien insuffiċjenti tar-riskji involuti min-naħa ta’ xi atturi tas-suq kif ukoll minn entitajiet ta’ kontroll u regolazzjoni, effetti ta’ lieva eċċessivi, koordinazzjoni insuffiċjenti tal-politiki makroekonomiċi u riformi strutturali insuffiċjenti. B’hekk żviluppaw aberrazzjonijiet li wrew li kien hemm bżonn ta’ reviżjoni tar-regoli applikabbli għall-atturi, il-prodotti u s-swieq.

2.2   F’nofs l-2007, fl-Istati Uniti, l-iskema piramida (Ponzi scheme) tal-krediti tal-proprjetà tfarrket hekk kif il-prezzijiet tal-proprjetà ma komplewx jogħlew. F’suq tal-proprjetà attiv iżżejjed bi prospettivi ottimistiċi wisq, (il-banek sellfu l-flus lil nies bi credit rating baxx u dawn il-krediti ġew esternalizzati u mibjugħa lil entitajiet oħra. Inħolqu prodotti finanzjarji ferm spekulattivi u mhux trasparenti li ħarbu minn kull monitoraġġ u kontroll. Il-persuni kkonċernati ma kinux jafu bil-livell ta’ riskju involut.

2.3   Il-kriżi tal-proprjetà fl-Istati Uniti kif ukoll f’xi Stati Membri tal-UE wasslet għal kriżi fil-hedge funds, fil-banek tal-investiment u kummerċjali u fl-assigurazzjonijiet. Minħabba t-titolizzazzjoni tar-riskji d-dinja tal-finanzi nħakmet minn mewġa ta’ kriżijiet wara l-oħra. U minħabba n-nuqqas ta’ sigurtà u fiduċja fost l-istituzzjonijiet finanzjarji, anke l-istituzzjonijiet finanzjarji b’saħħithom ma baqgħux isellfu l-flus lil xulxin u waqaf is-suq bejn il-banek.

2.4   Il-kriżi finanzjarja, permezz ta’ diversi mezzi ta’ trażmissjoni, affettwat ukoll lill-ekonomija reali. Fost oħrajn, nistgħu nsemmu l-credit crunch, iż-żieda fl-ispejjeż finanzjarji, l-effetti negattivi fuq il-kapital minħabba l-waqgħa fil-prezz tal-ishma, il-kollass tas-swieq tal-esportazzjoni, l-effetti negattivi fuq il-fiduċja, kif ukoll it-tnaqqis tal-valur tal-assi u r-riskju ta’ defiċit fil-bilanċ. Issa jidher biċ-ċar li fil-bidu tas-sena 2009 l-OECD għaddejja minn riċessjoni. L-esperti għadhom mhumiex ċerti dwar it-tul u l-intensità tagħha.

3.   L-iktar sfidi urġenti

3.1   L-ewwel pass kien li tinkiser il-katina ta’ reazzjonijiet fis-swieq finanzjarji. Il-banek ċentrali, b’mod speċjali l-BĊE, ipprovdew il-likwidità lis-swieq sabiex jiżguraw il-funzjonament tagħhom. Fil-livell nazzjonali u internazzjonali ġew imsensla diversi pakketti ta’ salvataġġ, b’miżuri li jvarjaw minn sussidji u allokazzjonijiet ta’ kapital san-nazzjonalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji affettwati, garanziji pubbliċi, garanzija ta’ depożiti mtejba għat-tfaddil, eċċ. Sa ċertu punt, dawn il-miżuri għenu lill-banek ikomplu bl-attivitajiet normali tagħhom.

3.2   It-tieni pass importanti jikkonsisti mit-tisħiħ tal-ekonomija reali. Il-fiduċja tal-konsumaturi u l-investituri trid terġa’ tiġi stabbilita. Dan jeħtieġ miżuri favur l-irkupru tad-domanda interna u l-istabbilizzazzjoni tas-swieq tax-xogħol. B’mod speċjali jeħtieġ li jiġu appoġġjati l-gruppi bi dħul baxx, billi dawn huma l-iktar milquta mill-konsegwenzi tal-kriżi, iżda wkoll għax dawn jirrappreżentaw l-ogħla kwota ta’ konsum b’effett intern.

