Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AE0044

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 549/2004, (KE) Nru 550/2004, (KE) Nru 551/2004 u (KE) Nru 552/2004 biex itejjeb il-prestazzjoni u s-sostenibbiltà tas-sistema Ewropea tal-avjazzjoni

OJ C 182, 4.8.2009, p. 50–55 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 182/50


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 549/2004, (KE) Nru 550/2004, (KE) Nru 551/2004 u (KE) Nru 552/2004 biex itejjeb il-prestazzjoni u s-sostenibbiltà tas-sistema Ewropea tal-avjazzjoni

COM(2008) 388 finali — 2008/0127 (COD)

Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 216/2008 fil-qasam tal-ajrudromi, il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u s-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u li jħassar id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/23/KEE

COM(2008) 390 finali — 2008/0128 (COD)

(2009/C 182/11)

Rapporteur: Is-Sur KRAWCZYK

Nhar l-4 ta’ Settembru 2008 u t-18 ta’ Lulju 2008 rispettivament, il-Kunsill Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 80(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 549/2004, (KE) Nru 550/2004, (KE) Nru 551/2004 u (KE) Nru 552/2004 biex itejjeb il-prestazzjoni u s-sostenibbiltà tas-sistema Ewropea tal-avjazzjoni

COM(2008) 388 finali — 2008/0127 (COD)

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 216/2008 fil-qasam tal-ajrudromi, il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u s-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u li jħassar id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/23/KEE

COM(2008) 390 finali — 2008/0128 (COD)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ Novembru 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur KRAWCZYK.

Matul il-450 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-14 u l-15 ta’ Jannar 2009 (seduta tal-15 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’131 vot favur u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   L-implimentazzjoni f’waqtha u kompleta tal-Ajru Uniku Ewropew (SES), imsejsa fuq il-proposta tal-Kummissjoni hija pass ewlieni ’l quddiem lejn integrazzjoni Ewropea akbar u t-tisħiħ tas-suq komuni Ewropew. Hija ssaħħaħ ukoll il-koeżjoni soċjali u l-mobbiltà soċjali Ewropea.

Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni bħala pass importanti lejn l-implimentazzjoni reali tal-Ajru Uniku Ewropew. Dan il-pakkett, magħruf bħala Ajru Uniku Ewropew II (SES II) jindirizza ħafna min-nuqqasijiet li seħħew tul l-implimentazzjoni tal-SES I introdott fl-2004.

1.2.1   Għalhekk il-proposta leġiżlattiva SES II m’għandhiex tiddewwem u l-KESE jitlob lil-leġiżlatur tal-UE sabiex jintlaħaq ftehim finali qabel Marzu 2009. Sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-Ajru Uniku Ewropew, jenħtieġ li l-leġiżlatur tal-UE (il-Kunsill u l-Parlament) ma jdgħajjifx is-saħħa tal-proposti tal-Kummissjoni f’dan il-kuntest.

1.3   Fuq kollox ir-rekwiżiti għas-sigurtà għandhom jiżdiedu b’mod parallel maż-żjieda fit-traffiku.

1.4   B’mod partikolari l-KESE jappoġġja bil-qawwi:

Il-proposti marbutin mal-qafas ta’ monitoraġġ tal-prestazzjoni u mal-miri ta’ prestazzjoni vinkolanti sa kemm il-prestazzjoni hi evalwata fuq il-bażi ta’ erba’ kriterji ewlenin: is-sigurtà, il-kapaċità, l-ambjent u l-kosteffettività.

It-twessiegħ tal-kompetenzi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà fl-Avjazzjoni (EASA) bl-inklużjoni tas-sigurtà tal-ajrudromi u tal-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (ATM)/ Servizzi tan-Navigazzjoni tal-Ajru (ANS).

Ir-rikonoxximent tal-importanza tal-fattur uman fis-sigurtà tal-ajru.

Aktar sforz biex tiżdied il-kompetenza tal-persunal responsabbli mis-sigurtà, bl-implimentazzjoni ta’ “Kultura Ġusta”.

Ir-riformulazzjoni tal-Artikolu 5 tar-Regolament dwar il-forniment tas-servizzi tal-ajru, li tħassar mill-proposta Ajru Uniku Ewropew II, sabiex tippermetti l-estensjoni tas-sistema ta’ ċertifikazzjoni għall-persunal kollu li huwa responsabbli mis-sigurtà u fuq kollox għall-ATSEP (Air Traffic Safety Electronics Personnel).

L-għażla tas-sena 2012 bħala l-limitu taż-żmien għall-implimentazzjoni tat-taqsimiet funzjonali tal-ispazju tal-ajru.

