EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IE0481

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Futur tas-Suq Uniku — Livell Globali

OJ C 204, 9.8.2008, p. 1–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 204/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Futur tas-Suq Uniku — Livell Globali

(2008/C 204/01)

Nhar is-27 ta' Settembru 2007, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, jaġġixxi taħt ir-Regola 29(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, iddeċieda jħejji opinjoni dwar

Il-futur tas-Suq Uniku — Livell globali

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-27 ta' Frar 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Cassidy.

Matul l-443 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-12 u t-13 ta' Marzu 2008 (seduta tat-12 ta' Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'39 vot favur, 9 voti kontra u 12-il astensjoni.

1.   Sommarju eżekuttiv tal-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet

1.1

L-Osservatorju tas-Suq Uniku twaqqaf mill-KESE sabiex jimmonitorja l-progress fil-kompletar tas-Suq Uniku u matul is-snin ipproduċa għadd ta' opinjonijiet li jwieġbu għat-talbiet għal opinjonijiet esploratorji minn istituzzjonijiet oħra bħall-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Parlament kif ukoll mill-Presidenzi (1) ta' l-UE, fejn l-iktar waħda reċenti kienet it-tweġiba għar-rapport ta' progress tal-Kummissjoni dwar ir-Reviżjoni tas-Suq Uniku (2). B'żieda ma' dan, matul is-snin il-KESE ħareġ għadd ta' opinjonijiet “fuq inizjattiva proprja”.

1.2

Din l-inizjattiva proprja hija f'waqtha billi fil-laqgħa tiegħu tat-18 u d-19 ta' Ottubru 2007, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jaħtar lill-UE bħala dik li żżomm ir-ritmu fil-livell internazzjonali fl-affarijiet regolatorji u fil-ftuħ tas-suq. L-UE tista' tfassal il-globalizzazzjoni jekk torbot il-mudell tagħha għall-iżvilupp mat-tkabbir sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u t-tħassib dwar l-ambjent. L-istrateġija ta' Lisbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi hija tweġiba aħjar għall-globalizzazzjoni mill-pass lura tal-protezzjoniżmu.

1.3

Min iħaddem u t-trade unions jaqblu li l-“flessigurtà” (3), meta tkun negozjata mill-imsieħba soċjali, tista' toħloq sitwazzjoni pożittiva għall-kumpaniji u l-ħaddiema. Għaldaqstant din tipprovdi l-qafas it-tajjeb għall-modernizzar tas-swieq tax-xogħol Ewropej, tilqa' l-liġi tax-xogħol, is-sistemi effettivi għat-tagħlim tul il-ħajja u l-ħarsien soċjali miżmum u mtejjeb. B'żieda ma' dan, djalogu soċjali effettiv (speċjalment bin-negozjar kollettiv) ser jikkontribwixxi lejn it-tħaddim mingħajr problemi tas-swieq tax-xogħol.

1.4

Il-KESE huwa konxju tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “L-interess Ewropew: Suċċess fl-epoka tal-globalizzazzjoni” (4) li tressqet lill-Kunsill Ewropew informali ta' Lisbona.

1.5

Is-suċċess tas-Suq Intern f'daqstant attivitajiet interni ta' l-UE ttieħed bħala fatt mill-maġġoranza taċ-ċittadini ta' l-UE. Is-Suq Uniku m'huwiex “fait accompli” iżda l-Kummissarju McCreevy jiddeskrivieh bħala “ħidma li għadha għaddejja” (5). Apparti mill-ħtieġa li jiġi komplut is-Suq Uniku, l-UE issa hija meħtieġa li tiffaċċja l-isfida tal-globalizzazzjoni u tħeġġeġ il-prinċipji tas-suq miftuħ li fuqhom issejset l-Unjoni, dinja fejn m'hemmx post għall-protezzjoniżmu u l-kompetizzjoni tkun ġenwina.

1.6

Parti mill-missjoni globali ta' l-UE hija li ġġib fis-seħħ standards armonizzati bil-moviment ħieles tal-kapital, il-prodotti, is-servizzi u l-persuni. Dan ifisser li pajjiżi terzi li jixtiequ jagħmlu l-kummerċ ma' l-UE m'humiex ser jitħallew jevitaw ir-regoli applikati fis-Suq Intern kemm dawk li jikkonċernaw il-ħarsien tal-konsumatur, l-istandards tekniċi, il-kondizzjonijiet tax-xogħol kif ukoll ir-rispett għall-ambjent.

1.7

Parti importanti ta' l-isfida tal-globalizzazzjoni hija r-rwol ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u s-swieq finanzjarji dinjija dejjem iktar interdependenti — interdipendenza li ġiet enfasizzata bil-kriżi fis-swieq ta' l-ishma u swieq finanzjarju oħra matul it-tieni nofs ta' l-2007.

