Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AE0037

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tipi għas-sikurezza ġenerali tal-vetturi bil-mutur

OJ C 182, 4.8.2009, p. 24–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 182/24


450 SESSJONI PLENARJA TAL-KTR FIL-14 U T-15 TA’ JANNAR 2009

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tipi għas-sikurezza ġenerali tal-vetturi bil-mutur

COM(2008) 316 finali — 2008/0100 (COD)

(2009/C 182/05)

Rapporteur: Is-Sur RANOCCHIARI

Nhar id-9 ta’ Ġunju 2008, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tipi għas-sikurezza ġenerali tal-vetturi bil-mutur

COM(2008) 316 finali — 2008/0100 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata “Suq Uniku, Produzzjoni u Konsum”, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta’ Jannar 2009 Ir-rapporteur kien is-Sur RANOCCHIARI.

Matul l-450 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-14 u l-15 ta’ Jannar 2009 (seduta tal-14 ta’ Jannar 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’ 173 vot favur, 2 voti kontra u astensjoni waħda.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) minn dejjem kien favur kull inizjattiva li tissemplifika l-leġiżlazzjoni, aktar u aktar fejn jidħlu suġġetti sensittivi bħas-sikurezza u l-ambjent. Għalhekk, ma jistax ma japprezzax il-proposta għal Regolament tal-Kummissjoni Ewropea li tipprova tindirizza dawn it-tliet kwistjonijiet importanti permezz ta’ leġiżlazzjoni dwar l-approvazzjoni tat-tipi tal-vetturi bil-mutur u tat-tajers.

1.2   L-għażla li għamlet il-Kummissjoni, jiġifieri li tirrevoka aktar minn 150 Direttiva attwali u tbiddilhom bir-Regolament propost, mal-ewwel daqqa t’għajn tidher ferm interessanti u żgur konformi mas-semplifikazzjoni mixtieqa. Madankollu, jekk ma tiġix ikkalkulata tajjeb, din l-għażla toħloq ir-riskju li jinħoloq saff ġdid ta’ proċeduri ġodda li mhux dejjem ikunu kompatibbli ma’ dawk eżistenti, u b’hekk l-industriji u l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri jitgħabbew b’aktar diffikultajiet u piżijiet.

1.3   B’mod partikolari, il-KESE jsaqsi kif din il-proposta għandha x’taqsam mad-direttiva ta’ qafas 2007/46/KE li ħarġet dan l-aħħar dwar l-approvazzjoni Ewropea jew mal-istandards tal-NU/KEE (Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti) li qed jitfasslu bħalissa, li ser jiġu diskussi aktar fil-fond aktar ’il quddiem f’din l-opinjoni.

1.4   Fil-fatt, il-KESE jinnota li s-semplifikazzjoni tal-approvazzjonijiet u tal-proċeduri li l-Kummissjoni qed tipprova tikseb permezz tal-introduzzjoni ta’ regoli armonizzati tista’ tintlaħaq billi r-Regolamenti attwali u futuri tan-NU/KEE jiġu inklużi fl-Anness IV tad-direttiva msemmija dwar l-approvazzjoni Ewropea, bil-mod il-mod u flimkien mal-ħtieġa li dawn l-istandards jiġu adattati għall-progress tekniku.

1.5   Rigward it-“teknoloġiji avvanzati ta’ sikurezza”, meta jitqies li għad ma hemmx tekniki speċifiċi xierqa għalihom kollha u bl-istess mod, il-KESE jippreferi li dawn jiġu ttrattati fi proposti individwali li jqisu l-livell teknoloġiku għoli li laħqu l-gruppi tekniċi tan-NU/KEE f’Ġinevra.

1.6   Fl-aħħar nett, fejn għandhom x’jaqsmu l-preskrizzjonijiet relatati mat-tajers, il-KESE jqis li l-proposta tal-industrija ta’ dan is-settur, jiġifieri li jekk jiġu rrispettati l-limiti ta’ żmien tal-proposta tal-Kummissjoni din tkun qed tiġi ssemplifikata, u b’hekk ikun hemm żewġ ċikli ta’ implimentazzjoni minflok il-ħamsa previsti, hija aċċettabbli.

1.7   Fid-dawl tad-dubji li qamu, il-KESE laqa’ l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew li titlob li jsir studju ieħor dwar il-kwistjoni, wara dak li sar f’isem il-Kummissjoni Ewropea; madankollu, ir-riżultati ta’ dan it-tieni studju ma tawx il-kjarifiki mistennija.

1.8   Il-KESE għalhekk jibża’ li fin-nuqqas ta’ analiżi xierqa tal-ispejjiż/il-benefiċċji ta’ xi wħud mis-soluzzjonijiet proposti, l-ispejjeż konsiderevoli żejda fuq l-industrija u b’hekk fuq il-konsumaturi, ser ikomplu jdewmu t-tibdil tal-vetturi Ewropej fiċ-ċirkolazzjoni, li diġà ntlaqat mill-kriżi ekonomika attwali.

1.9   Fl-aħħar, il-KESE jirrakkomanda li l-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli mill-ispezzjoni tal-approvazzjoni tat-tipi ta’ vetturi jerġgħu jħarsu mill-ġdid b’attenzjoni lejn ir-rekwiżiti għas-sikurezza tal-vetturi — u speċjalment tat-tajers tal-vetturi — li ser jiġu impurtati fl-Ewropa wara li jiġi adottatat ir-regolament inkwistjoni.

