Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IE0036

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Id-dimensjoni soċjali u ambjentali tas-suq intern

OJ C 182, 4.8.2009, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 182/1


450 SESSJONI PLENARJA TAL-KTR FIL-14 U T-15 TA’ JANNAR 2009

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Id-dimensjoni soċjali u ambjentali tas-suq intern

(2009/C 182/01)

Rapporteur: is-Sur ADAMCZYK

Nhar is-17 ta’ Jannar 2008, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Id-dimensjoni soċjali u ambjentali tas-suq intern

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta’ Jannar 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur Andrzej ADAMCZYK.

Matul l-450 sessjoni plenarja tiegħu (seduta tal-14 ta’ Jannar 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’94 vot favur, 29 vot kontra u 15-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet

1.1   Għalkemm mhuwiex għan fih innifsu, is-suq intern huwa strument li qiegħed jikkontribwixxi għal benesseri dejjem ikbar taċ-ċittadini tal-UE, iżid il-prosperità tagħhom u l-aċċess tagħhom għall-prodotti u s-servizzi u jtejjeb il-kwalità u s-sigurtà ta’ xogħolhom, filwaqt li jagħtihom l-opportunità li jivvjaġġaw, jgħixu, jaħdmu u jistudjaw fi kwalunkwe post fi ħdan il-fruntieri tal-UE.

1.2   Dan il-progress huwa marbut mal-opportunitajiet akbar li s-suq intern qiegħed jipprovdi kemm lin-negozju — bis-saħħa tal-espansjoni tas-suq għal prodotti, servizzi, libertà tal-investiment — kif ukoll lill-ħaddiema, billi jingħataw l-opportunità ġdida li jfittxu impjieg fi kwalunkwe pajjiż tal-UE tal-għażla tagħhom.

1.3   Jekk l-Ewropa trid tibqa’ kompetittiva fuq perijodu fit-tul, is-suq intern għandu jiżgura tkabbir sostenibbli u fit-tul, u dan ifisser li għandu wkoll iqis id-dimensjoni ambjentali. Għalhekk, standards, regoli, prodotti u ideat ġodda għandhom iqisu din l-isfida ewlenija, anke jekk tista’ twassal għal tensjonijiet inevitabbli f’xi industriji, speċjalment billi dan kollu jagħmel sens biss jekk l-ekonomija Ewropea tingħata ċans li tibqa’ fuq saqajha, jiġifieri jekk il-kompetittività fuq perijodu qasir ma tkunx imxekkla.

1.4   L-għan aħħari huwa li l-funzjonament tas-suq intern jitjieb b’mod sinjifikanti fi ħdan ekonomija tas-suq soċjali, jiġifieri li jiġi żgurat livell ugwali għall-partijiet interessati kollha u li dawn joperaw fl-istess ambjent legali. Dan huwa kruċjali biex jinħolqu kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta u sabiex jinħolqu aktar impjiegi u impjiegi ta’ kwalità aħjar billi jiġu integrati d-dimensjonijiet soċjali u ambjentali fis-suq intern sabiex tissaħħaħ il-kompetittività Ewropea.

1.5   Fl-approċċ tagħhom għat-tisħiħ tas-suq intern, l-istituzzjonijiet Ewropej iridu jqisu l-interessi leġittimi tan-negozju u l-bżonn li jiġu rrispettati d-drittijiet soċjali fundamentali rikonoxxuti mil-liġi tal-UE, l-istandards internazzjonali tax-xogħol u l-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri individwali, inkluż id-dritt tan-negozjar kollettiv.

1.6   Il-funzjonament xieraq tas-suq intern jeħtieġ ir-riżoluzzjoni ta’ ċerti ambigwitajiet relatati mal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE. Qafas legali dirett u prevedibbli huwa prerekwiżit biex is-suq intern jiżviluppa u jissaħħaħ aktar.

1.7   B’mod aktar speċifiku, kontroversji li jirriżultaw mis-sentenzi reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea dwar l-interpretazzjoni legali tad-Direttiva dwar l-Ippustjar tal-Ħaddiema jidhru li jilleġittimizzaw it-talba li d-Direttiva tiġi riveduta jew li jintlaħaq ftehim addizzjonali bejn l-imsieħba soċjali.

1.8   Bħala medjatur bejn l-istituzzjonijiet u l-pubbliku, in-netwerk SOLVIT jista’ jaqdi rwol importanti ħafna f’dan ir-rigward. Madankollu, in-netwerk m’għandux biżżejjed fondi u impjegati, u r-rwol u l-attivitajiet tiegħu jridu jiġu stmati mill-ġdid.