1.8

Is-Suq Uniku Ewropew, fih innifsu, m'huwiex biżżejjed. L-UE għandha tagħmel il-kummerċ u tiżviluppa r-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja. Għandha bżonn ukoll tibqa' kompetittiva bi benefiċċji għall-ħaddiema, min iħaddem u ċ-ċittadini kollha. L-istrateġija ta' Lisbona ġiet żviluppata sabiex tikseb dan u sabiex l-UE tkun tista' ssir ekonomija iktar kompetittiva fix-xena internazzjonali. L-UE trid tassigura t-tneħħija ta' l-ostakoli interni li għad fadal.

1.9

L-għan ta' din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja huwa li l-UE titħeġġeġ tiffaċċja l-globalizzazzjoni u tisfrutta l-opportunitajiet li din iġġib magħha. Is-suċċess ekonomiku ta' l-Ewropa ma ġiex imsejjes fuq il-protezzjoniżmu iżda fuq l-erba' libertajiet li fuqhom issejset il-Komunità Ekonomika Ewropea oriġinali. (L-UE għad trid tneħħi xi wħud mir-restrizzjonijiet tagħha nnifisha għall-kummerċ.)

1.10

L-Unjoni għandha toqgħod attenta li ma taqax fin-nassa Amerikana tas-sussidjar tal-produzzjoni tal-bijokarburanti. Sakemm ma jkunux ikkontrollati mid-WTO, dawn is-sussidji ħalja inevitabbilment ser iwasslu għal prezzijiet ta' l-ikel jogħlew u l-problema tal-ġuħ fil-partijiet tad-dinja li għadhom qed jiżviluppaw jew li huma sotto-żviluppati (6).

1.11

Il-KESE josserva u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex jagħtu kas ir-rakkomandazzjonijiet ta' l-imsieħba soċjali u r-reviżjoni u l-analiżi konġunti ta' l-isfidi ewlenin li qegħdin jiffaċċjaw is-swieq tax-xogħol Ewropej (7).

1.12

Il-KESE jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill Informali ta' Lisbona (8). B'mod partikulari huwa jappoġġja l-erba' strateġiji li nftehmu kemm għall-Unjoni kif ukoll għall-Istati Membri: ir-Riċerka u l-Iżvilupp u l-innovazzjoni: l-ambjent kummerċjali adattat, l-investiment fin-nies, u l-enerġija u l-bidla fil-klima. Madankollu, fl-erba' oqsma, hemm bżonn li l-aġenda tar-riforma ssir iktar profonda sabiex jintlaħaq il-potenzjal reali għat-tkabbir u l-impjieg.

1.13

Il-KESE jsejjaħ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jassiguraw li l-imsieħba soċjali jkunu involuti strettament fid-disinn u l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' politika tal-flessigurtà fil-livell nazzjonali.

1.14

Il-kumpaniji u l-ħaddiema ta' l-UE ma jistgħux jiġu żvantaġġati ma' dawk li qegħdin jikkompetu magħhom minn pajjiżi terzi sempliċement minħabba li l-UE tixtieq tieħu rwol mexxej fil-prattiki ambjentali avvanzati.

1.15

Is-soluzzjoni hija li għandha tissemma vuċi waħda ta' l-UE b'mod insistenti u konsistenti fin-negozjati internazzjonali dwar it-tisħin globali; u li ssir pressjoni fuq il-pajjiżi li ma jikkonformawx.

2.   Suċċess fl-epoka tal-globalizzazzjoni — il-punti ewlenin

2.1

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lil-laqgħa tal-Kapijiet ta' Stat u Gvern ta' Ottubru ssegwi l-laqgħa informali f'Hampton Court ta' Ottubru 2005 fejn ġiet indirizzata l-isfida li ġabet magħha l-globalizzazzjoni f'oqsma bħall-innovazzjoni, l-enerġija, il-migrazzjoni, l-edukazzjoni u d-demografija. Fl-2007 intlaħaq ftehim li għandu jqiegħed lill-Ewropa fuq quddiemnett fl-isforzi globali sabiex tiġi indirizzata l-bidla fil-klima u titniehed politika Ewropea għall-enerġija sikura, sostenibbli u kompetittiva — effettivament sabiex l-Ewropa titqiegħed fis-sebh tat-tielet revoluzzjoni industrijali.

2.2

It-tagħrif tal-pubbliku dwar il-globalizzazzjoni u l-benefiċċji, kif ukoll il-problemi li ġġib magħha, żdied. Milqugħa minn xi wħud filwaqt li tbeżża' lil xi oħrajn, din sfidat lil ċerti ipotesijiet ta' wara l-gwerra dwar l-ekonomija dinjija (per eżempju d-dominanza ta' l-Istati Uniti) u kif il-gvernijiet jistgħu jgħinu liċ-ċittadini tagħhom jaċċettaw il-bidla. Minbarra li hija sfida għall-UE, “il-globalizzazzjoni” hija wkoll opportunità.

2.3

50 sena ta' integrazzjoni Ewropea raw il-prospetti ekonomiċi ta' l-Istati Membri minsuġa bħal qatt qabel, u din ġabet magħha progress soċjali li qatt ma sar qabel. L-istadju li jmiss għandu jimmira li jwassal lill-UE sabiex tieħu r-riedni f'idejha fl-iżvilupp ta' l-ekonomija globali u ġġib fis-seħħ standards internazzjonali bbażati fuq il-valuri ta' l-UE.

