Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009XC0108(07)

Pubblikazzjoni tal-applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u tal-ikel [titlu mhux uffiċjali]

OJ C 3, 8.1.2009, p. 17–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.1.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 3/17


Pubblikazzjoni tal-applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u tal-ikel [titlu mhux uffiċjali]

(2009/C 3/08)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“RAVIOLE DU DAUPHINÉ”

Nru tal-KE: FR-PGI-0005-0583-28.12.2006

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Isem

“Raviole du Dauphiné”

2.   L-Istat Membru jew il-pajjiż terz

Franza

3.   Id-deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   It-tip ta' prodott

Klassi 2.7 — Għaġin

3.2.   Id-deskrizzjoni tal-prodott li japplika għalih l-isem f'(1)

Ir-Ravioles du Dauphiné huma speċjalità reġjonali f'għamla ta' kaxxi żgħar tal-għaġin magħmulin minn għaġina fina tad-dqiq tal-qamħ artab mimli bil-ġobon frisk (fromage frais), ġobon ppressat u msajjar (Comté DPO u/jew l-emmental franais Est-Central IĠP) u tursin moqli fil-butir sakemm jieħu l-kulur.

F'dan il-proċess, l-għaġina tintgħaġen, jitħallat il-mili u timtela l-għaġina bil-mili. Żewġ folji tal-għaġina (għaġina għall-wiċċ u għaġina għall-qiegħ) jiġu rrumblati rqaq u jitwaħħlu flimkien filwaqt li l-mili jitqiegħed bejniethom. Din l-operazzjoni ssir malajr ħafna u wara l-għaġina tingħata l-forma partikulari tar-ravioles.

Din l-ispeċjalità hija magħmula minn:

massimu ta' 55 % ta' għaġina rqiqa ħafna (madwar 0,7 mm) magħmula mid-dqiq tal-qamħ artab, b'kontenut baxx ħafna ta' rmied (iż-żerriegħa tal-qamħ), ilma, bajd frisk u żejt veġetali,

mili (minimu ta' 45 %) magħmul minn Comté DPO u/jew mill-Emmental franais Est-Ecentral IĠP, ta' ġobon abjad (fromage frais) u frisk tal-ħalib tal-baqra, tursin, bajd frisk, melħ u butir.

Ir-Ravioles du Dauphiné jiġu friski (ippakkjati jew mhumiex f'atmosfera kkontrollata), jew iffriżati.

Ir-Raviole du Dauphiné jinbigħu f'folji ta' 48 unità maqtugħin minn qabel (6x8) meta jkunu friski (ippakkjati jew mhumiex f'atmosfera kkontrollata), u f'biċċiet separati meta jkunu ffriżati.

Il-piż ta' folja huwa ta' bejn 60 u 65 gramma, u dan jikkorrispondi għall-piż ta' bejn 1 u 1,5 g kull kwadru ta' għaġin.

Il-karatteristiċi organolettiċi tar-raviole du Dauphiné huma: għaġina rqiqa u ratba, mili żejtni u artab, ikkaratterizzat minn bilanċ fit-togħma bejn it-tursin u l-ġobon.

3.3.   Il-materja prima

Ir-Raviole du Dauphiné ma fihx koloranti jew priservattivi u ż-żieda ta' prodotti għall-palat bħalma huma l-frak tal-ħobż, il-lamtu, u l-laqxiet tal-patata, kif ukoll ma fih l-ebda trattament ta' sħana ħlief fil-każ ta' ffriżar.

L-ingredjenti tal-għaġina

Dqiq

Id-dqiq użat għandu l-karatteristiċi li ġejjin:

id-daqs taż-żerriegħa iżgħar minn 200 mikron,

il-kontenut tal-irmied, għall-prodott niexef, taħt l-0,50 (dqiq ≤ tat-tip 45),

umdità ta' bejn 13 u 16 %,

il-kontenut ta' proteini, għall-prodott niexef ta' bejn 9 u 12 %,

l-ebda additiv kimiku inkorporat.

Bajd frisk

Komponenti oħrajn:

żjut veġetali (ħlief il-marġerina u ż-żejt tal-karawett),

ilma,

melħ (fakultattiv).

L-ingredjenti tal-mili

Ġobon frisk tal-ħalib tal-baqra, imqattar mill-ilma u pasturizzat:

il-kontenut minimu ta' xaħam/għall-prodott niexef ta' 30 % (jew ix-xaħam/il-piż totali: minimu ta' 8,5 %),

il-kwantità bħala proporzjon tal-mili: Mill-inqas 30 %.