3.3   Jeħtieġ ukoll li jinħolqu l-kundizzjonijiet adegwati sabiex jittaffew l-effetti fuq is-settur tan-negozju. Dan is-settur għandu rwol ċentrali x’jaqdi għar-riattivazzjoni tal-ekonomija bħala produttur, investitur u esportatur, kif ukoll minħabba l-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp tiegħu. Huwa jikkontribwixxi b’mod determinanti għall-ħolqien ta’ impjiegi u b’hekk għad-domanda interna. Madankollu, minbarra l-aspetti ċikliċi, jeħtieġ ukoll li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà u dawk strutturali.

3.4   Barra minn hekk, jeħtieġ li l-arkitettura finanzjarja internazzjonali tiġi organizzata mill-ġdid u li s-swieq finanzjarji jiġu rregolati b’mod iktar effettiv. Ir-regoli għandhom jinbidlu wkoll għall-korpi ta’ monitoraġġ u l-koordinazzjoni tagħhom, għall-aġenziji ta’ rating kif ukoll għall-proċeduri ta’ rappurtar u kontabbiltà sabiex kriżijiet ta’ dan it-tip ikunu jistgħu jiġu evitati.

4.   Ir-rwol tal-politika ekonomika Ewropea

4.1   Minkejja li fil-bidu l-kriżi kienet purament Amerikana, l-ekonomija Ewropea ġiet milquta wkoll bħala parti minn netwerk globali. L-Ewro kien ankra ta’ stabbiltà. Mingħajr munita unika l-impatt fuq l-ekonomiji nazzjonali kien ikun ferm iktar gravi. Kriżi internazzjonali teħtieġ risposti internazzjonali. Il-politika ekonomika Ewropea teħtieġ azzjoni fuq skala kbira. L-isfidi msemmija f’punt 3 jitolbu azzjoni immedjata, deċiżiva, wiesgħa, immirata, ikkoordinata u proattiva, għalkemm ħafna miżuri huma ta’ natura temporanja.

4.2   Jeħtieġ li nitgħallmu mill-passat. Meta fil-bidu tas-seklu l-ġdid, wara li nfaqgħet il-bużżieqa tal-IT u wara l-attentati terroristiċi fl-Istati Uniti, ir-reġjuni ewlenin kollha tad-dinja għaddew minn kriżi ekonomika, il-politika ekonomika Ewropea kienet l-unika waħda li ma għażlitx riattivazzjoni tal-ekonomija permezz ta’ politika baġitarja u monetarja li tinkorpora l-isfera tad-domanda. Din kienet parti mir-raġuni għaliex il-kriżi damet erba’ snin biex tingħeleb u għaliex reġjuni sħaħ tal-Ewropa għadhom qegħdin ibatu minn domanda interna dgħajfa sal-lum, ħaġa li aggravat ħafna l-vulnerabbiltà tagħhom fir-rigward tat-tnaqqis fid-domanda internazzjonali.

4.3   Il-korpi ewlenin tal-politika ekonomika għarfu l-gravità tal-kriżi attwali tard wisq. Sa Settembru l-Ministri tal-Ekonomija u tal-Finanzi tal-ECOFIN kienu xettiċi fir-rigward tal-idea ta’ pjan għall-irkupru ekonomiku. Għalkemm fit-tieni tliet xhur tal-2008 l-ekonomija taż-żona tal-Ewro diġà kienet sejra lura, fis-sajf il-BĊE għolla r-rata bażika. Fid-dawl tan-nuqqas ta’ qbil bejn il-kapijiet ta’ stat fis-summit dwar il-kriżi finanzjarja li sar f’Pariġi, il-probabbiltà li tittieħed minnufih azzjoni kollettiva naqset. Il-miżuri għat-titjib tal-garanzija ta’ depożiti għat-tfaddil li ttieħdu fil-livell nazzjonali mingħajr l-ebda koordinazzjoni ma tawx l-impressjoni ta’ azzjoni koerenti fl-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant huwa evidenti li t-teħid ta’ azzjonijiet waħdu mhuwiex biżżejjed. Huwa ferm iktar importanti li tittejjeb il-koordinazzjoni tal-programmi kif ukoll il-pakketti ta’ miżuri, fuq kollox fil-livell nazzjonali.