It-titjib tas-SESAR u tal-metodi ta’ finanzjament tiegħu.

It-tisħiħ tal-funzjonijiet tan-Netwerk Ewropew tal-ATM.

Ir-riforma tal-EUROCONTROL.

Ir-rikonoxximent tal-limitazzjonijiet tal-kapaċità tal-ajruporti.

Emenda fuq Artikolu 18 a — il-KESE mhuwiex kontra li jsir studju sakemm l-għan tiegħu ma jkunx il-ftuħ tas-servizzi anċillari tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru għall-kompetizzjoni.

1.5   L-implimentazzjoni tal-SES II ser ittejjeb l-ATM u ser tagħti kontribut għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-industrija tal-linji tal-ajru. Rotot iqsar jistgħu jiffrankaw kważi 5 miljun tunnellata ta’ CO2 fis-sena. It-titjib kemm fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru kif ukoll fl-operat tal-ajruporti jista’ jnaqqas l-emissjonijiet bi 12 % għal kull titjira fuq distanza medja, jew b’16-il miljun tunnellata ta’ CO2 fis-sena.

1.6   L-SES II huwa appoġġjat ħafna minn diversi partijiet interessati madanakollu xorta hemm bżonn ta’ aktar konsultazzjoni dwar ir-regolamenti tal-implimentazzjoni wara l-approvazzjoni tal-SES II. Għandu jkun hemm konsultazzjoni f’kull livell tal-implimentazzjoni tal-SES II (UE, nazzjonali u reġjonali) u fost l-imsieħba/il-partijiet interessati soċjali u/jew industrijali.

1.7   L-implimentazzjoni tal-SES II ser toffri diversi benefiċċji liċ-ċittadini u lill-konsumaturi, fosthom:

Livelli ogħla ta’ sigurtà.

Ħinjiet ta’ vjaġġar iqsar.

Servizz/prestazzjoni aħjar, inkluż skeda aktar affidabbli u aktar prevedibbli li tfisser anqas telf tal-konnessjonijiet għall-passiġġieri.

Prezzijiet orħos minħabba t-tnaqqis fl-ispejjeż tal-linji tal-ajru.

Marka tal-karbonju personali (carbon footprint) iżgħar.

2.   Daħla

2.1   L-adozzjoni mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 li jistipula l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (1), tar-Regolament (KE) Nru 550/2004 dwar il-forniment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru fl-Ajru Uniku Ewropew (2), tar-Regolament (KE) Nru 551/2004 dwar l-organizzazzjoni u l-użu tal-ispazju tal-arja fl-Ajru Uniku Ewropew (3), u tar-Regolament (KE) Nru 552/2004 dwar l-interoperabbiltà tax-Xibka Ewropea ta’ Amministrazzjoni tat-Traffiku tal-Ajru (4) (l-ewwel pakkett tal-leġiżlazzjoni dwar l-Ajru Uniku Ewropew) stipulat il-bażi legali għal sistema tal-ATM uniformi u interoperabbli fil-livell Ewropew. Fl-2002 il-KESE indirizza r-Regolamenti proposti fl-opinjonijiet tiegħu — TEN 080 Programm ta’ Azzjoni/l-Ajru Uniku Ewropew u TEN 098 Implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew.

2.2   Iż-żieda kbira fit-trasport bl-ajru qed tħalli l-effetti tagħha fuqil-kapaċità tal-infrastruttura: 28 000 titjira kuljum minn 4 700 ajruplan kummerċjali qegħdin jagħfsu kemm lill-ajruporti kif ukoll lill-qasam tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM). It-tkabbir tal-UE u politika tal-viċinat attiva, kabbar is-suq tal-avjazzjoni tal-Ewropa għal 37 pajjiż b’aktar minn 500 miljun ċittadin (5).

2.3   Il-frammentazzjoni tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru xxekkel l-aħjar użu tal-kapaċità u titfa’ piż finanzjarju żejjed fuq l-avjazzjoni ta’ madwar EUR 1 biljun (normalment, l-ajruplani jtiru 49 km iktar milli meħtieġ). Fl-2007, titjiriet ineffiċjenti wasslu għal devjazzjonijiet ta’ 468 Mkm li rriżultaw fi spejjeż addizzjonali ta’ EUR 2.4 biljun għall-industrija tal-kumpaniji tal-ajru. Id-dewmien fil-ġestjoni tal-flussi tat-traffiku tal-ajru tela’ għall-21.5 miljun minuta fl-2007 li rriżultaw fi spejjeż żejda ta’ EUR 1.3 biljun għall-kumpaniji tal-ajru u konsegwentement għall-klijenti tagħhom ukoll.