2.4

L-unjoni monetarja u s-suċċess ta' l-euro kienu u ser ikomplu jkunu l-katalisti għal integrazzjoni tas-suq iktar profonda u t-tisħiħ mill-ġdid tas-suq intern. Ambjent ikkaratterizzat b'inflazzjoni baxxa, rati ta' l-interess baxxi, transazzjonijiet irħas u trasparenti u integrazzjoni finanzjarja iktar profonda jwasslu għall-kummerċ transkonfinali u l-investiment fl-UE, u jgħin lill-kumpaniji Ewropej jiffaċċjaw il-kompetizzjoni globali. Mil-lat estern, l-euro qed tipprovdi l-kenn kontra l-konfużjoni attwali fis-swieq finanzjarji u s-saħħa tagħha ttaffi xi wħud mill-effetti taż-żidiet fil-prezzijiet fis-swieq dinjija ta' l-ikel u l-enerġija mmexxija mid-domanda qawwija, speċjalment mis-setgħet li għadhom qed jinħolqu. Madankollu, is-saħħa ta' l-euro għandha tirrifletti l-prinċipji bażiċi ekonomiċi. L-apprezzamment rapidu ta' l-euro fis-swieq, appoġġjat minn rata ta' referenza tal-BĊE għolja wisq u marbuta mal-politiki monetarji li jkunu simili tad-devalwazzjonijiet kompetittivi f'partijiet oħra tad-dinja, ifisser theddida għall-prosperità ta' l-UE. Dan joħloq xkiel qawwi għall-intrapriżi Ewropej li jipproduċu fl-euro u jbiegħu fid-dollaru u dan iwassal għar-riskju tad-delokalizzazzjoni.

3.   Il-konsiderazzjoni esterna tas-Suq Uniku

3.1   Il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ

L-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ hija l-iktar mezz importanti għat-twettiq tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ internazzjonali. Jekk jikseb suċċess, iċ-ċiklu ta' Doha għandu l-potenzjal li jiftaħ is-swieq għall-esportazzjoni ta' l-UE f'iktar minn mitt pajjiż madwar id-dinja. Il-progress bil-mod tan-negozjati huwa diżappuntanti għall-aħħar. Apparti mill-ftehimiet tad-WTO, żdiedu wkoll il-ftehimiet tal-kummerċ bilaterali. Il-kumpaniji u l-ħaddiema għandhom bżonn urġenti għal aċċess għas-swieq bi tkabbir ta' rata għolja fil-pajjiżi msieħba prinċipali tal-kummerċ. L-istrateġija ta' l-UE hija li tinnegozja ftehimiet dwar il-kummerċ ħieles mal-Korea, l-ASEAN u l-Indja bħala pass pożittiv. Dawn il-ftehimiet għandhom ikunu kemm jista' jkun wiesgħin u ambizzjużi, li jkopru l-prodotti (inklużi l-ostakoli non-tarrifarji), is-servizzi, l-investiment, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-iffaċilitar tal-kummeċ, il-politika tal-kompetizzjoni, l-istandards ambjentali u ta' l-ILO. Ikun siewi wkoll li jitqies mudell SOLVIT f'dawn l-arranġamenti.

3.2

Apparti mill-ftehimiet sempliċi għall-kummerċ ħieles, il-KESE jista' jara mezzi innovattivi oħra għall-indirizzar ta' problemi li għadhom għaddejjin fil-livell prattiku f'kuntest bilaterali billi tingħata ħarsa lid-diskussjonijiet fil-Kunsill Transatlantiku Ekonomiku, li twaqqaf wara s-summit ta' l-Istati Uniti u l-UE tat-30 ta' April. L-ewwel laqgħa tal-Kunsill fid-9 ta' Novembru għamel progress inizjali tajjeb lejn l-indirizzar tal-problemi għall-kondizzjonijiet imtejba għall-kummerċ u l-investiment fl-ikbar pajjiż imsieħeb ekonomiku ta' l-UE. Il-kwistjonijiet li huma mhedda mhux neċessarjament jinteressaw lil gruppi oħrajn tal-kummerċ, u b'hekk huma daqshekk importanti dawn il-ftehimiet bilaterali. (Jingħed li minn April iż-żewġ naħat għamlu progress sostanzjali fit-tneħħija ta' barrieri għall-kummerċ u l-investiment u fit-tnaqqis ta' piżijiet regolatorji).

Il-kwistjonijiet u l-oqsma tal-ftehim għandhom x'jaqsmu ma':

Standards aċċettabbli tal-kontabilità fl-Istati Uniti — GAAP — fejn is-statements finanzjarji mħejjija skond l-Istandards Internazzjonali ta' Rapportaġġ Finanzjarju issa ġew aċċettati għall-kumpaniji ta' l-UE kkwotati fil-boroż ta' l-Istati Uniti.

