Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AE0045

Opinjonital-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 717/2007 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi tat-telefonija mobbli fi ħdan il-Komunità u d-Direttiva 2002/21/KE dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi

OJ C 182, 4.8.2009, p. 56–59 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 182/56


Opinjonital-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 717/2007 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi tat-telefonija mobbli fi ħdan il-Komunità u d-Direttiva 2002/21/KE dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi

COM(2008) 580 finali — 2008/0187 (COD)

(2009/C 182/12)

Rapporteur ġenerali: is-Sur HENCKS

Nhar is-6 ta’ Novembru 2008, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 717/2007 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi tat-telefonija mobbli fi ħdan il-Komunità u d-Direttiva 2002/21/KE dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi

COM(2008) 580 finali — 2008/0187 (COD).

Nhar il-21 ta’ Ottubru 2008, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ħatar lis-Sur HENCKS bħala rapporteur ġenerali matul l-450 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet nhar l-14 u l-15 ta’ Jannar 2009 (seduta tal-15 ta’ Jannar), u adotta din l-opinjoni b’132 vot favur u vot wieħed kontra.

1.   Konklużjonijiet

1.1   L-objettiv iddikjarat tar-Regolament (KE) 717/2007, li kien li jippermetti li l-utenti tas-servizzi mobbli permezz tar-roaming ma jħallsux prezz eċċessiv meta jagħmlu jew jirċievu sejħiet, intlaħaq b’mod ġenerali; 400 miljun konsumatur għalhekk issa jibbenifikaw minn Ewrotariffa.

1.2   Madankollu, skont il-Kummissjoni, l-iżvilupp tat-tariffa għal servizzi roaming bil-vuċi madwar il-Komunità wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament imsemmi hawn fuq mhuwiex konvinċenti biżżejjed biex wieħed jasal għall-konklużjoni li, mingħajr miżuri regolatorji, il-kompetizzjoni se tkun waħda sostenibbli fis-swieq bl-ingrossa u bl-imnut minn Ġunju 2010 ’l quddiem; il-prezzijiet bl-ingrossa u bl-imnut ma jvarjawx biżżejjed taħt il-livelli massimi stabbiliti mir-Regolament sabiex jippermettu kompetizzjoni b’saħħitha.

1.3   Għalhekk, sabiex il-konsumaturi jkollhom l-assigurazzjoni li ma jħallsux prezz eċċessiv meta jagħmlu jew jirċievu sejħa roaming regolata, il-proposti ewlenin tal-Kummissjoni huma:

li testendi r-Regolament 717/2007 sat-30 ta’ Ġunju 2013;

li tkompli tnaqqas, matul il-perjodu ta’ estensjoni, il-prezz massimu għal kull minuta tas-sejħa, b’rata ta’ 0,03 euro fis-sena,

li tistabbilixxi prezzijiet roaming massimi għall-SMSs (bl-ingrossa u bl-imnut) u għat-trażmissjoni tad-data (prezz bl-ingrossa).

1.4   Il-KESE japprova t-tnaqqisiet ġodda fit-tariffi massimi għal sejħiet roaming bil-vuċi, u jemmen li huma proporzjonati u xierqa.

1.5   Japprova wkoll l-introduzzjoni ta’ prezz massimu ta’ Ewrotariffa għal messaġġi SMS bl-imnut u l-introduzzjoni ta’ limitu fuq il-prezzijiet bl-ingrossa.

1.6   Fir-rigward tas-servizzi roaming għat-trażmissjoni tad-data, il-KESE jiddispjaċih li l-proposta sabiex jitnaqqsu l-prezzijiet tapplika biss għal servizzi tad-data bl-ingrossa, għalkemm il-prezzijiet bl-imnut huma eċċessivi wkoll minħabba nuqqas ta’ pressjoni suffiċjenti mill-kompetizzjoni.

1.7   Fl-aħħar nett, il-KESE jemmen li huwa importanti immens li jissaħħaħ id-dritt tal-konsumaturi għal tagħrif sabiex jingħataw protezzjoni aħjar u iktar trasparenza fir-rigward tal-prezzijiet.

2.   Sfond

2.1   Il-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta’ Marzu 2006 wasal għall-konklużjoni li kienu essenzjali politiki speċifiċi, effiċjenti u integrati fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni kemm fil-livell Ewropew kif ukoll dak nazzjonali sabiex jintlaħqu l-objettivi tat-tkabbir ekonomiku u ta’ produttività tal-Istrateġija ta’ Liżbona, u f’dan ir-rigward, enfasizza l-importanza għall-kompetittività li jitnaqqsu t-tariffi tar-roaming.