2.4   Bi tweġiba għat-talba qawwija min-naħa tal-industrija, l-Istati Membri u l-partijiet interessati l-oħra, għas-semplifikazzjoni u ż-żjieda fl-effikaċja tal-qafas regolatorju tal-avjazzjoni fl-Ewropa, f’Lulju 2007, il-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-futur tal-qafas regolatorju għall-avjazzjoni fl-Ewropa ressaq rapport li kien jinkludi sett ta’ rakkomandazzjonijiet dwar kif wieħed jista’ jtejjeb il-prestazzjoni u l-gvernanza tas-sistema Ewropea tal-avjazzjoni. Dan ir-rapport u r-rapporti tal-Kummissjoni tal-Eurocontrol għall-Analiżi tal-Prestazzjoni kkonfermaw li n-Netwerk Ewropew għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (EATMN) għandu jitfassal u jiġi implimentat b’kunsiderazzjoni tal-effiċjenza, is-sigurtà u sostenibbiltà ambjentali tan-netwerk tat-trasport bl-ajru kollu kemm hu.

2.5   F’Diċembru 2007 l-EASA bagħtet opinjoni dwar l-ajrudromi lill-Kummissjoni. F’April 2008 hija bagħtet l-opinjoni tagħha dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u s-servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru fejn ħeġġet it-twettiq finali tal-proċess li tnieda fl-2002 biż-żjieda ta’ aspetti ta’ sigurtà fl-ajrudromi u fl-ATM/ANS (Servizzi tan-Navigazzjoni tal-Ajru) fil-ħidmiet fdati lill-EASA.

2.6   Il-Pakkett ta’ Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea — l-Ajru Uniku Ewropew II: lejn sistema Ewropea tal-avjazzjoni aktar sostenibbli u aktar effiċjenti, ref COM(2008) 388, COM(2008) 389/2, COM(2008) 390 ġie ppubblikat fil-25 ta’ Ġunju 2008.

3.   Il-Proposta tal-Kummissjoni (SES II)

3.1   Sabiex jitwettaq il-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew, jeħtieġ l-addozzjoni ta’ miżuri addizzjonali fil-livell Komunitarju biex tittejjeb il-prestazzjoni tas-sistema Ewropea tal-avjazzjoni f’oqsma prinċipali bħal pereżempju: is-sigurtà, il-kapaċità, titijiriet effiċjenti bi prezz effiċjenti u f’ambjent mibni fuq il-prinċipji tas-sigurtà.

L-Ajru Uniku Ewropew II (SES) huwa msejjes fuq erba’ pilastri:

L-ewwel pilastru jħaddan sistema ta’ regolamentazzjoni tal-prestazzjoni:

a)

It-titjib tal-prestazzjoni tas-sistema ATM permezz tal-ħolqien ta’ korp indipendenti għall-analiżi tal-prestazzjoni li jimmonitorja u jevalwa l-prestazzjoni tas-sistema. Huwa jiżviluppa indikaturi għal diversi oqsma ta’ prestazzjoni u jipproponi miri għall-Komunità kollha (jiġifieri dewmien, tnaqqis fl-ispiża, taqsir ta’ rotot). Il-Kummissjoni ser tipprovdi l-miri ta’ prestazzjoni u ser tgħaddihom lill-livell nazzjonali. Il-miri miftehma huma vinkolanti.

b)

L-iffaċilitar tal-integrazzjoni tal-forniment tas-servizz permezz tal-appoġġ tal-Kummissjoni għall-ħolqien ta’ taqsimiet funzjonali tal-ispazju tal-ajru billi: jingħataw skadenzi għall-implimentazzjoni stretti (sa mhux aktar tard minn tmiem l-2012); jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni biex jiġbor fih il-parti l-baxxa tal-ispazju tal-ajru kif ukoll l-ajruport u jitneħħew l-ostakoli ġuridiċi u istituzzjonali nazzjonali.

c)

It-tisħiħ tal-funzjoni tal-ġestjoni tan-netwerk permezz ta’ firxa ta’ ħidmiet imwettqa minn atturi differenti li jinkludu: it-Tfassil tan-Netwerk Ewropew tar-Rotot, il-Ġestjoni tar- Riżorsi Skarsi, il-Ġestjoni tal-Fluss tat-Traffiku u l-Ġestjoni tal-użu tat-teknoloġiji tas-SESAR u x-xiri tal-elementi infrastrutturali madwar l-Ewropa kollha.