It-titjib fis-sigurtà u l-iffaċilitar tal-kummerċ — pjan ta' direzzjoni sabiex jintlaħaq rikonoxximent reċiproku fl-2009 tal-programmi ta' sħubija fil-kummerċ bejn l-UE u l-Istati Uniti ser jintlaħaq permezz ta' stadji prinċipali bbażati fuq il-prestazzjoni.

It-tnaqqis tal-piżijiet għall-introduzzjoni ta' drogi ġodda għal mard rari bis-saħħa ta' ftehim dwar formola komuni għall-applikazzjoni għad-disinn ta' drogi orfni (orphan drug designations).

L-azzjoni fl-UE fuq proposta leġislattiva li tagħti aċċess għall-informazzjoni minn pazjenti dwar farmaċewtiċi legali.

Il-Kummissjoni pproponiet li l-UE ser tkompli tippermetti l-importazzjoni ta' prodotti li jkollhom kemm it-tikketta imperjali Amerikana kif ukoll il-kejl metriku sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż għall-kummerċ transatlantiku.

Sal-laqgħa li jmiss tal-Kunsill, l-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OSHA) ser tiddiskuti mal-kontrapartijiet tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-progress li sar sabiex jiġi ffaċilitat il-kummerċ tal-prodotti elettriċi fir-rigward tal-proċeduri għall-analiżi tal-konformità li għandhom x'jaqsmu ma' l-oqsma ta' sigurtà u sabiex jiġu identifikati l-oqsma fejn jista' jsir progress is-sena d-dieħla.

Il-Kummissjoni tal-Komunikazzjoni Federali (FCC) ta' l-Istati Uniti ser janalizza mill-ġdid il-prodotti soġġetti għat-testjar obbligatorju minn partijiet terzi sabiex jiġu aċċettati dikjarazzjonijiet ta' konformità tal-provvedituri għal prodotti li jkollhom rekord tajjeb ta' konformità ma' l-istandards rilevanti.

Hemm Djalogu Regolatorju tas-swieq finanzjarji li qed jikkunsidra kif u f'liema oqsma jista' jiġi stabbilit ir-rikonoxximent reċiproku fil-qasam tat-titoli ta' sigurtà u l-identifikazzjoni ta' approċċi oħrajn għall-iffaċilitar tal-kummerċ transkonfinali fis-servizzi finanzjarji. Il-ħidma għadha fil-bidu tagħha u s-summits bejn l-UE u l-Istati Uniti ser jaħdmu id f'id mal-partijiet interessati sabiex jiġu identifikati prijoritajiet oħrajn.

3.3

B'żieda ma' dan, l-Unjoni Ewropea għandha wkoll tapprofondixxi u ssaħħaħ il-kooperazzjoni ekonomika tagħha ma' pajjiżi ġirien bħall-Ukrajna u mar-Russja. L-Adeżjoni tar-Russja mad-WTO, iż-żona ekonomika komuni tar-Russja u l-UE u t-trattat qafas il-ġdid bejn ir-Russja u l-UE huma ġrajjiet important fit-triq lejn sħubija ekonomika ġenwinament strateġika. Din il-kooperazzjoni msaħħa għandha tħejji t-triq għal negozjati futuri dwar Żona Ekonomika Komuni li tippromovi l-moviment ħieles tal-prodotti u s-servizzi, il-kapital u l-persuni, l-għarfien u t-teknoloġija.

3.3.1

Billi l-kwistjonijiet ġenerali ta' sħubija ekonomika strateġika jistgħu jiġu indirizzati biss parzjalment mill-adeżjoni tad-WTO, l-UE u r-Russja, fejn huwa possibbli, għandhom jibnu r-relazzjonijiet ekonomiċi futuri tagħhom fuq strutturi tad-WTO sabiex tinħoloq żona ekonomika komuni għall-Ewropa kollha kemm hi. Għaldaqstant jinħtieġ impenn b'saħħtu mill-UE u r-Russja sabiex jiġu indirizzati medda ta' kwistjonijiet ħafna usa' u profondi minn dawk li jinsabu fil-ftehimiet tradizzjonali għall-kummerċ ħieles.

3.3.2

Il-ftehim bejn ir-Russja u l-UE għandu jinkludi, fost oħrajn, dispożizzjonijiet għat-trattament ta' l-investimenti transkonfinali, it-tneħħija ta' dazji, iż-żarmar ta' ostakoli non-tariffarji, il-konverġenza regolatorja, ir-rikonoxximent reċiproku ta' l-istandards u l-analiżi tal-konformità, l-iffaċilitar tal-kummerċ u d-dwana, il-kooperazzjoni fuq il-kompetizzjoni, il-liberalizzazzjoni tas-servizzi, l-akkwist pubbliku, ir-regolamenti sanitarji u fitosanitarji, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim u l-użu ta' standards internazzjonali għall-kontabilità. Eżempji tal-kwistjonijiet koperti minn ftehim daqshekk ġenerali jinsabu, per eżempju, fil-Ftehimiet għaż-Żona Ekonomika Ewropea.