2.2   Qabel dan, f’diversi okkażjonijiet, il-Kummissjoni kienet diġà esprimiet it-tħassib tagħha dwar il-prezzijiet bl-imnut eċċessivi li l-utenti tan-netwerks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet mobbli jridu jħallsu meta jużaw iċ-ċellulari tagħhom barra mill-pajjiż, fi ħdan il-Komunità (tariffi ta’ roaming Komunitarju), minħabba livell għoli ta’ prezzijiet bl-ingrossa mħallsa lill-operatur tan-netwerk barrani u, f'ħafna każijiet, ta’ marġni għoljin fuq il-prezz bl-imnut mitluba mill-operatur tan-netwerk tal-abbonat.

2.3   Il-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi tal-2002 ma pprovdiex lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali strument adegwat biex jittieħdu l-miżuri neċessarji rigward il-prezzijiet eċċessivi ta’ roaming Komunitarju.

2.4   F’dawn il-kondizzjonijiet, l-Unjoni Ewropea, fuq il-bażi tal-Artikolu 95 tat-Trattat KE, għamlet intervent fis-suq permezz ta’ Regolament (1), sabiex, għall-perjodu ta’ bejn l-1.9.2007 u t-30.9.2010, tistabbilixxi

limitu fuq il-prezzijiet bl-ingrossa għal kull minuta,

“Ewrotariffa” massima għas-suq tal-bejgħ bl-imnut,

li l-operaturi ta’ netwerk mobbli jistgħu jiċċarġjaw għall-forniment ta’ servizzi ta’ roaming internazzjonali għal komunikazzjonijiet mobbli bil-vuċi li jibdew u jispiċċaw fil-Komunità.

2.5   Fl-opinjoni tiegħu dwar is-suġġett (2), il-KESE approva l-proċess u kien tal-opinjoni li l-intervent tal-Unjoni kien wieħed neċessarju, proporzjonat u barra minn hekk għolla l-livell ta’ ħarsien tal-konsumaturi, b’mod partikolari billi saħħaħ id-dritt tagħhom ta’ aċċess għall-informazzjoni grazzi għal miżuri ta’ trasparenza u billi pproteġa l-interessi ekonomiċi tagħhom permezz tal-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmu li jikkonsisti fl-istabbiliment ta’ limiti ta’ tariffi preventivi għall-forniment ta’ servizzi ta’ roaming b’rabta mal-komunikazzjonijiet mobbli bil-vuċi bejn l-Istati Membri.

2.6   Fil-pożizzjoni li ħa, il-Parlament Ewropew approva li l-approċċ komuni għandu jiġi stabbilit għal perjodu limitat iżda talab li dan ikun jista’ jiġi estiż jew emendat fid-dawl ta’ eżami li għandu jitwettaq mill-Kummissjoni, qabel it-3 ta’ Diċembru 2008, li għandu jeżamina wkoll l-impatt tar-Regolament fuq il-fornituri żgħar tat-telefonija mobbli fil-Komunità u fuq il-pożizzjoni tagħhom fis-suq Komunitarju kollu tar-roaming.

2.7   Meta wieħed iqis li, minbarra t-telefonija bil-vuċi, servizzi ġodda ta’ komunikazzjoni ta’ data mobbli qegħdin isiru dejjem iżjed popolari, il-Parlament Ewropew stieden lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tosserva l-iżviluppi tas-suq tar-roaming tas-servizzi ta’ komunikazzjoni tad-data, li jinkludu l-SMSs (short message service) u l-MMSs (multimedia messaging service) fil-Komunità.

3.   Il-proposta tal-Kummissjoni:

3.1   Il-proposta tar-Regolament imsemmi hija bbażata fuq Komunikazzjoni (3) li twassal għal evalwazzjoni mill-ġdid tal-funzjonament tar-Regolament 717/2007, u għal żewġ dokumenti ta’ ħidma (4) tal-Kummissjoni.

3.2   Skont dawn id-dokumenti, il-prezzijiet bl-ingrossa u bl-imnut tas-sejħiet roaming bil-vuċi ma tantx ivarjaw mil-livelli massimi stabbiliti mir-Regolament 717/2007 sabiex b’hekk ikun hemm il-possibiltà ta’ kompetizzjoni b’saħħitha.