2.   Daħla

2.1   Għalkemm għadu qed jiġi żviluppat, is-suq intern diġà ta liċ-ċittadini tal-UE diversi benefiċċji tanġibbli, u jirrappreżenta l-ksib prinċipali tal-proċess tal-integrazzjoni Ewrope (1). Madankollu, il-ftuħ gradwali tas-swieq u t-tneħħija tal-ostakli ġabu magħhom għadd ta’ diffikultajiet u problemi li għandhom jiġu indirizzati jekk irid jinkiseb appoġġ sabiex is-suq intern jissaħħaħ aktar.

2.2   Ta’ min ifakkar li l-iżvilupp tas-suq intern mhuwiex għan fih innifsu iżda mezz biex jogħla l-livell ta’ għajxien tan-nies tal-Unjoni Ewropea u biex tiżdied il-prosperità tagħhom u l-aċċess tagħhom għall-prodotti u s-servizzi u jittejbu l-kwalità u s-sigurtà ta’ xogħolhom, filwaqt li jingħataw l-opportunità li jivvjaġġaw, jgħixu u jaħdmu liberament fi kwalunkwe post fi ħdan il-fruntieri tal-UE (2). Dawn il-benefiċċji huma marbuta sewwa maż-żieda fil-libertà li għandhom il-kumpaniji biex jinnegozjaw, pereżempju permezz tal-espansjoni tas-suq għall-prodotti u s-servizzi u l-libertà tal-investiment.

2.3   It-tneħħija gradwali tal-ostakli f’oqsma relatati direttament mal-erba’ libertajiet tista’ twassal għal problemi u tensjonijiet f’oqsma fejn għad hemm differenzi sinifikanti bejn pajjiżi varji; dan japplika partikolarment għal kwistjonijiet bħall-paga, is-sigurtà soċjali, il-liġi tax-xogħol u d-drittijiet tal-imsieħba soċjali. Tali tensjonijiet jistgħu jitneħħew, u sa ċertu punt qegħdin jitneħħew, permezz ta’ regolamenti addizzjonali mfassla biex:

tiġi ċċarata l-konfużjoni legali li nqalgħet mill-applikazzjoni tar-regolamenti minn pajjiżi differenti;

jiġu miġġielda d-dumping soċjali u l-kompetizzjoni inġusta;

jitħarsu d-drittijiet tal-konsumaturi (3);

jiġi żgurat li l-produtturi u l-fornituri ta’ prodotti kif ukoll il-fornituri ta’ servizzi jkollhom aċċess effettiv għas-suq intern Ewropew;

tiġi żgurata l-aċċessibilità tal-prodotti u s-servizzi kollha, l-iktar tas-servizzi ta’ interess ġenerali permezz ta’ politiki li japplikaw għal kulħadd (4);

jippromovu l-politiki attivi li jiżguraw ugwaljanza bejn is-sessi u li jiġġieldu kontra kull tip ta’ diskriminazzjoni.

2.4   Biex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq intern, jeħtieġ li jiġu solvuti l-ambigwitajiet varji rigward l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE. Huwa kompletament inaċċettabbli li, fi kwistjonijiet li huma ta’ importanza kbira għalihom, l-imsieħba soċjali jistgħu jkunu obbligati jirrikorru għall-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, li d-deċiżjonijiet tagħha kultant jew ma jinftehmux jew iqajmu kontroversja.

2.5   F’dan il-kuntest, wieħed irid iqis il-fatt li l-Kummissjoni ddeċidiet li tistieden lill-imsieħba soċjali u lill-Istati Membri sabiex jiddiskutu l-kwistjonijiet li qamu b’riżultat ta’ sentenzi reċenti tal-Qorti, u organizzat forum ta’ dibattitu dwar kif għandhom jiġu rrispettati d-drittijiet soċjali fuq sfond ta’ mobilità akbar tax-xogħol (5).

3.   Is-suq intern: benefiċċji u sfidi

3.1   Is-suq intern ġab varjetà kbira ta’ benefiċċji. Dawn jinkludu benefiċċji kemm għan-negozji u l-ħaddiema, kif ukoll għall-pubbliku ġenerali, li jibbenefikaw mit-tħaddim b’suċċess tas-suq intern f’varjetà ta’ oqsma. Il-kisbiet indiskutibbli tas-suq intern jinkludu t-tkabbir fil-prosperità relatat ma’ żieda fil-PGD, il-libertà li wieħed jivvjaġġa, jgħix, jaħdem jew jistudja fi kwalunkwe pajjiż tal-UE, l-aċċess sostanzjalment usa’ għal prodotti u servizzi ta’ kwalità tajba, spiss bi prezzijiet aktar baxxi, fatt li huwa marbut mal-aċċess imtejjeb tal-produtturi, l-operaturi tal-kummerċ u l-fornituri tas-servizzi għas-suq intern, u l-aħħar iżda mhux l-inqas, l-estensjoni tad-drittijiet tal-konsumatur li issa jinkludu ż-żona kollha tal-UE, irrispettivament mill-pajjiż minn fejn il-prodott jew is-servizz ikun inxtara.