3.4   Riċerka u żvilupp

It-tħaddim ta' suċċess tas-Suq Uniku huwa wkoll prerekwiżit għat-tisħiħ tal-kapaċità innovattiva ta' l-Ewropa. Suq ġenwinament Uniku l-iktar li jipprovdi lieva u ftuħ għal oġġetti, prodotti u servizzi innovattivi. Fil-livell Ewropew hemm bżonn ta' koordinazzjoni ta' l-isforzi għar-riċerka u l-iżvilupp bejn il-“clusters” ta' l-SMEs u l-kumpaniji l-kbar, l-Istituti ta' Riċerka, l-Universitajiet u l-Istitut Ewropew il-ġdid għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija. Dan ser jirrinfurza s-saħħa globali ta' l-industrija Ewropea fil-ksib ta' livelli ogħla ta' teknoloġija li huma inkorporati fil-prodotti tagħhom fl-għan komuni taż-żamma ta' l-investiment fl-UE milli jirriloka u sabiex l-industrija ssir iktar kompetittiva fil-prodotti u s-servizzi ta' valur miżjud ogħla fl-isfera globali.

3.5

Il-globalizzazzjoni ħaffet il-pass tal-bidla — għat-teknoloġija, għall-ideat, għall-mod li naħdmu bih u ngħixu ħajjitna. Il-KESE konsistentement appoġġja dawn l-għanijiet u jemmen li jekk l-Ewropa tista' tillibera l-potenzjal tagħha għall-innovazzjoni u l-kreattività din tista' tfassal id-direzzjoni tal-bidla fid-dinja b'enfasi ċara fuq il-valuri Ewropej u d-diversità kulturali.

3.6   Salvagwardji tal-Proprjetà Intellettwali

L-isforzi ta' l-Ewropa fil-qasam ta' l-innovazzjoni għandhom jiġu appoġġjati mill-kondizzjonijiet sabiex iħarsu l-proprjetà intellettwali li tirriżulta li teħtieġ investiment finanzjarju u uman sostanzjali. Fost inizjattivi oħrajn, ikun rakkomandabbli, u tassew imissu diġà sar, li l-UE jkollha protezzjoni unika u unitarja tal-Brevett Komunitarju (9). Suċċess f'dan il-qasam jissarraf f'vantaġġi tas-suq għall-prodotti ta' l-UE fis-suq globali.

Barraminhekk, il-garanzija ta' infurzar qawwi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-ġlieda effettiva kontra l-iffalsifikar huma kruċjali. Il-kompletar tal-qafas legali fil-livell ta' l-UE jibqa' kondizzjoni essenzjali. Hemm bżonn ukoll ta' kooperazzjoni internazzjonali sabiex tiġi indirizzata l-problema f'kuntest globali. Id-djalogi bilaterali dwar il-Proprjetà Intellettwali organizzati mill-Kummissjoni Ewropea fiċ-Ċina, ir-Russja u reġjuni oħrajn huma strumenti utli sabiex tiġi indirizzata l-problema iżda hemm bżonn li jipproduċu riżultati konkreti. Apparti minn hekk, il-Ftehim Kummerċjali propost għal Kontra l-Iffalsifikar huwa pass fid-direzzjoni t-tajba.

3.7   Kondizzjonijiet tax-xogħol

L-inqas ħaga li tista' tagħmel l-UE sabiex tgħin lill-industrija Ewropea tikkompeti b'mod ġust fil-qasam globali hija li tassigura li l-pajjiżi l-oħra jirrispettaw il-kondizzjonijiet minimi tax-xogħol stabbiliti mill-ILO u l-konvenzjonijiet internazzjonali li jikkonċernaw id-drittijiet individwali, id-dritt ta' assoċjazzjoni, id-dritt ta' l-organizzazzjoni u n-negozjar kollettiv, u l-ugwaljanza u t-tneħħija tax-xogħol sfurzat u dak li jsir minn tfal taħt l-età.

3.8   Is-sorveljanza fis-suq tal-prodotti importati

Rapporti reċenti ta' prodotti importati li ma jilħqux l-istandard u li huma ta' ħsara għas-saħħa enfasizzaw in-nuqqas ta' sorveljanza effettiva tas-suq fl-UE. Dan huwa aspett ieħor ta' kif il-kondizzjonijiet tal-kummerċ inġusti qegħdin jgħawġu iktar il-livelli ta' kompetittività tal-kumpaniji ta' l-UE. It-tisħiħ tas-sorveljanza tas-suq mill-Istati Membri għandu jassigura li l-istandards ta' kwalità li jistqarru l-produtturi barranin jiġu verifikati sabiex jinstab bilanċ ġust mal-produtturi ta' l-UE u sabiex jiġu mħarsa l-konsumaturi ta' l-UE kontra prodotti li ma jilħqux l-istandard u jkunu perikolużi.