3.3   Is-servizzi roaming tal-SMSs u tad-data jirrappreżentaw rispettivament 12,3 u 8,6 % tal-kontijiet fis-settur tar-roaming. Il-prezzijiet tal-SMSs permezz tar-roaming, b’mod ġenerali, ma tantx varjaw matul is-sena li għaddiet minkejja l-pressjoni politika imposta fuq l-operaturi sabiex inaqqsu l-prezzijiet u b’hekk jevitaw regolamentazzjoni uffiċjali.

3.4   Konsegwentement, billi r-Regolament (KE) Nru 717/2007 ma wassalx għal kompetizzjoni f’saħħitha u meta wieħed iqis li huwa impossibbli li l-kompetizzjoni tingħata spinta mill-ġdid permezz ta’ żieda fl-ammont ta’ operaturi alternattivi peress li l-frekwenzi huma riżors limitat, il-Kummissjoni kienet obbligata tressaq dawn il-proposti li ġejjin:

li testendi r-Regolament attwali lil hinn mit-30 ta’ Ġunju 2010 għal perjodu ulterjuri ta’ tliet snin;

li tistipula limiti massimi ġodda fuq it-tariffi li l-operaturi mobbli jistgħu jitolbu għal sejħiet roaming bil-vuċi matul il-perjodu estiż ta’ validità;

li tippreċiża l-eżiġenzi tal-kontijiet għal kull sekonda;

li tavvanza d-data għat-tnaqqis tal-limiti fuq il-prezzijiet ta’ sejħiet roaming bil-vuċi mit-30 ta' Awwissu għall-1 ta’ Lulju 2009;

li twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 717/2007 għas-servizzi roaming intraKomunitarji tal-SMSs;

li tistabbilixxi limitu ta’ prezz għat-tariffa bl-ingrossa għas-servizzi roaming tad-data u li tistabbilixxi trasparenza u mekkaniżmi preventivi;

li tippromovi t-trasparenza fil-prezzijiet.

4.   Osservazzjonijiet speċifiċi

4.1   Fl-opinjoni tiegħu rigward ir-Regolament 717/2007, il-KESE laqa’ bi pjaċir l-objettiv tal-Kummissjoni li twettaq tnaqqis fit-tariffi tar-roaming sa 70 %, fatt li jfisser li l-konsumatur se jiffranka madwar 5 biljun euro.

4.2   Bil-proposta tiegħu għal tnaqqis ġdid tal-prezzijiet massimi msemmija hawn taħt, dan l-objettiv se jinqabeż fir-rigward tas-sejħiet riċevuti (–76 %) filwaqt li għas-sejħiet magħmula it-total tat-tnaqqis se jkun ta’ 55,8 %.

euro/minuta mingħajr VAT

Prezz bl-ingrossa

Diff. %

Prezz bl-imnut MOC  (5)

Diff. %

Prezz bl-imnut MTC  (6)

Diff. %

prezz medju qabel l-1.9.2007

 

 

0,7692

 

0,417

 

 

 

 

 

 

 

 

Regolament 717/2007

 

 

 

 

 

 

prezz massimu 1.9.2007-31.8.2008

0,30

 

0,49

 

0,24

 

prezz massimu 1.9.2008-30.6.2009 (7)

0,28

6,67

0,46

6,12

0,22

8,33

prezz massimu 1.7.2009 (7)-30.6.2010

0,26

7,14

0,43

6,52

0,19

13,64

 

 

 

 

 

 

 

Proposta għal Regolament COM(2008)580

 

 

 

 

 

 

prezz massimu 1.7.2010-30.6.2011

0,23

11,54

0,40

6,98

0,16

15,79

prezz massimu 1.7.2011-30.6.2012

0,20

13,04

0,37

7,50

0,13

18,75

prezz massimu 1.7.2012-30.6.2013

0,17

15,00

0,34

8,11

0,10

23,75

 

 

 

 

 

 

 

tnaqqis totali

 

 

0,4292

55,79

0,317

76,01

4.3   Il-KESE japprova l-miżuri l-ġodda u jifraħ lill-Kummissjoni għall-inizjattiva neċessarja u proporzjonata tagħha li ssaħħaħ ukoll id-dritt tal-konsumatur għall-informazzjoni sabiex jingħata protezzjoni aħjar u iktar trasparenza fir-rigward tal-prezzijiet.

4.4   Il-KESE jinnota b’sodisfazzjon li skont it-tagħrif provdut mill-Kummissjoni, it-tnaqqis fit-tariffi introdott mir-Regolament 717/2007 ma wassal għal ebda tnaqqis fl-impjieg jew kundizzjonijiet ta’ xogħol agħar fis-settur.

