EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AE0490

OpinjonI tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar It-tnaqqis ta' emissjonijiet ta' CO 2 mill-ajruporti permezz ta' ġestjoni ġdida ta' l-ajruporti (Opinjoni esploratorja)

OJ C 204, 9.8.2008, p. 39–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 204/39


OpinjonI tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar It-tnaqqis ta' emissjonijiet ta' CO2 mill-ajruporti permezz ta' ġestjoni ġdida ta' l-ajruporti (Opinjoni esploratorja)

(2008/C 204/10)

F'ittra bid-data ta' l-4 ta' Lulju 2007, il-Ministru Portugiż għat-Trasport, fil-kuntest tal-Presidenza Portugiża ta' l-UE, talab lill-KESE, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, sabiex ifassal opinjoni esploratorja dwar:

It-tnaqqis ta' emissjonijiet ta' CO2 mill-ajruporti permezz ta' ġestjoni ġdida ta' l-ajruporti

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar id-19 ta' Frar 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur McDONOGH.

Matul l-443 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-12 u t-13 ta' Marzu 2008 (seduta tat-13 ta' Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'103 voti favur u 5 astensjonijiet.

1.   Rakkomandazzjonijiet

L-ajruporti għandhom jitħeġġu sabiex jadottaw strateġiji ta' ġestjoni għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju billi jintroduċu mudell tal-kwalità ta' l-arja fejn is-sorsi kollha ta' NOx huma identifikati u l-miri għat-tnaqqis ta' CO2 huma stabbiliti. Dan il-mudell għandu jitkejjel skond il-punti tal-monitoraġġ tal-kwalità ta' l-arja fuq il-post. Iż-żoni prinċipali li għandhom jiġu inklużi fil-mudell huma l-mitjar, il-bini ta' l-ajruport (it-terminal u l-faċilitajiet ta' servizz relatati), il-parkeġġi u l-aċċess għall-wiċċ (surface access).

L-adozzjoni ta' standards magħrufin tal-bini u l-aħjar prattika internazzjonali relatata mal-bini u l-operat ta' l-infrastruttura ta' l-ajruport għandhom jitħeġġu sabiex il-marka tal-karbonju relatata titnaqqas kemm jista' jkun. Eżempji ewlenin huma l-insulazzjoni, l-użu massimu tad-dawl naturali u l-qligħ mis-sħana tax-xemx, il-ħsad ta' l-ilma tax-xita, l-unitajiet konġunti tas-sħana u l-elettriku (combined heat and power units — CCHP), is-sistemi intelliġenti tal-ġestjoni tal-bini u l-magni għall-iskambju tas-sħana.

L-ajruporti għandhom jitħeġġu sabiex jużaw sorsi ta' l-enerġija minn riżorsi rinnovabbli.

Għandu jitħeġġeġ l-użu ta' vetturi favur l-ambjent fis-servizzi ta' l-ajruporti fejn hemm konċentrazzjonijiet kbar ta' attività tal-vetturi tas-servizzi assoċjati ma' turnarounds (wasla u tluq sussegwenti) ta' l-ajruplani. L-ajruporti jistgħu jħeġġu wkoll l-użu ta' vetturi favur l-ambjent mill-passiġġieri billi jżommu rati differenti u billi jkollhom postijiet preferenzjali għall-parkeġġ.

L-ajruporti għandhom jitħeġġu sabiex inaqqsu kemm jista' jkun l-iskart fl-ajruporti billi jipprovdu faċilitajiet imtejba għar-riċiklaġġ. L-identifikazzjoni ta' l-iskart iġġenerat għal kull passiġġier bħala indikatur ambjentali tkun utli.