5.   Il-pjan Ewropew għall-irkupru ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea

5.1   Għaldaqstant hija ħaġa ferm pożittiva li l-Kummissjoni Ewropea ħabbret b’mod ċar u espliċitu r-rieda u l-intenzjoni tagħha li tieħu azzjoni deċiżiva u kkoordinata. Permezz tal-istrateġija li fasslet biex tegħleb il-kriżi finanzjarja, ser tindirizza l-problemi ekonomiċi f’sens wiesa’ u tagħti lill-Ewropa rwol ewlieni fir-reazzjoni dinjija għall-kriżi finanzjarja. Barra minn hekk, il-kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern talbu lill-Kummissjoni tħejji proposti b’rabta mal-azzjoni kkoordinata u tiddiskutihom fis-sessjoni ta’ Diċembru. Dawn tressqu fl-aħħar ta’ Novembru fil-forma ta’ Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku, li għandu jiġi implimentat f’waqtu u fi żmien stabbilit b’mod iffukat u kkoordinat. B’segwitu ta’ dan, il-Kunsill Ewropew adotta pjan korrispondenti fil-11 u t-12 ta’ Diċembru 2008 fi Brussell.

5.2   Konkretament, ġie ssuġġerit impuls baġitarju ta’ 1,5 % tal-PGD tal-UE, jiġifieri EUR 200 biljun għas-snin 2009/2010.L-Istati Membri għandhom jipprovdu EUR 170 biljun filwaqt li t-30 biljun l-oħra għandhom jiġu mill-baġit tal-UE u l-BEI.

5.3   Flimkien mat-tisħiħ tal-attivitajiet tal-BEI, b’mod speċjali fir-rigward tal-SMEs, is-semplifikazzjoni u l-aċċelerazzjoni tal-proċeduri għandhom l-għan li jikkontribwixxu għat- tħejjija antiċipata ta’ riżorsi mill-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni kif ukoll mill-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali. Il-Fond Soċjali Ewropew għandu jiffinanzja miżuri għall-promozzjoni tal-impjiegi, b’mod speċjali favur l-iktar gruppi dgħajfa tal-popolazzjoni, u l-effettività tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandha tittejjeb. Il-pjan jinkludi kundizzjonijiet li jissemplifikaw l-għoti tal-għajnuna mill-Istat u miżuri għall-aċċelerazzjoni tas-sejħiet għall-offerti pubbliċi.

5.4   Fil-qafas taż-żieda fil-flessibbiltà tar-riforma tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, il-miżuri tal-Istati Membri għandhom iħeġġu d-domanda u jikkontribwixxu għall-impatt tal-istabbilizzaturi awtomatiċi fuq in-nefqa tal-Gvern u/jew it-tnaqqis tat-taxxi. Il-proposta tal-Kummissjoni tagħti xi eżempji konkreti ta’ dan. Dawn jinkludu iż-żieda temporanja fl-għajnuna għall-qiegħda jew għall-familji bi dħul baxx, l-investimenti pubbliċi fl-infrastruttura u t-taħriġ, appoġġ għall-SMEs (self jew parteċipazzjoni fir-riskju), miżuri kontra l-bidla fil-klima, tnaqqis tat-taxxi u ħlasijiet soċjali għal min iħaddem u għall-ħaddiema kif ukoll tnaqqis temporanju tar-rata tal-VAT. In-natura temporanja tal-miżuri għandha sservi sabiex il-pjan għall-irkupru ekonomiku ma jxekkilx l-istabbiltà tal-finanzi pubbliċi fuq perijodu medju jew fit-tul.

5.5   Il-miżuri tal-Istati Membri għandhom ikunu kkoordinati, billi l-punt ta’ tluq u l-ambitu finanzjarju tal-Istati Membri individwali huma differenti. Għandhom ikunu limitati fiż-żmien billi jeħtieġ li sussegwentement l-objettivi baġitarji fuq perijodu medju jerġgħu jiġu stabbiliti. Dawn il-miżuri għandhom jiġu appoġġjati minn riformi strutturali li għandhom iwasslu biex is-swieq jaħdmu aħjar u tiżdied il-kompetittività.

5.6   Għandha tinħoloq koerenza kbira bejn il-pjan għall-irkupru ekonomiku u l-oqsma ewlenin tal-Istrateġija ta’ Liżbona għat-tkabbir u x-xogħol (persuni, ekonomija, infrastruttura u enerġija, riċerka u innovazzjoni). Il-Kummissjoni Ewropea adottat pakkett ta’ miżuri għall-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru ekonomiku u għall-Istrateġija ta’ Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi. L-adozzjoni tal-kapitolu dwar l-Istati Membri, li jiġbor fih il-progress imwettaq mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta’ Liżbona, ser issir is-sena d-dieħla (1). Il-pjan għall-irkupru ekonomiku jinkludi firxa wiesgħa ta’ miżuri dwar dan. Kull gvern huwa mħeġġeġ jagħżel l-iktar miżuri adegwati fosthom.