It-tieni pilastru — il-qafas ta’ sigurtà uniku

Il-kompetenzi tal-EASA ilhom jiżviluppaw b’mod progressiv sa mill-2002 biex ikopru l-oqsma taċ-ċertifikazzjoni tal-ajruplani, l-operat tal-ajruplani u l-liċenzji tal-ekwipaġġ tal-ajru. B’segwitu ta’ dan l-approċċ, il-Kummissjoni tipproponi l-estensjoni tal-kompetenza tal-Aġenzija għall-bqija tal-oqsma ewlenin ta’ sigurtà tal-ajrudromi u tal-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru/is-Servizzi tan-Navigazzjoni tal-Ajru.

It-tielet pilastru tas-SESAR — il-parti teknoloġika u operattiva tal-SES:

L-Ewropa għandha tħaffef l-iżvilupp tas-sistema tal-ATM tagħha sabiex twieġeb għall-isfidi u tissinkronizza l-iskjeramenti kemm fl-art u waqt it-titjira. Il-programm SESAR huwa maħsub biex iżid il-livelli ta’ sigurtà b’fattur ta’ għaxra, b’mod li jkun kapaċi jikkontrolla żieda ta’ tliet darbiet akbar fit-traffiku b’inqas min-nofs l-ispiża tal-lum għal kull titjira. Fl-2006, il-KESE ħejja l-opinjoni — TEN 232 — fejn appoġġja bis-sħiħ l-implimentazzjoni tal-programm SESAR.

Ir-raba’ pilastru — il-ġestjoni tal-kapaċità fl-art:

Dan se jinkludi: użu aħjar tal-infrastruttura eżistenti, ippjanar infrastrutturali mtejjeb, il-promozzjoni tal-intermodalità, it-titjib fl-aċċess għall-ajruporti u l-Osservatorju tal-Komunità dwar il-Kapaċità tal-Ajruporti.

4.   Kummenti speċifiċi

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-Iskema ta’ Prestazzjoni għall-ANSPs (ref. Artikolu 11).

4.1.1   Il-KESE jilqa’ l-Qafas ta’ Prestazzjoni propost (l-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Qafas). Il-KESE jemmen li l-ħolqien ta’ din l-iskema ta’ prestazzjoni ser itejjeb is-servizz. Sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ajru Uniku Ewropew, huwa essenzjali li l-leġiżlatur tal-UE (il-Kunsill u l-Parlament) ma jdgħajjifx il-proposti tal-Kummissjoni f’dan il-kuntest.

4.1.2   Il-KESE jilqa’ l-Qafas ta’ Prestazzjoni propost (l-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Qafas), sakemm il-prestazzjonijiet jiġu evalwati skont erba’ prinċipji fundamentali, li huma — f’ordni ta’ importanza: is-sigurtà, il-kapaċità, l-ambjent u l-kosteffettività.

4.1.3   Huwa importanti li l-miri nazzjonali/reġjonali jkunu konsistenti mal-miri tan-netwerk globali u għalhekk huwa essenzjali li l-Kummissjoni tapprova l-pjanijiet ta’ prestazzjoni nazzjonali (reġjonali). Dan jitlob ukoll proċess ta’ konsultazzjoni effettiv u effiċjenti fil-livell Ewropew, reġjonali u nazzjonali sabiex jiġi żgurat li l-miri u l-għanijiet tal-ANSPs individwali huma kompatibbli u jikkumplementaw l-għanijiet tal-SES.

4.1.4   Il-KESE jemmen li l-ewwel nett għandhom jiġu enfasizzati s-sigurtà, it-titjiriet effiċjenti bi prezz effiċjenti(l-ambjent tat-titjira)u l-kapaċità (dewmien) qabel ma wieħed jgħaddi għal oqsma oħra. L-istipular tal-miri għandu jinkludu bilanċ adegwat bejn l-oqsma varji ta’ prestazzjoni ewlenin li jirriflettu s-sistemi differenti li jeżistu madwar l-Ewropa.

4.1.5   Il-KESE jemmen li miri ta’ sigurtà jistgħu jitfasslu u jintlaħqu wara li jkunu ġew introdotti sistemi ta’ rappurtar tal-inċidenti u tal-ġestjoni tas-sigurtà fl-Istati Ewropej kollha. Minħabba s-sistemi legali differenti li jeżistu madwar l-Ewropa, id-data li nġabret s’issa mhijiex kompluta. Għandha tiġi implimentata Kultura Ġusta fl-Istati Membri kollha biex jiġi żgurat li r-rappurtar li jsir dwar is-sigurtà, isir b’mod miftuħ u sħiħ.