2.   Introduzzjoni

2.1   Minkejja li sar titjib konsiderevoli f’dawn l-aħħar għaxar snin, is-sikurezza tal-vetturi u l-ħarsien tal-ambjent jibqgħu bix-xieraq iċ-ċentru tal-attenzjoni fl-Unjoni Ewropea kollha. B’mod partikolari, għad hawn tħassib dwar ir-riżultati pjuttost dgħajfa fit-tnaqqis tat-tniġġis ikkawżat mill-mezzi tat-trasport, b’mod partikolari l-emissjonijiet tas-CO2, kif ukoll in-numru ta’ vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku. Kull sena, fis-27 Stat Membru għadhom imutu aktar minn 44 000 persuna u 1.7 miljuni oħra jiġu midruba f’inċidenti tat-traffiku (1).

2.2   Kif nafu, il-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-approvazzjoni tat-tipi tistabbilixxi regoli preċiżi dwar il-kostruzzjoni ta’ vetturi bil-mutur. Min-naħa l-waħda, dawn ir-regoli għandhom l-għan li jiżguraw l-ogħla livell ta’ sikurezza possibbli għal min ikun fil-karozza u għal min ikun miexi fit-triq, u mill-oħra jiggarantixxu l-ħarsien tal-ambjent. Bħalissa fil-qasam tal-approvazzjoni tat-tipi hemm madwar 60 direttiva bażika: 50 dwar is-sikurezza u xi għaxra dwar l-ambjent. Ma’ dawn iridu jiżdiedu xi mitt direttiva ta’ emenda wkoll.

2.3   Ir-riċerka u l-iżvilupp li qed isiru fis-settur tal-vetturi bil-mutur illum jippermettu li jiġu sodisfatti aktar u b’mod aktar effettiv iż-żewġ ħtiġijiet li ssemmew aktar ’il fuq, fejn fir-rigward ta’ vetturi b’disinn ġdid imma anki, għall-inqas b’mod parzjali, fir-rigward ta’ dawk li diġà hemm fit-toroq, jiġu applikati teknoloġiji ġodda li jistgħu jnaqqsu l-inċidenti u t-tniġġis.

2.4   Skont ir-rakkomandazzjonijiet ta’ CARS 21 (2) anki dawn il-problemi importanti għandhom jiġu indirizzati permezz ta’ metodu integrat ħalli jintlaħqu l-għanijiet li — kif fakkar il-Viċi President tal-Kummissjoni, is-Sur Günter Verheugen, meta ppreżenta l-proposta għal dan ir-Regolament — ser igwadu minnhom iċ-ċittadini, l-ambjent u l-industrija. Biex jintlaħqu l-għanijiet tas-sikurezza u tal-ħarsien tal-ambjent tal-UE, jeħtieġ li jkomplu jiġu aġġornati l-bosta regolamenti li jkopru l-kostruzzjoni ta’ vetturi l-ġodda. Min-naħa l-oħra, jeħtieġ ukoll li jiġu limitati l-piżijiet regolatorji li hemm fuq l-industrija billi, fejn ikun possibbli, tiġi ssemplifikata l-leġiżlazzjoni li hemm fis-seħħ. Għal dan il-għan, l-imsemmi dokument CARS 2, kien jirrakkomanda anki l-użu tal-istandards tan-NU/KEE (3) fejn dawn ikunu disponibbli.

3.   Il-proposta tal-Kummissjoni

L-għan tal-proposta għal Regolament huwa li jemenda l-leġiżlazzjoni attwali dwar l-approvazzjoni tat-tipi tal-vetturi fir-rigward ta’ tliet oqsma: is-semplifikazzjoni, is-sistemi avvanzati ta’ sikurezza u t-tajers.

B’mod aktar dettaljat, il-proposta għar-Regolament tipprovdi:

3.1.1   L-emenda tal-leġiżlazzjoni attwali dwar l-approvazzjoni tat-tipi rigward is-sikurezza tal-vetturi u tal-komponenti tagħhom

Il-Kummissjoni beħsiebha tirrevoka aktar minn 150 direttiva li għadhom fis-seħħ u tbiddilhom b’Regolament wieħed tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew, li jkun direttament applikabbli fl-UE.

3.1.2   L-introduzzjoni tar-rekwiżiti tas-sikurezza li ġejjin

Mill-2012, l-installazzjoni obbligatorja ta’ sistemi ta’ Kontroll Elettroniku tal-Istabbiltà (Electronic Stability Control — ESC) għas-serje l-ġdida ta’ karozzi u ta’ vetturi kummerċjali; sal-2014, il-karozzi l-ġodda kollha ser ikunu mgħammra b’din is-sistema. Dawn is-sistemi jaħdmu fuq is-sistemi tal-brejkijiet u tal-qbid biex jgħinu lis-sewwieq iżomm il-kontroll tal-vettura f’sitwazzjonijiet kritiċi (ikkawżati, pereżempju, minn kundizzjonijiet ħżiena tat-triq jew minn veloċità eċċessiva f’kantuniera).