Għandhom jitnaqqsu l-impatti assoċjati ma' l-ivvjaġġar bil-karozza lejn l-ajruporti billi jiġu provduti alternattivi sostenibbli għat-trasport għall-passiġġieri u l-istaff. Eżempji jinkludu l-konnessjonijiet tal-ferroviji, il-konnessjonijiet bil-karozza tal-linja, l-użu konġunt tal-karozzi u l-inizjattivi għaċ-ċikliżmu.

Kull fejn huwa possibbli, l-ajruporti għandhom jitħeġġu sabiex itejbu l-proċeduri għall-ġestjoni tat-traffiku ta' l-ajru fil-viċinanza ta' l-arjuport sabiex jitnaqqas l-ammont ta' ħruq ta' karburant.

Fejn huwa possibbli, muturi awżiljarji m'għandhomx jitħallew mixgħulin ma' l-art. L-elettriku fiss ta' ma' l-art u l-arja pre-kondizzjonata għandha tkun disponibbli mill-bini tat-terminal.

Għandu jiġi skoraġġit l-użu ta' magni qodma ta' trasportaturi ta' l-ajru, li m'humiex effiċjenti fl-użu tal-karburant, billi jiżdiedu n-nollijiet adattati għall-wasla u t-tluq għal dawk it-trasportaturi ta' l-ajru permezz ta' nollijiet differenzjali.

L-użu tat-trasportaturi ta' l-ajru iktar storbjużi għandu jiġi skoraġġit permezz ta' l-adozzjoni ta' skemi ta' klassifika għall-istorbju u skemi relatati għall-kwoti ta' l-istorbju fl-ajruporti.

It-tnaqqis ta' l-emissjonijiet b'approċċ ta' sistemi — filwaqt li s-sigurtà tinżamm bħala prijorità ewlenija, wara li jiġu kkunsidrati l-fatturi kollha, inkluż id-disinn tal-qafas u l-magna u l-operat, il-kumpensi, il-karburanti alternattivi, is-servizzi fuq l-art, il-kapaċità ta' l-ajruport u l-ġestjoni tat-traffiku ta' l-ajru.

L-Approċċ ta' Nżul Kontinwu (Continuous Descent Approach — CDA) li permezz tiegħu t-trasportatur jibda nieżel b'mod kostanti f'altitudni ogħla, jersaq lejn l-art b'mod stabbli, għall-kuntrarju ta' approċċ ta' biċċa biċċa (staggered) li jeħtieġ li t-trasportatur itir f'pożizzjoni orizzontali għal perijodi itwal u b'hekk jeħtieġ imbottatura ikbar sabiex iżomm veloċità kostanti u konsegwentement juża iktar karburant. Dan l-inżul kontinwu jfisser li t-trasportatur jinżel b'veloċità iktar effiċjenti, u b'hekk jitnaqqas il-ħruq tal-karburant. L-impatt ta' dan l-approċċ fuq il-kwalità ta' l-arja probabbli jkun fiż-żona ta' bejn 15 u 20 mil mill-mitjar.

L-ajruplani ta' l-iskrejjen turbo għandhom jintużaw għall-vjaġġi kollha ta' inqas minn 500 km u fejn ir-rotot jifilħu għal inqas minn 70 passiġġier għal kull settur u l-permessi tar-rotta (range permits).

It-tnaqqis tal-konsum tal-karburant billi jintfew 1-2 magni meta l-ajruplan ikun miexi lejn u mir-runway.

2.   Daħla

2.1

L-avjazzjoni hija kontributur sinifikanti għall-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra. Bħalissa, l-emissjonijiet jgħoddu għal madwar 3 % (1) ta' l-emissjonijiet kollha tal-gassijiet b'effett ta' serra, u mill-1990 żdiedu b'87 %. It-tkabbir rapidu fl-avjazzjoni jikkuntrasta mas-suċċess ta' ħafna setturi oħrajn ta' l-ekonomija fit-tnaqqis ta' l-emissjonijiet. Sa l-2012 jekk ma titteħidx azzjoni, iż-żieda fl-emissjonijiet minn titjiriet mill-ajruporti ta' l-UE tkun ikkanċellat iktar minn kwart tat-8 % tat-tnaqqis fl-emissjonijiet li l-UE-15 trid tikseb sabiex tilħaq il-mira tagħha ta' Kyoto. Sa l-2020, l-emissjonijiet ta' l-avjazzjoni għandhom imnejn jiżdiedu b'iktar minn darbtejn il-livelli attwali.