4.1.6   Il-KESE jemmen li jenħtieġ korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni indipendenti u mgħammar tajjeb sabiex jimmonitorja u jevalwa l-prestazzjoni tas-sistema ta’ rappurtaġġ direttament lill-Kummissjoni Ewropea u li jinkludi d-dispożizzjoni għal proċess ta’ appell.

4.1.7   Il-KESE jixtieq jenfasizza li kemm il-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni kif ukoll l-Awtoritajiet Nazzjonali ta’ Sorveljanza (NSAs) għandhom ikunu indipendenti u separatai mill-organizzazzjonijiet li tkun qed issir l-evalwazzjoni tagħhom (f’termini ta’ gvernanza, post u persunal). Din l-indipendenza hija essenzjali għall-kredibbiltà tal-proċess ta’ analiżi.

4.2   Sigurtà/EASA

4.2.1   Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-EASA għar-Regolament dwar l-ATM u s-sigurtà tal-ajrudromi sabiex jiżgura approċċ integrat għas-sigurtà fl-Ewropa. Huwa essenzjali li l-leġiżlatur tal-UE li ma jdewwimx l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-EASA. Dan huwa ferm importanti b’mod partikolari sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan definittiv SESAR, li se jeħtieġ integrazzjoni mill-qrib tas-sistemi tal-art u tal-ajru.

4.2.2   Huwa essenzjali li r-regoli ta’ sigurtà tal-EASA jissejsu fuq Stima tal-Impatt Regolatorju aċċettabbli u li l-istituzzjonijiet tal-UE jiżguraw li jkunu disponibbli l-fondi pubbliċi adegwati sabiex jiġi żgurat li l-EASA tkun tista’ tibni l-kompetenza meħtieġa għall-funzjonijiet addizzjonali.

4.2.3   Il-KESE jistieden lill-Istati Membri tal-UE sabiex jiżguraw li jiġi żviluppat pjan direzzjonali li jissostitwixxi kompletament l-attivitajiet tar-Regolament ta’ Sigurtà tal-Eurocontrol (SRC/SRU) u sabiex jinkludihom fl-EASA. Il-Eurocontrol se jkollu rwol importanti matul it-tranżizzjoni lejn l-EASA, iżda ladarba l-EASA tkun bniet il-kompetenza, mhux se jkun hemm bżonn li r-riżorsi jinżammu fil-Eurocontrol u għalhekk għandu jiġi stabbilit it-tmiem għall-attivitajiet SRU/SRC kollha tal-Eurocontrol. F’dan il-kuntest, il-KESE jixtieq jirreferi għall-mudell użat b’suċċess għall-JAA (rapport FUJA approvat uffiċjalment mill-ECAC DGCAs kollha) li jista’ jiġi estiż għall-funzjonijiet SRC/SRU tal-Eurocontrol ukoll.

4.2.4   Il-KESE jemmen li l-kisba ta’ Kultura Ġusta għandha tkun ċentrali għall-miri tal-pakkett li jinkludu l-implimentazzjoni tas-Sistemi ta’ Ġestjoni tas-Sigurtà u rappurtar tal-inċidenti. L-implimentazzjoni uniformi ta’ Kultura Ġusta, hekk kif approvata mill-Grupp ta’ Livell Għoli, hija importanti ħafna biex inkunu nistgħu nassiguraw id-disponibbiltà tal-istatistiki dwar is-sigurtà. Permezz t’hekk, l-iskema ta’ prestazzjoni proposta tkun tista’ timmonitorja l-kisbiet fil-qasam tas-sigurtà u tkompli tfassal il-miri ta’ sigurtà.

4.2.5   Il-KESE jistieden lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew jirriformulaw l-Artikolu 5 tar-Regolament dwar il-forniment tas-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru, kif stipulat fil-Qafas tal-Proposta SES II, sabiex is-sistema tal-liċenzji tiġi estiża għall-persunal responsabbli mis-sigurtà kollu u fuq kollox għall-ATSEP.

4.3   Kultura ġusta, il-fattur uman u kompetenzi tal-persunal

4.3.1   Il-KESE jinsab dispjaċut li l-leġiżlazzjoni proposta ma tinkludix il-ħames pilastru li jikkonċerna l-kultura ġusta, il-fattur uman u l-kompetenzi tal-persunal. Il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u tas-serizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru ser tibqa’ tiddependi bil-qawwi, għal ħafna żmien fuq il-fattur uman. Għaldaqstant hija marbuta maż-żamma u t-tisħiħ tal-livell tas-sigurtà fl-ajru u għalhekk tajjeb li l-kompetenzi tal-persunal responsabbli mis-sigurtà jingħataw attenzjoni partikolari.