4.5   F’dawn id-dokumenti ta’ analiżi, il-Kummissjoni tagħmel differenza bejn il-formoli ta’ pagament tas-servizzi bil-vuċi u l-SMSs imħallsa minn qabel (“prepaid”) jew imħallsa wara (“postpaid”). Issa, din id-differenza mhijiex meqjusa fl-istruttura tariffarja stabbilita jew proposta mill-Kummissjoni, filwaqt li għall-operaturi, il-profitt ekonomiku jvarja sostanzjalment bejn iż-żewġ kategoriji.

4.6   Barra minn hekk, il-KESE huwa tal-opinjoni li d-domanda tal-Parlament Ewropew fejn dan jitlob li jiġi eżaminat l-impatt tar-Regolament fuq il-fornituri żgħar tat-telefonija mobbli fil-Komunità u fuq il-pożizzjoni tagħhom fis-suq Komunitarju kollu tar-roaming, ġiet trattata biss b’mod vag ħafna.

4.7   Fl-opinjoni tiegħu dwar ir-Regolament 717/2007, il-KESE kien esprima t-tħassib tiegħu li l-applikazzjoni tar-Regolament ma tinkludix aġġustament mill-ġdid tat-tariffi tal-komunikazzjonijiet mobbli nazzjonali u ma twassalx sabiex l-operaturi, f’ċerti ċirkostanzi, jirkupraw l-ispejjeż billi jżidu l-kontijiet ġġenerati minn servizzi oħra.

4.8   Skont il-Kummissjoni, wara d-dħul fis-seħħ tal-ewwel prezzijiet massimi obbligatorji, ma ġie rreġistrat l-ebda żieda fit-tariffi nazzjonali li setgħu kienu speċifikament attribwiti għar-Regolament 717/2007. Madankollu, xi operaturi introduċew żidiet konsiderevoli fit-tariffi tar-roaming lejn jew minn pajjiżi mhux fl-UE, li jaqgħu barra mill-mandat tal-Kummissjoni u korpi regolatorji nazzjonali.

4.9   Rigward il-fatturazzjoni tad-dewmien tas-sejħiet, anke jekk ir-rati tat-tariffa bl-imnut stabbiliti mir-Regolament huma espressi permezz ta’ rati għal kull minuta, is-soluzzjoni preferuta mill-Kummissjoni kienet dik li tippermetti li l-operaturi jitħallew jitolbu ħlas massimu ta’ tqabbid ekwivalenti għall-ewwel 30 sekonda ta’ sejħa roaming li ssir, u wara l-ħlas isir għal kull sekonda.

4.10   Madankollu, bosta operaturi komplew jużaw il-prattiki antiki tagħhom, u kultant saħansitra jbiddlu l-istruttura tariffarja tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jitolbu ħlas għal perjodi itwal minn 30 sekonda, li jitilgħu sa 60 sekonda. Ġie rreġistrat li l-ħlas mitlub għas-sejħiet magħmula jaqbeż b’medja ta’ 24 % it-tul effettiv tas-sejħiet imsemmija.

4.11   Il-proposta l-ġdida tal-Kummissjoni timponi, mill-1 ta’ Lulju 2009, li għal kull sejħa roaming riċevuta jew magħmula, it-tariffi jkunu stabbiliti għal kull sekonda, madankollu bil-possibiltà li jiġi applikat perjodu fiss ta’ fatturazzjoni li ma jaqbiżx it-30 sekonda. Dan il-perjodu ta’ fatturazzjoni ta’ 30 sekonda huwa ġustifikat mill-fatt li kull sejħa, tkun kemm tkun qasira, tagħmel użu minn mezzi tekniċi importanti.

4.12   Madankollu, din id-deroga għar-regola ġenerali tal-fatturazzjoni għal kull sekonda tapplika biss għas-sejħiet magħmula, filwaqt li s-sejħiet riċevuti jeħtieġu wkoll appoġġ tekniku sostanzjali.

4.13   Il-proposta tal-Kummissjoni tavvanza d-data tat-tnaqqis tar-rati tal-prezzijiet bl-ingrossa u bl-imnut tas-sejħiet roaming bil-vuċi mit-30 ta’ Awwissu għall-1 ta’ Lulju 2009, sabiex l-utenti jibbenifikaw mit-tariffi l-ġodda matul il-perjodu tal-ogħla domanda. Dan kollu jassumi li dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ mill-aktar fis possibbli.