5.7   Orjentazzjoni importanti oħra tal-pjan għall-irkupru ekonomiku tmur fid-direzzjoni tal-ekonomija “ekoloġika”, jiġifieri prodotti intelliġenti għal ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju. Dan jinkludi l-investimenti fl-effiċjenza tal-użu tal-enerġija, fl-ambjent u fil-ħarsien tal-klima. Il-miżuri għall-promozzjoni ta’ ċerti oqsma milquta mill-kriżi, bħas-setturi tal-karozzi u tal-bini pereżempju, għandhom ikunu koerenti mal-objettivi ambjentali u ta’ ffrankar tal-enerġija.

5.8   Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, il-pjan għall-irkupru ekonomiku jenfasizza wkoll il-bżonn ta’ azzjoni globali li tinkludi l-pajjiżi emerġenti sabiex jerġa’ jinkiseb it-tkabbir ekonomiku.

6.   Valutazzjoni inizjali tal-KESE

6.1   Valutazzjoni kwalitattiva

6.1.1   Id-dokument tal-Kummissjoni jidentifika b’mod adegwat l-isfidi, l-azzjonijiet meħtieġa u l-bżonnijiet. Jeħtieġ li l-Ewropa tieħu azzjoni f’waqtha, kunfidenti, iffukata u ambizzjuża. L-Ewropa għandha tkun konxja tal-importanza tagħha u taqdi r-rwol tagħha bis-sħiħ fix-xena internazzjonali.

6.1.2   Il-fiduċja u d-domanda għandhom jissaħħu sabiex is-sitwazzjoni ma tibqax sejra lura. B’mod speċjali, l-effetti negattivi tal-kriżi fuq is-suq tax-xogħol u fuq l-iktar membri dgħajfa tas-soċjetà għandhom jiġu miġġielda b’determinazzjoni. It-taħlita ta’ politiki makroekonomiċi ma offriet l-ebda soluzzjoni adattata għall-problemi attwali għax ma kkunsidratx ir-rwol tad-domanda interna fiċ-ċiklu ekonomiku. Għalkemm ftit tard, il-Kummissjoni qiegħda tirrikonoxxi r-rwol attiv tal-politika baġitarja u monetarja fit-tisħiħ tad-domanda, rwol li l-KESE ilu s-snin jenfasizza u li għandu jingħata l-istess importanza assenjata lill-miżuri marbutin mal-offerta għall-promozzjoni tal-kompetittività. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri fl-aħħar għarfu li l-politika baġitarja trid tistabbilixxi miżuri wiesgħa billi l-effettività tal-miżuri tal-politika monetarja hija limitata immens fis-sitwazzjoni attwali.

6.1.3   F’dan il-kuntest ta’ min isemmi r-referenza tal-Kummissjoni għall-flessibbiltà mtejba tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir mir-riforma tiegħu fl-2005 lil hawn. Skont il-Kummissjoni din il-flessibbiltà għandha tintuża fis-sitwazzjoni attwali. Dan ifisser li fiċ-ċirkustanzi eċċezzjonali attwali, jiġifieri żmien bi kriżi finanzjarja u riċessjoni simultanji, huwa kkunsidrat loġiku li l-limitu tad-defiċit baġitarju ta’ 3 % jinqabeż b’mod temporanju.

6.1.4   Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tenfasizza r-rwol pożittiv li jista’ jaqdi l-BĊE għall-appoġġ tal-ekonomija reali. Il-Kummissjoni tirreferi għall-kontribut sinifikanti li ta l-BĊE għall-istabbilizzazzjoni tas-swieq permezz tas-self lill-banek kif ukoll fir-rigward tal-likwidità u tat-tnaqqis tar-rati tal-imgħax.