Mill-2013, l-installazzjoni obbligatorja tas-Sistemi Avvanzati għal Ibbrejkjar f’Emerġenza (Advanced Emergency Braking Systems — AEBS) fuq vetturi kbar li jużaw is-sensors biex iwissu lis-sewwieq jekk il-vettura tkun qrib wisq tal-vettura ta’ qabilha u, f’ċerti sitwazzjonijiet, jattivaw il-brejk ta’ emerġenza biex jevitaw jew inaqqsu l-konsegwenzi ta’ ħabta. Sal-2015, il-vetturi l-ġodda kollha ser ikunu mgħammra b’dawn is-sistemi.

Mill-2013, l-installazzjoni obbligatorja ta’ Sistemi ta’ Indikazzjoni ta’ Ħruġ mil-Lejn (Lane Departure Warning Systems — LDWS) fuq vetturi kbar li javżaw lis-sewwieqa meta l-vettura tkun ser toħroġ mil-lejn b’mod involontarju, fuq kollox f’każ li s-sewwieq ma jkunx moħħu hemm. Sal-2015, il-vetturi ġodda kollha ser ikunu mgħammra b’dawn is-sistemi (4).

3.1.3   Ir-rekwiżiti l-ġodda dwar it-tajers (5):

Mill-2012 ser isiru obbligatorji t-tajers b’reżistenza baxxa ta’ tidwir (Low Rolling Resistance Tyres — LRRT), li jnaqqsu l-konsum tal-karburant billi jnaqqsu r-reżistenza għas-sewqan li jkun hemm meta jdur it-tajer, ikkawżata l-iktar mid-deformazzjoni tar-rota, tat-tajer jew tat-triq;

Mill-2012 ser isiru obbligatorji s-Sistemi għal Monitoraġġ tal-Pressjoni tat-Tajers fil-karozzi (Tyre Pressure Monitoring Systems — TPMS), li javżaw lis-sewwieq meta l-pressjoni tat-tajer tkun inqas minn dik ottimali;

It-tnaqqis fil-livell tal-ħsejjes: kif inhu pprovdut fl-Anness I għall-proposta għar-Regolament.

L-irbit fiż-żliq: kif inhu pprovdut fl-Anness I għall-proposta għar-Regolament.

4.   Kummenti ġenerali

4.1   Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni biex ikunu stabbiliti regoli armonizzati għall-manifattura tal-vetturi bil-mutur ħalli jkunu ggarantiti l-funzjonament tajjeb tas-suq intern u, fl-istess ħin, livell għoli ta’ ħarsien tas-sikurezza u tal-ambjent.

4.2   Il-KESE jinnota li din il-proposta għal Regolament għandha l-potenzjal li tkun strument mill-aqwa ħalli, minn naħa, tiżdied is-sikurezza attiva u passiva, u b’hekk jitnaqqsu n-numru ta’ inċidenti tat-traffiku u, mill-oħra, jiġi introdott tagħmir li jista’ jnaqqas il-konsum tas-CO2, wara li jiġu eżaminati bir-reqqa d-direttivi li għandhom jiġu rrevokati u l-konsegwenzi ta’ dawn ir-revoki.

4.3   Il-KESE jirrikonoxxi li l-għażla li saret għandha l-għan li timmassimizza s-semplifikazzjoni għall-benefiċċju, fuq kollox, tal-awtoritajiet nazzjonali u tal-industrija. Madankollu, il-KESE jinnota li s-semplifikazzjoni leġiżlattiva ma tistax tkun limitata għall-iggruppar tal-proċeduri li bħalissa qed jiġu implimentati taħt il-kappa ta’ xorta ta’ Regolament Kwadru dwar is-sikurezza. Barra minn hekk, il-KESE jemmen li għandhom jitqiesu l-implikazzjonijiet relatati mal-introduzzjoni tad-Direttiva ta’ Qafas il-ġdida dwar l-approvazzjoni tat-tipi tal-UE (id-Direttiva 2007/46/KE) (6), sabiex tiġi assigurata koerenza u jkun evitat li d-dupplikazzjoni tal-proċeduri l-ġodda tista’ twassal biex il-piżijiet li għandhom l-amministrazzjonijiet u l-manifatturi jiżdiedu minflok ma jitnaqqsu.

4.4   Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni, jiġifieri li l-iskeda taż-żmien għall-introduzzjoni ta’rekwiżiti speċifiċi ġodda għall-approvazzjoni tat-tipi ta’ vetturi għandha tqis l-attwazzjoni teknika ta’ dawn ir-rekwiżiti. B’mod ġenerali, ir-rekwiżiti għandhom inizjalment japplikaw biss għal tipi ġodda ta’ vetturi. Tipi eżistenti ta’ vetturi għandhom jingħataw żmien addizzjonali biex jikkonformaw mar-rekwiżiti.

4.5   F’dawk li huma r-rekwiżiti tat-tajers, m’għandniex ninsew li t-tajer huwa l-uniku element ta’ kuntatt bejn il-vettura u t-triq u l-karatteristiċi ta’ sikurezza tiegħu għandhom jieħdu prijorità fuq kull objettiv ieħor. B’hekk, il-KESE jqis li:

jeħtieġ li jiġi żgurat li t-titjib previst fil-prestazzjonijiet ambjentali ma jnaqqasx ir-rekwiżiti daqstant ieħor importanti tas-sikurezza tal-utenti, tal-vetturi u taċ-ċittadini,

għandu jintuża metodu integrat li ma jnaqqasx il-prestazzjonijiet globali tat-tajers (ir-reżistenza tat-tidwir, l-irbit fiż-żliq, eċċ) sabiex jitnaqqsu l-ħsejjes, minkejja li dan tal-aħħar huwa importanti wkoll.