4.4   Taqsimiet Funzjonali tal-Ispazju tal-Ajru (FABs)

4.4.1   Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-ħtieġa li tiġi introdotta data vinkolanti, mhux aktar tard mill-2012, għall-Istati Membri kollha sabiex jimplimentaw it-Taqsimiet Funzjonali tal-Ispazju tal-Ajru li jilħqu l-miri speċifiċi ta’ prestazzjoni, minħabba li l-ewwel pakkett tal-SES ma kienx jinkludi skadenza għall-FBAs u b’hekk ma’ nħoloq l-ebda FBA.

4.4.2   F’dan il-kuntest, huwa essenzjali li l-Ministeri tat-Trasport u l-Ministeri tad-Difiża jisfruttaw il-potenzjal tat-Taqsimiet Funzjonali tal-Ispazju tal-Ajru permezz ta’ koordinazzjoni ċivili-militari u militari-militari fl-ATM mtejba u bit-tisħiħ tal-infrastrutturi u tas-servizzi tal-ATM.

Il-KESE jappoġġja d-definizzjoni usa’ tal-FABs u l-iskeda għall-iżvilupp tagħhom. Il-KESE jemmen li huwa importanti li jittieħdu l-miżuri li jindirizzaw il-problemi li jostakolaw l-implimentazzjoni tal-FABs fil-livell nazzjonali inklużi: is-sovranità, ir-responsabbiltà u l-integrazzjoni sħiħa tal-militar. Madankollu l-approċċ minn isfel ’il fuq bħala wieħed mill-prinċipji ta’ implimentazzjoni tal-FBA għandu jiġi promoss.

4.4.3.1   Fid-dawl ta’ dawn il-kwistjonijiet, il-KESE jinsab diżappuntat li l-Kummissjoni ma segwietx ir-rakkomandazzjonijiet tal-Gruppi ta’ Livell Għoli dwar Koordinatur tas-Sistema tal-Avjazzjoni li jappoġġja l-iżvilupp tal-FABs.

4.4.4   Il-KESE jemmen li biex jitnaqqsu l-ispejjeż hemm bżonn li jitnaqqas in-numru ta’ fornituri tas-servizz tal-ATM Ewropew. Sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-proġett Ajru Uniku Ewropew, jenħtieġ li n-numru ta’ Ċentri għall-Kontroll taż-Żoni (ACCs) fl-Ewropa jiġi addattat skont il-ħtiġijiet operattivi, irrispettivament mill-konfini nazzjonali. Il-KESE jixtieq jenfasizza li jenħtieġ l-iżvilupp ta’ sistema ta’ kooperazzjoni msaħħa bejn il-fornituri jekk irridu li jinkisbu l-objettivi ta’ kosteffettività.

4.4.5   Grazzi għat-titjib teknoloġiku u għat-tnaqqis fin-numru ta’ fornituri tas-servizz u ACCs, huwa mistenni li jkun hemm żjieda fil-produttività tas-sistema tal-ATM. Żviluppi teknoloġiċi (pereżempju xogħol remot) u l-fatt li l-avjazzjoni fl-Ewropa hija industrija li qed tikber se jtaffu ħafna mill-impatt, inklużi l-fatturi soċjali.

4.4.6   Skont ir-Regolament tal-SES, jenħtieġ li l-ANSPs jistipulaw pjanijiet ta’ kontinġenza għas-servizzi kollha li jipprovdu u li jintużaw f’każ ta’ avvenimenti li jwasslu għal degrad sinifikanti jew interruzzjoni tas-servizzi tagħhom. Bħalissa l-ANSPs kollha rduppjaw l-infrastruttura attwali tal-ACC tagħhom. Il-KESE jenfasizza l-importanza li l-ANSPs jiffukaw fuq is-soluzzjonijiet l-iżjed effiċjenti u ekonomiċi billi l-ewwel jmorru lura għal possibbilitajiet li diġà jeżistu fl-infrastruttura nazzjonali (faċilitajiet ACCs jew militari oħrajn) u jantiċipaw id-dispożizzjonijiet marbuta mal-iżviluppi tal-FABs għal dawn l-eventwalitajiet.

4.4.7   Il-KESE jisħaq fuq l-importanza tad-djalogu soċjali fil-livell tal-UE u tal-FAB fil-ġestjoni tat-tranżizzjoni.

4.5   It-tariffi tar-rotta u l-proġetti komuni/SESAR

4.5.1   Il-KESE jirrikonoxxi d-diffikultà li teżisti għall-iffinanzjar ta’ programmi ta’ teknoloġija u inċentivi ġodda. In-nuqqas ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament adegwati jhedded kemm l-użu tajjeb tal-ewwel pakkett ta’ implimentazzjoni SESAR kif ukoll il-fażijiet segwenti tat-tħaddim tal-programm SESAR. Għalhekk, il-KESE jixtieq jenfasizza l-ħtieġa li l-istituzzjonijiet tal-UE jipprovdu finanzjament temporanju sabiex jappoġġjaw l-implimentazzjoni tas-SESAR. Dan jippermetti li jingħelbu l-ispejjeż tranżizzjonali lejn is-sistema l-ġdida SESAR. Il-KESE appoġġja bis-sħiħ il-proġett SESAR sa’ mill-bidu tiegħu.