3.2   Il-limiti imposti fuq il-libertà tal-moviment tal-persuni minn għadd ta’ Stati Membri, fil-forma ta’ “perijodi ta’ tranżizzjoni”, għadhom sors ta’ kontroversja minkejja ż-żmien limitat tagħhom. Madankollu, għandu jiġi nnutat li l-ħarsien tas-suq tax-xogħol wera li huwa aktar diffiċli milli ħsibna f’dawk il-pajjiżi li applikaw perijodi ta’ tranżizzjoni; bl-istess mod, l-eżodu tal-ħaddiema ta’ sengħa li qegħdin ifittxu impjieg jirrappreżenta problema ġenwina għall-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom.

3.3   Madankollu, il-KESE huwa tal-opinjoni (6) li l-integrazzjoni tas-suq tax-xogħol hija l-aħjar protezzjoni kontra l-esklużjoni soċjali. Il-Kummissjoni għandha taħdem flimkien mal-imsieħba soċjali biex tagħmel użu aħjar mill-potenzjal tal-forza tax-xogħol tal-Ewropa fis-soċjetajiet tagħna, li tant qegħdin jinbidlu malajr. Problema waħda li għad trid tiġi solvuta hija dik tar-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki (7).

3.4   Għan-negozji, il-benefiċċji jinkludu kemm aċċess għal suq kbir b’popolazzjoni ta’ kważi 500 miljun, proċeduri aktar faċli ta’ kummerċ transkonfinali u ta’ twaqqif ta’ negozju, applikazzjoni usa’ tal-istandards u t-tikketti Ewropej kif ukoll kooperazzjoni transkonfinali mtejba u trasferimenti tat-teknoloġija. Benefiċċju ieħor huwa l-aċċess faċli għas-swieq tal-kapital, għalkemm il-funzjonament tas-servizzi finanzjarji għad irid jittejjeb. Dawn il-kisbiet kollha tas-suq intern, irrispettivament minn jekk jinvolvux lin-negozji jew lill-pubbliku direttament, jiġbru fihom l-implikazzjonijiet soċjali u l-isfidi tagħhom stess.

3.5   Filwaqt li jista’ jidher li huwa ovvju li l-introduzzjoni tas-suq intern ġabet tkabbir ekonomiku bla preċedent, li kellu wkoll effett pożittiv fuq il-benesseri soċjali pubbliku, għad hemm ħafna dibattitu dwar jekk il-livell ta’ ftuħ tas-suq u l-ambitu tar-regolamentazzjoni f’żoni individwali humiex soċjalment mixtieqa jew aċċettabbli. Il-kontroversji rigward is-sentenzi reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea (Viking (8), Laval (9), Rüffert (10), Kummissjoni vs. Lussemburgu (11)), id-dibattitu aktar bikri dwar id-Direttiva dwar is-Servizzi kif ukoll il-problemi dwar il-ftuħ ta’ swieq tax-xogħol, id-dumping soċjali, il-kompetizzjoni inġusta u l-impatt tas-suq intern fuq il-funzjonament tal-mudell soċjali Ewropew bla dubju jeħtieġu analiżi u, probabbilment, deċiżjonijiet dwar leġiżlazzjoni ġdida jew koregolazzjoni.

3.6   Is-suq intern wassal għal tnaqqis fil-prezzijiet ta’ ħafna prodotti, li jagħmel tajjeb kemm għall-konsumatur kif ukoll għall-kompetittività tal-ekonomija Ewropea. Madankollu, dan it-tnaqqis fil-prezzijiet ta’ spiss isir bir-riskju li l-impjegati jitkeċċew bħala riżultat tar-ristrutturar tan-negozju jew it-trasferiment tax-xogħlijiet lejn post ieħor. Mil-lat soċjali, għalhekk, huwa neċessarju li l-interessi tal-konsumaturi (prezzijiet baxxi) jiġu rrikonċiljati mal-interessi tal-ħaddiema, jiġifieri s-sigurtà tax-xogħol, l-istandards tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-paga.

3.7   It-tkabbir ekonomiku li ġab miegħu s-suq intern ikkontribwixxa wkoll għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda. Dan ikun fenomenu pożittiv ħafna kieku ma kienx għall-fatt li ħafna drabi dawn ix-xogħlijiet mhumiex imħallsa tajjeb minħabba l-bżonn li jibqgħu kompetittivi.