4.6   Għalhekk, il-KESE għandu xi dubji dwar l-effettività tal-istima tal-impatt li saret f’isem il-Kummissjoni u laqa’ l-għażla li għamel il-Parlament Ewropew li jwettaq studju indipendenti ieħor. Fil-fatt, il-KESE jinnota li d-data li ntużat fl-istima tal-impatt setgħet waslet għal tgħawwiġ fir-riżultati.

Jiddispjaċieh, madankollu, li l-istudju kkummissjonat mill-Parlament Ewropew u ppubblikat fl-aħħar ta’ Novembru 2008 (7) ma jirnexxielux jindirizza l-kwistjonijiet u ma jneħħix id-dubji tal-KESE la dwar l-aspetti amministrattivi u tekniċi u lanqas dwar analiżi aktar dettaljata tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-proposta tal-Kummissjoni.

4.7.1.   L-istudju inkwistjoni jikkonċentra biss fuq it-tajers u t-TPMS, u fil-każ ta’ dan tal-aħħar jesprimi preferenza għas-sistema aktar għolja “diretta” flok is-sistema “indiretta” (ara hawn taħt) — filwaqt li ma jżid xejn ġdid dwar is-sistemi avvanzati l-oħra ta’ sikurezza jew l-impatt tas-simplifikazzjoni proposta.

4.8   F’din is-sitwazzjoni l-KESE jidhirlu li l-ispejjeż ogħla għall-industrija, u b’hekk għall-konsumaturi, li mistennija toħloq l-implimentazzjoni tar-regolament kif ippreżentat ma jiġux ikkumpensati minn benefiċċji li jkunu ppruvati kif jixraq. Għalhekk hemm riskju li jinħoloq dewmien fit-tibdil tal-vetturi Ewropej fiċ-ċirkolazzjoni, li diġà ntlaqat mill-kriżi finanzjarja attwali.

4.9   Il-KESE jinnota wkoll li biex tiġi żgurata l-kompetittività tal-industrija Ewropea li laħqet livelli eċċellenti ta’ prestazzjoniji f’dik li hija sikurezza, jinħtieġ regolament li fl-aħħar mill-aħħar ma jgħawwiġx il-kompetizzjoni biex ikunu vvantaġġjati manifatturi minn barra l-UE li għandhom inqas spejjeż, u spiss livelli ta’ sikurezza ġenerali baxxi. Dan ifissser li għandu jiġi kkontrollat li l-vetturi u fuq kollox it-tajers importati jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha stipulati fir-Regolament.

4.10   Il-KESE jinnota li għandu jiġi stmat b’mod xieraq anki l-impatt tar-Regolament fuq is-settur kollu tal-industrija tat-tajers. Is-sostenibbiltà ekonomika tal-kumpaniji tad-distribuzzjoni ż-żgħar u ta’ daqs medju, mal-ewwel analiżi, tista’ titqiegħed fil-periklu. Il-ħażniet żejda, li huma prevedibbli fil-każ ta’ dħul fis-seħħ fid-dati proposti mill-Kummissjoni, jistgħu jqiegħdu f’diffikultà l-katina ta’ distribuzzjoni. Fil-fatt, x’aktarx li l-maġġornaza ta’ kumpaniji fis-settur, ħafna minnhom żgħar li mhux kapaċi joperaw fis-suq internazzjonali, ma jirnexxielhomx ineħħu ħażniet anki sostanzjali.

4.11   Anki jekk il-kwistjoni ma tikkonċernax il-kompetenza esklussiva tal-Komunità, il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li, bix-xieraq ħerqana biex tevita x-xkiel għas-suq uniku u konxja mill-implikazzjonijiet transkonfinali tas-suġġett tal-proposta għar-Regolament, tqis li l-objettivi tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu fuq mill-Istati Membri waħidhom, u li jinħtieġu miżuri vinkolanti li jintlaħaq ftehim dwarhom fuq livell Ewropew.

4.12   Żgur li l-KESE ma jistax ma jappoġġjax il-proposta li għandhom ikunu l-Istati Membri li jistabbilixxu l-penali li għandhom japplikaw f’każ li jinkiser dan ir-Regolament u li dawn il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

4.13   Il-KESE japprezza wkoll l-istrument leġiżlattiv li ntgħażel, jiġifieri r-Regolament, li jiżgura l-meta u l-kif jiġi applikat fl-Istati Membri kollha, aspett partikolarment rilevanti għal leġiżlazzjoni daqstant teknika. Barra minn hekk, il-fatt li anki f’dan il-każ intgħażel l-approċċ mifrux fuq diversi livelli (split approach) jagħmilha possibbli li b’dan ir-Regolament, permezz ta’ proċedura ta’ kodeċiżjoni, jiġu definiti r-regoli fundamentali previsti, filwaqt li l-aspetti aktar tekniċi jiġu posposti għal Regolament ieħor li jiġi adottat skont proċedura ta’ komitoloġija.