Il-ġobon ppressat u mssajjar

It-tip ta' ġobon ppressat u msajjar użat fit-tħejjija tal-mili huwa biss (għal skopijiet ta' tradizzjoni u ta' kwalitajiet ta' togħmiet):

 

Comté DPO u/jew l-Emmental franais Est-Central IĠP,

 

il-kwantità bħala proporzjon tal-mili: mill-inqas 40 %.

Tursin

It-tursin jista' jkun: frisk jew iffriżat, li jikkostitwixxi mill-inqas 4 % tal-mili. It-tursin imnixxef bil-friża mhux permess. It-tursin jinqela fil-butir biex jieħu l-kulur.

Komponenti oħrajn:

bajd frisk,

butir frisk,

melħ għall-ikel,

ħwawar permessi: bżar (bżar li ma għaddiex minn trattament bir-radjazzjoni jonizzanti).

Il-bajd u l-ġobon frisk jiġu miż-żona ġeografika fejn jiġi magħmul ir-Raviole du Dauphiné jew mid-dipartimenti li jmissu magħha li ġejjin: Drôme, Isère, Ardèche, Loire, Rhône, Ain, Savoie. Dan għal bosta raġunijiet:

l-użu tal-materja prima friska (bajd frisk, ġobon frisk) jirrikjedi kunsinni regolari u u ta' kuljum. Għaldaqstant jenħtieġ fornitur lokali. Il-prodott aħħari mhuwiex suġġett għal trattament ta' sħana ħlief f'każ ta' ffriżar u jekk l-ingredjenti jitqiegħdu flimkien fi stat mhux ipproċessat (bajd, ġobon). Għalhekk huwa importanti ħafna li l-prodotti jkunu friski ħafna u li jkun hemm monitoraġġ mill-qrib tal-fornituri,

din il-prossimità tiffaċilita l-kontroll tal-fornituri, ladarba l-freskezza u l-kwalità tal-materja prima jridu jkunu perfetti,

sa minn dejjem ir-raviole du Dauphiné dejjem kien magħmul b'ingredjenti lokali. Il-proċessuri dejjem ippreferew ċirkuwiti ta' provvisti qosra mal-fornituri lokali, u b'hekk ikunu qed jissodisfaw ir-rekwiżiti f'termini ta' kwalità u l-adattament tal-prodott. Ta' min wieħed jinnota li ħafna drabi l-produtturi tal-ġobon jew tal-bajd frisk ma jinbidlux.

3.4.   L-għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

Mhux applikabbli.

3.5.   Il-passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika identifikata

it-tħejjija tal-għaġina,

it-tħejjija tal-mili,

l-għaġina tiġi mimlija,

il-possibiltà tal-iffriżar,

l-imballaġġ.

3.6.   Ir-regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-imballaġġ, eċċ.

L-imballaġġ tal-prodott (fil-karti, fil-kartun jew fi trej b'kisja) irid isir fiż-żona ġeografika ladarba huwa impossibbli li prodott fraġli bħalma huwa r-raviole jiġi ttrasportat mingħajr ma jiġi ppakkjat minn qabel. Dan huwa meħtieġ ukoll sabiex tiġi ppreservata l-kwalità tat-togħma tal-prodott.

3.7.   Regoli speċifiċi tal-ittikkettjar

l-isem tal-prodott: Raviole du Dauphiné,

il-logo IĠP.

4.   Definizzjoni konċiża taż-żona ġeografika

Ir-Raviole du Dauphiné huwa prodott lokalizzat ħafna magħmul fiż-żona li ġejja:

għal la Drôme: il-muniċipalitajiet ta' Alixan, Barbières, La Baume d'Hostun, Beauregard-Baret, Bésayes, Bourg de Péage, Bouvante, Le Chalon, Charpey, Chateauneuf-sur-isère, Châtillon-Saint-Jean, Chatuzange-le-Goubet, Clérieux, Crépol, Echevis, Eymeux, Génissieux, Geyssans, Hostun, Jaillans, Léoncel, Marches, Miribel, Montmiral, La Motte-Fanjas, Mours-Saint-Eusèbe, Oriol-en-Royans, Parnans, Peyrins, Rochechinard, Rochefort-Samson, Romans-sur-Isère, Saint-Bardoux, Saint-Bonnet-de-Valclérieux, Sainte-Eulalie-en-Royans, Saint-Jean-en-Royans, Saint-Laurent-d'Onay, Saint-Laurent-en-Royans, Saint-Martin-le-Colonel, Saint-Michel-sur-Savasse, Saint-Nazaire-en-Royans, Saint-Paul-lès-Romans, Saint-Thomas-en-Royans, Triors, Saint-Vincent-la-Commanderie.