3.8   F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li l-Ewropa kisbet il-kompetittività kbira tagħha prinċipalment permezz ta’ investimenti f’teknoloġiji ġodda, taħriġ u edukazzjoni tal-ħaddiema, titjib tal-organizzazzjoni tax-xogħol, kundizzjonijiet ta’ saħħa u sigurtà aħjar fuq il-post tax-xogħol kif ukoll promozzjoni attiva tad-djalogu u s-sħubija soċjali. Madankollu, peress li l-ħaddiema huma wkoll konsumaturi, żieda fil-kompetittività tal-ekonomija permezz ta’ tnaqqis tal-ispejjeż tax-xogħol, tista’ twassal għal nuqqas fil-poter tal-akkwist jew, fi kliem ieħor, konsum aktar baxx u staġnar ekonomiku.

3.9   Il-ftuħ parzjali tas-suq tax-xogħol għall-migranti ekonomiċi iġib miegħu sensiela ta’ problemi speċifiċi. Xi Stati Membri naqsu milli jakkomodaw b’mod effettiv lill-migranti ekonomiċi fl-arranġamenti kollettivi tagħhom u/jew regoli, dispożizzjonijiet jew prattiki legali oħra, u b’riżultat ta’ dan dgħajfu l-istandards lokali tax-xogħol u kabbru l-ekonomija informali. Dan iwassal għal deterjorament tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u djalogu soċjali inqas effikaċi, u jirriżulta f’dumping soċjali u f’kompetizzjoni inġusta; tali żviluppi għandhom jiġu miġġielda bil-qawwa kemm mit-trejdjunjins kif ukoll mill-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem.

3.10   Ċerti prattiki ta’ intrapriżi li jħaddmu lil ħaddiema ppustjati ġew ikkwalifikati bħala dumping soċjali u kompetizzjoni inġusta minn uħud mill-partijiet interessati. Barra minn hekk, fis-sentenzi tagħha fil-każijiet ta’ Viking, Laval, Rüffert u l-Kummissjoni vs. Lussemburgu, il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea ddeċidiet li tali prattiki kienu legali u konformi mad-Direttiva dwar l-Ippustjar tal-Ħaddiema. Dan qajjem kontroversji kbar partikolarment minħabba l-fatt li s-sentenzi jikkontradixxu b’mod ċar l-objettiv tad-Direttiva. Il-promozzjoni tal-forniment transkonfinali ta’ servizzi titlob kompetizzjoni ġusta u garanziji tad-drittijiet tal-ħaddiema. Għalhekk, jidher li sabiex jiġu ggarantiti opportunitajiet ugwali, kompetizzjoni ġusta u r-rispett għad-drittijiet tal-ħaddiema, hemm bżonn ta’ inizjattivi legali ġodda u negozjati addizzjonali bejn l-imsieħba soċjali, speċjalment dwar il-kwistjoni tal-ħaddiema ppustjati.

3.11   Madankollu, qabel ma jitfasslu regolamenti ġodda, il-Kumitat (12) jemmen li hemm il-bżonn urġenti li jittieħdu miżuri biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tad-Direttiva 96/71/KE, b’mod partikolari billi l-objettivi tagħha għadhom ma nkisbux b’mod sħiħ 10 snin wara l-approvazzjoni tagħha.

3.12   Il-kwistjoni dwar il-ftuħ tas-suq għas-servizzi u l-problemi relatati mas-servizzi ta’ interess ġenerali, li huma, fost oħrajn, koperti mid-Direttiva dwar is-Servizzi li ġiet adottata reċentement, tibqa’ kwistjoni separata. Din id-Direttiva bħalissa qiegħda fil-proċess li tiġi implimentata u għalhekk l-impatt tagħha għadu ma jistax jiġi stmat. Madankollu, jidher biċ-ċar li d-dimensjoni soċjali tas-servizzi bażiċi tmur, b’mod sinifikanti, lil hinn mill-kwistjonijiet tal-ħaddiema u tad-djalogu soċjali waħedhom, u li tkopri wkoll il-garanzija ta’ aċċess għal dawn is-servizzi għal kulħadd (13).

3.13   Fil-kuntest taż-żieda reċenti fil-prezzijiet fl-Ewropa, il-kwistjoni tal-aċċessibilità għas-servizzi ta’ interess ġenerali hija marbuta mill-qrib mal-kwistjoni ta’ kemm jistgħu jintlaħqu l-prezzijiet, speċjalment fir-rigward tal-enerġija. Madankollu, il-problema tal-provvisti tal-enerġija għandha titqies b’rabta mhux biss maż-żieda reċenti, u wisq probabbli futura, fil-prezzijiet iżda wkoll mal-aspetti ambjentali tal-konsum tal-enerġija.