2.2

L-avjazzjoni tistimola l-ekonomija, il-kummerċ u t-turiżmu, tiġġenera l-opportunitajiet għall-intrapriżi u ttejjeb il-potenzjal għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja fir-reġjuni żviluppati kif ukoll f'dawk li għadhom qed jiżviluppaw.

2.3

L-avjazzjoni tittrasporta 2 biljuni passiġġieri fis-sena u 40 % tal-prodotti interreġjonali esportati (skond il-valur). 40 % tat-turisti internazzjonali jivvjaġġjaw bl-ajru. L-avjazzjoni tiġġenera 29 miljun impjieg madwar id-dinja. L-impatt globali ekonomiku tagħha huwa stmat għal madwar USD 2 960 biljuni, ekwivalenti għal 8 % tal-PGD dinji.

2.4

L-ajruport għandu jkun parti integrali ta' l-infrastruttura lokali, u jaqdi rwol ewlieni fil-protezzjoni ta' l-ambjent fil-lokal.

2.5

L-effiċjenza u l-utilizzazzjoni massima ta' l-infrastruttura ta' l-ajruporti tiddependi ħafna mill-kontroll tat-traffiku ta' l-ajru. L-introduzzjoni u l-enfasi fuq proċeduri effiċjenti għall-kontroll tat-traffiku kemm fl-ajruport kif ukoll fil-viċinanza tiegħu tista' tillimita l-ammont ta' karburant li jinħela fil-punt tat-tluq, fil-wasla u meta l-ajruplan ikun miexi ma' l-art fl-ajruport.

2.6

Bosta ajruporti bħal Gatwick, Paris Orly, Milan Linate, eċċ, diġà għandhom nuqqas ta' kapaċità serju. Sa l-2010, ikunu żdiedu ma' din il-lista madwar 15-il ajruport. L-Awtorità Ingliża għall-Avjazzjoni Ċivili, fost oħrajn, tikkunsidra li l-islots għandhom jingħataw b'irkant imbagħad isir skambju f'suq sekondarju trasparenti sabiex titħeġġeġ l-utilizzazzjoni aħjar ta' riżors skars.

2.7

Jista' jsir użu iktar effiċjenti ta' l-infrastruttura ta' l-ajruport u l-faċilitajiet relatati ta' ma' l-art billi jintużaw trasportaturi ta' l-ajru ikbar fejn dan ikun fattibbli. Minkejja li ħafna titjiriet ikunu mimlija, l-għadd medju ta' passiġġieri fuq kull trasportatur li juża ħafna ajruporti, huwa biss 68. It-trasportaturi huma żgħar wisq, u hemm ftit inċentiv sabiex il-linji ta' l-ajru jdaħħlu trasportaturi ikbar u iktar moderni, billi l-ajruporti ma jistgħux ikollhom prezz li jħeġġeġ dan it-tip ta' effiċjenza. Għandu jkun hemm taħlita ta' mekkaniżmi tas-suq u regoli ta' l-effiċjenza, b'tali mod li t-trasportaturi jkollhom jużaw il-gates tat-tluq minn ta' l-inqas darba fis-siegħa jiddependi mit-tip ta' trasportatur li qed jintuża, jew li dawn isiru disponibbli għal trasportatur ieħor, sabiex is-sitwazzjoni tmur għall-aħjar.