għal l'Isère: Il-muniċipalitajiet ta' Auberives-en-Royans, Beaulieu, Beauvoir-en-Royans, Bessins, Châtelus, Chatte, Chevrières, Choranche, Dionay, Izeron, Montagne, Murinais, Pont-en-Royans, Presles, Rencurel, Saint-André-en-Royans, Saint-Antoine-l'Abbaye, Saint-Appolinard, Saint-Bonnet-de-Chavagne, Saint-Hilaire-du-Rosier, Saint-Just-de-Claix, Saint-Lattier, Saint-Pierre-de-Chérennes, Saint-Marcellin, Saint-Romans, Saint-Sauveur, Saint-Vérand, La Sône, Têche.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

Id-definizzjoni taż-żona ġeografika hija marbuta direttament mal-istorja tal-prodott. Partikularment, fir-reġjuni Apini tad-Dauphiné t'isfel kien jikber biss il-qamħ artab; Il bosta ngħaġ u mogħoż kif ukoll xi bovini oħra, kienu jagħtu l-ħalib għall-ġobon u kienu jfornu l-laħam, lussu riżervat għaċ-ċittadini sinjuri. Il-bdiewa kienu jieħdu l-qamħ tagħhom għand it-taħħan li kien jiftaħ kont tad-dqiq għand il-furnar. Dan, bi tpartit, kien ifornihom bil-ħobż u bid-dqiq tal-qamħ artab. Xejn ma kien jinxtara, ħlief il-melħ. Il-qamħ kien jitpartat u n-nies kienu jieklu l-ħxejjex tal-għeruq billi l-ħaxix kien il-bażi tal-ikel tagħhom.

L-oriġini tar-raviole ġejjin minn żmien il-qedem meta kien għadu jsir bin-nevew. Imbagħad l-ingredjenti evolvew matul is-sekli skont il-materja prima disponibbli li jkun hemm fir-reġjun tad-dauphin sakemm saret tintuża r-riċetta li nafu biha llum: Jiġifieri, għaġina magħmula bid-dqiq tal-qamħ artab u mimlija bil-comté DPO u/jew bl-emmental franais Est-central IĠP, bil-ġobon abjad frisk u bit-tursin.

Billi ma fihx laħam, ir-raviole kien jittiekel fi żmien is-sawm. Imbagħad sar platt li jittiekel fil-festi. Ir-raviole żviluppa fuq kollox fil-bidu tas-seklu XX fejn ir-“ravioleuses”, in-nisa li kienu jagħmlu r-ravioles, kienu jmorru minn razzett għall-ieħor biex jagħmluh lejlet xi festa.

Fl-1873, ravioleuse jisimha s-sinjura Maury, marret toqgħod Romans (li għadu sa llum iċ-ċentru prinċipali tal-produzzjoni tar-Ravioles du Dauphiné), u ħadet f'idejha l-café tal-bank fil-pjazza tal-muniċipju. Kienet l-ewwel li għamlet ir-ravioles u dewqithom lin-nies fuq il-post. Ravioleuses oħrajn malajr bdew jagħmlu bħalha, fosthom is-sinjura Fayet.

L-Ewwel Gwerra Dinjija ġabet fit-tmiem il-konsum tar-ravioles u ftit ftit ir-ravioleuses bdew jgħibu.

Fl-1930, ma kienx baqa' ħlief ftit ristoranti li jservu r-ravioles. wieħed minnhom kien dak ta' Emile Truchet li tgħallem jagħmel ir-ravioles bl-għajnuna tas-sinjura Fayet.

Emile Truchet ivvinta magna sabiex jimmodernizza l-produzzjoni tar-ravioles. Fl-1953 is-sur Truchet ġie l-fiera ta' Romans sur Isère biex jagħmel ir-ravioles. Kien suċċess enormi li ġie kkonfermat fis-snin ta' wara.

Bis-saħħa ta'din l-ewwel magna li tagħmel ir-ravioles, żdied iktar l-għarfien ta' dan il-prodott u tal-produzzjoni tiegħu.