4.   L-impatt ta’ sentenzi reċenti fuq is-suq intern

4.1   Biex jiffunzjona kif xieraq, is-suq intern jeħtieġ għadd ta’ regoli ċari. L-integrazzjoni aktar fil-fond tas-suq intern ser tiddependi ħafna mill-possibbiltà li jinstab bilanċ aċċettabbli bejn id-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tiegħu fi ħdan qafas legali dirett u prevedibbli.

Sentenzi reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea qajmu kontroversja fiċ-ċirki industrijali madwar l-Ewropa. Hemm bżonn ta’ soluzzjonijiet ċari għal kwistjonijiet li jibqgħu kontroversjali sabiex terġa’ tiġi stabbilita l-bażi komuni tant meħtieġa għall-fiduċja pubblika.

4.2.1   Fil-każ Viking, il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ħaddiema tat-Trasport (ITF) u t-Trejdjunjin tal-Baħħara Finlandiżi heddu li jieħdu azzjoni industrijali fir-rigward tal-pjanijiet li kellha l-Viking Line biex tbiddel il-bandiera ta’ bastiment Finlandiż għal dik Estonjana u tissostitwixxi l-ekwipaġġ b’ħaddiema Estonjani b’pagi aktar baxxi. Il-Qorti kkonkludiet li thedidda ta’ strajk bil-għan li kumpanija tiġi obbligata tikkonkludi ftehim kollettiv, f’dan il-każ tista’ tillimita l-libertà tal-istabbiliment.

4.2.2   Il-każ Laval involva kumpanija Latvjana li kienet qed tippustja l-ħaddiema l-Iżvezja b’termini u kundizzjonijet Latvjani, li kienu ferm inferjuri għat-termini u l-kundizzjonijiet tal-ftehim kollettiv tal-Iżvezja. It-trejdjunjins Żvediżi ħadu azzjoni industrijali u ibbojkottjaw il-provvisti lejn is-sit tal-Vaxholm. Il-Qorti kkonkludiet li fejn tapplika d-Direttiva dwar l-Ippustjar tal-Ħaddiema, l-organizzazzjoni ta’ azzjoni industrijali mit-trejdjunjins għall-ksib ta’ termini u kundizzjonijiet aħjar mir-regoli obbligatorji dwar il-ħarsien minimu stabbiliti fid-Direttiva hija illegali.

4.2.3   Fil-każ Rüffert, kumpanija Ġermaniża rebħet sejħa għall-offerti mal-Land ta’ Niedersachsen li kienet tinvolvi xogħol ta’ kostruzzjoni f’ħabs. Il-kumpanija Ġermaniża għaddiet ix-xogħol tal-kuntratt tagħha lil kumpanija Polakka li ħallset lill-impjegati tagħha 47 % biss tar-rata minima stabbilita fil-ftehim kollettiv settorjali reġjonali. Għalhekk, il-Land ta’ Niedersachsen ħassret il-kuntratt tagħha iżda fil-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea il-liġi lokali li tobbliga lill-kuntratturi tal-bini pubbliku jirrispettaw il-ftehim kollettiv hija inkompatibbli mad-Direttiva dwar l-Ippustjar tal-Ħaddiema sakemm il-ftehim ma jkunx universalment vinkolanti.

4.2.4   Fil-każ tal-Lussemburgu, il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea appoġġjat l-ilment tal-Kummissjoni fil-konklużjoni tagħha li l-Lussemburgu mar ’il bogħod wisq fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ippustjar tal-Ħaddiema fir-rigward tal-obbligi imposti f’dan il-pajjiż fuq l-intrapriżi nazzjonali, b’mod partikolari dwar l-itwal perijodu ta’ ħidma u l-iqsar perijodu ta’ serħan possibbli, l-indiċjar awtomatiku tal-pagi u r-rispett tal-ftehim kollettiv.

4.3   Is-sentenzi tal-każijiet imsemmija hawn fuq qajmu wkoll tħassib dwar l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea rigward id-Direttiva tal-UE dwar l-Ippustjar tal-Ħaddiema. Dawk il-każijiet kienu kontroversjali ħafna u ħafna partijiet kienu jarawhom bħala promozzjoni ta’ dumping tal-pagi. F’dawk il-każijiet, kumpaniji barranin evitaw ftehimiet kollettivi, dispożizzjonijiet jew prattiki legali u regolamenti li kienu fis-seħħ fil-pajjiż li kienu qegħdin joperaw fih bi ħsara għall-kumpaniji lokali u bi spejjeż għall-ħaddiema.

4.4   Is-suq intern għandu jkun sors ta’ ċertezza legali, mhux ta’ ambigwità. Għalhekk, huwa ta’ importanza kruċjali li jintlaħaq qbil dwar dawk il-prinċipji li għandhom bżonn jiġu riveduti b’konformità kemm mal-interpretazzjoni letterali kif ukoll mal-intenzjoni tal-liġi, u li tinstab bażi komuni ċara.