4.5.2   Il-KESE ma jappoġġjax l-użu ta’ tariffi għall-prefinanzjament ta’ proġetti komuni hekk kif propost fl-emenda tal-Artikolu 15 tar-Regolament dwar il-forniment ta’ servizz li jinkludi l-kunċett tal-użu tat-tariffi tar-rototgħall-iffinanzjar tal-proġetti komuni sabiex “… jassistu kategoriji speċifiċi tal-utenti tal-ispazju tal-ajru u/jew fornituri ta’ servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru sabiex itejbu l-infrastrutturi kollettivi ta’ navigazzjoni tal-ajru …”.

4.5.3   Il-KESE jilqa’ l-kunċetti operattivi ġodda hekk kif deskritti fil-pjan definittiv SESAR ATM bħala l-parti teknika/operattiva li tikkomplementa l-SES bħala riżultat tal-fażi ta’ definizzjoni tas-SESAR. Madankollu, il-KESE jixtieq jenfasizza l-fatt li se jkun hemm bżonn ta’ ħidma akbar matul il-fażi li jmiss tal-programm SESAR u l-Impriża Konġunta SESAR. Għalhekk, il-KESE jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kunsill li jibda l-fażi tal-iżvilupp tas-SESAR. Il-KESE jenfasizza l-importanza li l-fażi li jmiss tas-SESAR tibqa’ ffukata fuq l-utent u li tagħti benefiċċji bikrin.

4.5.4   Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li tipprojbixxi sussidji reċiproċi bejn servizzi en-route u fit-terminals tal-ATM. Madankollu, il-KESE jinsab diżappuntat li l-Kummissjoni ma pproponietx projbizzjoni totali tas-sussidji reċiproċi bejn is-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru. Minħabba li s-sussidji reċiproċi normalment iwasslu għal distorsjoni fil-kompetizzjoni, il-problema mhijiex limitata għall-każ ta’ sussidji reċiproċi bejn servizzi en-route u fit-terminals iżda wkoll f’dawk il-każijiet fejn ikun hemm sussidji reċiproċi bejn xi waħda minn dawn il-kategoriji b’mod partikolari bejn is-servizzi fit-terminals f’ajruporti differenti.

4.6   Il-Funzjoni ta’ Regolazzjoni tal-Ispazju tal-Ajru u ta’ Ġestjoni tan-Netwerk

4.6.1   Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ ukoll il-ħtieġa għall-Ġestjoni u Ippjanar tan-Netwerk Ewropew b’mod partikolari fir-rigward tal-ippjanar tar-rotot, il-koordinazzjoni u l-allokazzjoni ta’ riżorsi skarsi (frekwenzi tar-radju u kodiċi tat-transponder) u ta’ funzjonijiet tan–netwerk oħrajn kif stipulati fil-pjan definittiv tal-ATM. Il-KESE jixtieq jispjega wkoll li l-prinċipju ta’ żgurar ta’ distinzjoni ċara bejn il-forniment tas-servizz u l-attivitajiet regolatorji għandha tapplika għall-funzjonijiet tal-ġestjoni tan-netwerk, il-funzjonijiet tal-forniment tas-servizz għandhom jiġu ġestiti mill-industrija.

4.6.2   Huwa essenzjali li dawn il-funzjonijiet jitwettqu fil-livell Ewropew indipendentement mill-interess speċifiku tal-fornituri individwali tal-ANS. In-nuqqas ta’ approċċ pan-Ewropew wassal għal rotot mhux ottimizzati li rriżultaw f’ħela ta’ fjuwil bla bżonn u danni ambjentali li setgħu ġew evitati.

4.6.3   Il-KESE mhuwiex ċert dwar il-ħtieġa ta’ implimentazzjoni ta’ regoli li se jinkludu l-konsistenza bejn l-iskedi tat-titjiriet u l-ħinijiet disponibbli fl-ajruporti u għal koordinazzjoni meħtieġa ma’ reġjuni ġirien. Jekk il-Kummissjoni għandha l-għan li twaqqaf l-abbuż tar-regoli kurrenti dwar il-ħinijiet disponibbli, għan appoġġjat mill-KESE, allura dan l-abbuż jista’ jiġi kkontrollat fi ħdan il-qafas regolatorju eżistenti.