6.1.5   Huwa ovvju li ġaladarba nkunu għelibna l-kriżi, ser ikollna nerġgħu nikkunsidraw l-objettivi fuq perijodu medju tal-politika baġitarja sabiex l-istabbiltà tal-finanzi pubbliċi ma tkunx mhedda. Meta dan isir, m’għandniex nerġgħu nimponu piż eċċessiv fuq il-fattur tax-xogħol jew obbligi inaċċettabbli fir-rigward tal-infiq. Għalhekk ikun xieraq li nibdew naħsbu minn issa f’approċċi li pereżempju jwasslu għal sorsi ġodda ta’ dħul. Fost affarijiet oħra, li l-infiq tal-Gvern jerġa’ jmur lura għal-livell ta’ qabel il-kriżi m’għandux jiġi kkunsidrat bħala għan fih innifsu. F’sitwazzjoni fejn il-popolazzjoni qed tixjieħ u fejn l-istandards soċjali huma għoljin, bħalma huwa l-każ tal-mudell soċjali Ewropew, livell ogħla ta’ nfiq statali mhuwiex neċessarjament ħaġa ħażina. Barra minn hekk, l-infiq statali ta’ pajjiżi li huma mfaħħra għas-suċċess tal-istrateġija ta’ flessigurtà tagħhom huwa ogħla mill-medja.

6.1.6   Huwa essenzjali li l-miżuri nazzjonali ma jkunux biss ikkomplementati b’miżuri Ewropej iżda li l-azzjonijiet fiż-żewġ livelli jkunu kkoordinati. B’hekk għandhom jinkisbu effetti pożittivi ta’ spillover transkonfinali u l-problema tal-abbuż jew “freeloading” tiġi solvuta. Il-pajjiżi li ma jipparteċipawx fil-pjan ta’ rkupru jistgħu jnaqqsu l-impatt tal-miżuri. Fl-istess ħin il-pajjiżi li jimpenjaw ruħhom b’mod attiv għall-istabbilizzazzjoni tal-ekonomija jġarrbu r-riskju li jiġu kkritikati għad-defiċit tagħhom. B’hekk l-idea ġenerali hija li l-Istati Membri, li minħabba d-daqs tagħhom għandhom impatt sinifikanti fuq l-istampa globali u li għandhom flessibbiltà baġitarja ikbar, għandhom jerfgħu responsabbiltà ikbar.

6.1.7   Aspett pożittiv tad-dokument huwa l-fatt li l-parti dwar it-tħeġġiġ tat-tkabbir tinkludi l-objettivi marbutin mal-ambjent, il-bidla fil-klima u l-enerġija. Barra minn hekk, id-dokument mhuwiex limitat għall-pajjiżi li laħqu livell għoli ta’ żvilupp. Mill-perspettiva globali, l-oppożizzjoni fir-rigwad ta’ miżuri protezzjonisti mhux iġġustifikati hija sinifikanti wkoll.

6.2   Valutazzjoni kwantitattiva

6.2.1   F’din l-opinjoni l-KESE għandu l-intenzjoni li jillimita ruħu għal valutazzjoni makroekonomika ġenerali. Madankollu ser ikompli bil-ħidma tiegħu u ser jeżamina u jevalwa l-proposti u d-deċiżjonijiet bir-reqqa f’opinjoni oħra. F’dan il-kuntest hemm bżonn li jiġu diskussi ċerti bidliet fil-qasam tal-liġi dwar is-sussidji, kif ukoll il-modifiki tar-regoli tal-Fond ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni. Uħud mill-miżuri tal-ġabra wiesgħa ta’ strumenti li għandha l-Kummissjoni ser ikollhom jiġu eżaminati b’mod kritiku. Dawn ser jinkludu t-tnaqqis nonkontroversjali tal-infiq soċjali u tal-VAT fuq is-servizzi li jimpjegaw ħafna nies. Il-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ sussidju u appoġġ mal-kompetizzjoni għandha tiġi analizzata wkoll.

6.2.2   Billi l-pjan ta’ rkupru ekonomiku għandu jiġi appoġġjat minn riformi strutturali, jeħtieġ li dawn ma jmorrux kontra l-objettiv tal-istimolu tad-domanda. Ir-riformi strutturali għandhom pjuttost jitfasslu b’tali mod li jkunu soċjalment aċċettabbli u favorevoli għat-tkabbir u l-impjiegi.