5.   Kunsiderazzjonijiet speċifiċi

5.1   Il-KESE jappoġġja kull inizjattiva li tipprova tissemplifika l-leġiżlazzjoni; madankollu, kif diġà ntqal aktar ’il fuq, għandu dubji serji dwar il-mezzi ta’ kif dan għandu jintlaħaq. Il-KESE, fil-fatt, jinnota li s-semplifikazzjoni għandha sseħħ tassew, jiġifieri li dan ir-Regolament ma għandux ikun is-somma tar-regolamenti ta’ qablu, ħalli b’hekk jiġu evitati piżijiet addizzjonali għall-aġenziji ta’ ċertifikazzjoni.

B’mod partikolari, il-KESE però jinnota li s-semplifikazzjoni tal-approvazzjonijiet u tal-proċeduri prevista mill-Kummissjoni permezz tal-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet armonizzati għandha tintlaħaq billi r-Regolamenti tan-NU/KEE attwali u futuri jiġu inklużi gradwalment fl-Anness IV tad-Direttiva 2007/46/KE (8) (aktar u aktar, meta r-rekwiżiti tar-regolamenti jkunu aktar iebsin u jeħtieġu perjodu ta’ tħejjija (lead-time) (9) biex jiġi adattat il-prodott) u flimkien mal-ħtieġa li dawn il-dispożizzjonijiet jiġu adattati għall-progress tekniku.

5.2.1   Dawn l-azzjonijiet mhumiex previsti fl-ipoteżi (c) tal-Istima tal-Impatt ta’ dan ir-Regolament “Sostituzzjoni tad-Direttivi eżistenti kollha permezz tar-Regolament propost”, imma fil-(b) li titlob biex issir “analiżi ta’ kull Direttiva bħal meta din tkun meħtieġa li tiġi emendata, u jiġi deċiż jekk hu adatt li jkun hemm sostituzzjoni”. Barra minn hekk, ir-raġuni għala ntgħażlet l-ipoteżi (c) tal-Istima tal-Impatt ma jidhirx li ġiet adegwatament sostanzjata (“tirrappreżenta l-aktar mod mgħaġġel biex jiġi ssemplifikat ir-reġim preżenti u hija konformi mar-rakkomandazzjonijiet ta’ CARS 21”) u ma tqisx b’mod xieraq l-elementi fundamentali l-oħra ta’ CARS 21, bħas-sostenibbiltà, ir-referenza għan-NU/KEE u l-ħtieġa li jiġi garantit perjodu ta’ tħejjija (lead-time) industrijali xieraq lil dawk milquta mir-Regolament.

5.2.2   Jekk tiġi adottata l-għażla (c), il-funzjoni ta’ dan ir-Regolament tkun effettiva fejn ma jkunx hemm Regolament tan-NU/KEE ekwivalenti jew f’każi fejn ikunu meħtieġa rekwiżiti ta’ installazzjoni li ma ġewx ipprovduti fir-Regolament tan-NU/KEE, bħal fil-każ tat-tajers.

5.3   Min-naħa l-oħra, il-KESE jara fl-iffissar ta’ data għad-dħul fis-seħħ li tevita l-problemi li nqalgħu s’issa bir-Regolament propost bħala kompromess possibbli li jista’ jagħmel ir-Regolament tassew effettiv, biex b’hekk jiġi eliminat ir-riskju li l-adozzjoni tar-Regolamenti tan-NU/KEE twassal għal nuqqas ta’ allinjament tar-rekwiżiti (jew tad-dati ta’ applikazzjoni) ipprovduti mid-direttivi li għandhom jiġu rrevokati.

5.4   B’hekk, f’dawk li huma l-aspetti amministrattivi, il-KESE jinnota u jipproponi, fid-dawl tal-istudju tad-direttivi fl-Anness IV, li indipendentement mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament jew ta’ partijiet minnu, ir-Regolament stess ikun konformi mad-dati ta’ applikazzjoni inklużi fid-direttivi li ser jiġu sostitwiti u jqis it-“transitional provisions” (id-dispożizzjonijiet tranżitorji) stipulati fir-Regolamenti tanNU/KEE li ser jiġu introdotti minflokhom.

5.5   Barra minn hekk, il-KESE jinnota li f’dawk li huma t-“teknoloġiji avvanzati ta’ sikurezza” minflok ma jiġu inklużi f’regolament “oriżżontali”, għandhom ikunu s-suġġett ta’ proposti individwali għal Regolamenti tan-NU/KEE ġodda jew emendati li għandhom jitressqu u jiġu diskussi fil-gruppi tekniċi rilevanti tal-NU/KEE ta’ Ġinevra (GRB, GRRF, GRSP (10)), fejn ikunu jistgħu jsiru l-istimi tekniċi korretti tas-sistemi ta’ sikurezza proposti. Għandha tiġi adottata proċedura simili fil-każi indikati mill-Kummissjoni fejn ma jkunx hemm rekwiżiti partikolari fl-ambitu tan-NU/KEE meta mqabbel ma’ dak ipprovdut fid-Direttivi tal-KE.