5.   Mekkaniżmi u strumenti li jtejbu l-funzjonament tas-suq intern

5.1   Il-funzjonament tas-suq intern ġie kkompletat b’mod progressiv minn għadd ta’ mekkaniżmi li tejbu t-tħaddim tiegħu. Dawk il-mekkaniżmi jistgħu jkunu utli biex jiġu stmati mezzi għat-titjib tal-integrazzjoni tad-dimensjoni kemm soċjali kif ukoll ambjentali fis-suq intern.

5.2   Fis-snin reċenti tqajmu dibattiti dwar l-armonizzazzjoni u r-rikonoxximent reċiproku fil-kuntest tal-aħħar proċessi ta’ tkabbir. Hemm kunsens wiesa’ li l-armonizzazzjoni għandha tiffoka fuq dak li huwa verament neċessarju, u li mhuwiex realistiku li wieħed jimmira lejn wisq armonizzazzjoni f’Unjoni Ewropea ta’ 27 Stat Membru. Ir-rikonoxximent reċiproku, min-naħa l-oħra, minkejja li huwa wieħed mill-pilastri tas-suq intern, ħafna drabi jiġi injorat. L-armonizzazzjoni tista’ tkun utli għall-bini ta’ Mudell Soċjali Ewropew, iżda d-dimensjoni soċjali tibqa’ kapitolu riżervat għas-27 Stat Membru, f’ħafna mill-każijiet bl-appoġġ sħiħ tal-imsieħba soċjali u skont il- prinċipju tas-sussidjarjetà. Madankollu, tista’ tkun utli fil-qasam ambjentali, tistabbilixxi regoli għall-prodotti u l-proċessi, skont l-għanijiet ambizzjużi li l-Unjoni stabbilixxiet għaliha nnifisha.

5.3   Bħala medjatur bejn l-istituzzjonijiet u l-pubbliku, in-netwerk SOLVIT jista’ jkun importanti ħafna f’dan ir-rigward. Huwa għandu r-responsabbiltà li jinforma, jagħti parir u janalizza mill-ġdid kwistjonijiet relatati mas-suq intern li jikkonċernaw kumpaniji, konsumaturi, ħaddiema, eċċ. fl-Istati Membri. Jiġbor ammont kbir ta’ data u għarfien. Madankollu, b’mod ġenerali, in-netwerk m’għandux biżżejjed fondi u impjegati, u r-rwol u l-attivitajiet tiegħu jridu jiġu stmati mill-ġdid.

5.4   L-“approċċ il-ġdid” wassal biex il-leġiżlaturi tal-UE jżommu lura meta jistipulaw ir-rekwiżiti bażiċi u jiddelegaw l-aspetti tekniċi lill-korpi ta’ standardizzazzjoni. Anke jekk dan ftit li xejn jista’ jiġi applikat għad-dimensjoni soċjali, jista’ jkollu — u tassew diġà għandu — importanza fundamentali fil-qasam ambjentali (standards tal-kwalità, eċċ. — ikun utli kieku l-Kummissjoni taġġorna għadd ta’ oqsma rilevanti).

5.5   Il-prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini għadu kwistjoni kontenzjuża, kif juri wkoll il-fatt li l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur mhumiex sodisfatti bih. Huwa jistipula li meta azzjoni jew servizz jitwettqu f’pajjiż wieħed iżda jiġu rċevuti f’pajjiż ieħor, il-liġi applikabbli hija l-liġi tal-pajjiż fejn isiru l-azzjoni jew is-servizz. L-għan ta’ dan il-prinċipju huwa li l-moviment liberu tal-prodotti u s-servizzi jiġi stimulat u li tiġi mħeġġa l-kompetizzjoni transkonfinali. Madankollu, dan ġie miċħud matul id-dibattitu rigward id-Direttiva dwar is-Servizzi, minħabba li fil-fatt ikun jirrikjedi li l-Istati japplikaw sistemi legali differenti għal kumpaniji u persuni skont il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

5.6   Il-proċess ta’ Lamfalussy ipprovda eżempju tajjeb dwar kif kwistjonijiet regolatorji pan-Ewropej jistgħu jittejbu. Huwa ta interpretazzjoni aktar konsistenti u pprovda għal konverġenza aktar sempliċi ta’ prattiki u tradizzjonijiet nazzjonali dwar kwistjonijiet regolatorji speċifiċi. Minbarra l-eżempju tas-servizzi finanzjarji, il-proċess ta’ Lamfalussy huwa punt ta’ referenza biex tinħoloq sistema li tipprovdi kwalità u sempliċità. Għadu mhux magħruf jekk huwiex kapaċi jipprovdi mekkaniżmu aktar effiċjenti ta’ leġiżlar f’oqsma oħra, b’mod speċjali fil-qasam tal-ambjent.