L-impriżi li jipproduċu r-Ravioles du Dauphiné dejjem ikunu fiż-żona ta' oriġini ta' dan il-prodott: fl-inħawi ta' Romans u ta' Royannais.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott

L-ispeċifiċità tar-ravioles du Dauphine hija bbażata fuq karatteristiċi partikulari, fuq l-għarfien u fuq ir-reputazzjoni tal-prodott:

Il-karatteristiċi speċifiċi tal-prodott huma marbuta mal-għażla tal-materja prima u mal-għarfien lokali:

Ir-ravioles huma prodott magħmul minn ingredjenti tal-aqwa kwalità, mingħajr kolorant jew priservattiv u mingħajr ebda żieda ta' prodotti għall-palat. Ir-Raviole hija unika minħabba l-fatt li l-għaġina fina tagħha abbażi tad-dqiq tal-qamħ artab tieħu minuta biss biex issir fl-ilma jagħli.

Ir-Raviole ma tistax titqabbel mal-għaġin frisk minħabba kriterji differenti li jagħmluha differenti mill-għaġin frisk.

għaġina abbażi tad-dqiq tal-qamħ artab

Il-kontenut taċ-ċereali tal-għaġin frisk huwa s-smids tal-qamħ iebes (Digriet Nru 55-1175 tal-31 ta' Awwissu 1955 li jirrigwarda l-għaġin). L-għaġina tar-ravioles hija magħmula bid-dqiq tal-qamħ artab li jiġi estratt miż-żerriegħa tal-qamħ. Dan it-tip ta' dqiq b'kontenut ta' rmied huwa dgħajjef ħafna u lill-għaġina jagħtiha l-kulur abjad karatterisitku tagħha kif ukoll it-togħma fina u delikata tagħha.

l-irquqija tal-għaġina: L-użu tad-dqiq tal-qamħ artab ifisser li l-għaġina tista' titrembel irqiq ħafna u li ma jkunx hemm “xfar” fl-għaġina. Permezz ta' din il-karatteristika partikulari s-sajran tar-raviole huwa rapidu ħafna (minuta) u tagħmilha ddub fil-ħalq. Ġeneralment, l-għaġina jkollha ħxuna ta' bejn 0,9 mm u 1,1 mm,

il-mili żejtni u artab abbażi tal-Comté DPO u/jew l-emmental Français Est-Central IĠP, ġobon abjad u frisk u tursin,

prodott frisk: Ir-raviole mhu suġġett għall-ebda trattament ta' sħana ħlief fil-każ ta' ffrizar li jaffettwa l-kwalitajiet organolettiċi tiegħu. L-għaġin frisk jiġi fil-biċċa l-kbira ppasturizzat u ġieli anke darbtejn.

Ir-riċetta li tintuża llum hija skont dik tradizzjonali użata mir-ravioleuses qabel ma bdew jintużaw il-magni tar-ravioles li żiedu l-produzzjoni u t-tixrid ta' dan il-prodott speċifiku.

Ir-reputazzjoni tar-Raviole du Dauphiné hija stabbilita:

Il-kelma raviole ġejja fil-fatt mill-kelma “rissole”. Ir-rissoles kienu blalen żgħar ta' laħam ikkapuljat moqli. Madankollu, waqt ir-Randan, flok il-laħam kien jintuża n-nevew (bil-Franċiż “raves”) u minn hemm ġiet il-kelma raviole.

L-oriġini eżatta tar-ravioles mhix magħrufa iżda r-riċerka wriet li huma antiki ħafna. Għalhekk, skont ir-riċerki li saru minn Frédéric Godefroy, il-kelma raviole tissemma f'test tal-1228.

Barra minn hekk, fir-riċerka tiegħu (“Dictionaire de l'ancienne langue française […]” 1891), Godefroy stabbilixxa rabta bejn ir-ravioles u r-reliġjon kif jidher fid-definizzjoni li ġejja: “raviole, olle, S. m. biċċa għaġina li fiha l-laħam ikkapuljat u nevew imqatta' li jittiekel fir-Randan”.

Maż-żmien kont issib ir-ravioles kemm fil-festi ċivili kif ukoll f'dawk reliġjużi. Ir-ravioles kienu jiġu servuti bħala l-ewwel platt iżda wkoll wara l-ħaxix u l-laħam tat-tajr (l-iktar it-tiġieġ mgħolli), li l-ilma jagħli tiegħu kienu jintuża biex jissajru fih ir-ravioles.