Fejn għandhom x’jaqsmu l-aspetti relatati mas-sistemi avvanzati ta’ sikurezza fit-toroq, b’mod speċifiku l-KESE jindika:

5.6.1   Il-kontroll elettroniku tal-istabbiltà: kien suġġett għal aġġustament tar-Regolamenti f’Ġinevra u diġà ġie ppjanat kollox għall-klassijiet M2, N2, M3, N3 (11). Il-KESE jinnota li l-perjodu ta’ żmien ta’ referenza għandu jibqa’ dak tat-tabella 12.4.1 li ġie miftiehem għar-Regolament tan-NU/KEE Nru. 13 (12), jiġifieri introduzzjoni gradwali, minn Lulju 2009 sa Lulju 2016 skont it-tip ta’ vettura.

Is-Sistemi Avvanzati għal Ibbrejkjar f’Emerġenza: l-industrija tista’ tiżviluppa sistemi obbligatorji biss jekk ikollha tekniki speċifiċi li ġew definiti b’mod ċar u dawn, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, ma jeżistux fil-każ tal-AEBS. Ma jistgħux jiġu ffissati dati ta’ introduzzjoni rigward sistema li għadha ma ġietx iddefinita mil-lat tekniku u l-introduzzjoni għandha sseħħ wara stima tal-impatt adegwata, li tinkludi l-ispejjeż u bil-benefiċċji kkalkulati bi preċiżjoni.

5.6.2.1   Id-definizzjoni ta’ Sistema Avvanzata għal Ibbrejkjar f’Emerġenza li tinsab fl-Artikolu 3 tal-proposta hija ferm wiesa’ u tista’ tinkludi anki sistemi li għadhom mhumiex biżżejjed affidabbli. Dawn jistgħu jsiru huma stess riskju għas-sikurezza minħabba teknoloġiji li għadhom mhumiex maturi. Jeħtieġ li jkun hemm studji u żvilupp adegwati flimkien ma’ perjodu ta’ tħejjija (lead-time) twil biżżejjed.

5.6.3   Il-miżura relatata mal-AEBS tolqot il-klassijiet M2, M3, N2 u N3. F’bosta każi, il-vetturi kummerċjali ħfief tal-klassi N1 għandhom anki verżjonijiet li jappartjenu għal klassijiet ogħla (N2, M2, e M3); dan jimplika li hemm il-ħtieġa li l-firxa tiġi ddiversifikata għall-verżjonijiet li jkunu itqal u li jkunu kkaratterizzati minn volumi relattivament baxxi. Għaldaqstant ikun aħjar jekk ir-rekwiżiti tal-AEBS jiġu limitati għall-vetturi kummerċjali tqal jew għall-inqas għall-vetturi b’PTT ta’ aktar minn 7.5 tunnellata u tiġi stmata l-ħtieġa li ċerti kategoriji, bħall-karozzi tal-linja urbani, it-trakkijiet għall-ġbir tal-iskart u vetturi oħra ta’ użu pubbliku li jiċċirkolaw b’veloċitajiet limitati, jiġu eżentati.

5.6.4   Sistemi ta’ Indikazzjoni ta’ Ħruġ mil-Lejn: il-KESE jinnota li jistgħu japplikaw l-istess kunsiderazzjonijiet li saru rigward l-AEBS, jiġifieri:

il-ħtieġa ta’ tekniki speċifiċi, li għandhom jiġu ddefiniti min-NU/KEE ta’ Ġinevra,

tekniki differenti għal klassijiet differenti ta’ vetturi,

stima tal-ispejjeż u tal-benefiċċji u l-eżenzjoni ta’ kategoriji speċifiċi.

5.7   Fi ftit kliem, il-KESE jinnota li għadu kmieni wisq biex jiġu introdotti l-AEBS u l-LDWS, li għalissa huma applikabbli biss fil-vetturi tqal. Għad jinħtieġ perjodu ta’ riċerka u ta’ esperimenti, biex b’hekk ikun jista’ jiġi stmat tabilħaqq x’inhu l-vantaġġ ta’ dawn is-sistemi. Dan jippermetti wkoll l-użu ta’ elementi validi fid-dawl ta’ applikazzjoni futura tal-istess sistemi f’vetturi bil-mutur ħfief.

5.8   It-TPMS: il-KESE qed jitlob lill-Kummissjoni, peress li r-rekwiżiti tekniċi ta’ din is-sistema bħalissa qed jiġu diskussi fl-Informal Group (Grupp Informali) tal-GRRF (13), biex tistenna li tintemm din il-ħidma (li għandha tqis anki l-preskrizzjonijiet li diġà hemm fil-pajjiżi barra mill-Ewropa) qabel ma tieħu d-deċiżjonijiet tagħha. Biex ma żżidx aktar mal-ispejjeż tal-karozzi, għandha ssir għażla dwar is-sensittività tal-kejl li tippermetti anki l-applikazzjoni tas-sistema “indiretta”, speċjalment meta jitqiesu l-għadd ta’ karatteristiċi pożittivi tagħha, l-ewwel fosthom dak li tkompli taħdem anki meta t-tajers jitbiddlu. Is-sistema “diretta” teħtieġ li jkun hemm sensor f’kull tajer. Dan jinvolvi li jinbidlu s-sensors flimkien mat-tajers, jew inkella li jiġu żarmati u armati mill-ġdid, operazzjoni li mhijiex biss spiża iżda wkoll biċċa xogħol diffiċli, għax is-sensors ma jidhrux minn barra u tista’ ssirilhom ħsara faċilment.