5.7   Il-klawżola Monti tirreferi — fil-kuntest tal-moviment liberu tal-prodotti — għall-fatt li d-Direttiva m’għandhiex tiġi interpretata bħala direttiva li taffettwa l-eżerċitar tad-drittijiet fundamentali tal-UE, li jinkludu d-dritt li tittieħed azzjoni industrijali. Sentenzi reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea xeħtu dubju fuq il-klawżola Monti, u huwa importanti li jiġi ċċarat x’inhuma l-limiti tagħha u għalfejn.

6.   Qafas aħjar għall-integrazzjoni tal-ambjent fis-suq intern

6.1   Kemm l-enerġija kif ukoll l-ambjent saru — u ser jibqgħu fil-futur prevedibbli — prijoritajiet ewlenin għall-gvernijiet u ċ-ċittadini fl-Ewropa. Sfortunatament, il-ħarsien tal-ambjent ta’ spiss jitqies bħala piż għas-suq: sensiela ġdida ta’ kundizzjonijiet negattivi li awtomatikament taffettwa l-kompetittività tan-negozju.

6.2   Madankollu, illum hemm qbil ġenerali li wieħed mill-aktar mezzi effettivi biex tiġi ggarantita l-kompetittività futura tal-Ewropa huwa li jsir progress sostanzjali addizzjonali permezz tal-iżvilupp ta’ ideat, prodotti u standards li jindirizzaw waħda mill-aktar sfidi importanti li l-umanità qiegħda tiffaċċja llum il-ġurnata u, għalhekk, l-iżvilupp ta’ suq intern li tassew iqis id-dimensjoni ambjentali, li hija parti ċentrali minn dan l-objettiv. Madankollu, dan ma jnaqqasx mill-fatt li regolamenti ġodda f’dan il-qasam jistgħu joħolqu tensjoni f’ċerti industriji, speċjalment minħabba l-fatt li l-kompetittività fuq perijodu qasir għadha importanti ħafna.

6.3   It-Trattat ta’ Amsterdam saħħaħ mill-ġdid l-idea tal-integrazzjoni tad-dimensjoni ambjentali f’politiki oħra li huma kruċjali għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli. Il-Kummissjoni Ewropea esplorat mezzi ta’ kif jistgħu jittejbu s-sinerġiji bejn is-suq uniku u l-kwistjonijiet ambjentali billi qieset miżuri bħall-akkwist pubbliku, il-valutazzjoni effettiva tal-impatt, l-standardizzazzjoni, ir-rappurtaġġ finanzjarju, jew l-istrumenti ekonomiċi bħat-taxxi ambjentali, eċċ. Il-Kummissjoni staqsiet ukoll dwar setturi u problemi ġodda li jistgħu jeħtieġu miżuri ta’ armonizzazzjoni.

6.4   Sal-lum, minħabba s-setturi u l-prattiki wesgħin involuti fid-dimensjoni tal-ambjent u tas-sostenibbiltà, l-integrazzjoni tat-tħassib ambjentali fis-suq uniku għad mhijiex kwistjoni ċara. Taffettwa oqsma importanti ta’ politika bħall-enerġija u t-trasport, filwaqt li kwistjonijiet li oriġinarjament kienu ristretti għall-moviment liberu tal-prodotti twessgħu għal oqsma oħra. Għalhekk, u filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu l-importanza kbira li l-ambjent għandu fl-aġenda politika llum, jeħtieġ li jsir ħafna aktar progress fil-kwistjonijiet speċifiċi li jistgħu jittejbu, u li jiġi identifikat liema għodod tas-suq intern ikunu l-aktar xierqa biex jinkisbu dawn l-għanijiet.

7.   Kummenti finali

7.1   Is-suq intern huwa xogħol li għadu għaddej. L-għan aħħari huwa li jinbena suq intern mingħajr ostakli. Suq intern komplut ifisser li l-partijiet interessati kollha jkollhom aċċess ugwali għal kull suq nazzjonali. U fl-aħħar nett, aċċess ugwali għas-swieq ta’ kull Stat Membru jfisser ukoll li n-negozju, il-ħaddiema u l-fornituri tas-servizzi joperaw fl-istess ambjent legali u b’hekk ikun żgurat li l-kuntest ikun ugwali u tiġi evitata kompetizzjoni inġusta fi ħdan il-fruntieri tal-Unjoni Ewropea, u kwalunkwe tnaqqis fil-kompetittività tas-suq intern kollu kemm hu.