3.9   Sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija — politika esterna komuni ta' l-enerġija

Permezz ta' żviluppi reċenti fil-qasam ta' l-enerġija nħoloq il-bżonn għall-pajjiżi ta' l-UE li jinġabru u joħorġu politika strateġika għall-enerġija appoġġjata minn fethimiet bilaterali bejn l-UE u pajjiżi oħrajn li għandhom bżonn jiġu negozjati sabiex l-industrija tkun tista' tippjana l-investimenti futuri fl-UE. Politika bħal din tgħin ukoll għall-ħarsien ta' l-istandard ta' l-għajxien tal-konsumaturi ta' l-UE. L-Istati Membri ta' l-UE ser ikollhom jiżviluppaw provvista ta' l-enerġija alternattiva bħall-enerġija rinnovvabbli jew nukleari (10) u jnaqqsu d-dipendenza tagħhom fuq ir-Russja u l-Lvant Nofsani għall-provvista tal-gass jew iż-żejt (11). Il-KESE jsejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tassigura li l-pakkett dwar l-Enerġija u l-Klima (12) li ħareġ dan l-aħħar jassigura l-previdibilità, jevita l-impatti ekonomiċi negattivi, partikularment fuq il-kompetittività ta' l-industriji ta' l-UE li jużaw ħafna enerġija, iħeġġeġ l-iżvilupp tas-swieq ewlenin Ewropej f'dan il-qasam u jtejjeb l-eko innovazzjoni.

3.10   Kwistjonijiet ambjentali

L-istrateġija li biha l-UE qed tavvanza ħafna iktar minn pajjiżi oħra fil-ksib ta' standards ambjentali ogħla ma tagħmilx sens ekonomiku għal tliet raġunijiet:

1.

It-tisħin globali ma jistax jinqaleb mill-UE waħedha u l-effett aħħari tal-miżuri ta' l-UE żgur li ser jiġi newtralizzat jekk il-pajjiżi l-oħra ma jeħdux passi sabiex jikkontrollaw l-użu ta' l-enerġija u l-emissjonijiet.

2.

L-UE għandha tevita li toħloq żbilanċ fil-kompetittività għall-produtturi ta' l-UE li ser ikollhom iżidu l-ispejjeż ta' ħidma tagħhom billi jħallsu taxxi ambjentali ogħla, u li b'hekk isiru inqas kompetittivi fil-livell globali. Barraminhekk, dan ikun qed iwitti t-triq għad-delokalizzazzjoni ta' l-investimenti li jafu jkunu ta' importanza strateġika għas-Suq Uniku ta' l-UE.

3.

Il-KESE m'huwiex konvint mill-argument li standards ambjentali ogħla jqanqlu domandi ġodda għal iktar riċerka fi prodotti li jħarsu l-ambjent. Żgur li jrid jgħaddi perijodu ta' żmien qabel ma prodotti bħal dawn ikunu riċerkati u jitqiegħdu fis-suq. Sadanittant il-produtturi l-oħra ta' l-UE li jipproduċu prodotti li jużaw ħafna enerġija jistgħu jitkeċċew mis-suq minħabba kompetizzjoni inġusta minn produtturi f'pajjiżi li m'humiex daqshekk ħerqana li jieħdu l-passi sabiex jikkontrollaw l-emissjonijiet tagħhom.

3.10.1

Jekk l-UE tiddeċiedi li tkompli għal rasha billi tgħolli ċerti standards ambjentali ogħla, għandha tikkunsidra timponi miżuri konfinali li jikkonformaw mad-WTO fuq prodotti li joriġinaw minn pajjiżi li huma magħrufa għall-ħsara li qed jagħmlu lill-ambjent, sabiex il-produtturi Ewropej ma joperawx bi żvantaġġ kompetittiv.

3.10.2

Sistema ta' kummerċ globali miftuħa hija fl-interess ta' l-UE. Darba kien żmien meta l-UE kellha tipproteġi ċ-ċittadini, l-interessi u l-valuri tagħha. Illum, il-protezzjoniżmu ma jistax ikun is-soluzzjoni. Bħala n-negozjant u l-investitur ewlieni fid-dinja, l-approċċ miftuħ tagħna iwassal għal spejjeż iktar baxxi għall-industrija, prezzijiet iktar baxxi għall-konsumaturi, stimulus kompetittiv għall-intrapriża u investiment ġdid. Fl-istess ħin, huwa importanti għall-UE li tuża l-influwenza tagħha fin-negozjati internazzjonali sabiex tfittex il-ftuħ minn oħrajn: il-każ politiku għall-approċċ miftuħ jista' jiġi sostnut biss jekk oħrajn jirreċiprokaw b'mod pożittiv.

3.10.3

Il-Kummissjoni għandha tassigura li pajjiżi terzi joffru livelli proporzjonali ta' ftuħ għall-esportaturi u l-investituri ta' l-UE u li jkollhom regoli fundamentali li ma jfixklux il-kapaċità tagħna fil-ħarsien ta' l-interessi tagħna u sabiex nissalvagwardjaw il-protezzjoni għolja tagħna tas-saħħa, is-sigurtà, is-soċjetà, l-ambjent u l-konsumatur.