2.8

Il-proposta tal-Kummissjoni (SESAR) għat-twaqqif ta' sema wieħed miftuħ għall-Ewropa li jgħaqqad l-arranġamenti individwali għall-kontroll tat-traffiku ta' l-ajru ta' bħalissa toffri l-potenzjal għal żieda kbira fl-effiċjenza fl-użu ta' l-ispazju ta' l-ajru fuq l-approċċ u t-tluq u b'hekk jitnaqqas l-istacking u ż-żamma (holding) ma' l-art, jiġifieri l-ħin ta' stennija għall-wasla u l-islots tat-tluq rispettivament. (IATA, l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru, tbassar li 12 % ta' l-emissjonijiet globali ta' CO2 mill-ajruplani jistgħu jiġu ffrankati jekk is-sistemi tal-kontroll tat-traffiku ta' l-ajru jkunu iktar effiċjenti). Il-Kumitat iħeġġeġ lil kull min huwa kkonċernat sabiex isir progress rapidu fin-negozjati għat-twaqqif ta' din is-sistema l-ġdida, u biex din ma tixxekkilx permezz ta' tattiki ta' dewmien minn interessi settorjali.

3.   L-avjazzjoni — sors ta' storbju u emissjonijiet

3.1

L-impatt ambjentali ta' l-avjazzjoni huwa stmat li jikkontribwixxi għal madwar 2 % ta' l-emissjonijiet globali ta' gass b'effett serra u jista' jirdoppja sa l-2050.

3.2

Tul dawn l-aħħar snin, l-industrija ta' l-avjazzjoni għaddiet lill-maġġoranza tas-setturi l-oħra ta' l-industrija fit-tnaqqis ta' l-istorbju u l-emissjonijiet għal kull unità ta' produzzjoni. L-effiċjenza fl-użu tal-karburant bħalissa qed tittejjeb b'madwar 1-2 % fis-sena, u l-emissjonijiet jgħoddu għal 2 % tal-volum globali. It-tkabbir ta' l-avjazzjoni jipproduċi 5 % fis-sena, filwaqt li l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija twassal għall-iffrankar ta' inqas minn 1,5 %. Madankollu, l-avjazzjoni hija mistennija tikber ħafna iktar malajr minn dan, għalhekk it-titjib teknoloġiku waħdu mhux ser ikun biżżejjed biex isolvi l-problema.

4.   L-istorbju u l-kwalità ta' l-arja fl-inħawi ta' l-ajruporti

4.1

L-industrija ta' l-avjazzjoni impenjat ruħha sabiex timplimenta l-approċċ bilanċjat għall-ġestjoni ta' l-istorbju ta' l-ICAO (International Civil Aviation Organisation), li jimmira li jtaffi l-esponiment tal-Komunità bl-iktar mod ekonomiku.

4.2

It-tnaqqis ta' l-istorbju mis-sors permezz tal-progress teknoloġiku huwa essenzjali f'dan ir-rigward, u sar titjib konsiderevoli tul dawn l-aħħar għexieren ta' snin u huwa maħsub li għad isir iktar progress fil-ħmistax-il sena li ġejjin. Il-Kummissjoni Ewropea ħarġet Direttiva (2) li tistabbilixxi l-prinċipji għall-ġestjoni ta' l-istorbju tat-trasportaturi u introduċiet restrizzjonijiet għall-operat, inkluż dispożizzjonijiet għat-tneħħija ta' l-iktar trasportatur storbjuż fil-Kapitlu 3, fl-ajruporti tal-KE. Ir-riżultat ta' din id-direttiva issa għandu jiġi rivedut.

4.3

L-ajruporti u l-provvedituri tas-servizz tan-navigazzjoni fl-ajru huma impenjati sabiex jimplimentaw l-approċċ ta' l-inżul kontinwu u proċeduri oħra għal livell baxx ta' storbju kull fejn huwa xieraq, filwaqt li jħarsu l-kapaċità tar-runway. Dan ġie identifikat bħala qasam prinċipali għat-titjib fit-tnaqqis ta' l-emissjonijiet ta' CO2 fl-ajruporti u l-inħawi tagħhom.