5.9   Dwar id-dispożizzjonijiet tekniċi għat-tajers, il-KESE jinnota li:

Il-ħsejjes: il-livelli proposti biex jitnaqqas il-livell tal-ħsejjes jistgħu jwasslu għal tnaqqis fis-sikurezza kemm tal-vetturi — u għaldaqstant tal-konsumaturi — meta bit-tnaqqis tal-veloċità fiż-żoni fejn ikun hemm konġestjoni tat-traffiku u/jew bit-tiġdid ta’ wiċċ it-toroq ikun hemm tnaqqis ta’ 3-4 darbiet aktar fil-livell tal-ħsejjes. Barra minn hekk, pereżempju fil-klassi C3 huwa diffiċli li jinkiseb tnaqqis ta’ 3dB mingħajr ma jkun hemm tnaqqis fil-livell tal-karatteristiċi tal-irbit fiż-żliq tat-tajers. Il-klassi C3, jiġieri tajers għal qbid, għandu jkollhom wiċċ imfellel ta’ barra “aggressiv” biex ikun hemm irbit tajjeb ma’ art li tiżloq.

Ir-reżistenza tat-tidwir: għall-klassijiet C1 u C2 hija meħtieġa reviżjoni tad-dati ta’ applikazzjoni, filwaqt li minħabba t-tip partikolari tat-tajers C3 jeħtieġ li jsiru studji ġodda u, jekk ikun meħtieġ, tiġi posposta l-introduzzjoni tagħhom għal wara stima tal-impatt oħra.

L-irbit fiż-żliq: il-proposta tal-Kummissjoni li jiġu introdotti rekwiżiti obbligatorji fuq il-bażi tar-Regolament tanNU/KEE Nru. 117 (14) għandha tintlaqa’ skont it-termini proposti.

5.10   Il-KESE jinnota li l-proposta għar-Regolament teħtieġ bidliet kull sentejn li ma jaħbtux mal-perjodu ta’ tħejjija (lead-time) meħtieġ għall-industrija tat-tajers. Dan żgur li mhux avvanz fid-direzzjoni ta’ “better regulation” (regolamentazzjoni aħjar). Għaldaqstant, il-KESE tappoġġja s-soluzzjoni li ssuġġeriet l-industrija, jiġifieri, li jekk jiġu rrispettati l-limiti ta’ żmien tal-proposta iżda li din tiġi ssemplifikata, u b’hekk ikun hemm żewġ ċikli ta’ implimentazzjoni (2012-2016 e 2016-2020) minflok il-ħamsa previsti bħalissa. Dan jippermetti li l-proċessi ta’ approvazzjoni tat-tipi kif ukoll il-loġistika u l-ħażniet eventwali jkunu ġestiti b’mod effettiv.

5.11   Aspett ieħor li għandu jiġi ċċarat jikkonċerna t-trattament li għandhom jiġu suġġetti għalih it-tajers b’wiċċ imfellel ġdid. Fil-fatt, id-definizzjoni ta’ dan it-tip ta’ tajers (ir-Regolament Nru. 109 tal-UNECE) tirreferi għas-sit tal-produzzjoni u mhux għat-tajer per se. Jidher biċ-ċar li huwa diffiċli li jiġi ddefinit it-“tip” ta’ tajer skont id-dispożizzjonijiet il-ġodda, pereżempju rigward il-ħsejjes, f’fabbrika waħda li twaħħal uċuh imfella ġodda ma’ tajers ta’ kull xorta. Skont il-KESE, meta titqies id-diffikultà kbira fl-applikazzjoni u l-ispejjeż enormi li jkollhom jidħlu għalihom l-azjendi, fil-parti l-kbira impriżi żgħar u ta’ daqs medju, dan is-settur għandu jiġi eżentat mill-applikazzjoni tar-Regolament, għalkemm xorta jkunu jridu jiġu ssodisfati ir-rekwiżiti kollha ta’ sikurezza stipulati.

5.12   Fl-aħħar nett, il-KESE qed jitlob lill-Kummissjoni biex tistma jekk hux fattibbli li d-data tal-manifattura tittieħed bħala referenza fejn għandhom x’jaqsmu r-rekwiżiti tat-tajers peress li d-data tista’ tiġi rikonoxxuta faċilment mill-bejjiegħa, mill-konsumaturi u mill-awtoritajiet nazzjonali minħabba l-obbligu attwali li din id-data tiġi mmarkata fuq it-tajers kollha maħruġa fis-suq tal-Unjoni Ewropea. Din id-data u mhux dik tal-introduzzjoni fis-suq jew tal-bejgħ għandha titqies bħala prova tal-konformità tat-tajers mar-rekwiżiti l-ġodda li jiġu imposti.

Brussell, l-14 ta’ Jannar 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Sors: CARE (Community Road Accident Database — Database Komunitarja tal-Inċidenti tat-Traffiku): database li tiġbor u tipproċessa data dwar l-inċidenti tat-traffiku pprovduta mill-Istati Membri.