4.   Iktar impjegabilità u investiment fin-nies: il-ħolqien ta' iktar impjiegi u impjiegi aħjar

4.1

Il-globalizzazzjoni u t-tibdil teknoloġiku jirriskjaw li jżidu l-inugwaljanza, u b'hekk iwessgħu d-diskrepanza bejn il-persuni kkwalifikati u dawk li m'humiex u bejn in-nazzjonijiet għonja u dawk foqra. L-aħjar soluzzjoni hija li ngħinu lil kull individwu u nazzjon sabiex jadattaw billi jtejbu l-kwalità u d-disponibilità ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ għall-etajiet kollha.

4.2

Il-KESE u l-imsieħba soċjali kkummentaw dwar kif “il-flessigurtà” għandha titfassal sabiex tgħin lin-nies jiġġestjonaw it-transizzjoni bejn impjieg u ieħor b'iktar suċċess fil-perijodi ta' bidla ekonomika mgħaġġla.

4.3

L-adozzjoni mill-Kunsill għall-Impjieg u l-Affarijiet Soċjali (13) tal-5 ta' Diċembru ta' sett ta' prinċipji komuni dwar il-flessigurtà ħejjiet it-triq għall-integrazzjoni tal-flessigurtà mill-Istati Membri fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma u l-implimentazzjoni sussegwenti b'kooperazzjoni stretta ma' l-imsieħba soċjali nazzjonali.

4.4

Il-KESE jixtieq li tingħata iktar attenzjoni lill-politiki attivi li jħeġġu l-inklużività u jipprovdu opportunitajiet ugwali għall-gruppi li jiffaċċjaw id-diskriminazzjoni fis-suq globali — persuni ta' età 'l fuq minn 50 sena, in-nisa, il-minoranzi etniċi u dawk li jħallu l-iskola bi ftit li xejn kwalifiki.

5.   Nuqqas ta' stabilità fis-suq finanzjarju globali

5.1

Bħalissa l-UE qed tesperjenza l-effetti ta' kriżi globali fis-swieq ta' l-ishma u swieq finanzjarji oħrajn. L-unjoni monetarja u r-reazzjoni pronta tal-BĊE għat-taqlib li ġabgħet magħa l-kriżi qdew rwol pożittiv. L-ewwelnett, billi daħħal ammonti kbar ta' likwidità fis-swieq finanzjarji, il-BĊE ikkontribwixxa sabiex tittaffa l-kriżi ta' kunfidenza fis-settur bankarju, u b'hekk tnaqqas ir-riskju tar-restrizzjoni tal-kondizzjonijiet ta' kreditu għall-kumpaniji u l-familji. It-tieninett, in-nuqqas ta' riskji tal-munita u l-primjum ta' riskju baxx għall-pajjiż ifissru li l-ekonomiji iktar fraġli ta' l-UE setgħu jiffaċċjaw il-konfużjoni fis-swieq finanzjarji relattivament mingħajr problemi.

5.2

It-taqlib fis-swieq globali finanzjarji u d-dgħjufija tad-dollaru Amerikan qed jaffetwaw lill-Ewropa, inkluż permezz ta' apprezzament sinifikanti ta' l-euro minħabba li l-BĊE jżomm ir-rata ta' referenza f'livell eċċessivament għoli u politiki monetarji oħrajn li huma essenzjalment simili għal devalwazzjonijiet kompetittivi f'partijiet oħra tad-dinja, li ser ikollhom konsegwenzi dannużi għall-ekonomija ta' l-UE u l-prospetti tagħha fil-perijodu medju.

5.3

Il-ġrajjiet reċenti fis-swieq finanzjarji dinjija juru l-bżonn ta' regoli prudenti msaħħa, ta' titjib fil-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet ta' monitoraġġ u l-banek ċentrali u ta' iktar trasparenza u rapportaġġ.

Brussell, it-12 ta' Marzu 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  ĠU C 24, 31.1.2006, rapporteur: is-Sur Retureau, b'talba mill-Presidenża Ingliża.

(2)  ĠU C 93, 27.4.2007, rapporteur: is-Sur Cassidy.

(3)  Rapporteur: is-Sur Janson, ĠU C 256, 27.10.2007.

Rapport Interim tal-Grupp Espert tal-Flessigurtà 20.4.2007: Il-flessigurtà hija strateġija ta' politika li ttejjeb, fl-istess ħin u b'mod deliberattiv, il-flessibbiltà tas-swieq tax-xogħol, l-organizzazzjonijiet tax-xogħol u r-relazzjonijiet tax-xogħol fuq naħa, u s-sigurtà — ta' l-impjieg u soċjali — fuq naħa oħra. Il-prinċipji ewlenin li jirfdu strateġija tal-flessigurtà huma li l-flessibbiltà u s-sigurtà m'għandhomx jitqiesu bħala opposti, iżda jistgħu jkunu ta' appoġġ reċiproku. It-tħeġġiġ ta' swieq tax-xogħol flessibbli u l-garanzija ta' livelli għoljin ta' sigurtà ser ikunu effettivi biss jekk il-ħaddiema jingħataw il-mezzi sabiex jadattaw għall-bidla, jieħdu impjieg, jibqgħu attivi fis-suq tax-xogħol u jagħmlu progress fil-ħajja tax-xogħol. Għaldaqstant, il-kunċett tal-flessigurtà jinkludi enfasi qawwija fuq il-politiki attivi fis-suq tax-xogħol, u l-motivazzjoni ta' tagħlim u taħriġ tul il-ħajja — iżda wkoll fuq sistemi ta' sigurtà soċjali b'saħħithom sabiex ikun hemm appoġġ għad-dħul finanzjarju u l-faċilità li n-nies ikunu jistgħu jikkombinaw ix-xogħol mal-kura. Dan għandu jikkontribwixxi wkoll għall-opportunitajiet ugwali u l-ugwaljanza bejn is-sessi. (Verżjoni mhux disponibbli bil-Malti)