4.4

Il-gvernijiet għandhom jassiguraw l-ippjanar u l-ġestjoni ta' l-użu ta' l-artijiet fl-inħawi ta' l-ajruporti b'mod preventiv;

4.5

It-tħassib dwar il-kwalità ta' l-arja lokali jeħtieġ azzjoni komprensiva li timmira lejn is-sorsi kollha ta' l-emissjonijiet fl-ajru u ma' l-art, inklużi l-attivitajiet — bħall-industrija u t-traffiku tat-triq li ma jistgħux jiġu attribwiti għat-trasport bl-ajru, iżda huma prodotti sekondarji tas-servizz ta' l-ajruport. Il-konnessjoni ta' l-ajruporti man-netwerks tal-ferroviji għandha titħeġġeġ għax b'hekk jiġu stabbiliti l-għażliet tat-trasport għat-twassil sa l-ajruport li jkunu sostenibbli mil-lat ta' l-ambjent. F'dan ir-rigward in-netwerks imtejba għall-karozzi tal-linja u l-ferroviji huma fattur prinċipali wkoll. L-ajruporti jistgħu jħeġġu wkoll l-użu ta' vetturi favur l-ambjent billi jżommu rati differenti u billi jkollhom postijiet preferenzjali għall-parkeġġ. Il-vetturi tas-servizz ta' l-ajruporti, talinqas, għandhom jitħaddmu b'sorsi ta' l-enerġija iktar nodfa bħall-gass u l-elettriku. Għadd ta' tipi ta' vetturi bħalissa jużaw il-batteriji u dan l-użu għandu jinfirex iktar fejn huwa fattibbli għall-ħtiġijiet operattivi speċifiċi. It-trasport tal-persunal minn u sa l-ajruport jista' jiġġenera vjaġġar sinifikanti bil-karozza u għaldaqstant għandhom jitqiesu għażliet alternattivi bħall-karozzi tal-linja għall-persunal, l-użu konġunt tal-karozzi, it-tendenzi ta' xiftijiet li jevitaw il-ħinijiet ta' konġestjoni u, jekk ikun fattibbli, iċ-ċikliżmu għall-persunal ta' l-ajruport.

4.6

Il-progress teknoloġiku tista' tgħid elimina kważi għal kollox id-duħħan viżibbli u l-idrokarburanti, filwaqt li l-ossidji tat-nitroġenu mill-magni ta' l-ajruplani tnaqqsu b'mod progressiv b'50 % tul dawn l-aħħar 15-il sena. Hemm mira ta' tnaqqis addizzjonali ta' 80 % fin-nitroġenu sa l-2020 għat-teknoloġija ġdida tal-magni.

4.7

Qegħdin jiġu żviluppati sistemi taċ-ċelloli tal-fjuwil. Dawn jistgħu jissostitwixxu l-unitajiet awżiljarji ta' l-elettriku (Auxiliary Power Units — APU) u b'hekk inaqqsu l-emissjonijiet sa 75 % għal kull unità.

4.8

L-ajruporti u l-linji ta' l-ajru huma impenjati sabiex jużaw vetturi u tgħammir tas-servizz ta' ma' l-art li jkunu iktar effiċjenti, filwaqt li jagħmlu pressjoni fuq il-gvernijiet u l-awtoritajiet lokali sabiex jipprovdu aċċess tal-wiċċ ta' l-ajruporti li jkun iktar nadif — bħall-ferroviji ta' fuq u taħt l-art.

4.9

Tradizzjonalment, it-trasportaturi ta' l-ajru jħaddmu waħda mill-magni tagħhom meta jkunu pparkjati ma' l-art sabiex jgħaddu l-elettriku għall-ajruplan.