6.2.3   Punt ta’ kritika huwa l-fatt li s-somma ta’ EUR 200 biljun għal sentejn tidher ferm ikbar milli hija fil-verità. Fir-realtà tinkludi ħafna inqas “flus ġodda”. Parti mill-finanzjament li għandu jiġi mill-baġit tal-UE u tal-Bank Ewropew tal-Investiment tikkonsisti minn ħlasijiet li diġà kienu ppjanati. Fil-każ tar-riżorsi nazzjonali, ħafna drabi dawn mhumiex proġetti ġodda addizzjonali iżda pjuttost għadd ta’ miżuri li kienu ġew ippjanati jew saħansitra adottati mill-gvernijiet nazzjonali anke qabel ma tfassal il-pjan ta’ rkupru tal-UE.

7.   Riorganizzazzjoni tas-swieq finanzjarji

7.1   Żewġ kriżijiet waħda wara l-oħra huma raġuni suffiċjenti għal regolazzjoni ġdida tas-swieq tax-xogħol, jiġifieri tat-tranżazzjonijiet, tal-prodotti, tal-parteċipanti, tas-superviżjoni, tal-aġenziji ta’ rating, eċċ., kemm fl-UE u partikolarment fil-livell globali. Dan huwa neċessarju sabiex terġa’ tinkiseb il-fiduċja fil-korpi finanzjarji, il-fiduċja bejn l-istituzzjonijiet u dik tal-investituri u l-konsumaturi. Riforma tas-swieq finanzjarji u l-istabbiliment mill-ġdid tat-tħaddim effettiv tagħhom huma żewġ elementi essenzjali sabiex dawn ikunu jistgħu jaqdu r-rwol tagħhom bħal qabel, li jikkonsisti mill-appoġġ tal-ekonomija reali u l-iżgurar tas-suċċess tal-miżuri mmirati lejn l-irkupru ekonomiku.

7.2   L-Ewropa adottat ħafna mill-iżviluppi mnedija fl-Istati Uniti mingħajr l-ebda analiżi kritika, mill-introduzzjoni tal-hekk imsejħa innovazzjonijiet finanzjarji għall-finanzjament tal-iskemi tal-pensjoni sar-regoli dwar il-kontijiet tal-kumpaniji, u l-konsegwenzi negattivi ta’ dan huma evidenti llum. Fil-ġejjieni jeħtieġ li tingħata importanza ikbar lill-metodi, punti qawwijin, esperjenza u tradizzjonijiet Ewropej, li għandhom jinkludu forom speċifiċi ta’ entitajiet tan-negozju bħall-kooperattivi. Għal dan il-għan għandha tintuża iktar il-“massa kritika” taż-żona tal-Ewro, li żviluppat bis-saħħa tal-proċess ta’ tkabbir. Is-Summit tal-G-20 f’Washington ta sinjali pożittivi u dak li nkiseb permezz ta’ dan is-summit għandu jkompli jiġi żviluppat sas-summit li jmiss li ser isir f’Londra fit-2 ta’ April 2009.

7.3   Il-ħtieġa ta’ riorganizzazzjoni u ta’ sistema ġdida ta’ regolazzjoni tas-swieq finanzjarji mhix indirizzata fil-pjan għall-irkupru ekonomiku tal-Kummissjoni. Il-KESE jittama li l-unika raġuni għal dan hija li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tadotta l-inizjattiva għall-monitoraġġ tas-swieq finanzjarji tal-UE f’Lulju 2009. It-tfassil il-ġdid tar-regoli għandu jqis l-istudji akkademiċi li juru li s-swieq spekulattivi sistematikament jisparaw fiż-żewġ direzzjonijiet hekk kif l-istint tal-merħla jieħu l-kontroll, u mhux biss minħabba l-kummerċ ibbażat fuq il-mudelli informatiċi u s-sistemi ta’ teħid ta’ deċiżjoni użati mill-parteċipanti ewlenin tas-suq. Il-KESE jirriżerva d-dritt li jressaq il-kummenti u l-proposti tiegħu f’dan ir-rigward iktar ’il quddiem u b’rabta ma’ dan jiġbed l-attenzjoni għall-konferenza intitolata “Rien ne va plus” — Kif nistgħu nerġġħu nibnu l-Ekonomija tas-Suq Soċjali Ewropea wara l-Kollass tal-“Kapitaliżmu ta’ Każinò”, li ser jorganizza fi Brussell fit-22 u t-23 ta’ Jannar 2009.

Brussell, il-15 ta’ Jannar 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Għal iktar informazzjoni dwar dan il-pakkett ta’ miżuri, ara l-istqarrija tal-istampa “Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija ta’ Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi” (IP/08/1987).


Top