Wara l-invenzjoni tal-magna tar-ravioles, li biż-żmien ħadet xogħol ir- “ravioleuses” il-produzzjoni ta' dan il-prodott żdiedet konsiderevolment waqt illi r-riċetta abbażi tal-ġobon baqgħet tintuża.

L-għaġina rqiqa u l-mili tagħha tal-ġobon, li huma karatteristiċi speċjali u uniċi, serqu qalb ħafna kokijiet li jqisu dan il-prodott bħala “għaxqa għall-palat u b'togħma tassew mirakoluża”

B'hekk wieħed isib ir-raviole du Dauphiné f'għadd kbir ta' riċetti lokali: Ravioles en gratin, ravioles moqlijin mal-insalata, ravioles bil-krema, bil-morkella, bil-gambli, eċċ.

Sal-1975, il-produzzjoni tar-ravioles du Dauphiné kienu jsiru mill-produtturi żgħar u mir- “ravioleuses”, u l-produzzjoni annwali kienet taħt il-100 tunnellata. Il-postijiet ta' distribuzzjoni huma fil-biċċa l-kbira r-ristoranti, is-servizzi tar-ristoranti u l-ħwienet iż-żgħar. Mill-bidu tas-snin 1990, is-suq tar-raviole du Dauphiné żviluppa f'postijiet ta' distribuzzjoni kbar u ta' daqs medju u kisbu volumi annwali ta' 1 000 tunnellata. B'hekk fl-1997 il-volumi annwali ta' produzzjoni tar-ravioles du Dauphiné laħqu iktar minn 2 500 tunnellata. L-iżvilupp tal-bejgħ huwa dejjem iktar dinamiku ladarba l-bejgħ qabeż il-5 000 tunnellata fl-2007 (5103 tunnellata bejn il-produtturi kollha, jiġifieri 5 żoni ta' produzzjoni).

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP)

Ir-raviole du Dauphiné huwa prodott reġjonali antik magħmul fir-reġjun tad-Dauphiné (l-ewwel testi jsemmu r-raviole fl-1228).

L-ikel kulinari divers fil-kampanja tad-Dauphiné ġej minn prodotti tal-art biss. b'dan il-mod insibu l-ġobon fir-ravioles minflok il-laħam li nsibuh f'għaġin ieħor. Bl-istess mod, l-użu tad-dqiq tal-qamħ artab ġej mill-potenzjal tal-agrikoltura lokali filwaqt li l-għaġin klassiku ġej mis-smid tal-qamħ iebes.

Il-familji kienu jġibu d-dqiq tagħhom mingħand il-furnar u fil-vaganzi biss kienu jagħmlu: r-ravioles, il-crouzets, il-“matafans” u l-“besiantes”. Ir-raviole kien platt kulinari lokali tal-familja, ikla tal-festa li tittiekel f'ħafna għamliet differenti.

Qabel xejn, ir-ravioles ġejjin minn kultura u għarfien tradizzjonali li jinsabu fir-reġjun tad-Dauphiné (ravioleuses).

Fis-seklu XIX ġiet stabbilita r-riċetta tar-Ravioles du Dauphiné u l-invenzjoni tal-magna tar-ravioles kompliet iżżid fil-produzzjoni u t-tixrid ta' dan il-prodott.

Il-karatteristiċi tar-Raviole du Dauphiné ġew ippriservati bl-għażla speċifika tal-materja prima u l-preservazzjoni ta' riċetta tradizzjonali: Għaġina rqiqa ħafna li tirrikjedi sajran rapidu u ddub fil-ħalq, mili sukkulenti u żejtni.

Ir-Raviole du Daupiné huwa magħruf bħala parti mill-patrimonju kulinari tad-Dauphiné. Id-deċiżjoni tal-qorti tal-appell tal-14 ta' Frar 1989 irrikonoxxiet ir-Raviole du Dauphiné bħala denominazzjoni tal-oriġini u emfasizzat l-ispeċifità tal-prodott, ir-riċetta tiegħu kif ukoll iż-żona ġeografika tal-produzzjoni. Skont rapport ta' espert, il-qorti rrikonoxxiet li l-karatteristiċi speċifiċi tal-kompożizzjoni u tat-tħejjija tar-raviole du Dauphiné jagħmluh prodott oriġinali u partikularità ta' dan ir-reġjun.

Min-naħa l-oħra, ir-raviole du Dauphiné jissemma fl-Inventarju tal-patrimonju kulinari ta' Franza li sar fl-1995.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

http://agriculture.gouv.fr/IMG/pdf/cdc_igp_raviole_dauph.pdf


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


Top