4.14   Il-proposta msemmija tintroduċi, mill-1 ta’ Lulju 2009 sal-30 ta' Ġunju 2013 l-“Ewrotariffa” massima għall-SMSs, li ma tistax taqbeż il-0.11-il euro, u livell għall-prezzijiet bl-ingrossa ta’ 0,04 euro.

4.15   Rigward is-servizz roaming tad-data, il-proposta tal-Kummissjoni ma tipprevedix, f’dan l-istadju, regolamentazzjoni dwar il-livell tal-prezz bl-imnut, iżda tistabbilixxi limitu medju tal-prezz bl-ingrossa stabbilit għal 1 EUR/MB li jibda japplika mill-1.7.2009. Madankollu, fil-premessi tar-Regolament li qed jiġi analizzat, il-Kummissjoni nnotat il-livell għoli tal-prezzijiet bl-imnut għal servizzi tar-roaming tad-data u n-nuqqas ta’ kompetizzjoni f’dawn is-servizzi, b’mod partikulari peress li fil-fehma tagħha jeħtieġ li jsir iżjed sabiex tittejjeb it-trasparenza tal-prezzijiet.

4.16   F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-KESE għandu dubji serji dwar kemm l-użu ta’ mezzi oħra għall-aċċess ta’ servizzi tad-data, bħall-aċċess pubbliku bla fil għall-internet, jista’ jeżerċita l-pressjoni kompetittiva meħtieġa. Il-KESE kien jippreferi li kieku l-Kummissjoni tintervjeni minnufih ukoll fuq il-prezzijiet ta’ dan is-suq.

4.17   Min-naħa l-oħra, il-proposta tipprevedi l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu li jinterrompi s-servizz sabiex jintlaħaq limitu li jista’ jiġi definit liberament mill-klijent, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ avviż permezz ta’ messaġġ awtomatiku hekk kif dan il-limitu jkun se jintlaħaq.

4.18   Tali approċċ, hu kemm hu adegwat, jippreżenta ċerti problemi tekniċi sostanzjali u jirriskja li jpoġġi lill-klijent f’sitwazzjoni li ma jkunx jista’ joħroġ minnha jekk ma jkollux il-possibiltà li permezz ta’ sempliċi manipulazzjoni jestendi l-limitu li stabbilixxa għalih innifsu. Barra minn hekk, dan l-approċċ bilkemm huwa konformi mal-ħtieġa tat-trasparenza u l-orjentazzjoni tat-tariffi b’rabta mal-ispejjeż. Il-KESE jiddispjaċih li dawn il-kwistjonijiet ma ġewx trattati fl-istudju ta’ impatt pertinenti.

4.19   Il-proposta tal-Kummissjoni għandha wkoll l-għan li tippromovi t-trasparenza tal-prezzijiet. Sabiex dan iseħħ, hija għandha l-intenzjoni li testendi l-obbligu impost fuq il-fornituri tat-telefonija mobbli li jagħtu lill-abbonati tar-roaming tagħhom informazzjoni personalizzata dwar it-tariffi, kemm dwar l-SMSs u kemm dwar is-servizz roaming tad-data, hekk kif huma jidħlu fi Stat Membru ieħor.

4.20   Il-KESE japprova din il-miżura filwaqt li jisħaq fuq il-ħtieġa li jintbagħtu messaġġi ta’ informazzjoni multipli kull darba li tinqasam fruntiera, u li jiġi żgurat li l-informazzjoni dwar il-prezzijiet tkun ċara, li tinftiehem u li tista’ titqabbel ma’ offerti alternattivi.

Brussell, il-15 ta’ Jannar 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Regolament (KE) Nru 717/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2007 dwar roaming fuq networks pubbliċi tat-telefonija mobbli fi ħdan il-Komunità u li jemenda d-Direttiva 2002/21/KE.

(2)  Rapporteur is-Sur Hernández Bataller, ĠU C 324, 30.12. 2006, p. 42.

(3)  COM(2008) 579 finali.

(4)  SEC(2008) 2489 u SEC(2008) 2490.

(5)  MOC = mobile originating call/sejħa magħmula.

(6)  MTC = mobile terminal call/sejħa riċevuta.

(7)  Il-Kummissjoni tipproponi li ġġib ’il quddiem id-data stabbilita inizjalment għat-30 ta’ Awwissu 2009 b’xahrejn.


Top