7.2   Il-Kumitat esprima l-opinjoni (14) li s-suċċess tas-suq intern huwa r-responsabbiltà konġunta tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri li jridu sjieda akbar tiegħu. Ir-rwol li l-imsieħba soċjali għandhom fil-bini u fl-infurzar għandu jiġi enfasizzat ukoll.

7.3   Id-dibattitu attwali dwar il-limiti tal-integrazzjoni Ewropea, inkluża d-diskussjoni reċenti rigward id-Direttiva dwar is-Servizzi, juri kemm huwa diffiċli li l-prinċipji tas-suq intern jiġu rrikonċiljati mal-bżonn ta’ standards soċjali għoljin, ħarsien soċjali, funzjonament u servizzi pubbliċi aċċessibbli u kompetizzjoni ġusta. Id-diskussjonijiet dwar is-suq intern għandhom jiffukaw primarjament fuq il-formolazzjoni ta’ tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet leġittimi. Huma u jwieġbu dawn il-mistoqsijiet, l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom iqisu kemm l-interessi leġittimi tan-negozju kif ukoll il-fatt li l-libertajiet ekonomiċi għandhom bżonn ikunu soġġetti għal regolazzjoni sabiex ikun żgurat li l-eżerċitar tagħhom ma jnaqqasx mid-drittijiet soċjali fundamentali rikonnoxxuti mil-liġi tal-UE, mill-istandards internazzjonali tax-xogħol u mil-liġijiet tal-Istati Membri individwali, li jinkludu d-dritt tan-negozjar u d-dritt tal-konklużjoni u l-implimentazzjoni ta’ ftehimiet kollettivi.

7.4   Il-Komunikazzjoni reċenti tal-Kummissjoni dwar l-aġenda soċjali mġedda (15) ittenni l-impenn qawwi tal-Ewropa għal soċjetajiet armonjużi, magħqudin u inklużivi li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali f’ekonomiji sodi tas-suq soċjali. Il-Kummissjoni tiddikjara wkoll l-impenn tagħha li tiżgura li ma jkun hemm l-ebda kontradizzjoni bejn il-libertajiet fundamentali tat-Trattat u l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali.

7.5   Il-funzjonament tas-suq intern skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Liżbona għad irid jiġi stmat; l-ewwel stima tal-KESE dwar it-test tat-Trattat tindika, madankollu, li s-suq intern, filwaqt li mhuwiex għaddej minn modifiki strutturali, jidher li huwa ddefinit minn aspett aktar soċjali.

Brussell, l-14 ta’ Jannar 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  COM(2007) 724 finali.

(2)  ĠU C 93, 27.4.2007, p. 25.

(3)  ĠU C 175, 27.7.2007, p. 14.

(4)  ĠU C 175, 27.7.2007, p. 14.

(5)  COM(2008) 412.

(6)  ĠU C 77, 31.3.2009, p. 15.

(7)  ĠU C 224, 30.8.2008, p. 100.

(8)  ĠU C 51, 23.02.2008, każ C-438/05.

(9)  ĠU C 51, 23.02.2008, każ C-341/05.

(10)  ĠU C 128, 24.05.2008, każ C-346/06.

(11)  ĠU C 209, 15.08.2008, każ C-319/06.

(12)  ĠU C 151, 17.6.2008, p. 45.

(13)  ĠU C 161, 13.7.2007, p. 80.

(14)  ĠU C 77, 31.3.2009, p. 15.

(15)  COM(2008) 412.


APPENDIĊI

għall-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Il-punt li jidher hawn taħt, meħud mill-Opinjoni tas-Sezzjoni, ġie rrifjutat peress li minfloku ntlaqgħet emenda li ġiet adottata mill-assemblea, iżda kien appoġġjat b’aktar minn kwart tal-voti mixħuta:

1.4   L-għan aħħari huwa li jitneħħew l-ostakli kollha għall-funzjonament tas-suq intern, jiġifieri li jiġi żgurat livell ugwali għall-partijiet interessati kollha u li dawn joperaw fl-istess ambjent legali. Dan huwa kruċjali biex jinħolqu kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta għal kulħadd u biex tiżdied il-kompetittività tal-ekonomija tal-UE.

Voti:

Favur: 79

Kontra: 46

Astensjonijiet: 11

Din l-emenda, li rċeviet aktar minn kwart tal-voti mixħuta, ġiet irrifjutata fil-votazzjoni:

Punt 4.3 għandu jitħassar

Raġuni

Il-KESE m’għandu l-ebda kompetenza li jdgħajjef is-sentenzi tal-QĠE. Dan ikun preċedent perikoluż li jista’ jwassal għal tnaqqis fil-prestiġju tagħna.

Voti

Favur: 44

Kontra: 78

Astensjonijiet: 14


Top