(4)  COM(2007) 581 finali, 3.10.2007.

(5)  Ara l-pakkett dwar ir-Reviżjoni tas-Suq Uniku adottat mill-Kummissjoni f'Novembru 2007, COM(2007) 724 finali.

(6)  ĠU C 44, 16.2.2008, rapporteur: is-Sur Iozia

(7)  Imsieħba soċjali: ETUC/CES, CEEP, UEAPME u BUSINESSEUROPE Key challenges facing European labour markets: a joint analysis of European social partners, Ottubru 2007.

(8)  Ara Nota 4.

(9)  Għal aktar informazzjoni dwar x'qed isir mid-DĠ Intrapriża u Industrija fir-rigward ta' Keeping better guard on intellectual property, ara: http://ec.europa.eu/enterprise/library/ee_online/art34_en.htm

(10)  Ċerti pajjiżi ddikjaraw li huma kontra kull forma ta' enerġija nukleari u ma jippermettux il-kostruzzjoni ta' impjanti nukleari fuq it-territorju tagħhom. Madankollu, jimportaw ammonti kbar ta' elettriku nukleari, eż. l-Italja

(11)  L-Azzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Enerġija u l-Klima ħarġet fit-23 ta' Jannar 2008. Ara: http://ec.europa.eu/energy/climate_actions/index_en.htm.

(12)  ĠU C 318, 23.12.2006, rapporteur: is-Sinjura Sirkeinen

(13)  Stqarrija mill-Kunsill għall-Istampa 16139/07 http://register.consilium.europa.eu/pdf/mt/07/st16/st16139.mt07.pdf


APPENDIĊI

Għall-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dawn l-emendi, li rċevew iktar minn kwart tal-voti, ġew mixħuta flimkien u rifjutati matul id-dibattitu:

1.   Punt 2.4

Immodifika s-sentenza ta' qabel ta' l-aħħar:

“(….) L-apprezzamment rapidu ta' l-euro fis-swieq, appoġġjat minn rata ta' referenza tal-BĊE għolja wisq u marbuta mal-politiki monetarji li jkunu simili tad-devalwazzjonijiet kompetittivi f'partijiet oħra tad-dinja, ifisser theddida għall-prosperità ta' l-UE. ( ...).”

Raġuni

Kritika daqshekk qawwija u miftuħa tal-politika tal-BĊE, introdotta bħallikieku kienet sempliċement “kjarifika” ma tistax tiġi formulata mingħajr l-approvazzjoni minn qabel ta' opinjoni speċifika tal-KESE dwar dan is-suġġett partikulari. Il-kwistjoni tar-rati hija suġġett ta' dibattitu vivaċi u jeżistu fehmiet differenti li huma kollha rispettabbli. Madankollu, wieħed għandu jżomm f'moħħu li permezz tat-tibdil tar-rati l-BĊE qed jaqdi rwol li jagħtih it-Trattat, jiġifieri l-ħarsien kontra l-inflazzjoni.

2.   Punt 5.2

Immodifika:

“It-taqlib fis-swieq globali finanzjarji u d-dgħjufija tad-dollaru Amerikan qed jaffetwaw lill-Ewropa, inkluż permezz ta' apprezzament sinifikanti ta' l-euro minħabba li l-BĊE jżomm ir-rata ta' referenza f'livell eċċessivament għoli u politiki monetarji oħrajn li huma essenzjalment simili għal devalwazzjonijiet kompetittivi f'partijiet oħra tad-dinja, li ser ikollhom konsegwenzi dannużi għall-ekonomija ta' l-UE u l-prospetti tagħha fil-perijodu medju.”

Raġuni

L-istess raġuni bħal fil-punt 2.4, iżda hawnhekk terġa' iktar enfasizzata: l-ewwel intqal li l-apprezzament ta' l-euro kien iffavorit mill-politika tal-BĊE, filwaqt li l-punt 5.2 jistqarr li kien “minħabba” fih. Pożizzjoni daqshekk ħarxa min-naħa tal-KESE m'hijiex permissibbli, barra mill-fatt li m'hijiex korretta mil-lat proċedurali.

Riżultat tal-votazzjoni

Voti favur: 22 Voti kontra: 29 Astensjonijiet: 8


Top