4.7   Ir-riforma tal-Eurocontrol

4.7.1   Il-KESE jixtieq jenfasizza l-importanza tar-riforma tal-Eurocontrol, b’konformità mat-test tal-Komunikazzjoni (jiġifieri “ir-riforma interna tal-organizzazzjoni għandha tibbilanċja strutturi ta’ governanza mal- Ajru Uniku Ewropew bl-għan li (i) ikun hemm konformità mal-ħtiġijiet tax-xogħlijiet tan-netwerk; u (ii) jiġi nfurzat l-involviment industrijali f’konformità mal-politika komuni tat-trasport”).

4.7.2   Il-KESE jemmen li l-Eurocontrol jista’ jkompli joffri l-kompetenza tiegħu lill-UE iżda hemm bżonn trasparenza ikbar rigward ir-rwol tiegħu u l-mod kif jista’ jiġi ffinanzjat. Il-ħidmiet governattivi, b’mod partikolari, għandhom jiġu ffinanzjati mill- fondi pubbliċi. Ir-riċerka fil-perijodu fit-tul(2020+), għandha tiġi ffinanzjata kompletament permezz ta’ fondi pubbliċi iktar milli permezz ta’ ħlasijiet en-route.

4.7.3   Il-KESE jemmen li, safejn hu possibbli, il-ħidmiet ta’ forniment ta’ servizzi tal-Eurocontrol (pereżempju ċ-Ċentru Sperimentali, l-Istitut tas-Servizzi ta’ Navigazzjoni tal-Ajru) għandhom jikkompetu mal-fornituri l-oħra tas-servizzi, u jitmexxew skont il-prinċipji tas-suq u mhux jiġu sussidjati mill-baġit ġenerali tal-Eurocontrol/ħlasijiet en-route tal-ATM.

4.8   In-nuqqas ta’ kapaċità fl-ajruporti hi riskju rikonoxxut għat-twettiq tal-miri ta’ prestazzjoni futuri. Il-KESE jilqa’ r-rikonoxximent tal-importanza tal-kapaċità tal-ajruporti u l-inklużjoni tagħha bħala wieħed mill-erba’ pilastri tal-SES II u b’mod partikolari l-ħtieġa li l-kapaċità fl-ajruportijiet tikkonforma mal-kapaċità tal-ATM.

4.9   Servizzi anċillari tal-ATM.

4.9.1   Filwaqt li bla dubju m’hemmx lok għall-ħtieġa ta’ forniment ta’ servizzi anċillari tal-ATM fl-ogħla livell professjonali, tajjeb li wieħed jirrejalizza li llum il-ġurnata għandhom spejjeż sinifikanti. Pereżempju, l-ispejjeż en route annwali tal-MET jiswew amont esaġerat ta’ madwar EUR 300 miljun.

4.9.2   Il-KESE jitlob għall-emenda tal-artikolu 18 b, li għall-ġejjieni jimplika r-ristrutturazzjoni tas-settur u l-ftuħ ta’ xi servizzi għall-liġi tas-suq. Il-KESE mhuwiex kontra li jsir studju sakemm l-għan ma jkunx il-ftuħ tas-servizzi anċillari tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru għall-kompetizzjoni. Hu jfakkar li l-mira ewlenija tas-settur tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru hija li jassigura s-sigurtà tal-ajru.

Is-sens ta’ urġenza li jeżisti fost l-atturi kkonċernati joħloq ambjent li jiffavorixxi l-implimentazzjoni ta’ dawn it-tibdiliet.

4.10.1   Wara l-approvazzjoni tal-SES, il-Kummissjoni Ewropea għandha tippreżenta pjan direzzjonali dwar il-passi li jmiss.

4.10.2   Il-grupp inkarigat mill-ġestjoni tal-proġett għandu jiġbor fih ukoll esperti li għandhom esperjenza fil-qasam tat-tibdil tal-ġestjoni. L-SES II jista’ jġib miegħu mentalità u kultura ġdida u jekk jirnexxi ser joħloq soluzzjonijiet sostenibbli fil-qasam tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru għall-ġenerazzjonijiet li jmiss.

Brussell, il-15 ta’ Jannar 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1.

(2)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 10.

(3)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 20.

(4)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 26.

(5)  Bosta Stati ġirien iddeċidew li jidħlu fiż-Żona ta’ Avjazzjoni Komuni Ewropea sabiex jagħtu spinta lit-tkabbir u lill-impjiegi.


Top