(2)  COM(2007) 22 finali tas-7 ta’ Frar 2007 — Qafas Regolatorju Kompetittiv tal-Karozzi għas-Seklu 21.

(3)  Il-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti, Ġinevra. Din il-Kummissjoni tippromwovi l-kooperazzjoni u l-integrazzjoni fost il-56 Stat Membru billi tiżviluppa standards u regoli komuni anki fil-qasam tal-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi bil-mutur.

(4)  Sommarju tad-dati obbligatorji u tar-rekwiżiti ta’ sikurezza:

ESC: 29.10.2012 approvazzjoni ġdida tat-tip, 29.10.2014 reġistrazzjoni ġdida,

AEBS: 29.10.2013 approvazzjoni ġdida tat-tip, 29.10.2015 reġistrazzjoni ġdida,

LDWS: 29.10.2013 approvazzjoni ġdida tat-tip, 29.10.2015 reġistrazzjoni ġdida.

(5)  Għal finijiet ta’ ċarezza ġew elenkati d-dati pprovduti mill-Kummissjoni rigward ir-rekwiżiti għat-tajers:

2012 approvazzjoni tat-tip ġdida għat-tajers C1 biss rigward l-irbit fiż-żliq, u għat-tajers C1–C2–C3 rigward il-fażi 1 tar-RR (ir-reżistenza tat-tidwir) u l-ħsejjes esterni,

2014 reġistrazzjoni ġdida għat-tajers C1 biss li jkunu konformi rigward l-irbit fiż-żliq u għat-tajers C1–C2 li jkunu konformi rigward il-fażi 1 tar-RR,

2016 approvazzjoni tat-tip ġdida għat-tipi ġodda kollha ta’ tajers C1–C2–C3 skont il-fażi 2 tar-RR; jistgħu jiġu rreġistrati u jitqiegħdu fis-suq tal-UE it-tajers C1–C2–C3 biss li jkunu konformi rigward il-ħsejjes esterni,

2018 jistgħu jiġu rreġistrati fis-suq tal-UE it-tajers C1–C2 biss li jkunu konformi mal-fażi 2 tar-RR,

2020 jistgħu jitqiegħdu fis-suq tal-UE it-tajers C3 biss li jkunu konformi rigward il-fażi 2 tar-RR.

(6)  Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva ta’ Qafas).

(7)  Type approval requirements for the general safety of motor vehicles (IP/A/IMCO/ST/2008-18).

(8)  Id-Direttiva 2007/46/KE — Anness IV: Lista ta’ ħtiġijiet għall-finijiet ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ vetturi. Anness IV: Lista ta’ ħtiġijiet għall-finijiet ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ vetturi.

(9)  Żmien biżżejjed biex l-industrija timplimenta kwalunkwe rekwiżit ġdid li jinvolvi interventi fuq l-istruttura tal-prodott.

(10)  Gruppi Tekniċi tal-UNECE ta’ Ġinevra: Working Party on Brakes and Running Gear (GRRF — Grupp ta’ Ħidma dwar il-Brejkijiet u t-Tagħmir tas-Sewqan); Working Party on Noise (GRB — Grupp ta’ Ħidma dwar il-Ħsejjes); Working Party on Lighting and Light-Signalling (GRE — Grupp ta’ Ħidwa dwar id-Dawl u s-Sinjali bid-Dawl); Working Party on General Safety Provisions (GRSG — Grupp ta’ Ħidma dwar Dispożizzjonijiet ta’ Sikurezza Ġenerali); Working Party on Pollution and Energy (GRPE — Grupp ta’ Ħidma dwar it-Tniġġiż u l-Enerġija); u, Working Party on Passive Safety (GRSP — Grupp ta’ Ħidma dwar is-Sikurezza Passiva).

(11)  Il-vetturi tal-kategorija N huma vetturi li għandhom mill-inqas 4 roti u jintużaw għat-trasport tal-merkanzija. Huma ġew maqsuma fi 3 klassijiet, N1, N2 u N3, skont il-massa massima: N1 < 3 500 kg; N2 < 12 000 kg; N3 > 12 000 kg. Min-naħa tagħha, il-klassi N1 imbagħad tinqasam fi 3 sottoklassijiet, jiġifieri NI, NII u NIII, dejjem identifikati skont il-massa. Il-vetturi tal-kategorija M huma dawk il-vetturi li għandhom mill-inqas 4 roti u jintużaw għat-trasport tal-passiġġieri. Dawn huma maqsuma fi 3 klassijiet (M1, M2, M3) skont in-numru ta’ postijiet u l-massa massima tagħhom: M1 < 9 postijiet; M2 > 9 postijiet u < 5 000 kg; M3 > 9 postijiet u > 5 000 kg. Il-kategorija O huma l-vetturi bit-trejlers.

(12)  Regolament Nru. 13 tan-NU/KEE: Heavy vehicles braking (L-ibbrejkjar tal-vetturi tqal).

(13)  GRRF: Working party on Brakes and Running Gear (Grupp ta’ Ħidma dwar il-Brejkijiet u t-Tagħmir tas-Sewqan).

(14)  Ir-Regolament Nru. 117 tan-NU/KEE: Tyres with regard to rolling sound emissions (Tajers rigward l-emissjonijiet ta’ ħoss ta’ rrolljar).


Top