5.   Il-kontribut ta' l-avjazzjoni għall-bidla fil-klima

5.1

L-avjazzjoni tgħodd għal madwar 2-4 % ta' l-emissjonijiet Ewropej ta' CO2 mill-użu tal-karburanti fossili. Din tista' tilħaq madwar 5 % jew iktar sa l-2050 skond tbassir tal-Panel Intergovernattiv dwar il-Bidla fil-Klima (International Panel on Climate Change — IPCC). Ta' min jinnota wkoll li ż-żieda fl-emissjonijiet ta' l-avjazzjoni, sa l-2012 tista' tikkumpensa għal iktar minn kwart tal-kontribut ambjentali ta' l-UE li jkun sar skond il-Protokoll ta' Kyoto. Jidher diffiċli li jintlaħaq ftehim internazzjonali iżda d-Direttiva proposta hija intiża sabiex tipprovdi mudell għal azzjoni fil-livell globali u hija l-unika inizjattiva li toffri din il-possibbilità.

5.2

80 % ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra ta' l-avjazzjoni huma relatati mat-titjiriet tal-passiġġieri li jaqbżu l-1 500 km/900 mil li m'hemmx alternattiva għalihom.

5.3

L-avjazzjoni tinsab impenjata sabiex tesplora b'mod attiv l-introduzzjoni progressiva ta' karburanti alternattivi bħall-bijomassa għal-likwidu (BTL) sabiex jitnaqqsu iktar l-emissjonijiet ta' CO2.

5.4

Il-progress teknoloġiku, it-titjib fl-infrastruttura u l-prattiki tajba tat-tħaddim fl-ajruporti bħalissa huma meqjusin bħala l-iktar mod ekonomiku u effiċjenti għall-indirizzar tat-tħassib dwar il-bidla fil-klima, apparti mill-miżuri tas-suq.

5.5

L-ajruporti jeħtieġu standards internazzjonali u politiki globali, mhux bil-qatra l-qatra jew b'soluzzjonijiet mingħajr viżjoni.

5.6

Id-disinn ta' l-ajruport jista' jaqdi rwol pożittiv fit-tnaqqis ta' l-emissjonijiet, partikularment fid-disinn mill-ġdid tat-taxiways u l-mollijiet sabiex titnaqqas il-konġestjoni fil-mitjar. Id-disinn tal-bini tat-terminal għandu: inaqqas kemm jista' jkun il-ħtiġijiet ta' l-enerġija fir-rigward tat-tisħin u l-arja kondizzjonata, jikkunsidra l-użu ta' panels li jużaw l-enerġija tax-xemx fejn huwa fattibbli, u jagħmel l-iktar użu possibbli tad-dawl naturali u l-qligħ mill-użu tax-xemx, l-użu tas-sistemi konġunti għas-sħana u l-elettriku (CCHP) u s-sistemi għat-trasferiment tas-sħana, l-inkorporazzjoni tal-ħsad ta' l-ilma tax-xita fid-disinni tal-bini li jintużaw fit-tojlits, il-ħasil ta' l-ajruplani eċċ. It-temperaturi fil-bini tat-terminals għandhom ikunu kontrollati b'mod effettiv, sabiex titnaqqas il-ħala ta' l-enerġija fit-tisħin żejjed jew it-tkessiħ żejjed.

5.7

Il-ġestjoni tat-tħaddim ta' l-ajruport għandha timmira lejn it-tnaqqis ta' l-iskart iġġenerat għal kull passiġġier li jgħaddi mill-ajruport, billi jintużaw inizjattivi mtejba għar-riċiklaġġ kemm li jaqgħu direttament fil-kontroll ta' l-ajruport kif ukoll permezz ta' l-inkorporazzjoni fil-Ftehimiet ta' Livell ta' Servizz (Service Level Agreements) mal-linji ta' l-ajru u ma' msieħba prinċipali oħrajn.

5.8

Din id-Direttiva, li ddaħħal lill-avjazzjoni fil-kompitu ta' l-Iskema Ewropea għall-Iskambju ta' Kwoti ta' l-Emissjonijiet (ETS) (3) tista' żżid il-kuxjenza pubblika b'mod pożittiv, toffri riżorsi ġodda għat-tnaqqis tal-karbonju u tipprovdi miżura ta' internalizzazzjoni ta' dawn l-ispejjeż ambjentali esterni li l-industrija ta' l-avjazzjoni s'issa rnexxielha tinjora. Fil-kuntest tal-livell u l-volatilità tal-prezzijiet tal-karbonju ma tantx hemm ċans li jkollha impatt sinifikattiv fuq it-tkabbir jiżdied tat-traffiku fl-ajru u l-emissjonijiet.

6.   Konklużjonijiet — il-passi li jmiss

6.1

L-indirizzar ta' l-impatt ambjentali ta' l-ajruporti b'mod proattiv, f'waqtu u ekonomiku jeħtieġ il-kooperazzjoni sħiħa u l-ftehim tal-korpi internazzjonali, il-gvernijiet u l-partijiet interessati fl-industrija.

6.2

It-tnaqqis ta' l-emissjonijiet b'approċċ ta' sistemi — filwaqt li s-sigurtà tinżamm bħala prijorità ewlenija — wara li jiġu kkunsidrati l-fatturi kollha, inkluż id-disinn tal-qafas u l-magna u l-operati, il-kumpensi, il-karburanti alternattivi, is-servizzi ma' l-art, il-kapaċità ta' l-ajruport u l-ġestjoni tat-traffiku ta' l-ajru.

6.3

Il-konsolidazzjoni ta' miri għall-ajruporti fuq perijodu fit-tul, li tkun ibbażata fuq data affidabbli u li tista' tiġi vverifikata, hija prijorità urġenti. L-aspetti kollha tal-proċess ta' l-ajruport (it-traffiku bl-ajru, il-bini, l-aċċess għall-wiċċ eċċ.) għandhom jiġu inkorporati f'dawn il-miri.

6.4

Il-ħolqien ta' infrastruttura ġdida ta' l-ajruport sabiex jitnaqqas il-ħruq tal-karburant qabel il-punt tat-tluq u wara l-inżul għandu jkun kriterju ewlieni fid-disinn ta' l-ajruporti tal-ġejjieni. Għandha ssir iktar riċerka dwar l-inizjattivi bħall-provvista ta' holding grids fl-ajruporti ikbar u, fejn ikun fattibbli, dwar liema ajruplani kummerċjali jistgħu jkunu rmonkati — bil-magni mitfija qabel il-punt tat-tluq, u jixegħlu l-magni 10 minuti biss qabel ma jtiru.

6.5

Għandha tingħata prijorità lill-approċċ ta' nżul kontinwu, li permezz tiegħu l-ajruplan jibda nieżel f'altitudni ogħla, jersaq lejn l-art b'mod stabbli, għall-kuntrarju ta' approċċ ta' biċċa biċċa (staggered) li jaħraq karburant eċċessiv. Dan l-inżul kontinwu jfisser li t-trasportatur jinżel b'veloċità iktar effiċjenti, u b'hekk jitnaqqas il-ħruq tal-karburant.

Brussell, it-13 ta' Marzu 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Ara: http://ec.europa.eu/environment/climat/aviation_en.htm

(2)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew 2002/30/KE u tal-Kunsill tas-26 ta' Marzu 2002 dwar l-istabbiliment ta' regoli u proċeduri fir-rigward ta' l-introduzzjoni ta' restrizzjonijiet ta' operat relatati mal-ħoss f'ajruporti tal-Komunità (Test rilevanti għall-EEA) ĠU L 85, 28.3.2002, p. 40-46.

(3)  COM(2006) 818 finali — 2006/0304 (COD) u l-opinjoni tal-Kumitat ĠU C 175, 27.7.2007, p. 5.


Top